This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005TJ0029
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 8 September 2010.#Deltafina SpA v European Commission.#Competition - Agreements, decisions and concerted practices -Spanish market for the purchase and first processing of raw tobacco - Decision finding an infringement of Article 81 EC - Price-fixing and market-sharing - Consistency between the statement of objections and the contested decision - Rights of the defence - Definition of the relevant market - Fines - Gravity of the infringement - Aggravating circumstances - Role as leader - Cooperation.#Case T-29/05.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Settembru 2010.
Deltafina SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq - Qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata - Drittijiet tad-difiża - Definizzjoni tas-suq inkwistjoni - Multi - Gravità tal-ksur - Ċirkustanzi aggravanti - Rwol ta’ mexxej - Kooperazzjoni.
Kawża T-29/05.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Settembru 2010.
Deltafina SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq - Qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata - Drittijiet tad-difiża - Definizzjoni tas-suq inkwistjoni - Multi - Gravità tal-ksur - Ċirkustanzi aggravanti - Rwol ta’ mexxej - Kooperazzjoni.
Kawża T-29/05.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-04077
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:355
Kawża T-29/05
Deltafina SpA
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata — Drittijiet tad-difiża — Definizzjoni tas-suq inkwistjoni — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej — Kooperazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Akkordji — Imputazzjoni lil impriża — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata r-responsabbiltà ta’ impriża attiva f’suq li jinsab immedjatament wara s-suq ikkonċernat u li kkontribwixxiet b’mod attiv u deliberat għall-akkordju
(Artikoli 3(1)(ġ) KE u 81(1) KE)
2. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)
3. Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikolu 81(1) KE)
4. Atti tal-istituzzjonijiet — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti f’każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Evalwazzjoni każ b’każ
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
6. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Evalwazzjoni — Interdipendenza tat-tliet kriterji msemmija espressament mil-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni — Kwalifika ta’ ksur bħala serju ħafna — Rwol ewlieni tal-kriterju bbażat fuq in-natura tal-ksur
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
7. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A(1))
8. Kompetizzjoni — Multi — Kuntest ġuridiku — Determinazzjoni — Rilevanza tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni — Assenza
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)
9. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata
(Artikolu 253 KE)
10. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)
11. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ mexxej tal-ksur — Kunċett
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)
12. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Evalwazzjoni — Neċessità ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod separat ta’ kull waħda miċ-ċirkustanzi — Assenza — Evalwazzjoni globali
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)
13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju — Evalwazzjoni
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15, u Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tieni inċiż tal-punt 3)
14. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni — Esklużjoni
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tielet inċiż tal-punt 3)
15. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Kundizzjonijiet
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Avviż tal-Kummissjoni 96/C 207/04)
16. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Multi — Determinazzjoni — Kriterji — Żieda tal-livell ġenerali tal-multi — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet
(Artikoli 81(1) KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003)
1. Il-Kummissjoni ma teċċedix il-limiti tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE meta tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ impriża għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni, meta din, għalkemm kienet attiva fis-suq immedjatament wara dak li fih ġew implementati l-prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, tipparteċipa b’mod attiv u deliberat f’akkordju bejn produtturi attivi f’suq differenti minn dak li topera fih hija stess.
Fil-fatt, impriża tista’ tikser il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma’ dan jippresupponi neċessarjament li hi stess tkun attiva fl-imsemmi suq rilevanti.
Għalhekk, ma huwiex eskluż li impriża tista’ tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni anki jekk hija ma tkunx qed tirristrinġi l-libertà ta’ azzjoni tagħha stess fis-suq li fih hija prinċipalment attiva. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tista’ tirriduċi l-portata tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE f’miżura li tmur kontra l-effett utli tagħha u kontra l-għan prinċipali tagħha li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ġ) KE, huwa dak li jiġi żgurat li tinżamm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni li ma tkunx distorta, peress li din ma tippermettix li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din il-kontribuzzjoni ma toħroġx minn attività ekonomika li taqa’ taħt is-suq rilevanti li fih din ir-restrizzjoni għandha effett jew għandha l-għan li jkollha effett.
Minn-qari tat-terminu “akkordji [ftehim] […] bejn impriżi” fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 3(1)(ġ) KE tirriżulta konferma tal-eżistenza ta’ tifsira tal-akkordju u tal-impriża awtriċi ta’ ksur, li ma tagħmilx distinzjoni skont is-settur jew is-suq li fih l-impriżi kkonċernati huma attivi.
L-attribuzzjoni tal-ksur sħiħ lil impriża li pparteċipat f’akkordju hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda ta’ natura oġġettiva u t-tieni ta’ natura soġġettiva.
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, din kienet sodisfatta, fir-rigward tar-relazzjoni bejn kompetituri li joperaw fl-istess suq rilevanti kif ukoll bejn tali kompetituri u l-klijenti tagħhom, minn meta l-impriża parteċipanti tkun ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni tal-akkordju, anki b’mod subordinat, aċċessorju jew passiv, pereżempju permezz ta’ approvazzjoni taċita u permezz ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ dan l-akkordju lill-awtoritajiet.
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, l-imputazzjoni tat-totalità tal-ksur lill-impriża parteċipanti tiddependi barra minn hekk mill-manifestazzjoni tal-volontà tagħha, li turi li hija tissottoskrivi, anki jekk b’mod taċitu, għall-għanijiet tal-akkordju.
(ara l-punti 48, 49, 51, 57, 58, 62)
2. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal penali perijodiċi jeħtieġ, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha.
Ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċeduri amministrattivi għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-oġġezzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura msemmija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tippresupponi li l-oġġezzjoni li l-impriża ssostni li ma ġietx akkużata biha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet inkluża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni finali tagħha. Sempliċi differenza fil-preżentazzjoni tal-fatti, li hija intiża biss sabiex tagħti rendikont tal-fatti b’mod iktar preċiż fid-deċiżjoni finali, ma tistax tikkostitwixxi emenda materjali tal-ilmenti.
(ara l-punti 113-115, 120)
3. Sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikattiva. Għalhekk, ġeneralment l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta mill-għaqda ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti.
Fil-fatt, l-Artikolu 81(1) KE ma jitlobx li l-akkordji intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu affettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ intra-Komunitarju, iżda jitlob li jiġi stabbilit li dawn l-akkordji jkunu ta’ natura li jkollhom dan l-effett.
(ara l-punti 167-169)
4. Għalkemm il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet legali li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.
(ara l-punt 230)
5. Il-fatt li l-Kummissjoni speċifikat, permezz tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA tagħha, il-metodu tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa dan il-kriterju b’mod globali skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, inklużi elementi li ma humiex espressament imsemmija fil-linji gwida.
(ara l-punt 230)
6. It-tliet kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni skont il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel, u l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Dawn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma għandhomx l-istess sinjifikat fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”.
F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftehma li jkunu b’mod partikolari intiżi sabiex ikun hemm iffissar ta’ prezzijiet jew tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serju ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari.
Teżisti interdipendenza bejn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens li grad għoli ta’ gravità fir-rigward ta’ waħda jew oħra mill-kriterji tista’ tikkumpensa għal grad baxx ta’ gravità tal-ksur taħt aspetti oħra.
Fir-rigward tal-firxa tas-suq ġeografiku, dan jirrappreżenta biss wieħed mit-tliet kriterji rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur u ma hijiex kriterju awtonomu fis-sens li huwa biss il-ksur li jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17 jew ir-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi meqjus li biss ir-restrizzjonijiet ġeografikament estiżi ħafna jistgħu jiġu kklassifikati hekk. Għalhekk, id-daqs limitat tas-suq ġeografiku inkwistjoni ma jostakolax il-kwalifika tal-ksur ikkonstatat bħala wieħed “serju ħafna”. Din is-soluzzjoni hija neċessarja a fortiori fir-rigward tad-daqs limitat tas-suq tal-prodott inkwistjoni, peress li d-daqs tas-suq tal-prodott ma huwiex element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda huwa biss element rilevanti fost elementi oħra sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi ffissat l-ammont tal-multa.
Issa, huwa ċar li l-ksur ilmentat kontra proċessuri tat-tabakk u kontra impriża inkwistjoni li fost l-attivitajiet tagħha hemm il-kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk ipproċessat, li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tad-diversi varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fi Stat Membru u fit-tqassim tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum li għandu jinxtara mingħand il-produtturi, jikkostitwixxi ksur serju ħafna min-natura tiegħu stess. Il-ksur ta’ dan it-tip huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serji peress li jinvolvu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat, jew bħala ksur ċar tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.
(ara l-punti 231, 233, 234, 238, 240-242)
7. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-akkordju tal-proċessuri kellu impatt konkret fuq is-suq, ma għandu l-ebda effett fuq il-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna”.
In-nuqqas ta’ dimostrazzjoni suffiċjenti ta’ impatt konkret fuq is-suq ma jistax iqiegħed indiskussjoni l-ammont inizjali tal-multa, li huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur.
(ara l-punti 250, 251)
8. Il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.
(ara l-punti 292, 426)
9. Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni li jkun magħruf jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tkun evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata.
(ara l-punt 319)
10. Meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq tal-impriżi. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tiġi obbligata tgħarraf lill-impriżi kkonċernati, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-indikazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw il-livell tal-multi kkunsidrati, ikun qed jiġi impost fuqha li tantiċipa b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni finali tagħha.
F’dan ir-rigward, il-kwalifika ta’ mexxej attribbwita lil impriża ġġib magħha konsegwenzi kbar fir-rigward tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq din l-impriża. B’hekk, b’mod konformi mal-punt 2 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, din hija ċirkustanza aggravanti li ġġib magħha żieda mhux negliġibbli tal-ammont bażiku tal-multa. Bl-istess mod, skont il-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, tali kwalifika teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju ta’ tnaqqis kbir ħafna tal-multa, anki jekk l-impriża kkwalifikata bħala mexxej tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti sabiex tkun tista’ tikseb tali tnaqqis. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha ssemmi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi li hija tqis li huma rilevanti sabiex tippermetti lill-impriża li tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju sabiex tirrispondi għal tali lment. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tali dikjarazzjoni hija biss stadju fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li għalhekk ma tikkostitwixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma jistax ikun meħtieġ li din tal-aħħar tipproċedi diġà f’dan l-istadju għal kwalifika ġuridika tal-elementi li fuqhom hija tkun ser tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni finali tagħha sabiex tikkwalifika lil impriża bħala mexxej tal-akkordju.
(ara l-punti 324, 325, 327)
11. Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej, l-impriża inkwistjoni għandha tkun forza li tagħti spinta lill-akkordju, u tkun refgħet responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu.
Għalkemm il-provi invokati mill-Kummissjoni juru li din l-impriża kellha rwol attiv u dirett f’akkordju, madankollu ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din il-kumpannija kienet forza li tat spinta sinjifikattiva lil dan l-akkordju, b’mod partikolari jekk l-ebda prova mill-fajl ma tindika li l-impriża kkonċernata ħadet xi inizjattiva bil-għan li toħloq l-akkordju msemmi jew li twassal lil waħda mill-impriżi l-oħra sabiex taderixxi għalih, u jekk l-ebda prova ma tippermetti lanqas li jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata assumiet l-inkarigu ta’ attivitajiet abitwalment marbuta mal-eżerċizzju tar-rwol ta’ mexxej ta’ akkordju, bħall-presidenza ta’ laqgħat jew iċ-ċentralizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xi data.
(ara l-punti 332-335)
12. Il-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tikkonforma ruħha mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta tiffissa l-ammont tal-multi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Madankollu, il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida, u hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.
Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma rrendietx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ.
B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.
(ara l-punti 347, 348)
13. Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija biss obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba li l-akkordju ma jkunx ġie implementat jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista’ turi li hija wriet b’mod ċar u b’qawwa l-oppożizzjoni tagħha għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim tiegħu stess, u li hija b’mod ċar ma tkunx aderixxiet mal-ftehim u b’hekk inċitat lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni.
(ara l-punt 350)
14. Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, it-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)” imsemmi fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, b’mod loġiku jinsab fost iċ-ċirkustanzi attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni kienu inċitati sabiex iwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom mill-interventi inkwistjoni, peress li l-każ fejn il-ksur ikun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni tal-linji gwida.
(ara l-punti 354, 355)
15. Il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni u hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mis-servizzi ta’ din l-istituzzjoni. Il-Kummissjoni, fil-fatt, għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn. Sabiex tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-imġieba tal-impriża għandha tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur imsemmi. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali, li jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament.
(ara l-punti 389, 390, 399)
16. Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni.
L-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.
Għaldaqstant, l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ma hijiex ser taqbeż il-livell tal-multi imposti preċedentement.
Fil-fatt, kull impriża involuta fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat.
(ara l-punti 426, 435)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)
8 ta’ Settembru 2010 (*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d‑deċiżjoni kkontestata – Drittijiet tad-difiża – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Multi – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ mexxej – Kooperazzjoni”
Fil-Kawża T‑29/05,
Deltafina SpA, stabbilita f’Orvieto (l-Italja), irrappreżentata minn R. Jacchia, A. Terranova, I. Picciano, F. Ferraro, J.‑F. Bellis u F. Di Gianni, avukati,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u F. Amato, sussegwentement minn É. Gippini Fournier u V. Di Bucci, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali tal-20 ta’ Ottubru 2004 dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja), u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, Deltafina SpA, hija kumpannija Taljana li bħala attività prinċipali twettaq l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum u tikkummerċjalizza t-tabakk ipproċessat. Din hija miżmuma 100 % mill-kumpannija Amerikana Universal Corp., u dan permezz ta’ kumpannija sussidjarja 100 % ta’ din tal-aħħar, il-kumpannija Amerikana Universal Leaf Tobacco Company Inc. (iktar ’il quddiem “Universal Leaf”).
2 Universal Leaf iżżomm ukoll il-kapital kollu ta’ Tabacos Españoles, SL (iktar ’il quddiem “Taes”), waħda mill-erba’ impriżi tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja (iktar ’il quddiem il-“proċessuri” jew il-“proċessuri Spanjoli”).
3 Iktar ’il quddiem ser isir riferiment għall-grupp li lilu jappartjenu d-diversi kumpanniji msemmija fil-punti 1 u 2 iktar ’il fuq permezz tat-terminu “grupp Universal”.
4 Fit-3 u fl-4 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li kellha informazzjoni li l-proċessuri u l-produtturi Spanjoli ta’ tabakk mhux maħdum wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE, wettqet verifiki abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), fil-bini ta’ tlieta minn dawn il-proċessuri, jiġifieri Compañia española de tabaco en rama, SA (iktar ’il quddiem “Cetarsa”), Agroexpansión, SA u World Wide Tobacco España, SA (iktar ’il quddiem “WWTE”), kif ukoll tal-Asociación Nacional de Empresas Transformadoras de Tabaco (iktar ’il quddiem l-“Anetab”).
5 Il‑Kummissjoni wettqet ukoll verifiki fil-bini tal-Maison des métiers du tabac u tal-Fédération européenne des transformateurs de tabac, fit-3 ta’ Ottubru 2001, kif ukoll tal-Federación nacional de cultivadores de tabaco (iktar ’il quddiem il-“FNCT”), fil-5 ta’ Ottubru 2001.
6 B’ittra tas-16 ta’ Jannar 2002, il-proċessuri u l-Anetab, filwaqt li invokaw l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”), għarfu lill-Kummissjoni bir-rieda tagħhom li jikkooperaw.
7 B’ittra tal-21 ta’ Jannar 2002, dawn ipprovdew xi informazzjoni lill-Kummissjoni.
8 B’ittra tal-15 ta’ Frar 2002, Universal Leaf informat lill-Kummissjoni li hija kienet qiegħda ssostni b’mod sħiħ l-inizjattiva ta’ Taes li tikkoopera fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Din indikatilha wkoll li Deltafina kienet qiegħda tipparteċipa flimkien ma’ Taes fit-tfassil ta’ rapport li jiddeskrivi r-rwol u l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar fis-suq Spanjol tat-tabakk, u li hija kienet tispera li Deltafina setgħet b’hekk tibbenefika wkoll mill-vantaġġi li jirriżultaw mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
9 Fit-18 ta’ Frar 2002, Taes bagħtet lill-Kummissjoni r-rapport imsemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq.
10 Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-proċessuri Spanjoli, lill-Anetab u lill-FNCT abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Hija talbet informazzjoni wkoll mingħand il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol (iktar ’il quddiem il-“Ministeru tal-Agrikoltura”) fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar prodotti agrikoli.
11 Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura li wasslet għal din il-kawża u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li bagħtet lil 20 impriża jew assoċjazzjoni, fosthom lill-proċessuri Spanjoli, Deltafina, Universal, Universal Leaf, lill-Anetab u lill-FNCT.
