This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CC0337
Opinion of Mr Advocate General Ruiz-Jarabo Colomer delivered on 6 September 2007. # Bayerischer Rundfunk and Others v GEWA - Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH. # Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht Düsseldorf - Germany. # Directives 92/50/EEC and 2004/18/EC - Public service contracts - Public broadcasting bodies - Contracting authorities - Bodies governed by public law - Condition that the activity of the institution be ‘financed, for the most part, by the State’. # Case C-337/06.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Ruiz-Jarabo Colomer - 6 ta' Settembru 2007.
Bayerischer Rundfunk et. vs GEWA - Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi ta’ servizzi - Xandara pubbliċi - Awtoritajiet kontraeni - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku - Kundizzjoni li timponi li l-attività tal-korp tiġi ‘ffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat’.
Kawża C-337/06.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Ruiz-Jarabo Colomer - 6 ta' Settembru 2007.
Bayerischer Rundfunk et. vs GEWA - Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE - Kuntratti pubbliċi ta’ servizzi - Xandara pubbliċi - Awtoritajiet kontraeni - Korpi rregolati mid-dritt pubbliku - Kundizzjoni li timponi li l-attività tal-korp tiġi ‘ffinanzjata fil-parti l-kbira mill-Istat’.
Kawża C-337/06.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-11173
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:487
KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
RUIZ-JARABO COLOMER
ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2007 1(1)
Kawża C-337/06
Bayerischer Rundfunk
Deutschlandradio
Hessischer Rundfunk
Mitteldeutscher Rundfunk
Norddeutscher Rundfunk
Radio Bremen
Rundfunk Berlin-Brandenburg
Saarländischer Rundfunk
Südwestrundfunk
Westdeutscher Rundfunk
Zweites Deutsches Fernsehen
vs
GEWA - Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH
[talba għal deċiżjoni preliminari mressaq mill-Oberlandesgericht ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja)]
“Kuntratti pubbliċi – Awtorità kontraenti – Assenjazzjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ tindif minn assoċjazzjoni ta’ xandara ffinanzjati indirettament mill-Istat mingħajr proċedura formali ta’ għoti ta’ kuntratt fuq livell Ewropew”
I – Introduzzjoni
1. Jekk wieħed jiddefinixxi x-xandir bħala mezz ta’ informazzjoni, ikun qed jillimitah biss għall-aspett l-aktar karatteristiku tiegħu, filwaqt li jittraskura aspetti oħra aktar importanti, fid-dawl ta’ l-importanza soċjo-kulturali li kiseb maż-żmien. Fis-soċjetajiet oċċidentali, il-konġunzjoni ta’ dawn is-sistemi ta’ komunikazzjoni ma’ benesseri materjali dejjem akbar jidher li reġa’ qajjem mill-ġdid il-massima Rumana panem et circenses li l-poeta Latin Juvenal(2) kien juża’ kontra l-għażż kompjaċenti tal-poplu Ruman u n-nuqqas ta’ interess tiegħu għall-affarijiet politiċi.(3) Din l-aforiżma tista’ tiġi trasposta għal ġurnata ta’ llum, bid-differenza li nissostitwixxu l-ħobż mal-kumdità u l-logħob taċ-ċirku Ruman mat-televiżjoni.
2. Ebda persuna ma tista’ tikkontesta l-ġibda qawwija li għandhom l-immaġnijiet, hekk kif inhuma kapaċi jidħlu fl-aktar irkejjen moħbija tal-ħajja privata; għaldaqstant, biex nevitaw li tbassir bħal dak ta’ George Orwell fir-rumanz tiegħu 1984(4) ibiddel it-teknoloġija awdjoviżiva f’magna għas-servizz tal-propaganda, il-gvernijiet qed jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu prekawzjonijiet li jiggarantixxu ċertu grad ta’ oġġettività u indipendenza, għall-inqas fix-xandir pubbliku.
3. It-tliet domandi li l-Oberlandesgericht (il-Qorti tat-Tieni Istanza) ta’ Düsseldorf irreferiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma inklużi f’dan il-kuntest, jiġifieri dak tal-ġlieda għal servizz pubbliku ta’ xandir effiċjenti u konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Istat ta’ dritt, b’mod partikolari, permezz tan-newtralità tiegħu, rigward il-pluralità ta’ l-opinjonijiet politiċi. Fil-Ġermanja, minn dak li jinftiehem mid-digriet tar-rinviju, din il-garanzija titwettaq, fil-parti l-kbira, billi x-xandara pubbliċi jingħataw il-kompitu li jiġbru u jiġġestixxu l-fondi tagħhom, li jirriżultaw mill-obbligu li titħallas ċerta taxxa minħabba s-sempliċi fatt li wieħed ikollu radju jew televiżjoni.
4. Dan il-mudell ta’ finanzjament, li jirriżulta minn dmir mhux ikkontestat tas-servizz pubbliku, iqajjem il-kwistjoni jekk dawn l-entitajiet ta’ xandir għandhomx jiġu kkunsidrati bħala “awtoritajiet kontraenti” skond id-Direttivi Komunitarji fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, jew, jekk bil-kontra, huma ma jidħlux f’din il-kategorija u huma eżentati mit-twettiq tal-proċeduri tas-sejħa għal offerti.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
5. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju rreferiet kemm għall-Artikolu 9(1), fejn għandu x’jaqsam il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, kif ukoll l-Artikolu 16(b) fejn għandu x’jaqsam il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2004/18/KE,(5) li kkodifikat il-proċeduri ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi fuq il-livell Komunitarju. Hija tgħid ukoll li, ladarba jkun skada t-terminu li fih id-dritt nazzjonali għandu jikkonforma mad-Direttiva mingħajr ma tkun saret it-traspożizzjoni korrispondenti, il-ġurisprudenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Suprema Ġermaniża) iġġegħelha tinterpeta r-regoli nazzjonali fid-dawl ta’ kwalunkwe att leġiżattiv Komunitarju li ġie adottat reċentement, anki jekk ma japplikax għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti in kwistjoni.
6. Anki jekk naqblu mal-motivi ta’ l-Oberlandesgericht, irridu nżommu mal-verżjoni oriġinali ta’ l-Artikolu 1(a) u (b) tad-Direttiva 92/50/KE,(6) għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, għaliex huwa l-prinċipju bażiku li wassal lill-leġiżlatur Ġermaniż biex jadatta s-sistema legali Ġermaniża ma’ dik Komunitarja u b’konsegwenza, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirreferi għal dan l-Artikolu, u t-tieni nett, l-identità mar-regoli paralleli tat-test ikkonsolidat tad-Direttiva 2004/18 hija assolutament identika.
7. Biex ikun delimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 92/50, l-Artikolu 1(b) li jinsab taħt it-Titolu I li jittratta d-dispożizzjonijiet ġenerali, jiddefinixxi l-awtoritajiet kontraenti bħala:
“[…]
l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika [dritt pubbliku], assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika.”
