EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0205

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta' Marzu 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE - Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE - Ftehim konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija, mar-Repubblika tal-Korea, ir-Repubblika ta’ Cape Verde, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Malażja, il-Federazzjoni tar-Russja u r-Repubblika tat-Turkija fil-qasam ta’ investimenti .
Kawża C-205/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:118

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

3 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE — Nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri opportuni sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet bejn il-ftehim bilaterali konklużi ma’ pajjiżi terzi qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea u t-Trattat KE — Ftehim konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija fil-qasam ta’ investimenti”

Fil-Kawża C-205/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta’ Mejju 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u B. Martenczuk, kif ukoll minn C. Tufvesson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer u G. Thallinger, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u. C. Blaschke, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn J. Fazekas u K. Szíjjártó, kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski u J. Heliskoski, bħala aġenti,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot (Relatur), Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Malenovský, U. Lõhmus, u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli tadotta l-miżuri xierqa sabiex telimina l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Repubblika tal-Awstrija kkonkludiet, qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea, ftehim bilaterali ta’ investiment mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina [ftehim li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 1986 (BGBl. 537/1986)], mal-Malasja [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 601/1986)], mal-Federazzjoni Russa [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 387/1991), inizjalment konkluż bejn dik li qabel kienet l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi u magħmul applikabbli bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Federazzjoni Russa permezz ta’ skambju ta’ ittri (BGBl. 257/1994)], mar-Repubblika tal-Korea [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 523/1991)], mar-Repubblika tat-Turkija [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 612/1991)] u mar-Repubblika tal-Kap Verde [ftehim li daħal fis-seħħ fl- (BGBl. 83/1993)].

3

Dawn il-ftehim fihom klawżola li tipprovdi li kull parti tiggarantixxi lill-investituri tal-parti l-oħra, it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, f’munita liberament konvertibbli, ta’ pagamenti konnessi ma’ investiment.

Il-proċedura prekontenzjuża

4

Billi qieset li dawn il-ftehim bilaterali jistgħu jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fis-12 ta’ Mejju 2004 lir-Repubblika tal-Awstrija.

5

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2004, dan l-Istat Membru bagħat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni. Minn naħa, huwa sostna li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-ftehim tal-investimenti inkwistjoni m’għandhom ebda effett negattiv fuq il-miżuri ta’ restrizzjoni fuq il-movimenti tal-kapital u fuq il-pagamenti previsti mit-Trattat KE u, min-naħa l-oħra, ma jippreġudikawx il-votazzjoni, mill-imsemmi Stat Membru, ta’ miżuri restrittivi, u għaldaqstant, ma jippreġudikawx il-poteri tal-Kunsill fil-każ fejn dan tal-aħħar ikollu l-ħsieb li jadotta tali miżuri.

6

Billi qieset li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija kienu insuffiċjenti u li dan l-Istat Membru kien naqas, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 307 KE, milli jadotta l-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment li jinsabu fid-diversi ftehim ta’ investimenti inkwistjoni, il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata fil-21 ta’ Marzu 2005.

7

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet l-imsemmija opinjoni motivata billi bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha. Hija baqgħet issostni l-argumenti invokati fl-osservazzjonijiet relatati mal-ittra ta’ intimazzjoni u rreferiet, ukoll, għall-possibbiltà, jekk il-Komunità Ewropea tixtieq tieħu miżuri, ta’ soluzzjoni kunsenswali skont il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti li jinsab fil-ftehim inkwistjoni. Hija tafferma wkoll li, fil-kuntest tar-reviżjoni li qedha ssir tal-mudell Awstrijak ta’ ftehim bilaterali fuq investimenti, kien maħsub li tiġi adottata klawżola tat-tip “organizzazzjonijiet internazzjonali reġjonali ekonomiċi” (OIRE), li tieħu inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet eventwali fuq il-moviment liberu tal-kapital li jistgħu jiġu deċiżi mill-Unjoni jew mill-Komunità u li fuqha, fil-futur, jiġu bbażati n-negozjati kollha tal-konvenzjonijiet internazzjonali.

8

Peress li kkunsidrat li dawn l-argumenti ma jippermettux li jiġu kkonfutati l-ilmenti fformulati fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

9

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet ippreżentat b’mod irregolari lment ġdid matul il-proċedura orali u li, minħabba dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu bbażati fuq fatti u argumenti li ma setgħux jiġu ttrattati bejn il-partijiet b’mod effettiv.

10

Fil-fatt, il-Kummissjoni, għall-ewwel darba u b’mod konċiż, sostniet li ż-żamma fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta’ investiment inkwistjoni kienet inkompatibbli mal-Artikolu 10 KE.