12 L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet inkwistjoni kellhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni taħt forma ta’ kopja fuq CD-ROM li nbagħtitilhom, u bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub b’risposta għall-oġġezzjonijiet imqajma minn din tal-aħħar. L-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Deltafina ġew ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2004.
13 Saret seduta – li għaliha kien hemm preżenti Deltafina – fid-29 ta’ Marzu 2004.
14 Wara li kkonsultat mal-kumitat konsultattiv dwar akkordji u pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-uffiċjal tas-smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2004, id-Deċiżjoni C (2004) 4030 finali, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li taqsira tiegħu ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ April 2007 (ĠU L 102, p. 14).
15 Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda żewġ akkordji orizzontali konklużi u implementati fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum.
16 L-ewwel akkordju, li kien jinvolvi lill-proċessuri u lil Deltafina, kellu l-għan li jiffissa, kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-prezz medju tal-provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jqassam il-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi (ara b’mod partikolari l-Premessi 74 sa 76 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-1999 sal-2001, il-proċessuri u Deltafina kienu ftiehmu wkoll dwar livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessa mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll dwar “kundizzjonijiet kumplimentari”, jiġifieri l-prezz minimu medju għal kull produttur u l-prezz minimu medju għal kull grupp ta’ produtturi (ara b’mod partikolari l-Premessi 77 sa 83 u 276 tad-deċiżjoni kkontestata).
17 Iktar ’il quddiem ser isir riferiment għall-akkordju deskritt fil-punt 16 iktar ’il fuq bit-terminu “akkordju tal-proċessuri”.
18 It-tieni akkordju identifikat fid-deċiżjoni kkontestata kien jimplika lit-tliet unions agrikoli Spanjoli, jiġifieri lill-Asociación agraria de jóvenes agricultores (iktar ’il quddiem l-“ASAJA”), lill-Unión de pequeños agricultores (iktar ’il quddiem l-“UPA”) u lill-Coordinadora de organizaciones de agricultores y ganaderos (iktar ’il quddiem il-“COAG”), kif ukoll lill-Confederación de cooperativas agrarias de España (iktar ’il quddiem il-“CCAE”). Dan l-akkordju kellu l-għan li jiffissa kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-livelli ta’ prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li tidher fit-tabelli annessi mal-“kuntratti ta’ kultivazzjoni” kif ukoll il-“kundizzjonijiet kumplimentari” (ara b’mod partikolari l-Premessi 77 sa 83 u 277 tad-deċiżjoni kkontestata).
19 Iktar ’il quddiem ser isir riferiment għall-akkordju deskritt fil-punt 18 iktar ’il fuq bit-terminu “akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi”.
20 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra li kull wieħed minn dawn l-akkordji jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara b’mod partikolari l-Premessi 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).
21 Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, hija tattribwixxi r-responsabbiltà tal-akkordju tal-proċessuri lil disa’ impriżi, fosthom il-proċessuri Spanjoli u Deltafina, u dik tal-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi lil ASAJA, lil UPA, lil COAG u lil CCAE (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rappreżentanti tal-produtturi”).
22 Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tordna lil dawn l-impriżi u lir-rappreżentanti tal-produtturi li jwaqqfu immedjatament, jekk ma waqfux diġà, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u li jieqfu minn kull prattika restrittiva li għandha għan jew effett identiku jew ekwivalenti.
23 Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ġew imposti l-multi segwenti:
– Deltafina: EUR 11 880 000;
– Cetarsa: EUR 3 631 500;
– Agroexpansión: EUR 2 592 000;
– WWTE: EUR 1 822 500;
– Taes: EUR 108 000;
– lil ASAJA: EUR 1 000;
– lil UPA: EUR 1 000;
– lil COAG: EUR 1 000;
– lil CCAE: EUR 1 000.
24 L-ammont tal-multa imposta fuq Deltafina jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rwol ta’ mexxej li hija kellha fl-akkordju tal-proċessuri (Premessi 435 u 436 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl ta’ dan ir-rwol, il-Kummissjoni żżid l-ammont bażiku tal-multa b’50 % abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti. Madankollu, Deltafina tibbenefika minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont bażiku tal-multa abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti (Premessi 437 u 438 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ 10 % tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (Premessi 448 sa 456 tad-deċiżjoni kkontestata).
25 Mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-kumpanniji parent ta’ WWTE huma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq WWTE u l-kumpannija parent ta’ Agroexpansión għall-ħlas ta’ dik imposta fuq Agroexpansión.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
26 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali mill-1 ta’ Diċembru 2009) fl-20 ta’ Jannar 2005, Deltafina ppreżentat din il-kawża.
27 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti, u għamlitilhom xi mistoqsijiet. Il-partijiet irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.
28 It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2009.
29 Deltafina titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
30 Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, f’kull każ, bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż:
– fin-nuqqas, tikkundanna lil kull parti tbati ispejjeż tagħha jekk ir-rikorrenti titlef il-motivi tagħha bl-istess mod bħall-Kummissjoni jew tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll parti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni jekk ir-rikorrenti titlef il-parti l-kbira mill-motivi tagħha.
Id-dritt
31 Insostenn tar-rikors tagħha, Deltafina tinvoka ħdax-il motiv, ibbażati:
– l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ responsabbiltà personali, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter;
– it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter;
– it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 43 tal-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 81), kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni;
– ir-raba’, fuq ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 1 A u tal-punt 5(d) tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, u tal-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ “trattament ugwali u ta’ sanzjoni”, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter;
– il-ħames, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 1 B tal-linji gwida u tal-prinċipju tat-trattament ugwali, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter;
– is-sitt, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 2 tal-linji gwida, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter;
– is-seba’, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 3 tal-linji gwida, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter;
– it-tmienja, fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 5(a) tal-linji gwida;
– id-disa’, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-preambolu u tal-punt 4 tal-linji gwida, tal-punt B(e) u tal-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u tal-prinċipju tat-trattament ugwali, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq użu ħażin ta’ poter;
– l-għaxra, fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 5(b) tal-linji gwida u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter;
– u l-ħdax, fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-multi u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter.
32 L-ewwel tliet aggravji huma invokati b’mod prinċipali u huma relatati mat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Is-seba’ motivi sussegwenti huma mqajma b’mod sussidjarju u huma relatati mat-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. L-aħħar motiv huwa invokat b’mod iktar sussidjarju, fil-każ fejn is-seba’ motivi preċedenti jiġu miċħuda, u huwa intiż ukoll għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.
1. Fuq l-ammissibbiltà tal-ilmenti bbażati fuq użu ħażin ta’ poter
33 Fil-kuntest tad-diversi motivi invokati minnha insostenn tar-rikors tagħha, bl-eċċezzjoni tat-tielet u t-tmien motivi, Deltafina tilmenta b’mod partikolari li l-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter.
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija ġiet mogħtija dawn il-poteri. Deċiżjoni hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet bil-għan esklużiv, jew għallinqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk intiżi jew sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat KE għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 24, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 99).
35 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li Deltafina tillimita ruħha sabiex tinvoka b’mod astratt numru ta’ lmenti bbażati fuq użu ħażin ta’ poter, mingħajr ma tressaq l-inqas ħjiel jew żvilupp insostenn tagħhom u mingħajr lanqas ma tippreċiża liema huwa l-għan realment segwit mill-Kummissjoni bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-ilmenti, hekk kif inhuma ppreżentati, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li dawn ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu li l-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr iktar informazzjoni insostenn. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punti 333 u 334).
2. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, u tal-prinċipji ta’ legalità u ta’ responsabbiltà personali kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
36 L-ewwel motiv invokat minn Deltafina jinqasam f’erba’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni żżommha responsabbli minn ksur imwettaq f’suq li hija ma hijiex preżenti fih. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tippretendi li l-aġir li, skont hi, huwa attribwit lilha ma huwiex previst mill-Artikolu 81(1) KE u lanqas mill-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija tqis li l-Kummissjoni kkunsidratha b’mod żbaljat bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri. Finalment, fil-kuntest tar-raba’ parti, hija tippretendi li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-suq inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
37 Il-Qorti Ġenerali ser teżamina, flimkien, l-ewwel żewġ partijiet, u wara, b’mod separat, it-tielet u r-raba’ parti.
38 F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li Deltafina tinvoka fil-kuntest ta’ dan il-motiv, mingħajr ma torbtu ma xi wieħed mill-erba’ partijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jipprovdi l-ebda żvilupp ta’ natura li jagħmlu espliċitu. Għalhekk, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).
Fuq l-ewwel u t-tieni parti, ibbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni żżomm lil Deltafina responsabbli għal ksur imwettaq f’suq li hija ma hijiex preżenti fih, u fuq il-fatt li l-aġir li huwa attribwit lil Deltafina ma huwiex previst mill-Artikolu 81(1) KE u lanqas mill-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003
– L-argumenti tal-partijiet
39 Fl-ewwel lok, Deltafina tosserva li hija ma hijiex attiva fis-suq tax-xiri u tal-ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja, b’tali mod li, jekk dan is-suq jitqies li jikkostitwixxi s-suq inkwistjoni, hija ma tistax tinżamm responsabbli għall-aġir adottat fih.
40 Fit-tieni lok, Deltafina tippretendi li ma pparteċipatx fl-elaborazzjoni tal-ftehim konklużi bejn il-proċessuri u li ma implementathomx, peress li ma hijiex awtorizzata li topera bħala proċessur fi Spanja u peress li b’hekk ma għandhiex il-kwalità li tinnegozja u tikkonkludi kuntratti mal-produtturi Spanjoli ta’ tabakk mhux maħdum u lanqas li tipparteċipa fit-tqassim tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum għax-xiri. Hija ssostni li ma jistax jiġi attribwit lilha rwol ta’ “awtur jew [ta’] koawtur tal-aġir”, u iktar u iktar ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri, iżda l-iktar l-iktar dak ta’ “persuna oġġettivament u suġġettivament esterna għall-kartell, iżda li tiffaċilita b’mod indirett l-aġir tal-awturi, bil-preżenza tagħha f’laqgħat, bl-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ Avviżi, bil-medjazzjoni bejn il-parteċipanti, bil-konservazzjoni ta’ dokumenti u ta’ informazzjoni”. Issa, dan l-aġir ma huwiex imsemmi mill-Artikolu 81(1) KE u lanqas mill-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, u għaldaqstant, ma jistax ikun suġġett għal sanzjonijiet.
41 Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, Deltafina tinvoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/349/KE, tal-10 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-2/37.857 – Perossidi organiċi) (ĠU 2005, L 110, p. 44, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Perossidi organiċi”). Hija ssostni li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet ksur tal-Artikolu 81(1) KE fir-rigward ta’ kumpannija esterna għall-akkordju kkonċernat, jiġifieri l-impriża ta’ konsultazzjoni AC‑Treuhand AG, minħabba ċertu aġir adottat minn din tal-aħħar li kellu xebh mal-aġir li huwa attribwit lilha. Hija tosserva li din l-impriża ta’ konsultazzjoni, minkejja l-fatt li kellha rwol kruċjali fl-organizzazzjoni u fl-implementazzjoni tal-akkordju u li kienet ġiet ikkunsidrata bħala l-“gwardjan” tiegħu, ngħatat biss multa simbolika f’ammont ta’ EUR 1 000 minħabba n-“natura relattivament ġdida tas-sitwazzjoni”.
42 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li t-teżi ta’ Deltafina li tgħid li l-Artikolu 81(1) KE ma japplikax għall-impriżi li ma humiex attivi fis-suq rilevanti ma hijiex sostnuta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Dak li huwa rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu huwa li l-impriża inkwistjoni tkun ipparteċipat fi prattika restrittiva tal-kompetizzjoni li kellha, għallinqas potenzjalment, effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
43 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tippretendi li l-allegazzjoni ta’ Deltafina li tgħid li l-aġir li huwa attribwit lilha ma jiffurmax parti mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE mhux biss hija infondata, iżda hija wkoll kontradetta minn diversi indikazzjonijiet imsemmija fir-rikors.
44 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li Deltafina stess tikkunsidra li r-rwol tagħha jista’ jiġi pparagunat ma’ dak li kien ġie adottat minn AC‑Treuhand fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni Perossidi organiċi u li tali rwol jista’ jiġi ssanzjonat abbażi tal-Artikolu 81(1) KE.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
45 Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li fi Spanja, li tikkostitwixxi s-suq ġeografiku inkwistjoni f’dan il-każ, Deltafina ma tixtrix tabakk mhux maħdum mingħand il-produtturi, u lanqas ma teżerċita attivitajiet tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum. F’dan l-Istat Membru, Deltafina hija biss attiva fl-istadju suċċessiv tal-operazzjoni, f’dan il-każ f’dak tax-xiri ta’ tabakk ipproċessat bil-għan li terġa tbiegħu lill-manifatturi tat-tabakk.
46 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Deltafina ma hijiex preżenti fis-suq inkwistjoni, jiġifieri, kif ser jiġi espost fil-punt 82 iktar ’il quddiem, fis-suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum.
47 Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dritt li tissanzjona lil Deltafina minħabba ksur tal-Artikolu 81(1) KE.
48 Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet fil-punt 122 tas-sentenza tagħha tat-8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni (T‑99/04, Ġabra p. II‑1501), impriża tista’ tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari ġewwa s-suq komuni, mingħajr ma dan ma jippresupponi neċessarjament li din tkun hija stess attiva fl-imsemmi suq rilevanti.
49 Fl-istess sens, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 127 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, li ma huwiex eskluż li impriża tista’ tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni anki jekk hija ma tkunx qed tirristrinġi l-libertà ta’ azzjoni tagħha stess fis-suq li fih hija prinċipalment attiva. Fil-fatt, kull interpretazzjoni oħra tista’ tirriduċi l-portata tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 81(1) KE f’miżura li tmur kontra l-effett utli tagħha u kontra l-għan prinċipali tagħha li, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ġ) KE, huwa dak li jiġi żgurat li tinżamm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni li ma tkunx distorta, peress li din ma tippermettix li tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kontribuzzjoni attiva ta’ impriża għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba s-sempliċi fatt li din il-kontribuzzjoni ma toħroġx minn attività ekonomika li taqa’ taħt is-suq rilevanti li fih din ir-restrizzjoni għandha effett jew għandha l-għan li jkollha effett. Fil-punt 128 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li qari tat-terminu “akkordji [ftehim] […] bejn impriżi” fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 81(1) KE u mill-Artikolu 3(1)(ġ) KE juri konferma tal-eżistenza ta’ tifsira tal-akkordju u tal-impriża awtriċi ta’ ksur, li ma tagħmilx distinzjoni skont is-settur jew is-suq li fih l-impriżi kkonċernati huma attivi.
50 Issa, f’dan il-każ, hekk kif ser jiġi spjegat iktar fid-dettall fil-punti 122 sa 133 iktar ’il quddiem, huwa stabbilit li Deltafina pparteċipat b’mod attiv u dirett, mal-proċessuri, f’akkordju li hija kienet taf, jew li ma setgħetx tinjora, li kellu l-għan li jelimina jew li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-settur tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja.
51 L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali esposta fil-punt 48 iktar ’il fuq hija iktar u iktar rilevanti f’dan il-każ peress li, filwaqt li AC‑Treuhand, fil-kwalità tagħha bħala impriża konsultattiva, ma kienet bl-ebda mod attiva fis-suq tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri dak tal-Perossidi organiċi, bħala kompetitur jew min-naħa tal-offerta jew tad-domanda, min-naħa l-oħra, Deltafina, bħala klijent prinċipali tal-proċessuri Spanjoli, kienet attiva fi Spanja f’suq li kien jinsab immedjatament wara dak li fih ġew implementati l-prattiċi inkwistjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, fl-Italja, Deltafina kienet preżenti fl-istess suq tal-prodott inkwistjoni bħal dak f’dan il-każ.
52 Isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
53 Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, din hija bbażata fuq il-Premessa li tgħid li Deltafina ma pparteċipatx b’mod attiv u dirett fl-akkordju tal-proċessuri, bl-istess mod bħal dawn tal-aħħar, iżda limitat ruħha sabiex tiffaċilita “b’mod indirett” l-implementazzjoni tiegħu.
54 Issa, hekk kif diġà ntqal fil-punt 50 iktar ’il fuq u kif ser jiġi stabbilit fil-punti 122 sa 133 iktar ’il quddiem, din il-premessa hija żbaljata.
55 F’kull każ, it-teżi ta’ Deltafina li tgħid li l-impriżi li jikkontribwixxu għal akkordju biss b’mod subordinat, aċċessorju jew passiv ma jiksrux l-Artikolu 81(1) KE u għalhekk ma humiex suġġetti għal multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 hija, din ukoll, żbaljata.
56 Għalhekk, fis-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet teżi simili, u dan wara li fakkret il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju għandha tissodisfa sabiex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli bħala koawtriċi tal-ksur sħiħ (punti 129 sa 136).