Korp irregolat mid-dritt pubbliku jfisser kwalunkwe korp:
“− stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u,
– li jkollu personalità ġuridika u
– iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew soġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.”
8. Din id-dispożizzjoni tippreċiża li “[i]l-listi tal-korpi jew tal-kategoriji ta’ dawn il-korpi rregolati mil-liġi pubblika li jissodisfaw il-kriterja msemmija […] huma stabbiliti fl-Anness I għad-Direttiva 71/305/KEE (7). Dawn il-listi għandhom jkunu sħaħ kemm jista’ jkun u jistgħu jiġu riveduti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30b ta’ dik id-Direttiva; […]”
9. L-Artikolu 1(a) ta’ l-imsemmija Direttiva, jelenka l-operazzjonijiet ġuridiċi li ratione materiae huma inklużi fid-Direttiva, bl-esklużjoni espliċita ta’:
“[…]
iv) kuntratti għall-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ materjal ta’ programmi minn xandara u kuntratti għal ħin ta’ xandir;
[…]”
B – Id-dritt nazzjonali
1. Il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi
10. Il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt mill-awtoritajiet pubbliċi huma inklużi fil-liġi kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen;(8) iktar ’il quddiem: il-“GWB”); l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva, li jirrigwarda l-awtoritajiet kontraenti, ġie traspost fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-Artikolu 98(2) tal-GWB:
“Artikolu 98 − Awtorità kontraenti
Skond dan it-titolu, huma kkunsidrati bħala awtoritajiet kontraenti:
1. L-awtoritajiet reġjonali jew lokali u l-patrimonju separat tagħhom;
2. Persuni legali rregolati oħra mid-dritt pubbliku jew privat maħluqa bil-għan speċifiku li jissodisfaw bżonnijiet ta’ interess ġenerali li m’għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali, peress li l-korpi msemmija fil-punti 1 jew 3 jistgħu jiffinanzjawhom fil-parti l-kbira, permezz ta’ sehem jew b’mod ieħor, waħedhom jew kollettivament, kif ukoll jikkontrollawhom fit-tmexxija tagħhom, kif ukoll jaħtru aktar min-nofs il-membri ta’ wieħed mill-bordijiet tat-tmexxija jew ta’ sorveljanza tagħhom. Din id-dispożizzjoni tapplika anki jekk il-korp li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jagħti prinċipalment il-fondi jew ikun ħatar il-parti l-kbira tal-membri tal-korp ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, jissemma fil-paragrafu 1;
3. l-assoċjazzjonijiet li l-membri tagħhom li jinsabu fil-punti 1 u 2;
[…]”.
2. Il-leġiżlazzjoni dwar il-ħlas tal-liċenzji għax-xandir pubbliku
11. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-finanzjament tax-xandara rregolati mid-dritt pubbliku fil-Ġermanja huwa rregolat minn żewġ Trattati ta’ Stat li ġew konklużi bejn il-Bund u l-Länder. Il-ħlas tal-liċenzji għax-xandir huma essenzjalment irregolati fis-Staatsvertrag über die Regelung des Rundfunkgebührenwesens (Trattat ta’ l-Istat dwar ir-regolamentazzjoni tal-ħlas tal-liċenzji; iktar ’il quddiem: “it-Trattat”) tal-31 ta’ Awissu 1991, li ġie emendat fl-1996.
12. L-Artikolu 2 tat-Trattat jistabbilixxi dan li ġej:
“1) Il-ħlas tal-liċenzji għax-xandir huma kompost minn ħlas bażi u minn ħlas tat-televiżjoni. L-ammont tal-ħlas jiġi stabbilit mit-Trattat dwar il-finanzjament tax-xandir.
[…]”.
13. L-Artikolu 4 tat-Trattat jipprovdi:
“1) L-obbligu ta’ ħlas tal-liċenzji jibda fl-ewwel jum tax-xahar li fih jinżamm riċevitur tax-xandir.
2) [...]”.
14. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni jirregola t-tqassim tad-dħul miksub mill-ħlas tal-liċenzji:
“1) Id-dħul li jirriżulta mill-ħlas bażi huwa allokat lill-korp tax-xandir tal-Land u, skond l-ammont stabbilit mit-Trattat dwar il-finanzjament tax-xandir, lil Deutschlandradio kif ukoll lill-awtorità tal-medja tal-Land fejn jinsab ir-riċevitur miżmum bl-iskop li jirċievi trasmizzjoni.
2) Id-dħul li jirriżulta mill-ħlas tal-liċenzja tat-televiżjoni jmur għand il-korp tax-xandir tal-Land skond kif ġie stabbilit mit-Trattat ta’ l-Istat dwar il-finanzjamnet tax-xandir, lill-awtorità kompetenti għall-medja tal-Land li fit-territorju tagħha jinsab ir-riċvetur tat-televiżjoni miżmum bl-iskop li jirċievi trasmizzjoni, kif ukoll iż-Zweites Deutsches Fernsehen (it-tieni stazzjon pubbliku tat-televiżjoni; iktar ’il quddiem iż-“ZDF”). […]
[...]”.
15. Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li Trattat ta’ Stat ieħor, ir-Rundfunkfinanzierungsstaatsvertrag (it-Trattat dwar il-finanzjament tax-xandir,iktar ’il quddiem: it-“Trattat dwar il-finanzjament”) tas-26 ta’ Novembru 1996, jistabbilixxi b’mod konkret l-ammont tal-ħlasijiet, u jiffissa l-ammont bl-approvazzjoni tal-parlamenti tal-Länder.
16. L-evalwazzjoni u l-kalkolu tal-baġit tax-xandara ġie fdat, skond l-Artikoli 2-6 tal-Konvenzjoni dwar il-finanzjament, lill-Kommission zur Überprüfung und Ermittlung des Finanzbedarfs der Rundfunkanstalten (kummissjoni inkarigata sabiex jiddetermina l-bżonnijiet finanzjarji tax-xandra, iktar ’il quddiem: il-“KEF”), korp indipendenti li, mill-inqas kull sentejn, iressaq rapport li fuqu tkun ibbażata d-deċiżjoni dwar il-ħlas li tiġi adottata mill-Parlamenti u mill-gvernijiet tal-Länder (l-Artikolu 3(5) flimkien ma’ l-Artikolu 7(2) tat-Trattat dwar il-finanzjament).
17. Bir-regolament tat-18 ta’ Novembru 1993, rigward il-proċedura ta’ pagament tal-ħlas tal-liċenzji tal-Westdeutscher Rundfunk Köln, li ġiet approvata skond l-Artikolu 4(7) tat-Trattat bl-awtorizzazzjoni tal-Land, ix-xandara tal-Länder differenti jiġbru l-ħlas tal-liċenzji mingħand iċ-ċittadini tagħhom permezz tal-Gebühreneinzugszentrale der öffentlich-rechtlichen Rundfunkanstalten in der Bundesrepublik Deutschland (korp ċentrali inkarigat mill-irkupru tal-ħlas tal-korpi pubbliċi tax-xandir Ġermaniżi; iktar ’il quddiem: il-“GEZ”) fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi.
III – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari
18. Ir-rikorrenti quddiem l-Oberlandesgericht ta’ Dusseldorf huma x-xandara tal-Länder, membri tal-Arbeitsgemeinschaft der Rundfunkanstalten Deutschlands (grupp li jiġbor ix-xandara pubbliċi regionali Ġermaniżi: iktar ’il quddiem l-“ARD”) u l-korp pubbliku tat-televiżjoni ZDF, maħluqa permezz tat-Trattat tas-6 ta’ Ġunju 1961, kif ukoll id-Deutschlandradio (iktar ’il quddiem, ix-“xandara”).
19. Fl-2002, l-imsemmija korpi waqqfu l-GEZ bħala korp amministrattiv irregolat mid-dritt pubbliku, bl-obbligu li jiġbor u jiffattura l-ħlas li jikkorrispondi għal kull korp tax-xandir tal-Länder. Il-GEZ m’għandhiex personalità ġuridika u taħdem għan-nom ta’ u f’isem il-korpi rispettivi tax-xandir.
20. F’Awwissu 2005, wara stħarriġ tas-suq, il-GEZ stiednet bil-miktub lil ħdax-il impriża biex jitfgħu offerti vinkolanti għall-provvista ta’ servizzi ta’ tindif fil-bini tagħha, kif ukoll fil-kantin tal-Westdeutscher Rundfunk (wieħed mill-xandara li huma parti mill-ARD) f’Cologne, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2008, li jiġġedded impliċitament minn sena għal sena. L-ammont tal-kuntratt kien stmat li jlaħħaq għal aktar minn EUR 400,000. Ma seħħet ebda proċedura Komunitarja dwar l-għoti tal-kuntratti skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali u d-Direttiva rilevanti.
21. Il-kumpannija Gesellschaft für Gebäudereinigung und Wartung mbH (iktar ’il quddiem: il-“GEWA”), konvenuta quddiem l-Oberlandesgericht ta’ Dusseldorf, u l-intervjenent, is-Sur Warnecke, irrispondew għall-istedina tal-GEZ billi tefgħu l-offerti tagħhom. L-ewwel waħda kellha l-prezz l-aktar baxx. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2005, il-bord tad-diretturi tal-GEZ iddeċieda li jagħti bidu għal negozjati ma’ erba’ appaltaturi, li fosthom kien hemm ir-rikorrenti u l-intervjenent. Dan iddeċieda wkoll li jagħmel analiżi ekonomika fil-fond fuq l-offerta billi uża’ l-metodu Kepner-Tregoe, li jiffissa valuri partikolari għall-kriterji speċifiċi ta’ evalwazzjoni teknika, kummerċjali u tar-riskji. Skond din l-evalwazzjoni, l-offerta tal-konvenuta kienet tokkupa t-tielet post u dik ta’ l-intervjent l-ewwel post.
22. Il-GEZ ikkomunikat bit-telefon lil GEWA biex tinfurmaha li ma kinitx kisbet il-kuntratt. Il-GEWA, b’ilment li jġib id-data ta’ l-14 ta’ Novembru 2001, sostniet li l-GEZ, bħala awtorità kontraenti, kisret il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi peress li ma ppubblikatx sejħa għal offerti għal kuntratt tat-tindif fuq livell Komunitarju. Il-GEZ ċaħad l-ilment.
23. Għalhekk, il-GEWA ressqet rikors quddiem il-Vergabekammer (qorti kompetenti fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi) tal-Bezirksregierung (il-gvern distrettwali) ta’ Cologne, kontra l-GEZ. F’dan ir-rikors, hija talbet li l-GEZ jiġi ordnat jissoġġetta s-servizzi ta’ tindif għal proċedura formali ta’għoti ta’ kuntratt tar-raba’ kapitolu tal-GWB, u b’mod sussidjarju, li ssir evalwazzjoni ġdida ta’ l-offerti li diġà saru skond il-kunsiderazzjoni ġuridika tal-Vergabekammer.
24. Hija qed issostni li l-GEZ, peress li huwa korp tax-xandir, kien awtorità kontraenti skond l-Artikolu 98(2) tal-GWB, peress li dawn il-korpi jiffinanzjaw lilhom infushom permezz ta’ ħlas ta’ abbonament min-naħa taċ-ċittadini u li l-provvista bażi ta’ radju u ta’ televiżjoni, ta’ natura pubblika evidenti, hija rekwiżit ta’ interess ġenerali li m’għandu l-ebda valur industrijali jew kummerċjali..
25. Hija affermat ukoll li l-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 jeskludi biss il-kuntratti li għandhom bħala għan l-akkwist, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ programmi minn xandara u l-kuntratti ta’ akkwist tal-ħin ta’ xandir, li b’mod ċar huma differenti mis-suġġett tal-provvista in kwistjoni fil-kawża prinċipali.
26. B’deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2006, l-imsemmija Vergabekammer laqgħet ir-rikors tal-GEWA u imponiet fuq il-GEZ u x-xandara, jekk kienu ser ikomplu bl-offerta tagħhom, li jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, kif ukoll li jippubblikaw sejħa għal offerti fuq livell Ewropew.
27. Ix-xandara tal-Länder ikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qrati amministrattivi, billi talbu l-annullament tagħha għar-raġuni li r-rikors imressaq mir-rikorrenti kontra GEZ huwa inammissibbli u, f’kull każ, infondat. Fil-fehma tagħhom, inkwantu xandara irregolati mid-dritt pubbliku, huma mhumiex awtoritajiet kontraenti skond l-Artikolu 98(2) tal-GWB peress li s-servizz pubbliku tax-xandir huwa ffinanzjat fil-parti l-kbira tiegħu mill-ħlas magħmul mill-utenti.
28. Dawn isostnu wkoll li mhemmx kontroll min-naħa ta’ l-Istat, skond l-Artikolu 98(2) tal-GWB, peress li kontroll legali sussidjarju u limitat huwa applikat. Barra minn hekk, il-membri tal-bord tad-diretturi tax-xandara jirrappreżentaw gruppi soċjali differenti. In-nuqqas ta’ maġġoranza fi ħdan korpi ta’ tmexxija jneħħi kull influwenza ta’ l-Istat fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
29. Min-naħa tagħha, il-GEWA qed tiddefendi d-deċiżjoni tal-Vergabekammer.
30. Billi tqis li s-soluzzjoni tal-kwistjoni tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva [92/50], il-Vergabesenat ta’ l-Oberlandesgericht (awla tal-Qorti ta’ Appell ta’ Düsseldorf li għandha kompetenza dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tressaq id-domandi li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikolu 234(1) KE :
“1) Il-kundizzjoni dwar il-‘finanzjament mill-Istat’ magħmula mill-Artikolu 1 [l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ (b) tad-Direttiva 92/50] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-finanzjament indirett ta’ korpi permezz ta’ taxxa obbligatorja fuq persuni li jżommu riċevituri tax-xandir jikkostitwixxi finanzjament skond din il-kundizzjoni fid-dawl ta’ l-obbligu kostituzzjonali ta’ l-Istat li jiggarantixxi l-indipendenza tal-finanzjament u l-eżistenza ta’ dawn il-korpi ?
2) Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 1 [l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ (b)] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar il-‘finanzjament mill-Istat’ teżiġi l-interferenza diretta ta’ l-Istat matul l-għoti ta’ kuntratti ta’ korp li dan jiffinanzja?
3) Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 1 [l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ (b)] għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ l-Artikolu [1(a)(iv)] fis-sens li s-servizzi msemmija fl-Artikolu [1(a)(iv)] biss huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u li s-servizzi l-oħra, li ma jaqgħux speċifikakament taħt din is-sistema, iżda li għandhom karattru sussidjarju u konness, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (interpretazzjoni a contrario)?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
31. It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awissu 2006.
32. Il-GEWA, ix-xandara, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Awstrijak, kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (iktar ’il quddiem: l-“EFTA”) u l-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub.
33. L-avukati tax-xandara u tal-GEWA, kif ukoll l-aġenti tal-Gvern Ġermaniż, ta’ l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA u tal-Kummissjoni Ewropea kienu preżenti matul is-seduta li seħħet fl-14 ta’ Ġunju 2007 sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.
V – L-analiżi tad-domandi preliminari
A – Delimitazzjonijiet preliminari
34. Minkejja li l-qorti tar-rinviju fformulat tliet domandi, huwa xieraq li l-ewwel tnejn jiġu kkunsidrati b’mod konġunt(9), peress li t-tnejn għandhom x’jaqsmu mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ma’ l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50.(10)
35. Ix-xandara Ġermaniżi jsostnu li huma mhumiex iffinanzjati minn fondi pubbliċi u jinvokaw allegata analoġija bejn il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li hija s-suġġett tal-kawża u l-Artikoli 87 u 88 KE, dwar l-għajnuna mill-Istat, li jeżiġu li l-finanzjament jingħata “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”.
36. Madankollu, kif ġustament qed issostni l-Kummissjoni, ma nemminx li n-natura differenti taż-żewġ sistemi u lanqas l-għan li huma jsegwu ma jawtorizzaw xebh daqstant qawwi, peress li, f’dak li jirrigwarda l-għajuna mill-Istat, it-Trattat KE huwa intiż sabiex jevita kull distorsjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni fuq suq li hija kkawżata mill-użu ta’ finanzi pubbliċi, fil-qasam tas-sejħiet għal offerti, peress li hija l-kwistjoni tal-kwalifika ta’ entità bħala “awtorità kompetenti” li hija eżaminata sabiex jiġi ddeterminat jekk din hijiex soġġetta għal proċeduri ta’ sejħiet għal offerti.
37. Għalhekk, jista’ jiġi osservat in-nuqqas ta’ “konnessjoni” bejn dawn iż-żewġ oqsma legali, u x-xebh analogu tagħhom b’hekk mhuwiex rilevanti.
38. Fl-aħħar nett, għalkemm it-tielet domanda mhijex rilevanti għall-klassfikazzjoni tax-xandara Ġermaniżi bħala awtoritajiet kontraenti, bħal ma jinvokaw huma stess fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-analiżi tagħha tippreżenta ċerta utilità jekk l-ewwel domanda hija risposta fil-pożittiv u t-tieni domanda hija risposta fin-negattiv, peress illi, meta talbet l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50, l-Oberlandesgericht xtaqet tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva, u dan huwa kemm loġiku kif ukoll evidenti.
B – Dwar l-ewwel u t-tieni domandi preliminari
39. Il-kawża tirrigwarda s-sistema Ġermaniża dwar il-finanzjament tax-xandara. B’hekk għandhom jiġu studjati l-karatteristiċi essenzjali tas-sistema sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-riżorsi ta’ dawn il-korpi humiex “statali” skond id-Direttiva 92/50 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
1. L-obbligu tal-ħlas irregolat mir-regoli tad-dritt pubbliku
40. Ix-xandara isostnu li l-pagament tal-ħlas tal-liċenzji mingħand l-utent jiġi ddeterminat b’mod liberu mingħand l-utent, li jista’ jevita l-ħlas ta’ l-abbonament, billi ma jkollux riċevitur. Il-Gvern Ġermaniż għandu l-istess opinjoni u jikkunsidra li jeżisti obbligu dirett bejn il-korpi u il-konsumatur, li m’għandux x’jaqsam mal-baġit ta’ l-Istat, peress li l-GEZ jiġbor il-ħlas tal-liċenzji, iżda ma jgħaddix il-fondi miġbura lill-Istat. B’konsegwenza, ix-xandara kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jiċħdu kull finanzjament “mill-Istat” fil-każ in eżami.
41. Madankollu, l-alternattivi li jissemmew fit-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 inħolqu bħala preżuppożizzjoni li hija soġġetta għal finanzjament li fil-parti l-kbira huwa ġej mill-pubbliku. Ladarba din il-premessa hija kkonstatata, id-dipendenza hija preżupponsta u b’hekk mhuwiex aktar neċessarju li jiġu meħtieġa kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni oħra bħal, per eżempju, il-fatt li l-finanzjament iwassal għal influwenza ta’ l-Istat fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-eżami ta’ din il-kundizzjoni tagħmel parti mit-tieni alternattiva, dwar il-kontroll, peress li tippermetti li tiġi evalwata s-saħħa tagħha (11).
42. Barra minn hekk, din il-konsiderazzjoni hija kkorraborata mid-distinzjoni li saret fis-sentenza University of Cambridge bejn l-ammonti mħallsa bi jew mingħajr korrispettiv,(12) peress li din kellha l-uniku għan li sservi kriterju lill-qorti tar-rinviju sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni ta’ preżunzjoni, jiġifieri il-finanzjament li fil-parti l-kbira kien pubbliku, kinitx issodisfata.
43. Il-karatteristika mhux rilevanti tat-tieni domanda, hekk kif ġiet ifformulata mill-Oberlandesgericht u l-opportunità li tiġi eżaminata flimkien ma’ l-ewwel domanda jirriżultaw miż-żewġ punti preċedenti.
44. Jekk nerġgħu lura għall-mertu tal-kawża, mhuwiex ikkontestat, fil-kuntest tal-kawża, li l-ħlas tal-liċenzji ġie stabbilit abbażi ta’ ftehim irregolat mid-dritt pubbliku (“Staatsverträge”), it-Trattat ta’ l-Istat dwar il-ħlas u t-Trattat ta’ l-Istat dwar il-finanzjament (13).