11

Issa, l-Avukat Ġenerali, fil-punti 33 sa 43 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tibbaża n-nuqqas allegat fuq l-Artikolu 10 KE kif ukoll fuq l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE.

12

Barra minn hekk, hekk kif innotaw diversi Stati Membri, il-Kummissjoni kienet ippreċiżat linja ta’ raġunament li żviluppat tard ħafna u mhux b’mod ċar.

13

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li mhijiex edotta biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx ġie ttrattat bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25, u tal-, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 23; digriet tal-, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 18).

14

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu bħala dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li dawn ikunu bbażati fuqha, mhuwiex indispensabbli li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, kull darba li l-Avukat Ġenerali jqajjem punt ta’ dritt li ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu bejn il-partijiet.

15

F’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija edotta biżżejjed sabiex tagħti deċiżjoni, u peress li l-kawża ma teħtieġx li tiġi riżolta abbażi ta’ argumenti li ma kinux ġew ittrattati bejn il-partijiet, b’mod partikolari waqt is-seduta, m’hemmx lok li tilqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq l-inkompatibbiltà tal-ftehim ta’ investiment mat-Trattat

L-argumenti tal-partijiet

16

Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas, fil-ftehim inkwistjoni, ta’ dispożizzjoni li tirriżerva espressament il-possibbiltà għar-Repubblika tal-Awstrija li tapplika l-miżuri li jistgħu, fejn meħtieġ, jiġu deċiżi mill-Kunsill abbażi tal-Artikoli 57 KE, 59 KE u 60 KE, jista’ jrendi iktar diffiċli, anki impossibbli, l-osservanza minn dan l-Istat Membru tal-obbligu Komunitarji tiegħu u li, peress li ma adottax il-miżuri opportuni sabiex ineħħi tali inkompatibbiltà, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

17

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-każ ta’ adozzjoni mill-Kunsill ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital u fuq il-pagamenti, il-perijodu ta’ żmien neċessarju għat-terminazzjoni jew għan-negozjar mill-ġdid tal-ftehim inkwistjoni għandu l-konsegwenza li jobbliga, skont id-dritt internazzjonali, lir-Repubblika Awstrijaka li tkompli tapplika, matul l-intervall, il-ftehim inkwistjoni, inkluża l-klawżola ta’ trasferiment tagħhom, hekk kif wara kollox jipprovdi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Dan iwassal għal nuqqas ta’ applikazzjoni uniformi fil-Komunità Ewropea tal-miżuri adottati mill-Kunsill.

18

Ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li, fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital u fuq il-pagamenti deċiżi mill-Kunsill, hija libera li tirregola ċ-ċirkulazzjoni tal-kapital mal-pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 56 KE. Hija ssostni li, peress li ebda restrizzjoni ma ġiet deċiża mill-Kunsill, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-konvenzjonijiet inkwistjoni ma’ dispożizzjoni tat-Trattat li ma hija s-suġġett ta’ ebda applikazzjoni ma titqajjimx.

19

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja jaqblu mal-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija, u jqisu li l-ftehim ta’ investiment inkwistjoni mhumiex inkompatibbli mal-miżuri Komunitarji eżistenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, peress li dawn tal-aħħar m’għandhomx effett fuqhom. Skont dawn l-Istati Membri, in-nuqqas invokat mill-Kummissjoni huwa ta’ natura purament ipotetika.

20

L-imsemmija Stati Membri jsostnu li l-proċedura għal nuqqas prevista fl-Artikolu 226 KE għandha bħala għan mhux li tikkontrolla s-sitwazzjonijiet li fihom in-nuqqas allegat għandu karattru ipotetiku, iżda li tirrimedja n-nuqqasijiet effettivament imwettqa mill-Istati Membri.

21

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Ungerija jinnotaw li inkompatibbiltà futura u eventwali, mad-dritt Komunitarju sekondarju, ta’ konvenzjoni konkluża ma’ pajjiż terz, ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 307 KE, u tista’ tiġi eventwalment ikkonstatata biss jekk il-Kunsill jagħmel effettivament użu mill-kompetenza tiegħu fil-qasam ikkonċernat minn dan l-artikolu.

22

Ir-Repubblika tal-Finlandja tippreċiża li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza tan-nuqqas allegat, u ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tibbaża ruħha fuq suppożizzjonijiet.