57 B’mod iktar partikolari, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-attribuzzjoni tal-ksur sħiħ lil impriża li pparteċipat f’akkordju hija konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda ta’ natura oġġettiva u t-tieni ta’ natura soġġettiva.
58 Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza, din kienet sodisfatta, fir-rigward tar-relazzjoni bejn kompetituri li joperaw fl-istess suq rilevanti kif ukoll bejn tali kompetituri u l-klijenti tagħhom, minn meta l-impriża parteċipanti tkun ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni tal-akkordju, anki b’mod subordinat, aċċessorju jew passiv, pereżempju permezz ta’ approvazzjoni taċita u permezz ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ dan l-akkordju lill-awtoritajiet (sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 133).
59 Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox, irrilevat li huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju (sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 130). Il-Qorti Ġenerali qalet ukoll li sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ftehim wieħed, ikkostitwit minn numru ta’ okkażjonijiet ta’ aġir ta’ ksur mifruxa matul iż-żmien, il-Kummissjoni għandha tipprova li din l-impriża kellha l-ħsieb tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kienet taf bl-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-approvazzjoni b’mod taċitu ta’ inizjattiva illeċita, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiddenunzjaha lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tiegħu. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni għall-ksur li b’hekk huwa ta’ natura li jinvolvi r-responsabbiltà tal-impriża fil-kuntest ta’ ftehim wieħed. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li dawn il-prinċipji japplikaw mutatis mutandis fir-rigward tal-laqgħat li fihom jipparteċipaw mhux biss il-kompetituri produtturi, iżda wkoll il-klijenti tagħhom.
60 Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 131 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, li, fir-rigward tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà personali ta’ impriża li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju m’għandhiex l-istess firxa u intensità bħal dawk ta’ impriża oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, għalkemm il-ftehim u l-prattiċi miftiehma previsti fl-Artikolu 81(1) KE jirriżultaw neċessarjament mill-għajnuna ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tassumi modi differenti, partikolarment skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet segwiti u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni magħżula jew previsti, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur b’modi partikolari għaliha ma huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi r-responsabbiltà tagħha għat-totalità tal-ksur, inkluż għall-aġir li huwa materjalment implementat minn impriżi parteċipanti oħra, iżda li għandu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv.
61 Finalment, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 132 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, li l-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qalet ukoll li għalkemm l-importanza, skont il-każ partikolari, limitata tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata ma tistax għaldaqstant tqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà personali tagħha għat-totalità tal-ksur, din hija xorta waħda ta’ natura li jkollha influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-firxa u l-gravità tiegħu u, għalhekk, fuq id-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni.
62 Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 134 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, li l-imputazzjoni tat-totalità tal-ksur lill-impriża parteċipanti tiddependi barra minn hekk mill-manifestazzjoni tal-volontà tagħha, li turi li hija tissottoskrivi, anki jekk b’mod taċitu, għall-għanijiet tal-akkordju. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li din il-kundizzjoni soġġettiva, minn naħa, hija inerenti għall-kriterju tal-approvazzjoni taċita tal-akkordju u għal dak tan-nuqqas ta’ tbegħid pubblikament mill-kontenut tiegħu, inkwantu dawn il-kriterji jimplikaw il-preżunzjoni li l-impriża kkonċernata tkompli tissottoskrivi għall-għanijiet u għall-implementazzjoni tal-akkordju, u, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi ġustifikazzjoni li tippermetti li l-impriża kkonċernata tinżamm koresponsabbli, peress li din kellha l-ħsieb li tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li riedu jiġu milħuqa mill-parteċipanti kollha u kienet taf bl-aġir ta’ ksur tal-parteċipanti l-oħra jew setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan.
63 Fil-punt 136 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali irrilevat li l-prinċipji msemmija fil-punti 57 sa 62 iktar ’il fuq japplikaw mutatis mutandis għall-parteċipazzjoni ta’ impriża li l-attività ekonomika u l-kompetenza professjonali tagħha jagħtuha l-fakultà li ma tkunx tista’ tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni u li tagħti għaldaqstant sostenn mhux irrilevanti għat-twettiq tal-ksur.
64 Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikat b’mod żbaljat lil Deltafina bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri
– L-argumenti tal-partijiet
65 Deltafina ssostni li l-Kummissjoni kkwalifikatha b’mod żbaljat bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri.
66 Insostenn tal-affermazzjoni tagħha, hija tinvoka s-segwenti elementi, li jiddistingwu s-sitwazzjoni tagħha minn dik ta’ impriżi oħra li ġew ikkunsidrati bħala mexxeja ta’ akkordju f’kawżi oħra:
– hija ma kellhiex rwol ta’ promotur tal-aġir ilmentat kontra l-proċessuri;
– hija ma ħeġġitx – u wisq inqas ġiegħlet – lil xi impriża sabiex tingħaqad mal-akkordju tal-proċessuri;
– hija ma eżerċitat pressjoni fuq ħadd u, f’kull każ, ma kellhiex il-poter li tgħamel dan;
– hija ma kellha l-ebda rwol fit-tmexxija jew fil-kontroll tal-akkordju tal-proċessuri, li barra minn hekk ma kellu l-ebda “organu istituzzjonali ta’ tmexxija”;
– il-president tagħha, is-Sur M., assista biss għal erba’ laqgħat tal-akkordju tal-proċessuri u ma setax “jidderiġi l-istrateġiji” tiegħu;
– hija ma setgħetx tadotta aġir ta’ “mexxej tat-tariffi” (price leader) min-naħa tad-domanda, peress li, billi hija ma toperax fl-istess stadju tal-operazzjoni bħall-proċessuri Spanjoli, hija ma kinitx tixtri tabakk mhux maħdum mingħand il-produtturi;
– hija qatt ma kellha s-setgħa ta’ dritt jew ta’ fatt li tadotta sanzjonijiet jew kontro-miżuri fir-rigward tal-membri tal-akkordju tal-proċessuri li ma kkonformawx ruħhom mal-azzjonijiet komuni.
67 Barra minn hekk, Deltafina tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rwol ta’ mexxej li huwa attribwit lilha ttieħed inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, biss bħala ċirkustanza aggravanti. Hija tippretendi li dan ir-rwol huwa, effettivament, l-uniku lment li ġie dirett lejha.
68 Qabel kollox, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li hija wettqet żball meta kkwalifikat lil Deltafina bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri, dan ma jistax jeżenta lil din tal-aħħar minn kull responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-ksur li huwa lmentat kontriha, iżda jista’, l-iktar l-iktar, iwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa. Effettivament, il-fatt li Deltafina kienet il-mexxej tal-akkordju tal-proċessuri ttieħed inkunsiderazzjoni biss, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala ċirkustanza aggravanti waqt il-kalkolu tal-multa.
69 Sussegwentement, il-Kummissjoni tqis li, f’kull każ, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. F’dan ir-rigward, minn naħa, hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha minnha nnifisha ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, hija tirreferi għall-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont hi, tindika b’mod ċar u preċiż biżżejjed il-motivi għalfejn Deltafina ġiet ikkunsidrata bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
70 Għandu jiġi rrilevat li din il-parti hija invokata minn Deltafina insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li, l-istess bħall-ewwel żewġ partijiet, hija intiża sabiex turi li l-Kummissjoni ma setgħetx iżżommha responsabbli għall-akkordju tal-proċessuri.
71 Issa, hekk kif tajjeb tosserva l-Kummissjoni, il-kwalità ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri attribwita lil Deltafina ttieħdet inkunsiderazzjoni biss, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, u dan bħala ċirkustanza aggravanti (ara l-Premessi 435 u 436 tad-deċiżjoni kkontestata). Kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem Deltafina, ma kinitx il-konstatazzjoni li hija kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiddikjaraha responsabbli għall-ksur, iżda l-konstatazzjoni, ibbażata b’mod partikolari fuq id-diversi elementi miġbura fil-Premessi 359 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija pparteċipat b’mod dirett u attiv fl-akkordju msemmi. Fi kliem ieħor, il-kwalità ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri attribwita lil Deltafina ma kellhiex impatt fuq l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għat-twettiq tal-ksur.
72 Ċertament, l-aġir ta’ Deltafina li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqu sabiex tikkwalifikaha bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri huma essenzjalment l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom hija kkonkludiet li din ipparteċipat fl-imsemmi akkordju. Xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif sewwa rrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-kwistjoni jekk impriża pparteċipatx f’akkordju u dik, jekk ikun il-każ, tal-firxa u tal-intensità ta’ din il-parteċipazzjoni jiffurmaw parti minn żewġ apprezzamenti distinti, l-ewwel wieħed dwar l-istabbiliment tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE u t-tieni dwar id-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni.
73 Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv, għalkemm hija fondata, ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din għandha tiġi miċħuda bħala inoperanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Madankollu, din it-tielet parti ser tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tas-sitt motiv, li huwa parzjalment ibbażat fuq l-istess argumenti.
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-suq inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
74 Deltafina tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-swieq tal-prodott u dak ġeografiku inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
75 Qabel kollox, f’dan ir-rigward, Deltafina tirreferi għall-punti 27 u s-segwenti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni (T‑61/99, Ġabra p. II‑5349). Hija ssostni li, skont il-punt 30 ta’ din is-sentenza, ilmenti kontra d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni adottata mill-Kummissjoni jistgħu jirrigwardaw elementi li jappartjenu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE minbarra l-eżistenza ta’ “ftehim” bejn impriżi, “l-influwenza fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri” u “l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni”, jiġifieri b’mod partikolari l-portata tal-akkordju inkwistjoni, il-karattru uniku jew globali tiegħu, kif ukoll il-portata tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati. Dawn l-aħħar elementi huma marbuta mill-qrib mal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali għat-twettiq ta’ ksur kollettiv kif ukoll ma’ prinċipji ġenerali tad-dritt bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Deltafina tirrileva wkoll li, skont il-punt 32 tal-istess sentenza “huwa għalhekk mixtieq li l-Kummissjoni, meta tadotta deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur kumpless, kollettiv u mhux interrott, kif inhuma ta’ spiss il-kartelli, lil hinn mill-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81(1) KE], tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, jekk tali deċiżjoni għandha twassal għar-responsabbiltà personali ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, dan għandu jkun biss għall-parteċipazzjoni stabbilita tagħhom għall-aġir kollettiv issanzjonat u ddelimitat b’mod korrett”. Hija żżid li, skont l-istess punt, “peress li tali deċiżjoni tista’ toħloq konsegwenzi kbar fuq ir-relazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati mhux biss fil-konfront tal-amministrazzjoni iżda anki fil-konfront ta’ terzi persuni, hemm bżonn li l-Kummissjoni teżamina s-suq jew is-swieq inkwistjoni u tidentifikahom fil-motivi tad-deċiżjoni li tissanzjona ksur tal-Artikolu [81(1) KE] b’mod suffiċjentement preċiż sabiex tifhem il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq li fih il-kompetizzjoni hija distorta, filwaqt li twieġeb għall-bżonnijiet essenzjali taċ-ċertezza legali”.
76 Sussegwentement, Deltafina tippretendi li, peress li hija ma hijiex attiva fis-suq li fih seħħ l-aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tiddikjaraha responsabbli għal dan l-aġir u timponilha sanzjoni.
77 Finalment, filwaqt li tinvoka l-istess motiv, Deltafina tosserva wkoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix ir-“rabta bejn l-[imsemmi] aġir u l-effetti fuq is-suq li, anki fil-preżenza ta’ ksur minħabba l-iskop tiegħu, għandu jkollu konsegwenzi dannużi fuq il-kompetizzjoni”. Hija tqis li r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni, fil-Premessa 368 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-punt 136 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni (T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141), hija irrilevanti.
78 Qabel kollox, b’risposta għall-argumenti ta’ Deltafina, il-Kummissjoni tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata, hija tiddefinixxi b’mod suffiċjentement ċar u dettaljat il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tas-suq li fih ġew implementati l-prattiċi ristrettivi inkwistjoni.
79 Sussegwentement, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Deltafina li tgħid li hija kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta żammitha responsabbli għall-aġir inkwistjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, meta din il-kumpannija ma kinitx attiva fis-suq li fih ġie identifikat dan l-aġir.
80 Finalment, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala “totalment mingħajr sens” l-argument ta’ Deltafina li jgħid li, peress li din tal-aħħar ma kinitx preżenti fis-suq inkwistjoni, ma hemm l-ebda rabta bejn l-aġir illegali kkonċernat u l-effetti tiegħu f’dan is-suq. Hija tosserva li l-fatt li Deltafina ma hijiex direttament attiva fis-suq li fih ġew ikkonstatati l-prattiċi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma jeżentahiex mir-responsabbiltà tagħha fl-implementazzjoni ta’ dawn il-prattiċi u lanqas ma għandu jwassal sabiex jiġi konkluż li dawn tal-aħħar ma kellhomx effetti fuq is-suq imsemmi. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari b’riferiment għall-punt 136 tas-sentenza European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, hija ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex neċessarju li jiġu evalwati l-effetti konkreti fuq is-suq ta’ ftehim li, bħal f’dan il-każ, kjarament jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
81 Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Deltafina, il-Kummissjoni ma naqsitx milli tidentifika s-swieq tal-prodott u dak ġeografiku inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
82 Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta b’mod ċar u preċiż biżżejjed li s-suq inkwistjoni huwa s-suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum. B’mod partikolari, fil-Premessi 19 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi fid-dettall l-impriżi tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja – b’mod partikolari billi tagħti preċiżazzjonijiet fuq l-attivitajiet tagħhom ta’ xiri u ta’ pproċessar ta’ tabakk mhux maħdum kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali li huma għandhom bejniethom –, il-produtturi ta’ tabakk mhux maħdum, ir-rappreżentanti tal-produtturi, diversi aspetti mis-settur tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja, fosthom ir-reġjuni ta’ produzzjoni, il-volum u l-valur tal-produzzjoni, il-valur tal-bejgħ, id-diversi varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum u l-prezzijiet medji ta’ provvista (massimi) ta’ kull waħda mill-imsemmija varjetajiet, kif ukoll il-kuntesti leġiżlattivi tal-Komunità u ta’ Spanja applikabbli għat-tabakk mhux maħdum.
83 Barra minn hekk, l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jinftiehmu b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq li fih tinsab distorta l-kompetizzjoni, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem Deltafina meta ssemmi l-aħħar frażi tal-punt 32 tas-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq.
84 Deltafina hija inqas fondata meta tippretendi li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika s-suq inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li jirriżulta minn diversi partijiet mill-kitbiet tagħha li hija fehmet perfettament li dan kien is-suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum. Għalhekk, sabiex jissemma’ eżempju wieħed biss, kull argumentazzjoni li hija tiżviluppa insostenn tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv hija bbażata preċiżament fuq din id-definizzjoni.
85 Ir-raba’ parti tal-ewwel motiv hija għalhekk kompletament infondata fil-fatt.
86 Fir-rigward tal-argument ta’ Deltafina li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali meta żammitha responsabbli minn ksur implementat f’suq li hija ma kinitx attiva fih, dan ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie espost fil-punti 48 u 49 iktar ’il fuq, impriża tista’ tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari ġewwa s-suq komuni, mingħajr ma dan ma jippresupponi neċessarjament li din tkun hija stess attiva fl-imsemmi suq rilevanti. Fir-realtà, dak li huwa rilevanti sabiex l-attribuzzjoni tal-ksur kollu lil impriża parteċipanti f’akkordju tkun konformi mal-ħtiġjiet tal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, huwa li l-impriża msemmija tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet, oġġettiva u suġġettiva, imsemmija fil-punti 57 sa 63 iktar ’il fuq, liema ħaġa hija l-każ fir-rigward ta’ Deltafina hekk kif ser jintwera fil-punti 122 sa 133 iktar ’il quddiem.
87 Finalment, kuntrarjament għal dak li tidher li ssostni Deltafina (ara l-punt 77 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi dedott, mis-sempliċi fatt li din tal-aħħar ma kinitx attiva fis-suq inkwistjoni, li l-akkordju tal-proċessuri ma setax ikollu effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni f’dan is-suq.
88 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
89 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv, ma jistax jiġi milqugħ minn ebda waħda mill-partijiet tiegħu.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
90 It-tieni motiv invokat minn Deltafina huwa maqsum f’erba’ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tikkritika l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni attribwitilha rwol differenti minn dak li kienet ilmentatilha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tippretendi li l-aġir li huwa lmentat kontriha għandu, fir-realtà, ikun attribwit lill-president tagħha. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija tippretendi li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħtiha aċċess għal xi dokumenti inkriminanti. Finalment, fil-kuntest tar-raba’ parti, hija tippretendi li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar biżżejjed is-swieq tal-prodott u dak ġeografiku inkwistjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
91 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li Deltafina tinvoka fil-kuntest tat-tieni motiv, mingħajr ma tassoċjah ma’ xi waħda mill-erba’ partijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jipprovdi l-ebda żvilupp tali li jsostnieh. Għalhekk, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 35 iktar ’il fuq).