45. Lanqas mhemm dubju li “Staatsvertrag” huwa att irregolat mid-dritt pubbliku tad-dritt Ġermaniż (14).
46. Konsegwentement, ir-relazzjoni legali li torbot min ikollu televiżjoni jew radju max-xandara taqa’ taħt id-dritt pubbliku, u tieħu bejn wieħed u ieħor il-forma ta’ taxxa, minħabba li l-obbligu ta’ ħlas jirriżulta mis-sempliċi pussess ta’ riċevitur ta’ frekwenzi tar-radju u tat-televiżjoni, peress li jikkostitwixxi veru “fatt li jiġġenera t-taxxa” li hija karatteristika ta’ kull tassazzjoni, li fil-kuntest tagħha it-telespettatur jinbidel f’suġġett passiv. Barra minn hekk, l-isem mogħti lil din it-taxxa fid-dritt nazzjonali mhuwiex importanti.(15)
47. B’dan il-mod, bħal kif il-funzjonament kif ukoll l-eżistenza tal-xandara huma marbuta ma’ l-azzjoni tal-leġiżlatur, dan jikkostitwixxi sinjal eżemplari tas-sottomissjoni quddiem l-Istat, u dan huwa għalfejn ir-referenza għall-finanzjament fil-parti l-kbira mill-Istat bħala l-ewwel alternattiva fid-dispożizzjonijiet analizzati ma tikkostitwixxix koinċidenza, iżda tirrispondi għal-loġika skond liema s-sobordinazzjoni ekonomika tirrappreżenta għal kollox “dipendenza stretta ta’ korp fir-rigward ta’ l-Istat”, hekk kif semmiet il-Qorti tal-Ġustizzja (16). Hawnhekk tabilħaqq jixraq li ssir referenza għall-frażi famuża tal-ġurista Ġermaniż von Kirchmann, jiġifieri li d-dritt mhuwiex xjenza, peress li huma biżżejjed “tliet kelmiet ta’ rettifika min-naħa tal-leġiżlatur” sabiex “libreriji sħaħ ma jibqgħu jiswew għalxejn”,(17) fejn b’hekk is-saħħa tas-setgħa leġiżlattiva hija enfasizzata.
48. Meta nikkunsidraw dak li ntqal aktar ’il fuq, tidher aktar il-karatteristika pubblika tar-riżorsi tax-xandara miġbura mill-GEZ. Minbarra dan, uħud jirrikonoxxu lil dan il-korpi ċentrali ta’ rkupru il-karatteristika ta’ korp ta’ Stat, minkejja n-nuqqas ta’ personalità ġuridika tiegħu, billi jinvokaw is-setgħa tiegħu li jiffissa l-ħlas tal-liċenzji u l-irkupru obbligatorju tal-ħlas(18), li jikkostitwixxu prerogattivi xierqa għall-eżerċiżżju tal-funzjonijiet marbuta mas-sovranità nazzjonali li jintensifikaw il-karatteristika pubblika tiegħu.
49. Madankollu, dan l-aspett, għalkemm jinkludi ħjiel importanti fis-sens ta’ sostenn ekonomiku ta’ l-Istat, ma jagħtix dimostrazzjoni eżawrjenti ta’ dan, kif isostnu x-xandara. Għal din ir-raġuni jeħtieġ li jiġu evalwati karatteristiċi oħra tas-sistema tas-sussidju tax-xandir ta’ l-Istat Ġermaniż.
2. Finanzjament indirett
50. Ix-xandara u l-Gvern Ġermaniż jaqblu fuq il-fatt li d-Direttiva 92/50 tirreferi biss għal dawk il-ħlasijiet li jsiru direttament fuq il-baġit ta’ l-Istat(19) u mhux għat-trasferimenti indiretti ta’ riżorsi finanzjarji lil kwalunkwe korp pubbliku jew awtorità kontraenti oħra. Isostnu wkoll li f’din il-kawża, il-profitt li jirriżulta mill-ħlas tal-liċenzji jiġi trażmess biss mill-utent lix-xandara, mingħajr intervent min-naħa ta’ l-Istat, li ma jieħux sehem f’dan il-fluss ta’ kapital.
51. Ma naqbel xejn ma’ din l-interpretazzjoni.
52. L-ewwel nett, il-Gvern Ġermaniż qed jenfasizza tifsira “trażlativa” u simplistika tal-finanzjament, li tinkludi biss it-trasferiment, iċ-ċekk, il-kont ta’ bank jew it-trasferiment materjali ta’ xkejjer ta’ flus f’vettura armata mit-Teżor sas-sede tal-korp issussidjat.
53. Minbarra l-fatt li mhemmx differenza sostanzjali bejn iċ-ċirkostanza li l-Istat idaħħal il-ħlas tal-liċenzji biex jerġa’ jgħaddih lill-korpi ffinanzjati u li minflok jagħtihom is-setgħa li jiġbruhom huma (20), m’għandniex ninsew li huwa l-Istat li joħloq l-istruttura sabiex jiġi impost il-ħlas, peress li jiddetermina l-obbligu tal-pagament u jiffissa l-ammont tiegħu permezz ta’ kummissjoni indipendenti, il-KEF, fejn jissuġġettah għar-ratifika u għal modifika eventwali min-naħa tal-Länder, li għandhom l-aħħar kelma (21).
54. It-tieni nett, l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50 mhijiex limitata għall-metodi ta’ finanzjament diretti, peress li l-unika modulazzjoni tal-verb tiffinanzja hija “fil-parti l-kbira” (“überwiegend”, bil-Ġermaniż; “majoritairement” bil-Franċiż; u “for the most part” bl-Ingliż), mingħajr ma hemm l-ebda allużjoni rigward il-forma, diretta jew indiretta, sabiex jiġu trasmessi l-flus lill-korpi ssussidjati.
55. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jkun hemm sostenn ekonomiku indirett min-naħa ta’ l-Istat issib ċertu appoġġ mill-ġurisprudenza impliċita, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fejn għandha x’taqsam it-tieni alternattiva tat-tielet subinċiż tad-dispożizzjoni in kwistjoni, il-possibbiltà ta’ kontroll indirett ta’ l-Istat,(22) li tista’ jestendi anki għall-ewwel alternattiva, b’kunsiderazzjoni partikolari ta’ l-ekwivalenza tat-tliet alternattivi,(23) kif ġustament fakkar il-Gvern Ġermaniż.
3. Finanzjament mingħajr korrispettiv
56. Is-sentenza University of Cambridge, iċċitata aktar ’il fuq, biex tiddefinixxi l-finanzjament pubbliku, żiedet distinzjoni fundamentali, skond jekk l-entità li tirċievi l-għajnuna tkunx obbligata li tipprovdi korrispettiv speċifiku jew le, peress li jkun biss fin-nuqqas ta’ dan il-kumpens li l-kundizzjoni tal-finanzjament pubbliku tkun issodisfata (24).