23

Ir-Repubblika tal-Litwanja żżid li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu bħala għan mhux li tiġi żgurata l-konformità formali tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Istati Membri mad-dritt Komunitarju, iżda li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari meta l-Istati Membri jkunu kkonkludew ma’ Stati terzi, qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, konvenzjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw l-istess oqsma.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Id-diversi ftehim ta’ investiment inkwistjoni, konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija, fihom dispożizzjonijiet ekwivalenti li jiżguraw it-trasferiment liberu, mingħajr dewmien żejjed, tal-pagamenti konnessi ma’ investiment f’munita liberament konvertibbli.

25

B’hekk huma ggarantiti, b’mod partikolari, it-trasferiment liberu tal-fondi sabiex jinħoloq, jiġi ġestit jew estiż investiment, il-libertà li jintbagħat lura d-dħul miksub mill-investiment, kif ukoll il-libertà li jiġu ttrasferiti l-fondi neċessarji għar-rimbors tad-dejn u l-fondi li jirriżultaw mill-likwidazzjoni jew mit-terminazzjoni tal-imsemmi investiment.

26

F’dan is-sens, dawn il-ftehim huma konformi mat-termini tal-Artikolu 56(1) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi [għandha] tkun projbita”, u ma’ dawk tal-Artikolu 56(2) KE, li jipprovdi li “[…] kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita”, u huma konformi mal-għan segwit minn dan l-artikolu.

27

Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija minn dan ir-rikors tal-Kummissjoni jagħtu lill-Kunsill il-poter li jirristrinġi, f’ċerti ċirkustanzi, il-moviment tal-kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, li fosthom jinsabu l-movimenti koperti mill-klawżoli inkwistjoni.

28

Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jinsabu fl-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jintroduċu, sabiex jiġi protett l-interess ġenerali tal-Komunità u sabiex jippermettu lil din tal-aħħar li tissodisfa, fejn meħtieġ, l-obbligi internazzjonali tagħha u dawk tal-Istati Membri, eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u tal-pagamenti bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejnhom u pajjiżi terzi.

29

L-Artikolu 57(2) KE jippermetti lill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, li jadotta ċerti miżuri dwar il-moviment ta’ kapital lejn u minn pajjiżi terzi li jinvolvu, b’mod partikolari, investiment dirett. Meta dawn il-miżuri jkunu jikkostitwixxu “pass lura” fil-liġi Komunitarja f’dak li jirrigwarda l-liberalizzazzjoni tal-moviment ta’ kapital lejn jew minn pajjiżi terzi, tkun meħtieġa l-unanimità.

30

L-Artikolu 59 KE jawtorizza lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Bank Ċentrali Ewropew, li jadotta miżuri ta’ salvagwardja meta l-movimenti ta’ kapital lejn jew minn pajjiż terz “joħolqu, jew jheddu li joħolqu diffikultajiet serji għat-tħaddim ta’ l-unjoni ekonomika u monetarja” bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u jdumu għal żmien ta’ “mhux aktar minn sitt xhur”.

31

L-Artikolu 60(1) KE jippermetti lill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, sabiex jimplementa pożizzjoni jew azzjoni komuni fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni, li jadotta l-“miżuri urġenti u neċessarji” dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti. Tali azzjoni tista’ tkun meħtieġa, pereżempju, sabiex tiġi implementata riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

32

Huwa paċifiku li l-ftehim inkwistjoni ma fihom ebda dispożizzjoni li tirriżerva dawn il-possibbiltajiet ta’ limitazzjoni, min-naħa tal-Komunità, ta’ movimenti ta’ fondi konnessi mal-investimenti. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Awstrija kinitx, għal din ir-raġuni, obbligata li tadotta l-mezzi opportuni li jirreferi għalihom it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

33

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjoni konkluża qabel id-data tal-adeżjoni ta’ Stat Membru bejnu u Stat terz ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax id-dmir tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni preċedenti u li josserva l-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1980, Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 8; tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-84/98, Ġabra p. I-5215, punt 53, kif ukoll tat-, Budějovický Budvar, C-216/01, Ġabra p. I-13617, punti 144 u 145).

34

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE jobbliga lill-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri opportuni biex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet ikkonstatati bejn konvenzjonijiet konklużi qabel l-adeżjoni tagħhom u d-dritt Komunitarju. Skont din id-dispożizzjoni, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw approċċ komuni.

35

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE jagħtu lill-Kunsill kompetenza sabiex jirristrinġi, f’ċerti każijiet speċifiċi, il-movimenti ta’ kapital u l-pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati terzi.