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni attribwixxiet lil Deltafina rwol differenti minn dak li kienet attribwixxitilha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
– L-argumenti tal-partijiet
92 Deltafina tippretendi li l-Kummissjoni, meta żammitha responsabbli bħala “awtur” jew “koawtur” tal-ksur fid-deċiżjoni kkontestata u meta kkwalifikatha, f’din id-deċiżjoni, bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri, tagħtha rwol differenti minn – u iktar serju minn – dak li kienet attribwixxitilha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
93 Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, Deltafina tirrileva numru ta’ differenzi bejn it-test tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dak tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, hija tosserva li, filwaqt li, imkien fl-ewwel waħda ma huwa lmentat kontriha li kienet parti mill-akkordji u mill-prattiki inkwistjoni – fejn tali lment kien ifformulat biss kontra l-proċessuri Spanjoli –, min-naħa l-oħra, fit-tieni waħda, hija ppreżentata bħala li pparteċipat b’mod dirett u attiv f’dawn l-akkordji u prattiki. Bl-istess mod, imkien ma tissemma, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iċ-ċirkustanza li Deltafina setgħet titqies bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri. Barra minn hekk, Deltafina tikkritika numru ta’ kunsiderazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata.
94 Deltafina ssostni li, meta pproċediet b’dan il-mod, il-Kummissjoni mhux biss avvanzat teżi mhux ikkorroborata mill-provi tal-fajl, iżda kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fir-rigward ta’ dan l-ewwel punt, hija tilmenta, b’mod iktar partikolari, li l-Kummissjoni ma ppermettitilhiex li tesprimi ruħha dwar il-kwalifiki bħala awtur jew koawtur tal-ksur u bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri li ġew adottati kontriha fid-deċiżjoni kkontestata.
95 Il‑Kummissjoni tippretendi li qatt ma kkwalifikat lil Deltafina bħala “awtur” jew bħala “koawtur” tal-prattiċi restrittivi inkriminati, filwaqt li tirrileva li dawn il-kwalifiki ma għandhomx “tifsira ġuridika” fid-dritt tal-kompetizzjoni. Filwaqt li tirreferi għall-fatti msemmija fil-Premessi 362 sa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tippreċiża li l-konklużjoni li waslet għaliha f’din id-deċiżjoni hija li Deltafina “ipparteċipat” b’mod sħiħ fil-prattiki msemmija u li għalhekk hija kellha tinżamm koresponsabbli “b’mod sħiħ” għall-ksur.
96 Il‑Kummissjoni ssostni li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija bbażat ruħha fuq l-istess fatti sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Deltafina fl-akkordju tal-proċessuri u, bħala konsegwenza, il-koresponsabbiltà tagħha għall-ksur tal-Artikolu 81 KE. Hija tirrileva li, wara kollox, fir-risposta tagħha għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Deltafina ddefendiet ruħha ampjament fir-rigward tar-rwol li kien attribwit lilha fl-akkordju tal-proċessuri. Hija tqis li b’hekk, l-ebda waħda mid-“differenzi fit-tfassil” bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, irrilevati minn Deltafina, ma hija tali li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar.
97 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika li Deltafina tinvoka kontra xi kunsiderazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.
98 Finalment, il-Kummissjoni, b’riferiment għall-aġir deskritt fil-Premessi 363 sa 365 tad-deċiżjoni kkontestata, tqis li ma huwa bl-ebda mod “irraġonevoli” li jiġi sostnut, hekk kif hija ssostni fil-Premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, li Deltafina kellha rwol “partikolarment attiv” fl-akkordju tal-proċessuri.
99 Skont il-Kummissjoni, mill-elementi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li hija ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni u li lanqas ma kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Deltafina meta qieset lil din bħala parti fil-prattiki restrittivi msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u meta ddikjarata koresponsabbli għal dawn il-prattiki.
100 Fir-rigward tal-kritiki li Deltafina tifformula fir-rigward tal-kwalifika bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri adottata fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel kollox, tosserva li, anki jekk jitqies li dawn huma fondati, dan jista’, l-iktar l-iktar, iwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa.
101 Sussegwentement, il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk kellhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u peress li hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal-impriżi għal smigħ xieraq. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 199). Issa, il-provi meħtieġa mill-ġurisprudenza jidhru fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
102 Finalment, il-Kummissjoni tosserva li, f’kull każ, il-fatt li hija ma indikatx b’mod espliċitu, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra bħala ċirkustanza aggravanti r-rwol partikolari adottat minn Deltafina fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri ma kellu l-ebda konsegwenza fuq id-difiża ta’ din l-impriża. Fil-fatt, din ressqet espressament, fil-paġni 31 sa 37 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, argumenti intiżi sabiex jiġi mminimizzat ir-rwol tagħha.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
103 Din il-parti hija komposta minn żewġ partijiet prinċipali. Minn naħa, Deltafina tinvoka l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol tagħha fl-akkordju tal-proċessuri. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni, kif magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.
104 Fil-kuntest ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ partijiet, Deltafina tifformula b’mod partikolari lmenti kontra l-kwalità ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri li ġiet attribwita lilha. Għalhekk, fil-kuntest tal-ewwel parti, hija tilmenta li l-Kummissjoni ma semmietx, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iċ-ċirkustanza li hija setgħet titqies bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri, u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-kuntest tat-tieni parti, hija tosserva li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li hija kellha tali rwol fl-akkordju tal-proċessuri ma hijiex sostnuta biżżejjed.
105 Hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 71 iktar ’il fuq u kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-kwalità bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri attribwita lil Deltafina ittieħdet inkunsiderazzjoni biss, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, u dan bħala ċirkustanza aggravanti. Għalhekk, anki jekk il-ksur tad-drittijiet tad-difiża invokat b’relazzjoni ma’ din il-kwalità jiġi pprovat jew kieku kellu jidher li l-imsemmija kwalità ma hijiex biżżejjed stabbilità fil-liġi, dan ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif titlob Deltafina meta tinvoka din il-parti, iżda, l-iktar l-iktar, għal tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha. Għaldaqstant, l-ilmenti msemmija għandhom jiġu miċħuda bħala inoperanti fil-kuntest ta’ din il-parti. Dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest tas-sitt motiv iktar ’il quddiem, li huwa invokat minn Deltafina insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha u li huwa bbażat, essenzjalment, fuq l-istess kunsiderazzjonijiet.
106 Fir-rigward tal-kritiki l-oħra li Deltafina tifformula insostenn ta’ din il-parti, dawn iqajmu tliet kwistjonijiet distinti, jiġifieri, l-ewwel nett, dik tal-bażi li fuqha l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li din il-kumpannija kienet kisret l-Artikolu 81 KE, it-tieni nett, dik jekk f’dan ir-rigward jeżistux diverġenzi bejn din id-deċiżjoni u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u, it-tielet nett, dik tal-ġustifikazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt tal-imsemmija konklużjoni tal-Kummissjoni.
107 F’dak li jirrigwarda l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif diġà ġie espost fil-punti 15 sa 21 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna żewġt akkordji orizzontali konklużi u implementati fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum, l-ewwel wieħed li jimplika lill-proċessuri Spanjoli u lil Deltafina, u t-tieni wieħed lir-rappreżentanti tal-produtturi. Skont id-deċiżjoni kkontestata, kull wieħed mill-akkordji huwa kkaratterizzat minn numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma u jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara b’mod partikolari l-Premessi 275 sa 277 u 296 sa 298 tad-deċiżjoni kkontestata).
108 Il-proċessuri Spanjoli u Deltafina huma miżmuma responsabbli għat-totalità tal-ewwel ksur u r-rappreżentanti tal-produtturi għat-totalità tat-tieni wieħed (ara b’mod partikolari l-Artikolu 1 u l-Premessi 358, 359 u 366 tad-deċiżjoni kkontestata).
109 B’mod iktar preċiż, minn diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Deltafina hija kkunsidrata bħala li, l-istess bħall-proċessuri Spanjoli, ikkonkludiet ftehim u/jew ipparteċipat fi prattiki miftiehma li kellhom l-iskop li jiffissaw, kull sena, matul il-perijodu 1996/2001, il-prezz medju ta’ provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jaqsmu l-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi (ara b’mod partikolari l-Premessi 85, 88, 112, 144, 274, 276, 278, 279, 281 sa 283, 285 sa 287, 301, 303, 305 u 357 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, Deltafina hija kunsidrata bħala li, l-istess bħall-proċessuri Spanjoli u matul il-perijodu 1999/2001, ikkonkludiet ftehim u/jew ipparteċipat fi prattiki miftiehma li kellhom l-iskop li jiffissaw il-prezzijiet skont il-grad kwalitattiv ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum imsemmija fit-tabella annessa mal-kuntratti ta’ tkabbir kif ukoll il-kundizzjonijiet kumplimentari (ara b’mod partikolari l-Premessi 85, 274, 276, 290 u 357 tad-deċiżjoni kkontestata).
110 Fi kliem ieħor, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa lmentat li Deltafina pparteċipat direttament u b’mod attiv fl-akkordju tal-proċessuri (ara b’mod partikolari l-Premessi 357, 361, 366 u 369 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tippreċiża b’mod partikolari, fil-Premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li “r-rwol ta’ Deltafina f’dan il-każ għandu jitqies bħala li kien dirett u primarju u ma [kienx] limitat għar-rwol ta’ koordinatur estern u/jew ta’ faċilitatur”.
111 Fil-premessi 359 sa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi, billi tirreferi għal premessi oħra ta’ din id-deċiżjoni, ir-raġunament u l-fatti speċifiċi li hija bbażat ruħha fuqhom sabiex tasal għall-konklużjonijiet esposti fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq.
112 Dan ir-raġunament u dawn il-fatti huma s-segwenti:
– Deltafina, permezz tal-president tagħha u – xi kultant – ta’ rappreżentanti oħra, ipparteċipat għal xi laqgħat tal-akkordju tal-proċessuri (Premessi 67, 112 u 363 tad-deċiżjoni kkontestata), f’dan il-każ il-laqgħat tat-13 ta’ Marzu 1996 f’Madrid (Spanja) (Premessi 88 u 92 tad-deċiżjoni kkontestata), tas-17 ta’ Diċembru 1996 (Premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-30 ta’ Jannar 1997 f’Ruma (l-Italja) (Premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata) u ta’ Marzu 1999 (Premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata);
– Deltafina, meta ma kinitx preżenti għal xi laqgħat tal-akkordju tal-proċessuri, kienet infurmata b’mod regolari, minn dawn tal-aħħar, bis-sitwazzjoni tas-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum u bil-prattiki li kienu implementaw (Premessi 112, 133 sa 136, 140 sa 143, 145, 149 u 364 tad-deċiżjoni kkontestata);
– fl-1997, il-president ta’ Deltafina kien ukoll id-depożitarju ta’ nota li l-proċessuri Spanjoli kienu ppreparaw u ffirmaw matul waħda mil-laqgħat tagħhom u li kienet tirriproduċi fid-dettall id-diversi ftehim li kienu waslu għalihom (Premessi 122 u 364 tad-deċiżjoni kkontestata);
– Deltafina interveniet fl-organizzazzjoni tal-akkordju tal-proċessuri, b’mod partikolari billi bagħtitilhom posta elettronika sabiex tikseb l-implementazzjoni tajba tal-ftehim illegali u billi b’hekk aġixxiet bħala medjatur fil-kwistjonijiet ta’ bejniethom (Premessi 140 u 365 tad-deċiżjoni kkontestata);
– Deltafina kellha rwol ċentrali fil-kuntest tan-negozjati bejn il-proċessuri Spanjoli u r-rappreżentanti tal-produtturi dwar il-prezzijiet tat-tabakk żejjed tal-ħsad tal-1999 (Premessi 207, 221 u 365 tad-deċiżjoni kkontestata).
113 F’dak li jirrigwarda t-tieni kwistjoni, għandu preliminarjament jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal penali, b’mod partikolari għal multi jew għal penali perjodiċi, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat anki jekk tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 19).
114 B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeħtieġ li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni lil impriża li fil-konfront tagħha hija għandha l-intenzjoni timponi sanzjoni għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tinkludi l-elementi essenzjali meqjusa kontriha, bħall-fatti allegati, il-kwalifika li tingħatalhom u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex din l-impriża tkun f’pożizzjoni li ssostni l-argumenti tagħha b’mod effikaċi fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mressqa kontriha (ara s-sentenza ARBED vs Il‑Kummissjoni, punt 113 iktar ’il fuq, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).
115 Barra minn hekk, ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedimenti amministrattivi għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-oġġezzjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni li ttemm il-proċedura (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 60, u ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 70). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tippresupponi li l-oġġezzjoni li l-impriża ssostni li ma ġietx akkużata biha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet inkluża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.
116 F’dan il-każ, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bħal fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddistingwi bejn żewġ akkordji orizzontali, li huma kkaratterizzati minn numru ta’ akkordji u/jew prattiki miftiehma, fis-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum, l-ewwel wieħed li jimplika s-settur tal-ewwel ipproċessar, u t-tieni wieħed li jimplika dak tal-produzzjoni, u tikkwalifika lil kull wieħed minn dawn l-akkordji bħala ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara b’mod partikolari punti 1, 316 sa 318 u 338 sa 340 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). Bħal fid-deċiżjoni kkontestata, il-proċessuri Spanjoli u Deltafina huma miżmuma responsabbli mit-totalità tal-ewwel ksur u r-rappreżentanti tal-produtturi mit-totalità tat-tieni ksur (ara b’mod partikolari l-punti 411, 412 u 420 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).
117 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ Deltafina, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li, bħal fid-deċiżjoni kkontestata, din il-kumpannija tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-ksur minħabba l-involviment dirett u attiv tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju tal-proċessuri. B’hekk, fl-ewwel frażi tal-punt 415 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kważi identika għall-ewwel frażi tal-Premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li “Deltafina kellha rwol partikolarment attiv fil-kartell tal-proċessuri Spanjoli ta’ tabakk mhux maħdum”. Bl-istess mod, fil-punt 420 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li huwa mfassal f’termini simili għal dawk tal-Premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi b’mod partikolari li għandu “jitqies li Deltafina pparteċipat b’mod attiv fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-prezz medju u fuq il-kwantitajiet konkluż bejn il-proċessuri sa mill-1996 kif ukoll fin-negozjati tat-tabelli tal-prezzijiet tat-tabakk żejjed fl-2000”.
118 Barra minn hekk, ir-raġunament u l-fatti li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ilment ibbażat fuq implikazzjoni diretta u attiva ta’ Deltafina fil-ksur jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li hija tadotta fid-deċiżjoni kkontestata u li huma esposti fil-punt 112 iktar ’il fuq (ara b’mod partikolari l-punti 412 sa 420 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-diversi punti ta’ dan l-avviż li dawn jirreferu għalihom).
119 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tosserva Deltafina, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex differenti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-motivi li għalihom ġiet attribwita r-responsabbiltà tal-ksur. Meta qrat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Deltafina kellha neċessarjament tifhem li, hekk kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq l-implikazzjoni diretta u attiva tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju tal-proċessuri. Peress li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippermettiet li Deltafina ssir taf mhux biss bl-ilment ibbażat fuq l-implikazzjoni diretta u attiva tagħha fil-ksur, iżda wkoll bil-fatti użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tiżgura b’mod sħiħ id-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva.
120 Ċertament, f’diversi partijiet tad-deċiżjoni kkontestata, Deltafina hija msemmija espressament, flimkien mal-proċessuri Spanjoli, bħala li pparteċipat fil-ftehim u/jew fil-prattiki miftiehma inkwistjoni (ara l-punt 109 iktar ’il fuq) filwaqt li hija ma tissemmiex fil-partijiet korrispondenti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, din hija sempliċi differenza fil-preżentazzjoni tal-fatti, li hija intiża biss sabiex tagħti rendikont tal-fatti b’mod iktar preċiż fid-deċiżjoni kkontestata u ma tistax tikkostitwixxi emenda materjali tal-ilmenti kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 91, u tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 14; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 1996, Compagnie maritime belge de transports et vs Il‑Kummissjoni, T‑24/93 sa T‑26/93 u T‑28/93, Ġabra p. II‑1201, punt 113).