57. Fil-kuntest ta’ din is-sentenza u permezz ta’ l-argument tagħhom skond liema l-konsumatur iħallas direttament lix-xandara, dawn il-korpi u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-utent jikseb “korrispettiv speċifiku” għall-ħlas tiegħu, jiġifieri d-dritt li jaqbad immaġni u frekwenzi tat-televiżjoni u tar-radju pubbliċi Ġermaniżi. Ix-xandara u l-Gvern Ġermaniż jibbażaw fuq dan l-argument sabiex jiċħdu l-karatteristika pubblika tal-finanzjament in kwistjoni (25).
58. Sabiex jiġi miċħud dan l-argument, ikun biżżejjed jekk inqisu li, b’referenza għall-oriġini leġiżlattiva tagħhom, ir-riżorsi li jirriżultaw mill-ħlas tal-liċenzji tat-televiżjoni mhumiex riżorsi privati. Madankollu, wieħed jista’ jirrispondi li, jekk l-iffissar permezz tal-liġi ta’ l-ammonti mħallsa mill-konsumatur jiddetrmina l-karatteristika pubblika tal-fondi miġbura, l-onorarji tal-periti, ta’ l-avukati u tat-tobba għandhom jitqiesu bħala nfiq pubbliku indirett skond id-Direttivi fuq is-sejħiet għal offerti. Madankollu, jekk napplikaw dan is-silloġiżmu tax-xandara u tal-Gvern Ġermaniż u jekk l-eżami tal-kwistjoni tal-finanzjament pubbliku huwa marbuta biss ma’ l-oriġini privata tal-fondi, la r-riżorsi ta’ l-uffiċċji tal-privattivi u tat-trade marks, u lanqas dawk tar-reġistru ta’ l-artijiet, jew tar-reġistri tal-beni immobbli, biex niċċitaw biss xi korpi li lilhom il-persuna interessata tħallas direttament is-servizz li toffrilha l-awtorità pubblika, u b’hekk ebda taxxa, ma jistħoqqilhom li jiġu kkunsidrati bħala fondi pubbliċi skond id-Direttiva 92/50..
59. Anki jekk wieħed isostni li l-fondi pubbliċi jitħallsu bħala korrispettiv tal-programmi li jixxandru fuq stazzjonjiet tar-radju u tat-televiżjoni ta’ l-Istat, l-argument jibqa’ ftit rilevanti. L-ammonti (pubbliċi) mħallsa lix-xandara ma jistabbilixxux u lanqas ma jsaħħu dipendenza li tixbah lil dik tar-relazzjonijiet kummerċjali normali, peress li huma jikkostitwixxu miżura ta’ sostenn (26) li fuqha huwa bbażat il-funzjonament ta’ l-imsemmija korpi, mingħajr ma l-Istat la jistenna u lanqas ma jiġbor korrispettiv taħt il-forma ta’ servizz konkret.
60. Fil-qosor, mhux biss niċħad it-teorija li l-ħlas ta’ liċenzji għandu jġorru l-utent bħala korrispettiv għall-aċċess għal programmi pubbliċi, iżda anki l-idea li s-servizz tax-xandir pubbliku jikkostitwixxi l-korrispettiv tas-sostenn ekonomiku min-naħa ta’ l-Istat.
4. Attività mingħajr kompetizzjoni
61. Anki jekk ma jkunx hemm għalfejn jiġi ppreċiżat xi jfisser “korp irregolat mid-dritt pubbliku stabbilit sabiex jissodisfa speċifikatament bżonnijiet ta’ interess ġenerali li għandhom natura li mhijiex industrijali jew kummerċjali”, (27) il-Gvern Awstrijak u l-Awtorità ta’ Sorveljanza ta’ l-EFTA m’għandhomx żball jekk fil-kuntest ta’ din id-domanda preliminari jdaħħlu l-istudju tal-pożizzjoni kompetittiva tax-xandara.
62. Fuq il-bażi ta’ l-istruttura tal-ġbir tal-ħlas tal-liċenzji tax-xandir organizzata minn liġi speċjali u bi prerogattivi ta’ dritt pubbliku kif intqal aktar ’il fuq (likwidazzjoni u eżekuzzjoni furzata), wieħed ma jistax isostni b’mod validu li r-riżorsi finanzjarji ddestinati sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ interess ġenerali ta’ programmi pubbliċi, li bla ebdu dubju jagħtu x-xandara, ma jiġux iġġenerati b’mod indipendenti mill-kundizzjonijiet tas-suq. Il-mezzi finanzjarji li dawn għandhom permezz tal-ħlas b’hekk mhumiex ġejjin mill-eżerċizzju ta’ attività kompetittiva, iżda huma sostnuti mill-kollettività(28) mingħajr rabta ma’ l-użu effettiv li l-konsumatur jagħmel mill-offerta tagħhom ta’ programmi awdjoviżivi.
63. Din il-forma megħjuna ta’ operazzjoni fuq is-suq tillibera lix-xandara mill-inċertezza marbuta mad-dħul tagħhom, peress li dawn igawdu mill-garanzija ta’ l-Istat taħt il-forma ta’ baġits maħdumin mill-KEF. B’konsegwenza, anki jekk jingħata raġun lill-argument li jiddefendi l-oriġini privata tal-fondi, il-mod kif dawn il-korpi jassiguraw l-eżistenza ta’ fluss ta’ mezzi finanzjarji mhuwiex differenti mill-metodu ta’ finanzjament li permezz tiegħu il-kapital huwa direttament għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Istat.
64. Bħala risposta għad-domanda li jiena għamilt matul is-seduta dwar jekk din il-garanzija ta’ finanzjament tax-xandara li l-Istat Ġermaniż huwa kostituzzjonalment obbligat li jassigura tapplikax ukoll għad-djun li jidħlu fihom (29), il-Gvern Ġermaniż ċaħad b’mod kategoriku din l-eventwalità. Madankollu, kif osservat il-Kummissjoni, din id-domanda lanqas għandha għalfejn issir, peress li l-KEF tivverfika b’mod regolari il-bżonnijiet finanzjarji tal-xandara, u tkoprihom sew; għaldaqstant, din tipproteġihom anki mill-ħtieġa li jirrikorru għall-kreditu privat fil-każ kritiku ta’ insolvenza, biex b’hekk jissaħħaħ l-aspett pubbliku tas-sussidju.
5. Elementi oħra ta’ kunsiderazzjoni
65. Il-karatteristika pubblika tal-mezzi ekonomiċi li jassiguraw l-attivitajiet tal-xandara tirriżulta mill-elementi li jippreċedu. Madankollu xorta waħda għandhom jiżdiedu xi osservazzjonijiet
66. L-ewwel nett, il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-kunċett Komunitarju awtonomu ta’ “awtorità kontraenti” jiġi interpretat b’mod funzjonali(30) u wiesa’, (31) b’kunsiderazzjoni ta’ l-għan li jiġi evitat ir-riskju li tingħata preferenza lill-appaltaturi jew kandidati nazzjonali fi kwalunkwe għoti ta’ kuntratt li jsir mill-awtoritajiet kontraenti u mill-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat jitħalla jiġi ggwidat minn kunsiderazzjonijiet li mhumiex ekonomiċi (32).