36

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa neċessarju li l-miżuri restrittivi għall-moviment liberu tal-kapital ikunu jistgħu jiġu, fil-każ li jkunu adottati mill-Kunsill, applikati immedjatament fir-rigward tal-Istati li jkunu jikkonċernaw, u li jistgħu jinkludu xi wħud mill-Istati li ffirmaw wieħed mill-ftehim inkwistjoni mar-Repubblika tal-Awstrija.

37

Għalhekk, dawn il-kompetenzi tal-Kunsill, li jikkonsistu f’li jiġu adottati b’mod unilaterali miżuri restrittivi fir-rigward tal-Istati terzi f’qasam li huwa identiku jew konness ma’ dak irregolat minn ftehim preċedenti konkluż bejn Stat Membru u Stat terz, iwasslu għal inkompatibbiltà mal-imsemmi ftehim meta, minn naħa, dan ma jkunx jipprevedi dispożizzjoni li tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat li jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala membru tal-Komunità u meta, min-naħa l-oħra, dan lanqas ma jkun permess minn xi mekkaniżmu tad-dritt internazzjonali.

38

Issa, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-Repubblika Awstrijaka, il-miżuri proposti minnha u li, skontha, jistgħu jippermettulha li tissodisfa l-obbligi Komunitarji tagħha, ma jidhrux li jiggarantixxu li dan isir.

39

Fl-ewwel lok, il-perijodi ta’ żmien meħtieġa għan-negozjati internazzjonali kollha li jkunu neċessarji sabiex jiġu diskussi mill-ġdid il-ftehim inkwistjoni huma min-natura tagħhom stess inkompatibbli mal-effettività ta’ dawn il-miżuri.

40

Fit-tieni lok, il-possibbiltà li jintużaw metodi oħra offruti mid-dritt internazzjonali, bħas-sospensjoni tal-ftehim, jew inkella t-terminazzjoni tal-ftehim inkwistjoni jew ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom, hija wisq inċerta fl-effetti tagħha sabiex tiżgura li l-miżuri adottati mill-Kunsill ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv.

41

Barra minn hekk, hekk kif ġie speċifikat ukoll waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha l-ħsieb li tintroduċi, fil-ftehim ta’ investiment li qegħdin jiġu nnegozjati, jew waqt it-tiġdid tal-ftehim eżistenti, klawżola li tirriżerva ċerti kompetenzi ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u li tippermetti, għaldaqstant, li jiġu applikati miżuri li jirrestrinġu l-moviment ta’ kapital u l-pagamenti li jiġu adottati mill-Kunsill.

42

Filwaqt li għandu jiġi ammess li tali klawżola għandha, bħala prinċipju, kif irrikonoxxiet ukoll il-Kummissjoni waqt is-seduta, tiġi kkunsidrata bħala ta’ natura li telimina l-inkompatibbiltà kkonstatata, huwa paċifiku li, fil-każijiet imsemmija mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma ħadet ebda pass, fit-terminu mogħti minn din tal-aħħar fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha, fir-rigward tal-Istati terzi kkonċernati, sabiex telimina r-riskju ta’ kunflitt mal-miżuri li l-Kunsill jista’ jadotta taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE li jista’ jinħoloq mill-applikazzjoni tal-ftehim ta’ investimenti li hija kkonkludiet ma’ dawn l-Istati terzi.

43

Għandu jingħad ukoll, hekk kif jirriżulta mis-sentenza mogħtija llum stess fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-249/06, Ġabra p. I-1335), li l-inkompatibbiltajiet mat-Trattat li jirriżultaw mill-ftehim ta’ investiment ma’ Stati terzi u li jipprekludu l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital u fuq pagamenti li jista’ jadotta l-Kunsill taħt l-Artikoli 57(2) KE, 59 KE u 60(1) KE, mhumiex limitati għall-Istat Membru li huwa l-konvenut f’din il-kawża.

44

Konsegwentement, għandu jingħad li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin biex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw approċċ komuni. Fil-kuntest tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 211 KE, li tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, din għandha tieħu kull pass li jista’ jiffaċilita l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll l-adozzjoni mill-imsemmija Stati Membri ta’ approċċ komuni.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi naqset milli tadotta l-miżuri xierqa sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

Fuq l-ispejjeż

46

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja, intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tadotta l-miżuri xierqa sabiex jitneħħew l-inkompatibbiltajiet relatati mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferiment ta’ kapital li jinsabu fil-ftehim ta’ investimenti konklużi mir-Repubblika tal-Awstrija mar-Repubblika tal-Korea, mar-Repubblika tal-Kap Verde, mar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, mal-Malasja, mal-Federazzjoni Russa u mar-Repubblika tat-Turkija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

 

2)

Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top