121 Bl-istess mod, fil-punt 413 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, filwaqt li ssemmi d-Deċiżjoni 80/1334/CEE tagħha, tas-17 ta’ Diċembru 1980, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] (IV/29.869 – Cast glass Taljan) (ĠU L 383, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Cast glass”), tiddikjara li, skont il-prassi deċiżjonali, “meta impriża tippermetti u tgħin ‘intenzjonalment’ għar-realizzazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma l-iskop stess tal-ftehim ikkonċernati, hija tista’ tinżamm ‘koresponsabbli’ għall-effetti restrittivi li jirriżultaw minnhom”. Din l-osservazzjoni, li ma hemmx ekwivalent għaliha fid-deċiżjoni kkontestata u li tidher fit-taqsima tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dedikata għad-destinatarji tagħha u, singolarment, għal Deltafina, tista’, mal-ewwel daqqa t’għajn, tiġi interpretata bħala li tfisser li l-Kummissjoni tilmenta kontra din tal-aħħar, mhux li pparteċipat direttament u b’mod attiv fl-akkordju tal-proċessuri, iżda biss li ffaċilitat it-twettiq tal-ksur. Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi milqugħa, peress li din ma tiħux inkunsiderazzjoni l-punti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet segwenti għall-osservazzjoni msemmija u, b’mod iktar partikolari, il-punti 415 u 420, li fihom huwa kjarament ilmentat kontra Deltafina li pparteċipat b’mod attiv fl-akkordju tal-proċessuri (ara l-punt 117 iktar ’il fuq). Fir-realtà, meta fformulat din l-osservazzjoni fil-punt 413 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni – anki jekk kien ikun mixtieq li din użat termini iktar preċiżi f’dan ir-rigward – kellha l-intenzjoni li tindika li impriża tista’ tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari ġewwa s-suq komuni, mingħajr ma dan jippresupponi neċessarjament li din tkun hija stess attiva fl-imsemmi suq rilevanti. Dan jidher ċar meta l-imsemmija osservazzjoni tinqara fil-kuntest tal-parti tad-deċiżjoni Cast glass li ttieħdet minnha.
122 F’dak li jirrigwarda t-tielet kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li Deltafina ma tikkontestax li l-fatti li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom, fil-premessi 359 sa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex iżżommha responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, kif imfakkra fil-punt 112 iktar ’il fuq, huma sostnuti mill-provi li jinsabu fil-fajl. Fir-realtà, fil-kuntest ta’ din il-parti, Deltafina tqiegħed indiskussjoni l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-fatti msemmija jiġġustifikaw li l-ewwel ksur ikun attribwit kollu lilha.
123 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, sabiex il-ksur kollu jkun jista’ jiġi attribwit lil impriża li tipparteċipa f’akkordju, hemm bżonn li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, waħda ta’ natura oġġettiva u l-oħra ta’ natura suġġettiva (ara l-punti 57 sa 63 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, hemm bżonn li din l-impriża tkun ikkontribwixxiet għall-implementazzjoni tal-akkordju, anki b’mod sussidjarju, aċċessorju jew passiv. F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, l-impriża msemmija għandha tkun uriet ir-rieda tagħha stess, li turi li hija tissottoskrivi, anki jekk biss b’mod taċitu, għall-għanijiet tal-akkordju.
124 Qabel kollox, f’dan il-każ, huwa stabbilit li Deltafina kkontribwixxiet b’mod attiv u dirett fl-implementazzjoni tal-akkordju tal-proċessuri matul il-perijodu tal-ksur.
125 B’hekk, il-provi fil-fajl juru li żewġ rappreżentanti ta’ Deltafina, f’dan il-każ is-Sur M, il-president tagħha, u s-Sur C, id-direttur tagħha responsabbli mix-xiri, ipparteċipaw fl-ewwel laqgħa tal-akkordju tal-proċessuri, jiġifieri fit-13 ta’ Marzu 1996 f’Madrid, li matulha ġew diskussi l-prezzijiet u l-volumi ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum għas-sena 1996/1997 u ġie konkluż ftehim fuq il-prezzijiet. Minn faks mibgħuta minn WWTE lil Deltafina fl-10 ta’ April 1996, imsemmija fil-Premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li din ikkontribwixxiet b’mod attiv għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim u fasslet il-minuti li jinkludu dan il-ftehim. Minn din il-faks kif ukoll minn faks mibgħuta minn Agroexpansión lil Deltafina fit-22 ta’ April 1996 jirriżulta wkoll li WWTE u Agroexpansión ilmentaw ma’ Deltafina fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim min-naħa ta’ Cetarsa.
126 Laqgħa oħra tal-akkordju tal-proċessuri kienet prevista għas-17 ta’ Diċembru 1996, fil-preżenza tas-Sur M. Dan tal-aħħar kif ukoll is-Sur C ipparteċipaw ukoll fil-laqgħa tal-akkordju tal-proċessuri tat-30 ta’ Jannar 1997 f’Ruma, li matulha ġew konklużi ftehim dwar il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum għas-sena 1997/1998. Mill-fajl jirriżulta li s-Sur M żamm nota mfassla u ffirmata mill-proċessuri Spanjoli matul din l-aħħar laqgħa, li ssemmi fid-dettall dawn il-ftehim differenti, u li sussegwentement qeridha fuq talba ta’ dawn l-istess proċessuri.
127 Sussegwentement, diversi drabi, WWTE u Agroexpansión infurmaw lil Deltafina bis-sitwazzjoni tas-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum, u lmentaw ma’ din tal-aħħar bin-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim imsemmija fil-punt 126 iktar ’il fuq kif ukoll ta’ ftehim oħrajn li kienu ġew konklużi matul l-ewwel xhur tal-1997. B’hekk, fid-29 ta’ April 1997, WWTE bagħtet faks lis-Sur M fejn indikatlu li l-prezz minimu (medju) li Cetarsa kienet aċċettat li tħallas lill-produtturi kien jikkostitwixxi ksur ta’ ftehim konkluż bejn il-proċessuri fil-preżenza tas-Sur M u li kien, konsegwentement, impossibbli li jiġi osservat l-impenn li jitħallas prezz medju ta’ 50/60 Pesetas Spanjoli (ESP) għal kull kilo. B’risposta għal din il-faks, is-Sur M, permezz ta’ faks tal-istess jum fuq karta bil-letterhead ta’ Deltafina, talab lil WWTE sabiex “tibqa’ kalma”, u indikalha li “dejjem tħallas iktar ma jgħin lil ħadd”. Fit-30 ta’ April 1997, Agroexpansión bagħtet faks lis-Sur M fejn b’mod partikolari rrilevat li “l-ftehim u l-laqgħat mal-proċessuri l-oħra [kienu], għal darb’oħra, mingħajr suċċess u ridikoli” u li hija “[kienet] osservat il-ftehim u [kienet] ser tixtri 5 miljun kilo iżda kienet ser tħallas ESP 30 iktar mis-sena li għaddiet”. B’faks tad-9 ta’ Lulju 1997, WWTE reġgħet ilmentat ma’ Deltafina dwar l-aġir ta’ Cetarsa, b’mod partikolari billi enfasizzat in-neċessità li “tinkiseb il-paċi fis-settur” u li jkun hemm “ftehim mingħajr ftehim”. Fil-faks tagħha, WWTE indikat ukoll: “Kif għidt int kemm-il darba, ftehim fuq il-prezzijiet ma huwiex possibbli mingħajr ftehim fuq il-kwantitajiet. Il-ftehim fuq il-kwantitajiet ma jistax ikun biss għal sena […] Huwa neċessarju li jkun hemm ftehim [ta’ tul] eventwalment ta’ ħames snin [jew] minimu ta’ tliet snin.”
128 Fl-1 ta’ Ottubru 1997, Agroexpansión bagħtet faks lil Deltafina sabiex tinfurmaha li WWTE kienet aċċettat li tħallas prezzijiet ogħla minn dawk li kienu ġew miftiehma. B’reazzjoni għal din il-faks, fl-istess jum, is-Sur M kiteb lil WWTE, fuq karta bil-letterhead ta’ Deltafina, sabiex jindikalha li, jekk din l-informazzjoni tirriżulta eżatta, tkun tirriżulta problema serja u li l-aġir tagħha jista’ jiġi interpretat bħala “attakk vjolenti” kontra Agroexpansión. B’faks tat-2 ta’ Ottubru 1997 lil Deltafina, WWTE esponiet il-perspettiva tagħha fuq din il-kwistjoni.
129 Fis-6 ta’ Novembru 1997, WWTE bagħtet faks lil Deltafina, fejn b’mod partikolari indikat li hija pprovat “bil-mezzi kollha” li tikseb ftehim fuq il-kwantitajiet u li, waqt il-laqgħa li kienet ser tinżamm mal-proċessuri l-oħra fl-20 ta’ Novembru ta’ wara, hija kienet ser tipproponi “il-garanzija [tal-]akkordji permezz tal-iddepożitar ta’ somom kbar ta’ flus li jippermettu ċertezza fl-eżekuzzjoni tal-ftehim”. Ma’ din il-faks kienet annessa tabella li kien fiha informazzjoni fuq ċerti prezzijiet imħallsa minn kull wieħed mill-proċessuri Spanjoli.
130 Deltafina ġiet infurmata minn Taes bil-ftehim qafas fuq il-kundizzjonijiet ta’ xiri għas-sena 1998/1999 konkluż mill-proċessuri waqt il-laqgħa f’Madrid tal-20 ta’ Jannar 1998 sa mill-għada ta’ din il-laqgħa.
131 Minn rapport tal-attività ta’ Agroexpansión tas-6 ta’ April 1999 jirriżulta li s-Sur M ipparteċipa, f’Marzu 1999, għal laqgħa mal-proċessuri Spanjoli u mal-Anetab li matulha ġie diskuss il-prezz tat-tabakk mhux maħdum u t-tqassim tal-volumi tax-xiri ta’ tabakk mhux maħdum għas-sena 1999/2000.
132 Finalment, fl-2000, Deltafina interveniet fin-negozjati bejn il-proċessuri u r-rappreżentanti tal-produtturi dwar il-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum żejjed tal-1999. B’mod iktar partikolari, fid-dawl ta’ laqgħa tal-Anetab li kellha ssir fl-aħħar ta’ Frar 2000, is-Sur M bagħat, fil-15 ta’ Frar 2000, faks fuq karta bil-letterhead ta’ Deltafina lil Cetarsa, Agroexpansión u WWTE sabiex jinfurmahom bil-ħsibijiet, pariri u proposti tiegħu f’dan ir-rigward.
133 Sussegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ Deltafina, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ikkollaborat għall-akkordju tal-proċessuri bl-għarfien sħiħ tal-fatti u b’mod deliberat. Effettivament, Deltafina kemm ma setgħetx tinjora, kif ukoll kienet taf, evidentement, bl-iskop antikompetittiv u illegali ta’ dan l-akkordju, liema skop immanifesta ruħu, b’mod partikolari, bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat bi skop antikompetittiv, bl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva li din ipparteċipat fih b’mod attiv matul il-perijodu tal-ksur, u fil-kuntest ta’ nota li tirriproduċi fid-dettall ċerti ftehim li jirrigwardaw il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum li hija kienet id-depożitarja tiegħu. F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li Deltafina kellha interess, fid-dawl tal-pożizzjoni importanti li kienet tokkupa fis-suq tax-xiri ta’ tabakk ipproċessat Spanjol u tar-rwol tagħha bħala responsabbli mill-koordinazzjoni u mis-superviżjoni tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Universal fl-Ewropa (ara l-punti 142 u 268 sa 272 iktar ’il quddiem), li jiġu implementati l-prattiċi restrittivi inkwistjoni.
134 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li kien b’mod ġust u mingħajr ma kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Deltafina li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet saret responsabbli għall-ksur li jikkostitwixxi l-akkordju tal-proċessuri.
135 Isegwi li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-aġir lmentat kontra Deltafina għandu, fir-realtà, ikun ilmentat kontra l-president tagħha
– L-argumenti tal-partijiet
136 Deltafina tosserva li l-aġir li huwa lmentat kontriha seta’ jiġi imputat biss lill-president tagħha, is-Sur M, peress li dan dejjem aġixxa, fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri, f’ismu personali u mhux bħala rappreżentant jew organu tal-kumpannija.
137 Hija tippreċiża li l-proċessuri Spanjoli għażlu lis-Sur M bħala “gwardjan tal-ftehim tagħhom” minħabba l-garanziji ta’ newtralità li kien joffri u l-awtorità li kien igawdi minnha fl-industrija tat-tabakk, kemm fi Spanja u fl-Italja kif ukoll fil-bqija tad-dinja.
138 Il‑Kummissjoni titlob sabiex l-argumenti ta’ Deltafina jiġu miċħuda.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
139 Għandu jiġi kkonstatat li minn numru ta’ provi fil-fajl jirriżulta li s-Sur M ipparteċipa fl-akkordju tal-proċessuri, mhux f’ismu personali, iżda fil-kwalità ta’ rappreżentant ta’ Deltafina.
140 F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li s-Sur M huwa l-president ta’ din il-kumpannija.
141 Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, matul xi laqgħat tal-akkordju, is-Sur M kien akkumpanjat minn rappreżentant ieħor ta’ Deltafina, li jeżerċita funzjonijiet importanti fi ħdan din il-kumpannija (ara l-punti 125 u 126 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-laqgħa ta’ Ruma tat-30 ta’ Jannar 1997 (ara l-punt 126 iktar ’il fuq) inżammet fl-uffiċċji ta’ Deltafina u li d-diversi ittri mibgħuta mis-Sur M lill-proċessuri Spanjoli fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri kienu miktubin fuq karta bil-letterhead tal-kumpannija. Barra minn hekk, fil-faks tiegħu tad-29 ta’ April 1997 lil WWTE, is-Sur M juri l-isem tal-kumpannija maġenb ismu (ara l-punt 127 iktar ’il fuq).
142 Finalment, huwa ċar li l-parteċipazzjoni tas-Sur M fl-attivitajiet tal-akkordju tal-proċessuri kellha l-iskop li tiddefendi l-interessi kummerċjali ta’ Deltafina fis-suq Spanjol. Għalhekk, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li Deltafina hija responsabbli mill-koordinazzjoni u mis-superviżjoni tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Universal fl-Ewropa u li, għalhekk, hija direttament interessata mill-attivitajiet ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum tas-sister company tagħha fi Spanja, Taes. Min-naħa l-oħra, Deltafina, minbarra l-fatt li hija kienet tixtri kważi l-produzzjoni kollha ta’ tabakk ipproċessat ta’ Taes (Premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkonkludiet kuntratti kbar ta’ xiri ta’ tabakk ipproċessat ma’ Cetarsa (Premessi 20 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata) u Agroexpansión (Premessi 21 u 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, hekk kif jirriżulta minn xi provi fil-fajl u kif jaqblu l-partijiet, il-prezz imħallas mill-proċessuri Spanjoli għax-xiri ta’ tabakk mhux maħdum kien jinfluwenza direttament il-prezz imħallas minn Deltafina għax-xiri ta’ tabakk ipproċessat (ara wkoll il-Premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).
143 Għandu jiġi rrilevat ukoll li Taes, fin-nota tagħha tat-18 ta’ Frar 2002 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), tindika li Deltafina kienet interessata mill-konklużjoni tal-ftehim dwar il-prezzijiet tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum żejjed tal-1999 peress li hija xtaqet tixtri kwantitajiet supplimentari ta’ tabakk ipproċessat. Għandu jingħad ukoll li, f’diversi ittri mibgħuta bejn Deltafina u l-proċessuri Spanjoli fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri, issir referenza espressa għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti.
144 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lil Deltafina għal ċerti dokumenti inkriminanti
– L-argumenti tal-partijiet
145 Deltafina tippretendi li l-Kummissjoni, meta rrifjutat li tagħtiha aċċess għad-dokumenti li jistabbilixxu li hija kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju tal-proċessuri, kisret id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq tagħha.
146 F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-Kummissjoni ma laqgħetx it-talba għall-aċċess għan-noti ppreżentati mill-impriżi l-oħra destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet b’risposta għaliha li hija kienet ifformulat b’faks tat-23 ta’ Marzu 2004 u rripetiet b’faks tal-24 ta’ Novembru 2004. Issa, il-provi prinċipali li l-Kummissjoni tirreferi għalihom, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tattribwixxi lilha r-rwol ta’ mexxej huma ċertu siltiet mir-risposti ta’ Agroexpansión u ta’ WWTE għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
147 Il‑Kummissjoni tikkontesta li bbażat ruħha fuq provi li jinsabu fir-risposti ta’ Agroexpansión u ta’ WWTE għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi li Deltafina kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri. Hekk kif jirriżulta mill-Premessa 436 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-risposti tagħhom, Agroexpansión u WWTE sempliċement ikkonfermaw dan ir-rwol jew, b’mod iktar preċiż, il-“fatti li minnhom jirriżulta dan ir-rwol”. Huma ma ressqu l-ebda prova ta’ fatt li ma kinitx diġà tressqet kontra ta’ Deltafina fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li fir-rigward tagħha għalhekk din tal-aħħar ma setgħetx tiddefendi ruħha.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
148 Għall-istess motivi bħal dawk imsemmija fil-punti 70 sa 73 u 105 iktar ’il fuq, l-allegazzjonijiet li Deltafina tressaq insostenn ta’ din il-parti għandhom jiġu miċħuda bħala inoperanti. Dawn ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fil-kuntest tas-sitt motiv, li huwa invokat minn Deltafina insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha.