67. F’dan il-kuntest, meta rrispondew għad-domanda li jiena għamiltilhom matul is-seduta, ix-xandara indikaw li ebda waħda mill-ħdax-il impriża kkuntattjata mill-GEZ sabiex jippreżentaw offerti vinkolanti ma kienet tinsab fi Stat Membru ieħor. Din l-informazzjoni biss turi l-fatt li l-biżgħat tal-leġiżlatur Komunitarju ma kinux infondati.
68. It-tieni nett, ix-xandara, sostnuti mid-duttrina legali Ġermaniża, jibbażaw irwieħhom fuq il-mandat kostituzzjonali ta’ imparzjalità li jipproteġihom minn kwalunkwe interferenza mis-setgħat pubbliċi fit-tmexxija tagħhom.(33)
69. Mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-vantaġġi ta’ l-Artikolu 5(1) tal-liġi fundamentali Ġermaniża, li rnexxielha tistabblixxi servizz pubbliku ta’ xandir ta’ kwalità, mhemm l-ebda inkompatibbiltà bejn dan il-mandat u l-obbligu in kwistjoni ta’ dawn il-korpi li l-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti stabbiliti mid-Direttivi Komunitarji jiġu rrispettati u segwiti.
70. Fis-sottomissjonijiet ippreżentati fil-kuntest ta’ din il-proċedura preliminari, ebda raġuni ma tressqet sabiex jintwera li s-soġġezzjoni tax-xandara għall-modalitajiet tad-Direttivi setgħet tipperikola n-newtralità tagħhom. Minbarra dan, il-libertà ta’ l-istampa li minnha jibbenefika x-xandir u l-imparzjalità tagħha qatt ma kienu jikkkostitwixxu kriterji sabiex tiġi evalwata l-karatteristika ta’ l-awtorità kontraenti tal-korpi rregolati mid-dritt pubbliku (34).
71. Fl-aħħar nett, mhemm l-ebda dubju dwar il-predominanza assoluta tal-finanzjament tax-xandara permezz tal-ħlas tal-liċenzji, fir-rigward ta’ sorsi oħra ta’ dħul, b’mod partikolari r-reklami. B’konsegwenza, fid-dawl ta’ dak li ntqal, nistgħu nikkonkludu li l-forma li permezz tagħha x-xandara jiffinanzjaw l-ispejjeż tagħhom tissodisfa r-rekwiżit ta’ finanzjament fil-parti l-kbira mill-Istat skond skond l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50.
6. Risposta għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari
72. Fid-dawl ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u għat-tieni domanda ssollevati mill-Oberlandesgericht ta’ Dusseldorf b’dan il-mod: il-finanzjament indirett ta’ korpi permezz tal-pagament ta’ ħlas min-naħa ta’ min iżomm riċevitur tax-xandir jikkostitwixxi finanzjament skond id-dispożizzjoni kkontestata, li l-analiżi tagħha ma tippermettix li jinħtieġu kriterji addizzjonali oħra, bħall-influwenza diretta ta’ l-Istat fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-korp li dan jiffinanzja.
C – Fuq it-tielet domanda preliminari
73. B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50, fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jinkludix is-servizzi sussidjarji u konnessi, li mhumiex speċifiċi għall-programmi.
74. Jiena diġà rreferejt għall-utilità tar-risposta għal din id-domanda jekk il-karatteristika ta’ “awtorità kontraenti” tiġi attribwita lix-xandara. Billi titlob l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-Oberlandesgericht qed tipprova tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha sabiex tiddeċiedi jekk dan jeskludix is-servizzi ta’ tindif tal-bini ta’ dawn il-korpi.
75. It-test ta’ din id-dispożizzjoni huwa tant ċar li huwa biżżejjed li ssir referenza għall-massima in claris non fit interpretatio. Dan it-test ineħħi l-obbligu li l-kuntratti marbuta fil-qrib sew mal-kontenut tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni (ix-xiri, l-iżvilupp, il-produzzjoni jew il-koproduzzjoni ta’ programmi u l-kuntratti li jikkonċernaw il-ħin tax-xandir) jiġu soġġetti għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt.
76. Fir-rigward ta’ eċċezzjoni għar-regola ġenerali, din għandha tkun soġġetta għal interpretazzjoni restrittiva u, b’konsewgenza, kull attività differenti minn dawk li huma espressament imsemmija għandha tiġi fformalizzata fil-kuntest ta’ ftehim irregolat mid-dritt, wara sejħa għal offerti pubblika.
77. L-evoluzzjoni leġiżlattiva Komunitarja tidher li tikkonferma din l-evoluzzjoni, kif jirriżulta minn xebh bejn il-premessi rispettivi tad-Direttivi 92/50 u 2004/18. B’hekk, il-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/18 żiedet dettall mal-ħdax-il premessa suċċinta tad-Direttiva 92/50, billi eskludiet “servizzi oħra preparatorji, bħal ma huma dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ skripts, jew esekuzzjoni artistika meħtieġa għall-produzzjoni tal-programm”. Min-naħa l-oħra ma teskludix il-“forniment ta’ tagħmir tekniku” meħtieġ sabiex isiru dawn il-programmi.
78. Konsegwentement, jekk it-tagħmir speċjalizzat mhuwiex kopert mill-eċċezzjoni, is-servizzi ta’ tindif tal-bini tax-xandara lanqas ma jistgħu ikunu koperti.
79. Sabiex niġbor kollox, kemm l-interpretazzjoni grammatikali kif ukoll l-interpretazzjoni awtentika huma favur l-użu ta’ l-argument a contrario fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 92/50 f’dak li jikkonċerna l-kuntratti konklużi max-xandara Ġermaniżi.
80. Jiena nippermetti ruħi li nagħmel l-aħħar osservazzjoni, minħabba li huwa fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, aktar milli fil-kuntest tal-metodi ta’ finanzjament tagħhom, li jinsab ir-rispett tal-garanzija kostituzzjonali ta’ l-imparzjalità tax-xandara Ġermaniżi(35) ; għal din ir-raġuni, il-leġiżlatur Komunitarju pprovda għall-eċċezzjoni dwar il-programmi sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-aspetti kulturali u soċjali, kif ġie indikat fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2004/18, iċċitata iktar ’il fuq.
VI – Konklużjoni
81. Fid-dawl ta’ dan li ntqal, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari ta’ l-Oberlandesgericht Dusseldorf, kif ġej:
“1) Il-kundizzjoni dwar “finanzjament mill-Istat” skond l-ewwel alternattiva tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiv tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri l-finanzjament indirett ta’ ċerti korpi permezz tal-pagament ta’ ħlas ta’ liċenzji mingħand min għandu riċevitur tax-xandir, mingħajr il-ħtieġa li kriterji oħra bħall-influwenza diretta ta’ l-Istat dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-korp li huwa jiffinanzja, jiġu ssodisfati.