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar biżżejjed is-swieq tal-prodott u dak ġeografiku inkwistjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
– L-argumenti tal-partijiet
149 Deltafina tosserva li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar biżżejjed is-swieq tal-prodott u dak ġeografiku inkwistjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li, għalhekk, din kisret b’mod gravi d-drittijiet tad-difiża tagħha.
150 Skont Deltafina, kieku dan is-suq ġie ddefinit “bil-kjarezza mixtieqa” fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet tkun tista’ tippreżenta lill-Kummissjoni argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ta’ natura tali li setgħu jwassluha għal konklużjonijiet differenti minn dawk imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod iktar partikolari, dan kien jippermettilha li tinvoka argumenti fir-rigward tal-preżenza tagħha, jew le, fis-suq inkwistjoni, u fir-rigward tar-rwol tagħha fih.
151 Il‑Kummissjoni tiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Deltafina.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
152 Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta b’mod ċar u preċiż biżżejjed li s-suq inkwistjoni huwa s-suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum. Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bħal fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 82 u 83 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tiddeskrivi fid-dettall l-impriżi tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja – b’mod partikolari bl-għoti ta’ preċiżazzjonijiet dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ xiri u ta’ pproċessar ta’ tabakk mhux maħdum kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali li dawn kellhom bejniethom –, lill-produtturi ta’ tabakk mhux maħdum u r-rappreżentanti tagħhom, diversi aspetti tas-settur tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja, fosthom ir-reġjuni ta’ produzzjoni, il-volum u l-valur tal-produzzjoni, il-valur tal-bejgħ, id-diversi varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum u l-prezzijiet medji ta’ provvista (massimi) ta’ kull waħda mill-imsemmija varjetajiet, kif ukoll il-kuntesti leġiżlattivi tal-Komunità u ta’ Spanja applikabbli għat-tabakk mhux maħdum (ara l-punti 15 sa 81 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). B’hekk, l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tippermetti li jinftiehmu b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq li fih il-kompetizzjoni hija distorta.
153 Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mir-risposta ta’ Deltafina għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li din tal-aħħar mhux biss kienet fehmet perfettament il-mod li bih il-Kummissjoni kienet tifhem is-suq inkwistjoni f’dan il-każ, iżda kienet ukoll esprimiet il-perspettiva tagħha fuq ir-rwol tagħha fis-suq imsemmi.
154 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
155 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, it-tieni motiv ma jistax jiġi milqugħ.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 43 tal-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
156 Deltafina tippretendi li l-Kummissjoni ma pprovatx biżżejjed li l-prattiki restrittivi inkwistjoni kienu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
157 Qabel kollox, insostenn ta’ din l-allegazzjoni, hija tesponi li l-Kummissjoni tikkontradixxi ruħha meta ssostni, minn naħa waħda, fil-Premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l-]akkordju bejn il-proċessuri u Deltafina […] jista’ jkollu […] influwenza [diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali] fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn Spanja u l-Istati Membri l-oħra peress li [dan] kellu l-iskop li jiżgura l-esportazzjoni tat-tabakk ipproċessat Spanjol” u, min-naħa l-oħra, fil-Premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija “ma għandhiex provi li jikkonfermaw effetti reali tal-ksur imwettaq mill-produtturi u mill-proċessuri fis-suq”.
158 Sussegwentement, Deltafina tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ppreżumiet li kien jeżisti impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri f’dan il-każ “għar-raġuni oġġettiva biss li prodott differenti minn dak tas-suq rilevanti probabbli jista’ xi kultant jiġi esportat lejn swieq oħra”. Għalhekk, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni suq suċċessiv fil-konfront tas-suq inkwistjoni, liema suq suċċessiv huwa dak tat-tabakk ipproċessat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tiddeskrivix it-“tendenzi li jinsabu” fl-imsemmi suq suċċessiv u lanqas ma tispjega kif dan jista’ jiġi affettwat “f’sens antikompetittiv u b’mod sensibbli”, minn aġir li seħħ fis-suq inkwistjoni. Deltafina tilmenta wkoll li l-Kummissjoni injorat il-fatt li s-suq tat-tabakk mhux maħdum huwa “esklużivament nazzjonali”, peress li l-impriżi mhux Spanjoli ma humiex rikonoxxuti bħala proċessuri fi Spanja u ma jistgħux jixtru tabakk mhux maħdum mingħand il-produtturi Spanjoli. Hija żżid li ma hemmx importazzjoni ta’ tabakk mhux maħdum li ġej minn Spanja u lanqas esportazzjonijiet ta’ tabakk mhux maħdum lejn dan il-pajjiż.
159 Deltafina tilmenta wkoll li l-Kummissjoni injorat il-punt 43 tal-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], li b’mod partikolari jistabbilixxi li “[i]l-probabbiltà li ftehim partikolari jkollu impatt indirett jew potenzjali għandha tiġi spjegata mill-awtorità […] li tosserva li l-kummerċ jista’ jkun milqut b’mod sensibbli” u li “[l]-influwenza ipotetika jew spekulattiva mhijiex biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-applikabbiltà tad-dritt Komunitarju”.
160 Finalment, Deltafina tosserva li l-akkordju inkwistjoni jista’ jitqies bħala “[akkordju] li jkopri Stat Membru wieħed” fis-sens tal-punti 78 sa 82 tal-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]. Hija żżid li, skont dawn l-istess linji gwida, “[i]l-kapaċità ta’ dawn l-akkordji li joħolqu distorsjoni tal-kummerċ tinsab b’mod prinċipali fil-valur ta’ esklużjoni tagħhom kontra kompetituri minn Stati Membri oħra”. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata ma hemm l-ebda element li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali effetti ta’ esklużjoni f’dan il-każ. Fir-realtà, skont Deltafina, l-ostakoli leġiżlattivi li jipprekludu l-istabbiliment, fi Spanja, ta’ impriżi ta’ pproċessar barranin u l-karatteristiċi intrinsiċi tat-tabakk mhux maħdum, li jimponu li dan il-prodott jiġi pproċessat immedjatament wara li jinqata’ u fil-viċinanzi tal-post tal-qtugħ “jrendu ftit probabbli l-manifestazzjoni stess tal-effetti indiretti, li r-realizzazzjoni tagħhom tista’ tittrasforma impatt fuq il-kummerċ purament ipotetiku f’impatt potenzjali”.
161 Il‑Kummissjoni tikkunsidra li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
162 Qabel kollox, hija tenfasizza li l-kundizzjoni dwar l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija sodisfatta peress li, abbażi ta’ numru ta’ elementi ta’ dritt u ta’ fatt, il-ftehim inkwistjoni jippermetti li jiġi previst b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li dan jista’ jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ma huwiex neċessarju li jintwera li l-kummerċ ġie realment milqut.
163 Sussegwentement, il-Kummissjoni tindika li, fil-Premessi 316 u 317 tad-deċiżjoni kkontestata, hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn il-prattiki restrittivi inkwistjoni kienu “potenzjalment kapaċi” li jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Hija tqis li ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn il-Premessi 316 u 412 tad-deċiżjoni kkontestata.
164 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li Deltafina ma tikkontestax li akkordju dwar il-prezzijiet ta’ xiri ta’ tabakk mhux maħdum jista’ jkollu riperkussjonijiet fuq il-prezz tat-tabakk ipproċessat u lanqas li t-tabakk ipproċessat Spanjol huwa prinċipalment iddestinat għall-esportazzjoni. Hija tqis li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hija ma kinitx marbuta li tiddeskrivi s-suq tat-tabakk ipproċessat qabel ma tkun tista’ tikkonkludi li l-akkordju seta’ jkollu effett fuq l-esportazzjoni ta’ dan il-prodott.
165 Finalment, il-Kummissjoni tiċħad l-allegazzjoni ta’ Deltafina li tgħid li peress li l-akkordju inkwistjoni jkopri Stat Membru wieħed biss, din kellha turi li dan l-akkordju fil-fatt kellu effett ta’ esklużjoni tal-kompetituri tal-Istati Membri l-oħra. F’dan ir-rigward, hija tirreferi b’mod partikolari għall-Premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
166 Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jidhru fl-Artikolu 81 KE u 82 KE, għandhom jieħdu bħala punt tat-tluq l-għan ta’ din il-kundizzjoni li huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b’relazzjoni għal dak tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull akkordju u prattika miftiehma li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il‑Kummissjoni, 22/78, Ġabra p. 1869, punt 17, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 47).
167 Sabiex jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, deċiżjoni, ftehim jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri. Barra minn dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 16, u Ambulanz Glöckner, punt 166 iktar ’il fuq, punt 48).
168 Għalhekk, ġeneralment l-effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta mill-għaqda ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 47, u tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il‑Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punt 27).
169 Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 81(1) KE ma jitlobx li l-akkordji intiżi f’din id-dispożizzjoni jkunu affettwaw b’mod sinjifikanti l-kummerċ intra-Komunitarju, iżda jitlob li jiġi stabbilit li dawn l-akkordji jkunu ta’ natura li jkollhom dan l-effett (sentenza Asnef‑Equifax u Administración del Estado, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef‑Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).
170 F’dan il-każ, għandu jitqies li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet biżżejjed fil-liġi li l-akkordju tal-proċessuri kien kapaċi li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
171 B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni għamlet sew meta fil-Premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li din il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE kienet sodisfatta fid-dawl tal-fatt li l-akkordju tal-proċessuri kien ta’ natura li jkollu effett fuq l-esportazzjonijiet ta’ tabakk ipproċessat provenjenti minn Spanja lejn l-Istati Membri l-oħra.
172 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-diversi siltiet tad-deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l-Premessi 20, 23, 27, 32 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata), minn naħa waħda, il-prezz tax-xiri tat-tabakk mhux maħdum jinfluwenza direttament il-prezz tat-tabakk ipproċessat u, min-naħa l-oħra, it-tabakk ipproċessat Spanjol huwa prinċipalment destinat għall-esportazzjoni. Dawn l-elementi, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati minn Deltafina, huma biżżejjed sabiex juru li l-akkordju tal-proċessuri kien ta’ natura li jkollu effett fuq l-esportazzjoni tat-tabakk ipproċessat Spanjol, b’tali mod li Deltafina ma tistax tilmenta li l-Kummissjoni ma ddeskrivietx it-“tendenzi preżenti” fis-suq ta’ dan il-prodott.
173 Ċertament, meta evalwat jekk il-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hijiex sodisfatta, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni prodott – it-tabakk ipproċessat – li jinsab f’suq sussegwenti għas-suq inkwistjoni. Madankollu, hekk kif wara kollox tirrikonoxxi Deltafina espressament fir-rikors, dan l-approċċ huwa konformi mhux biss mal-ġurisprudenza, li tikkunsidra li l-influwenza fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri tista’ tkun indiretta (ara l-punt 167 iktar ’il fuq), iżda wkoll mal-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE]. Għalhekk, il-punt 38 ta’ dawn il-linji gwida jindika b’mod partikolari li “[ma] huwiex rari li l-influwenza indiretta tkun tirrigwarda lil prodotti relatati ma’ dawk li huma kkonċernati mill-ftehim jew mill-prattika”, li “l-influwenza indiretta tista’ sseħħ meta ftehim jew prattika jkollha impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali ta’ impriżi li jużaw b’mod jew ieħor il-prodotti kkonċernati mill-ftehim jew mill-prattika” u li “[d]in l-influwenza tista’ pereżempju sseħħ meta l-ftehim jew il-prattika tirrigwarda prodott semipreparat li huwa stess ma jkunx suġġett għal kummerċ bejn Stati Membri, iżda li jintuża fil-provvista ta’ prodott finali li huwa kkummerċjalizzat”.
174 Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-akkordju tal-proċessuri huwa ta’ natura li jkollu effett fuq l-esportazzjoni tat-tabakk ipproċessat Spanjol u, għalhekk, fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, ma hija bl-ebda mod kontradetta mill-affermazzjoni, fil-Premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “[hija] ma għandha l-ebda prova konklussiva tal-effetti reali tal-ksur imwettaq mill-produtturi u mill-proċessuri fis-suq; fil-fatt, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat a posteriori l-livell tal-prezzijiet li ġie applikat fis-suq tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja fin-nuqqas tal-prattiki inkwistjoni”. Fil-fatt, b’din l-affermazzjoni, ifformulata fil-kuntest tal-eżami tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tikkonstata li hija ma tistax tikkwantifika bi preċiżjoni l-effetti reali tal-akkordju tal-proċessuri fis-suq. Madankollu, hija ma teskludix li l-akkordju seta’ kellu tali effetti. Anzi b’mod kuntrarju, hekk kif ser jintwera iktar fid-dettall fil-punti 245 sa 259 iktar ’il quddiem, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-fatt li, sa mill-1998, l-akkordju tal-proċessuri kellu effetti konkreti fuq is-suq.
175 Peress li r-raġunament tal-Kummissjoni li jinsab fil-Premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata jistabbilixxi b’mod suffiċjenti waħdu, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, li l-akkordju tal-proċessuri kien kapaċi li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma hemmx għalfejn isir eżami tal-kritika li Deltafina tinvoka kontra l-argument, ifformulat b’mod sussidjarju mill-Kummissjoni fil-Premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li “akkordju li jestendi ruħu fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, li b’hekk jostakolaw l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat [KE]”.
176 Finalment, fir-rigward tan-natura sensittiva tal-impatt fuq il-kummerċ mill-akkordju tal-proċessuri, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-imsemmi akkordju kien jiġbor lill-proċessuri kollha magħrufa fi Spanja, li dawn tal-aħħar kienu jixtru l-kważi-totalità tat-tabakk mhux maħdum prodott fi Spanja kull sena, li l-akkordju kien jirrigwarda t-tabakk mhux maħdum kollu mixtri b’dan il-mod u li t-tabakk mhux maħdum, ladarba pproċessat, kien prinċipalment mibjugħ għall-esportazzjoni. Dawn id-diversi elementi jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-akkordju tal-proċessuri kien ta’ natura li jkollu effett sensittiv fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.
177 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
178 Għalhekk, it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu milqugħa.
3. Fuq it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 1 A u tal-punt 5(d) tal-linji gwida u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ “trattament ugwali u ta’ sanzjoni” kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
179 Fil-Premessi 404 sa 458 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni tal-multi imposti fuq id-destinatarji.
180 Fil-premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tfakkar li, sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.
181 Sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali li għandu jiġi adottat abbażi tal-gravità, inizjalment, il-Kummissjoni tikkunsidra, fil-Premessi 407 sa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, il-gravità “intrinsika” tal-ksur inkwistjoni.
182 B’hekk, qabel kollox, hija tirrileva, fil-Premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex twettaq tali evalwazzjoni, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel, u l-firxa tas-suq ġeografiku inkwistjoni.
183 Sussegwentement, fil-Premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li “[l]-produzzjoni ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja tirrappreżenta 12 % tal-produzzjoni Komunitarja”, li “[s]-superfiċi ta’ tkabbir f’dan il-pajjiż hija ta’ 14 571 ettaru u hija kkonċentrata fil-Komunitajiet awtonomi ta’ Estremadura (84 %), tal-Andalusija (11,5 %) u ta’ Castilla-Léon (3 %)” u li “[d]-daqs tas-suq huwa ferm ridott u pjuttost ikkonċentrat f’reġjun wieħed biss ta’ Spanja”.
184 Barra minn hekk, fil-Premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li “[l]-ksur huwa madankollu meqjus bħala serju ħafna għaliex jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja u fit-tqassim tal-kwantitajiet”.
185 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rappreżentanti tal-produtturi, hija tirrileva, fil-Premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn ipparteċipaw fi ftehim u/jew prattiki miftiehma li essenzjalment kellhom bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet skont il-grad kwalitattiv ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum – u permezz tagħhom dawn kienu jinnegozjaw sussegwentement il-prezz finali tat-tabakk mhux maħdum fil-ħin tal-provvista – u tal-prezz minimu medju għal kull produttur u għal kull grupp ta’ produtturi. Hija żżid li, għalkemm il-marġni bejn dawn il-prezzijiet kienu kbar ħafna u setgħu jvarjaw minn 100 għal 380 % bejn il-minimu u l-massimu ta’ kull grad kwalitattiv għall-istess varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, madankollu, bil-ftehim tal-livell minimu tal-prezz medju – għal kull produttur u għal kull grupp ta’ produtturi –, ir-rappreżentanti tal-produtturi riedu jgħollu l-prezz tal-bejgħ finali tat-tabakk mhux maħdum tagħhom iktar ’il fuq mil-livell li kien jirriżulta minn kompetizzjoni ħielsa.
186 F’dak li jirrigwarda l-proċessuri Spanjoli u Deltafina, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-Premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn, minbarra l-fatt li ftiehmu wkoll fuq il-prezzijiet għal kull grad kwalitattiv u l-kundizzjonijiet kumplimentari “ftiehmu b’mod sigriet fuq diversi aspetti oħra tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet għall-bejgħ, u b’mod partikolari l-prezz ta’ provvista medju (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum (il-kwalitajiet kollha mħallta) u l-volumi ta’ tabakk mhux maħdum li kellhom jinxtraw minn kull proċessur”. Hija żżid li, sa mill-1998, huma adottaw ukoll mekkaniżmi kumplessi ta’ kumpens u ta’ trasferiment sabiex jassiguraw l-osservanza tal-akkordju sigriet tagħhom fuq il-prezzijiet u fuq il-kwantitajiet.
187 Finalment, fil-Premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li hija “ma għandhiex provi konklużivi tal-effetti reali tal-ksur imwettaq mill-produtturi u mill-proċessuri fuq is-suq” peress li “huwa impossibbli li jiġi ddeterminat a posteriori l-livell tal-prezzijiet li kien jiġi applikat fis-suq tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja fin-nuqqas tal-prattiki inkwistjoni”. Fil-premessa segwenti, hija tosserva li “[j]ista’ madankollu jitqies li, mill-inqas sa mill-1998, taħt l-effett tal-koordinazzjoni sigrieta tagħhom fuq il-prezzijiet u l-kwantitajiet qabel u wara l-konklużjoni tal-kuntratti ta’ tkabbir u sal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet finali, l-akkordju tal-proċessuri ġie implementat u osservat b’mod sħiħ […] u kellu jkollu effett reali fuq is-suq”.
188 Fil-Premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandu jiġi konkluż li ż-żewġ ċirkustanzi ta’ ksur għandhom jiġu kkwalifikati bħala “serji ħafna”. Madankollu, hija tippreċiża li hija “tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs relattivament żgħir tas-suq tal-prodott”.
189 Sussegwentement, il-Kummissjoni tapplika trattament differenzjat għall-impriżi kkonċernati, peress li kkunsidrat li “tieħu inkunsiderazzjoni l-kobor speċifiku ta’ kull impriża u b’hekk l-effett reali tal-aġir illeċitu tagħha fuq il-kompetizzjoni sabiex l-effett dissważiv tal-multa imposta fuq kull impriża jkun proporzjonat għall-kontribuzzjoni tagħha fl-aġir illegali li għandu jiġi ssanzjonat” (Premessa 415 tad-deċiżjoni kkontestata).
190 Għalhekk, qabel kollox, hija tiddistingwi bejn, minn naħa waħda, l-akkordju tal-proċessuri (Premessi 416 sa 424 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, dak tar-rappreżentanti tal-produtturi (Premessi 425 sa 431 tad-deċiżjoni kkontestata).
191 Sussegwentement, fir-rigward tal-akkordju tal-proċessuri, il-Kummissjoni tqis li “l-multi għandhom jinqasmu f’diversi livelli fid-dawl tal-kontribuzzjoni fl-aġir illegali u fid-dawl tal-pożizzjoni fis-suq okkupata minn kull parti inkwistjoni” (Premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata).
192 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiddikjara li “hija Deltafina li għandha tirċievi l-ogħla ammont inizjali tal-multa minħabba l-pożizzjoni primarja tagħha fis-suq bħala xerrej prinċipali tat-tabakk ipproċessat Spanjol (ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ Cetarsa, Agroexpansión u Taes huma deskritti fil-Premessi 20, 21 u 27)”. Skont il-Kummissjoni, “minn din is-setgħa ta’ xiri jirriżulta li Deltafina kellha kapaċità iktar minn ħaddiehor sabiex tinfluwenza l-aġir tal-proċessuri Spanjoli” (Premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata).
193 F’dak li jirrigwarda l-proċessuri Spanjoli, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-“kontribuzzjoni” tagħhom għall-prattiki illegali “tista’ bejn wieħed u ieħor titqies bħala simili” (Premessa 418 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs tal-ishma tas-suq ta’ kull wieħed mill-proċessuri inkwistjoni.
194 Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qassmet il-proċessuri Spanjoli fi tliet kategoriji:
– fl-ewwel kategorija poġġiet lil Cetarsa billi invokat il-fatt li din, b’sehem ta’ madwar 67 % fis-suq tax-xiri ta’ tabakk mhux maħdum Spanjol, hija kjarament il-proċessur Spanjol primarju u għandha, għalhekk, tiġi imposta l-ogħla ammont inizjali (Premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata);
– fit-tieni kategorija poġġiet lil Agroexpansión u lil WWTE billi indikat li kull waħda minnhom kellha sehem mis-suq ta’ madwar 15 % u għandu jiġi impost fuqhom l-istess ammont inizjali (Premessa 420 tad-deċiżjoni kkontestata);
– finalment, fit-tielet kategorija, hija tpoġġi lil Taes għar-raġuni li din għandha biss sehem mis-suq ta’ 1. 6 % u għandha, għalhekk, tiġi imposta l-ammont inizjali l-iktar baxx (Premessa 421 tad-deċiżjoni kkontestata).
195 Barra minn hekk, sabiex tiżgura effett suffiċjentement dissważiv lill-multa, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandu jiġi applikat koeffiċjent multiplikatur għall-ammont inizjali stabbilit għal WWTE kif ukoll għal dak stabbilit għal Agroexpansión. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li dawn iż-żewġ kumpanniji, għalkemm għandhom ishma fis-suq relattivament baxxi fi Spanja, jappartjenu lil kumpanniji multinazzjonali li għandhom “saħħa ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli”, u li “[b]arra minn hekk, [huma] aġixxew taħt l-influwenza deċiżiva tal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom” (Premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il‑Kummissjoni tqis bħala neċessarju li jiżdied l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-kumpanniji msemmija billi tapplika fuqu koeffiċjent li jieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa waħda, id-daqs tal-gruppi li jappartjenu għalihom u, min-naħa l-oħra, id-daqs tagħhom meta pparagunat mal-proċessuri Spanjoli l-oħra (Premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, hija tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 – jiġifieri żieda ta’ 50 % – għall-ammont inizjali stabbilit għal WWTE u koeffiċjent multiplikatur ta’ 2 – jiġifieri żieda ta’ 100 % – għall-ammont inizjali stabbilit għal Agroexpansión.
196 Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont inizjali tal-multi b’dan il-mod fil-Premessa 424 tad-deċiżjoni kkontestata:
– Deltafina: EUR 8 000 000
– Cetarsa: EUR 8 000 000
– WWTE: EUR 1 800 000 x 1,5 = EUR 2 700 000
– Agroexpansión: EUR 1 800 000 x 2 = EUR 3 600 000
– Taes: EUR 200 000
197 Finalment, fir-rigward tar-rappreżentanti tal-produtturi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx lok għalfejn tiġi imposta fuq kull wieħed minnhom ħlief multa simbolika ta’ EUR 1 000 (Premessi 425 u 430 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, hija tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha mill-fatt li “l-kuntest leġiżlattiv li jirregola n-negozjati kollettivi ta’ kuntratti standard seta’ joħloq livell kunsiderevoli ta’ inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-aġir tar-rappreżentanti tal-produtturi u tal-proċessuri fil-kuntest ferm preċiż tan-negozjati kollettivi tal-ftehim standard” (Premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tindika wkoll li għandu jiġi rrilevat li “l-eżistenza u r-riżultati tan-negozjati fuq il-kuntratti standard kienu ġeneralment pubbliċi u […] l-ebda awtorità qatt ma poġġiet indiskussjoni l-kompatibbiltà tagħhom kemm mad-dritt Komunitarju, kif ukoll mad-dritt Spanjol qabel il-bidu ta’ din il-proċedura” (Premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata).
L-argumenti tal-partijiet
198 Abbażi tar-raba’ motiv tagħha, invokat b’mod sussidjarju, Deltafina essenzjalment tippretendi li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur u fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha, ma osservatx il-linji gwida u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ “trattament ugwali u ta’ sanzjoni”. Hija tosserva wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata biżżejjed.
199 Fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ motiv, Deltafina tifformula numru ta’ lmenti u ta’ argumenti li jistgħu jiġu miġbura f’seba’ partijiet.
200 Fl-ewwel lok, hija tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “serju ħafna” filwaqt li hija kienet irrikonoxxiet li s-suq inkwistjoni kien ta’ “daqs relattivament żgħir”.
201 Fit-tieni lok, hija tilmenta li l-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “serju ħafna” filwaqt li hija ma kellha l-ebda prova li dan kellu effetti konkreti fuq is-suq u, għalhekk, li kisret il-punt 1 A tal-linji gwida. B’referenza għal rapport tat-13 ta’ Jannar 2005 imfassal mill-ekonomist tagħha, hija ssostni li minnu jirriżulta li l-aġir inkriminati ma kellu l-ebda possibbiltà ta’ effett fuq is-suq Spanjol tat-tabakk mhux maħdum. B’mod iktar partikolari, f’dan ir-rapport huwa pprovat li l-prezzijiet tal-varjetà prinċipali ta’ tabakk Spanjol matul il-perijodu tal-ksur, minflok ma stabbilizzaw jew naqqsu, żdiedu b’21 % u li l-prezz tat-tabakk Spanjol, matul l-istess perijodu, “irreġistra qbil sostanzjali mal-prezzijiet Ewropej u dawk […] dinjija”.
202 Fit-tielet lok, Deltafina tippretendi li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja peress li, minn naħa waħda, il-Kummissjoni tindika, fil-Premessa 413 tagħha, li “l-akkordju tal-proċessuri ġie implementat u osservat b’mod sħiħ” u, min-naħa l-oħra, hija ssostni l-kuntrarju fil-Premessi 85, 88, 111, 113, 122, 126, 130, 133, 144, 175, 186, 206, 229, 231, 232, 233, 235, 239, 244, 255, 256, 257, 284, 294, 295, 296, 307 u 319.
203 Fir-raba’ lok, Deltafina ssostni li l-Kummissjoni żnaturat il-fatti meta indikat, fil-Premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ix-xerrej prinċipali ta’ tabakk ipproċessat Spanjol u li s-setgħa ta’ xiri li tgawdi minnha tippermettilha li tinfluwenza l-aġir tal-proċessuri Spanjoli. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, hija tirreferi mill-ġdid għar-rapport tal-ekonomist tagħha tat-13 ta’ Jannar 2005, u b’mod partikolari għat-tabella Nru 5 ta’ dan ir-rapport, li minnha jirriżulta li, matul il-perijodu tal-ksur, fir-rigward tax-xiri ta’ tabakk ipproċessat Spanjol, is-sehem mis-suq medju tagħha kien ta’ madwar 27. 5 %, dak ta’ Dimon (jiġifieri Agroexpansión) kien ta’ madwar 25. 2 %, dak ta’ Cetarsa kien ta’ madwar 31. 6 % u dak ta’ Standard Commercial Tobacco Co., Inc. (jiġifieri WWTE) kien ta’ madwar 15 %.
204 Deltafina tosserva wkoll li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fis-sommarju tad-deċiżjoni kkontestata ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali b’mod konformi mal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, hija ma kinitx “l-ikbar klijent ta’ tlieta mill-proċessuri Spanjoli”. B’riferiment għat-tabella Nru 7 tal-imsemmi rapport tal-ekonomist tagħha, hija tippreċiża li, matul il-perijodu tal-ksur, hija xtrat it-totalità tal-produzzjoni tas-sister company tagħha Taes, medja ta’ 32. 3 % tal-produzzjoni ta’ Cetarsa, medja ta’ 19. 8 % tal-produzzjoni ta’ Agroexpansión u parti żgħira mill-produzzjoni ta’ WWTE. Fir-realtà, skont Deltafina, il-klijent prinċipali ta’ Cetarsa kien “klijent storiku” li din kienet marbuta miegħu, jiġifieri Altadis, SA (preċedentement Tabacalera), dak ta’ Agroexpansión kien il-grupp Dimon u dak ta’ WWTE il-grupp Standard.
205 Finalment, Deltafina tikkritika l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, sabiex jiġu determinati l-ishma mis-suq tax-xiri ta’ tabakk ipproċessat Spanjol, għandhom jiġu esklużi ċ-ċessjonijiet li saru bejn Cetarsa u Tabacalera/Altadis (ara l-punt 218 iktar ’il quddiem).
206 Fil-ħames lok, Deltafina tindika li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tammetti li “l-kuntest leġiżlattiv li jirregola n-negozjati kollettivi ta’ kuntratti standard seta’ joħloq livell kunsiderevoli ta’ inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-aġir tar-rappreżentanti tal-produtturi u tal-proċessuri” (Premessa 428 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “l-eżistenza u r-riżultati tan-negozjati fuq il-kuntratti standard kienu ġeneralment pubbliċi u […] l-ebda awtorità ma qatt poġġiet indiskussjoni l-kompatibbiltà tagħhom kemm mad-dritt Komunitarju, kif ukoll mad-dritt Spanjol qabel il-bidu ta’ din il-proċedura” (Premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tirrileva li dawn iċ-ċirkustanzi wasslu lill-Kummissjoni sabiex timponi fuq il-produtturi biss multa simbolika fl-ammont ta’ EUR 1 000 u tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn l-istess soluzzjoni ma kinitx tapplika fil-każ tagħha. Barra minn hekk, hija tippretendi li l-Kummissjoni kisret il-punt 5(d) tal-linji gwida, li jipprovdi li, meta tiġi imposta multa simbolika fl-ammont ta’ EUR 1 000, “[i]l-ġustifikazzjoni ta’ tali multa […] għandha tidher fit-test stess tad-deċiżjoni”.
207 Fis-sitt lok, Deltafina, filwaqt li tinvoka l-“ugwaljanza tas-sanzjoni”, tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, meta evalwat il-gravità tal-ksur, il-fatt li, diversament mill-proċessuri Spanjoli, ma ġiex ilmentat kontriha “aġir ta’ akkordju illegali u ta’ negozjati vertikali mal-produtturi, mal-assoċjazzjonijiet tagħhom u mal-kooperattivi tagħhom”.
208 Finalment, fis-seba lok, Deltafina tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali peress li hija injorat b’mod sensittiv il-prassi preċedenti tagħha fil-qasam tal-kalkolu tal-ammont tal-multi fil-każ ta’ akkordji li jinvolvu impriżi attivi unikament fis-suq tal-prodott li fih seħħew il-fatti inkriminati. B’riferiment għal rapport ieħor tal-ekonomist tagħha tat-13 ta’ Jannar 2005, hija tippretendi li matul il-perijodu 1991/2004, dan it-tip ta’ akkordju ġie sanzjonat permezz ta’ multi li l-ammont globali tagħhom kien jammonta għal medja ta’ 0. 91 % tal-valur tas-suq rilevanti. Hija tilmenta wkoll li l-Kummissjoni ma semmietx, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet iddeċidiet li kien neċessarju li tinjora b’dan il-mod il-prassi preċedenti tagħha.
209 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, Deltafina titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha.
210 Il‑Kummissjoni ssostni li r-raba’ motiv ma huwa fondat fl-ebda waħda mill-partijiet tiegħu.
211 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tippretendi li għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, ħadet inkunsiderazzjoni d-daqs żgħir tas-suq inkwistjoni, u dan minkejja li l-ksur inkwistjoni kien, min-natura tiegħu, “serju ħafna”.
212 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ Deltafina li jgħid li hija ma kienet tiddisponi minn ebda prova li l-ksur inkwistjoni kellu xi effetti konkreti fuq is-suq.
213 L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, hija tirrileva li minnhom infushom, il-prattiki restrittivi relattivi għall-iffissar tal-prezzijiet u għat-tqassim tas-sorsi ta’ provvista jikkostitwixxu ksur serju ħafna, anki fin-nuqqas ta’ provi li jirrigwardaw l-effetti konkreti ta’ dawn il-prattiki fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso Española vs Il‑Kummissjoni, T‑348/94, Ġabra p. II‑1875, punt 232, u European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 136).
214 It-tieni nett, b’riferiment għall-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirrepeti li l-akkordju tal-proċessuri ġie implementat u osservat b’mod sħiħ, għall-inqas sa mill-1998, u tafferma li għalhekk jista’ jitqies b’mod raġonevoli li dan seta’ jkollu effetti fuq is-suq, anki jekk dawn ma jistgħux jitkejlu. Hija żżid li, jekk l-akkordju ma setax ikollu effetti fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet tat-tabakk mhux maħdum, il-proċessuri u Deltafina ma kien ikollhom l-ebda raġuni għalfejn jipparteċipaw fih għal iktar minn ħames snin.