2) L-Artikolu 1(a)(iv) tad-Direttiva 92/50 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biss dawk is-servizzi li jissemmew fih, u mhux is-servizzi l-oħra ta’ karattru sussidjarju u konness, li mhumiex speċifiċi għall-programmi.”
1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
2 – Decimus Junius Juvenal (probabbilment twieled bejn il-55 u s-60 WK f’Aquino, u ċertament miet wara l-127 WK), awtur tas-Satiri, li dwaru ma nstabux referenzi bibljografiċi oħra jekk mhux sporadiċi u kunfidenzjali li jirriżultaw mix-xogħlijiet tiegħu. Minħabba li kien jikkritika lill-awtoritajiet, lejn tmiem ħajtu spiċċa eżiljat, forsi talli f’wieħed mix-xogħlijiet poetiċi tiegħu għamel referenza għal Titus Elius Alicibiades, maġġordom ta’ l-imperatur Adrijanu.
3 – “[…] [Il-poplu stess], […]/ minn kemm ilhom ma jinbiegħu l-voti, tilef kull interess; darba / kien jagħti kollox hu, is-setgħa, / il-faxxi, il-leġjuni; issa jħalli f’idejn ħaddieħor, / huwa għatxan biss għal żewġ affarijiet: il-ħobż u l-logħob taċ-ċirku. / […]” Satira X, versi 74-81.
4 – Ġeneralment dan ir-rakkont, li nkiteb fl-1948 meta t-trawma tat-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha tinħass, huwa kkunsidrat mhux biss bħala dijatriba kontra t-totalitarjaniżmu, imma bħala avviż dwar il-mod sottili li bih jista’ jistabbilixxi ruħu reġim ta’ din ix-xorta, billi jimmanipula l-mezzi ta’ komunikazzjoni.
5 – Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, p. 114).
6 – Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1).
7 – Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1971, dwar koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti tal-kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 185, p. 5).
8 – Mill-1 ta’ Jannar 1999, din il-liġi kienet fis-seħħ fil-verżjoni li tirriżulta mis-sitt emenda, li saret bil-liġi 703-4/1 tas-26 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. I, p. 358).
9 – Il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Pollakk huma ta’ l-istess fehma, għalkemm ta’ l-aħħar jeżaminahom b’mod separat.
10 – Din l-għażla hija spjegata fil-punti 5 u 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
11 – Sentenza ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-237/99, Ġabra, p. I‑939, punti 48 et seq).
12 – Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000 (C-380/98, Ġabra, p. I-8035, punti 22 sa 25).
13 – Punti 11 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
14 – Ara, fid-duttrina ta’ dan il-pajjiż, H. Maurer, Allgemeines Verwaltungsrecht, it-12-il edizzjoni riveduta u estiża, C.H. Beck, Munich, 1999, p. 352 et seq.
15 – Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż josserva li l-kelma “Gebühr” (taxxa jew ħlas) mhijiex adatta biex tirreferi għal obbligu ta’ pagament, parti mid-duttrina legali tużaha biex tirreferi għad-dritt fiskali bħala “Abgabe” (dritt jew oneru); Boesen, A., Vergaberecht: Kommentar zum 4. Teil des GWB, Edizzjonijiet tal-Bundesanzeiger, l-ewwel edizzjoni, Cologne, 2000, p. 151, nru 73.
16 – Sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, University of Cambridge (punt 20) ; u Il-Kummissjoni vs Franza, punt 44.
17 – J.-H. Von Kirchmann, La jurisprudencia no es ciencia, traduzzjoni fil-Kastilljan u d-daħla ta’ Antonio Truyol y Sirra, Instituto de Estudios Politicols, Madrid 1949, p. 54. .
18 – W. Frenz, “Öffentlich-rechtliche Rundfunkanstalten als Beihilfeempfänger und öffentliche Auftraggeber”, en WRP – Wettbewerb in Recht und Praxis, 3/2007, p. 269.
19 – M. Dreher, “Öffentlich-rechtliche Anstalten und Körperschaften im Kartellvergaberecht”, NZBau – Neue Zeitschrift für Baurecht und Vergabe, 6/2005, p. 302.
20 – M. Opitz, “Vergaberechtliche Staatsgebundenheit des öffentlichen Rundfunks?”, NVwZ – Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht, nru 9/2003, p. 1090.
21 – W. Frenz op. cit., p. 272. Fis-sottomissjonijiet tagħhom, ix-xandara jirreferu għall-eżistenza ta’ rikors dwar nuqqas ta’ kostituzzjonalità pendenti quddiem il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża) kontra r-reviżjoni ’l isfel introdotta mil-Länder fil-proposta biex tiżdied it-tariffa tal-ħlas tal-liċenzji.
22 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Connemara Machine Turf (C-306/97, Ġabra, p. I‑8761, punt 34).
23 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata aktar ’il fuq, punt 49).
24 – Punt 21 tas-sentenza.
25 – Hailbronner, K., “Öffentliches Auftragswesen”, fi E. Grabitz, / M. Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Ed. C.H. Beck, Munich, 2006, B 4, p. 22, Nru 121.
26 – Skond is-sentenza University of Cambridge (iċċitata aktar ’il fuq, punt 25).
27 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (C-360/96, Ġabra, p. I‑6821, punti 48 sa 50).
28 – I. Seidel, “Öffentliches Auftragswesen”, fi M. Dauses, Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts, Editorial C.H. Beck, Munich, 2006, p. 27, nru 82; Boesen, A, iċċitata iktar ’il fuq, p. 152.
29 – S’issa, il-ħtieġa għal mekkaniżmu pubbliku ta’ kumpens għad-djun issemma biss fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ tat-tielet subinċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttivi Komunitarji fuq il-kuntratti pubbliċi, li jirrigwarda s-sodisfazzjon ta’ l-interess ġenerali; sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (C-223/99 u C-260/99, Ġabra, p. I-3605, punt 40).
30 – Sentenzi ta’ l-10 ta’ Novembru 1998, BFI Holding (iċċitata aktar ’il fuq, punt 62); tas-17 ta’ Diċembru 1998, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-353/96, Ġabra p. I‑8565, punt 36); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra, p. I‑11617, punt 53); tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C-273/00, Ġabra p. I‑1931, punt 41); u tas-16 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-283/00, Ġabra, p. I‑11697, punt 73).
31 – F. Wollenschläger, “Der Begriff des “öffentlichen Auftraggebers” im Lichte der neuesten Rechtsprechung des Europäischen Gerichtshofes”, EWS (Europäisches Wirtschafts- und Steuerecht), Nru 8/2005, p 345.
32 – Sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, University of Cambridge (punt 17); Universale-Bau, (punt 52); u Adolf Truley (punt 42).
33 – M. Dreher, op. cit., p. 303; K. Hailbronner, iċċitat iktar ’il fuq, p. 22, Nru 123.
34 – I. Seidel, iċċitat iktar ’il fuq, p. 27, Nru 82.
35 – F’dan is-sens, A. Boesen, iċċitat iktar ’il fuq, p. 152, Nru 75.