215 It-tielet nett, il-Kummissjoni tafferma li r-rapport tal-ekonomist ta’ Deltafina tat-13 ta’ Jannar 2005 ma jurix nuqqas ta’ impatt konkret tal-akkordju tal-proċessuri fuq is-suq.
216 Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li dak li hija ssostni fil-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwa kontradett minn ebda waħda mill-premessi l-oħra ta’ din id-deċiżjoni ċċitati minn Deltafina.
217 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li hija ma wettqet l-ebda żball meta sostniet li Deltafina kienet tgawdi minn pożizzjoni primarja fis-suq Spanjol tax-xiri ta’ tabakk mhux maħdum.
218 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li, fir-rapport tagħha tat-13 ta’ Jannar 2005, l-ekonomist inkarigat minn Deltafina juri lil Cetarsa fost ix-xerrejja ta’ tabakk ipproċessat, filwaqt li din tal-aħħar ma tixtrix tabakk ipproċessat mingħand terzi. Hija ssostni li jekk dan l-ekonomist għandu l-intenzjoni li jinkludi fil-bejgħ globali tat-tabakk ipproċessat fis-suq Spanjol il-bejgħ ta’ Cetarsa lil Tabacalera/Altadis, id-data li tinsab fir-rapport tiegħu ma hijiex realistika, peress li dan l-aħħar bejgħ “ma jistax jiġi pparagunat mal-bejgħ lil esportaturi terzi (bħal Universal/Deltafina, Standard u Dimon) li fuqhom hija bbażata d-dinamika tal-akkordju tal-proċessuri”. Il‑Kummissjoni tindika li, sa nofs is-snin 90, Cetarsa kienet tbiegħ prattikament it-tabakk kollu li kienet tipproċessa lil Tabacalera, u li dawn iż-żewġ impriżi kienu, għall-inqas sal-1998, ikkontrollati mill-Istat. Għalhekk, hija tqis li matul l-ewwel snin tal-akkordju tal-proċessuri, jiġifieri mill-1996 sal-1998, l-operazzjonijiet kummerċjali bejn Tabacalera u Cetarsa kienu paragunabbli ma’ bejgħ fi ħdan l-istess grupp, u li dawn ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ tabakk akkwistati minn terzi (it-“tabakk għall-esportazzjoni”). B’hekk, skont il-Kummissjoni, bl-esklużjoni tal-bejgħ ta’ Cetarsa lil Tabacalera/Altadis, is-sehem mis-suq medju ta’ Deltafina fis-suq tax-xiri ta’ tabakk ipproċessat fi Spanja mill-1996 sal-2001 huwa nettament superjuri għal-27. 5 % u huwa, f’kull każ, l-iktar wieħed għoli.
219 Il‑Kummissjoni żżid li ma hemm l-ebda dubju li Deltafina kienet ukoll il-klijent prinċipali ta’ Cetarsa, ta’ Agroexpansión u ta’ Taes.
220 Finalment, il-Kummissjoni, b’riferiment għal ċerti partijiet tad-deċiżjoni kkontestata, tirrileva li Deltafina għad għandha “relazzjonijiet kummerċjali” oħra mal-proċessuri, “li ffirmaw ma’ Cetarsa kuntratti għat-trattament u għat-tqassim ta’ parti mit-tabakk ta’ Taes u ta’ Agroexpansión”.
221 Skont il-Kummissjoni, permezz tax-xiri ta’ tabakk ta’ Taes, ta’ Agroexpansión u ta’ Cetarsa u tal-konklużjoni ta’ kuntratti ma’ Cetarsa għall-ipproċessar tat-tabakk ta’ Taes, Deltafina kienet tgawdi minn pożizzjoni “speċjali ħafna” fis-suq Spanjol.
222 Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tippretendi li fid-deċiżjoni kkontestata mmotivat b’mod suffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha tal-konsegwenzi li ħolqot l-inċertezza riżultanti mill-kuntest leġiżlattiv Spanjol fuq l-aġir tad-diversi impriżi u assoċjazzjonijiet ikkonċernati.
223 Fis-sitt lok, il-Kummissjoni tiċħad bħala infondata l-kritika relatata man-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li ma kienx ilmentat li Deltafina pparteċipat “[fil-]laqgħat u fin-negozjati vertikali illegali” mal-produtturi, mal-assoċjazzjonijiet tagħhom u mal-kooperattivi tagħhom.
224 Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni tosserva li hija qatt ma ntrabtet, la b’mod formali u lanqas b’mod informali, li tosserva l-prassi dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi invokat minn Deltafina. Barra minn hekk, hija tfakkar li fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-iffissar tal-ammont tal-multi, li hija tevalwa l-gravità tal-ksur abbażi ta’ numru ta’ elementi li ma jinsabux f’lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, u li, minnha nnifisha, il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa unikament stabbilit fir-Regolament Nru 1/2003.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
225 Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi argumenti fformulati minn Deltafina, għandhom jiġu esposti xi kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi u, b’mod iktar partikolari, dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.
– Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali
226 Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, “[f]it-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur”. L-istess indikazzjoni tidher fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li kien applikabbli fid-data tal-ksur f’din il-kawża.
227 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-komportament tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il‑Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59; tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il‑Kummissjoni, T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 53, u tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127).
228 Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li l-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241, u Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 129).
229 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-ammont tal-multa imposta fuq id-diversi destinatarji abbażi tal-metodu ġenerali li hija imponiet fuqha stess fil-linji gwida, u dan anki jekk hija ma ssemmihomx espressament fid-deċiżjoni msemmija.
230 Għalkemm il-Linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet legali li l-amministrazzjoni hija marbuta tosserva f’kull każ, huma madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li hija indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 91). Il-fatt li l-Kummissjoni speċifikat, permezz tal-linji gwida tagħha, il-metodu tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa din tal-aħħar b’mod globali skont iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, inklużi elementi li ma humiex espressament imsemmija fil-linji gwida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 237).
231 Skont il-metodu stabbilit mil-linji gwida, fil-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala punt tat-tluq ammont determinat abbażi tal-gravità “intrinsika” tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-imsemmija gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat (l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A).
232 F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikat fi tliet kategoriji, jiġifieri l-“ksur ftit serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 000 u EUR 1 miljun, il-“ksur serju”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab bejn EUR 1 miljun u EUR 20 miljun, u l-“ksur serju ħafna”, li għalih l-ammont previst tal-multi jinsab lil hinn minn EUR 20 miljun (l-ewwel u t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A). F’dak li jirrigwarda l-ksur serju ħafna, il-Kummissjoni tippreċiża li essenzjalment dawn ikunu restrizzjonijiet orizzontali bħal “kartelli ta’ prezzijiet” u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiċi oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal qsim tas-swieq nazzjonali jew abbuż ċar ta’ pożizzjoni dominanti minn impriżi li għandhom monopolju virtwali (it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A).
233 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imsemmija fil-punt 231 iktar ’il fuq, ma għandhomx l-istess sinjifikat fil-kuntest tal-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol ewlieni, b’mod partikolari, sabiex il-ksur jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna”. F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftiehma li jkunu b’mod partikolari intiżi sabiex ikun hemm iffissar ta’ prezzijiet jew tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kkwalifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur serju tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit la ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-effetti fuq żona ġeografika partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 178, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150).
234 Finalment, hemm interdipendenza bejn it-tliet aspetti tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fis-sens li grad għoli ta’ gravità fir-rigward ta’ waħda jew oħra mill-kriterji tista’ tikkumpensa għal grad baxx ta’ gravità tal-ksur taħt aspetti oħra (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, punt 241).
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs relattivament żgħir tas-suq tal-prodott
235 Mill-Premessa 408 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur, id-daqs limitat kemm tas-suq ġeografiku inkwistjoni kif ukoll tas-suq tal-prodott inkwistjoni.
236 Minn qari flimkien ta’ din il-premessa u tal-Premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 184 iktar ’il fuq) u, b’mod partikolari, mill-użu tal-avverbju “madankollu” f’din l-aħħar premessa, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, minkejja d-daqs limitat ta’ dawn iż-żewġt iswieq, il-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala “serju ħafna” peress li dan “[kien] jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja u fit-tqassim tal-kwantitajiet”.
237 Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni hija fondata.
238 Għalhekk, fir-rigward tal-firxa tas-suq ġeografiku, dan jirrappreżenta biss wieħed mit-tliet kriterji rilevanti, skont il-linji gwida, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur. Fost dawn il-kriterji interdipendenti, in-natura tal-ksur għandha rwol primarju (ara l-punti 233 u 234 iktar ’il fuq).
239 Issa, huwa ċar li l-ksur ilmentat kontra l-proċessuri u Deltafina, li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tad-diversi varjetajiet ta’ tabakk mhux maħdum fi Spanja u fit-tqassim tal-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum li għandu jinxtara mingħand il-produtturi, jikkostitwixxi ksur serju ħafna min-natura tiegħu stess. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81(1)(a), (b) u (ċ) KE jiddikjara b’mod espress bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-ftehim u l-prattiki miftiehma li jikkonsistu, rispettivament, fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju, il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni tas-swieq, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment u t-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista. Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari fil-każ ta’ akkordji orizzontali, huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serji peress li jinvolvu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 675), jew bħala ksur ċar tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 303). Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-ksur serju ħafna, skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, huwa magħmul “l-aktar minn restrizzjonijiet orizzontali tat-tip ‘kartell ta’ prezz’ u minn kwoti ta’ tqassim tas-swieq”. Ma’ dan jiżdied il-fatt, irrilevat fil-Premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju tal-proċessuri kien jinvolvi element ta’ segretezza, liema ħaġa tikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ żżid in-natura serja tal-ksur.
240 Barra minn hekk, l-estensjoni tas-suq ġeografiku ma hijiex kriterju awtonomu fis-sens li biss il-ksur li jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jista’ jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”. La t-Trattat KE, la r-Regolament Nru 17 jew ir-Regolament Nru 1/2003, la l-linji gwida u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi meqjus li huma biss ir-restrizzjonijiet ġeografikament estiżi ħafna li jistgħu jiġu kklassifikati hekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il‑Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punt 87).
241 Għalhekk, id-daqs limitat tas-suq ġeografiku inkwistjoni ma jostakolax il-kwalifika tal-ksur ikkonstatat f’dan il-każ bħala wieħed “serju ħafna”.
242 Din is-soluzzjoni hija neċessarja a fortiori fir-rigward tad-daqs limitat tas-suq tal-prodott inkwistjoni, peress li bħala prinċipju, id-daqs tas-suq tal-prodott ma huwiex element li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni, iżda huwa biss element rilevanti fost elementi oħra sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 132).
243 Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat li d-daqs limitat tas-suq ġeografiku inkwistjoni u tas-suq tal-prodott inkwistjoni ma jostakolax li l-ksur jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna, madankollu hija ħadet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ dan id-daqs limitat fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, determinat skont il-gravità tal-ksur (ara b’mod partikolari l-Premessa 414 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, il-Kummissjoni adottat biss ammont inizjali ta’ EUR 8 000 000 għal Deltafina filwaqt li, skont il-linji gwida, hija setgħet, fir-rigward ta’ ksur serju ħafna tikkunsidra li tadotta ammont inizjali ta’ mill-inqas EUR 20 000 000.
244 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Fuq it-tieni parti, dwar l-evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq
245 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, “[b]iex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti”.
246 Għandu jiġi mfakkar ukoll li n-natura tal-ksur għandha rwol importanti fil-karatterizzazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna u li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi għall-iffissar tal-prezzijiet jew għat-tqassim tas-swieq jistgħu iwasslu, biss abbażi tan-natura tagħhom stess, għall-kwalifika ta’ “serju ħafna”, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun kkaratterizzat minn impatt jew firxa ġeografika partikolari (ara l-punt 233 iktar ’il fuq).
247 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-fatt li, sa mill-1998, l-akkordju tal-proċessuri kellu effetti konkreti fuq is-suq anki jekk, minn naħa waħda, hija kienet diġà kkwalifikat dan il-ksur bħala “serju ħafna” abbażi tan-natura tiegħu stess (Premessi 409 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, hija qieset li l-imsemmija effetti ma setgħux jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni (Premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).
248 Għalkemm il-Kummissjoni għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija għandha tressaq indiċi konkret, kredibbli u suffiċjenti li jippermetti li tiġi evalwata l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq is-suq imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 73 sa 75).
249 Issa, f’dan il-każ, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (ara l-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, sabiex tasal għall-konklużjoni li eżistew effetti reali tal-akkordju tal-proċessuri fuq is-suq sa mill-1998, ma resqitx tali indiċi, iżda llimitat ruħha sabiex tirreferi ruħha għall-fatt li dan l-akkordju kien implementat u osservat b’mod sħiħ minn din id-data ’l quddiem, liema ħaġa tista’ tikkostitwixxi biss bidu ta’ indiċi tal-eżistenza ta’ tali effett (ara l-punt 252 iktar ’il quddiem).
250 Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti fid-dritt, f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju tal-proċessuri kellu impatt konkret fuq is-suq, ma għandu l-ebda effett fuq il-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna”. Effettivament, din il-kwalifika tibqa’ għal kollox adattata fid-dawl tan-natura stess tal-ksur imsemmi (ara l-punti 233, 238, 239 u 246 iktar ’il fuq).
251 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis, fil-kuntest tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li dan in-nuqqas ta’ dimostrazzjoni suffiċjenti ta’ impatt konkret fuq is-suq ma jistax iqiegħed indiskussjoni l-ammont inizjali tal-multa, li huwa ffissat mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur.
252 Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-fatt li l-akkordju tal-proċessuri kien jiġbor fih lill-proċessuri kollha magħrufa fi Spanja, li dawn kienu jixtru l-kważi totalità tat-tabakk mhux maħdum prodott kull sena f’dan il-pajjiż u li dan l-akkordju kien jirrigwarda t-tabakk mhux maħdum kollu mixtri mill-proċessuri msemmija, l-implementazzjoni effettiva tal-akkordju msemmi jikkostitwixxi bidu ta’ indiċi tal-eżistenza ta’ effetti fuq is-suq.
253 Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, f’partijiet oħra differenti minn dik iddedikata għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fiha indiċi ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq.
254 B’hekk, fil-Premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li, fl-1998, “iż-żieda fil-prezzijiet li kien hemm fis-snin preċedenti waqfet, u saħansitra l-prezzijiet naqsu”. Hija żżid li, f’dikjarazzjoni tal-15 ta’ Frar 2002, Agroexpansión indikatilha li, “[m]atul is-sena 1998/1999, il-proċessuri Spanjoli osservaw b’mod ġenerali l-ftehim deskritti” u li, “[b]’hekk, għall-ewwel darba [huma] rnexxielhom jagħtu lis-suq ċerta stabbilità li naqset iż-żieda fil-prezzijiet tax-xiri tas-snin preċedenti u li bbilanċjat is-setgħa ta’ negozjati magħquda tas-settur tal-produzzjoni”.
255 Bl-istess mod, fil-Premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li l-prezz medju ta’ provvista massimu, li l-proċessuri u Deltafina kienu jiftiehmu fuqu “jistabbilixxi […] b’mod dirett ħafna l-prezz finali mħallas għal kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum partikolari” u li “[l-]impatt tal-ksur fuq il-kompetizzjoni kien sinjifikattiv sa fejn, meta ftiehmu fuq il-prezz medju ta’ provvista [massimu] li kellu jitħallas lill-produtturi, il-proċessuri kien irnexxielhom iġibu uniformità totali fil-prezzijiet finali li kellhom iħallsu lill-produtturi u jnaqsuhom għall-benefiċċju tagħhom, u dan taħt il-livell li jirriżulta mill-kompetizzjoni ħielsa”.
256 Finalment, fil-Premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li mit-tabella li tinsab fil-Premessa 38 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li, sa mill-1998, “il-prezzijiet stabbilizzaw ruħhom u saħansitra naqsu (fl-1998, it-tnaqqis fil-prezz kien ta’ 4. 8 % għall-varjetajiet kollha mħallta)”. B’riferiment għall-Premessa 173 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirrepeti li Agroexpansión ikkonfermat ukoll l-eżistenza ta’ rabta bejn l-akkordju tal-proċessuri u t-tnaqqis fil-prezzijiet.
257 L-evalwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jitpoġġux indiskussjoni mill-indikazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-ekonomist ta’ Deltafina tat-13 ta’ Jannar 2005. Fil-fatt, minn naħa waħda, dan l-ekonomist jirrikonoxxi espressament li fl-1998 kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-varjetajiet kollha ta’ tabakk mhux maħdum. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu 1999/2001, mir-rapport jirriżulta li filwaqt li l-prezzijiet tal-varjetà “Virginia” żdiedu, dawk tal-varjetajiet l-oħra baqgħu stabbli, jew anki naqsu. Finalment, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ akkordju, il-prezzijiet tal-varjetà “Virginia” kienu jiżdiedu ħafna iktar jew li l-prezzijiet tal-varjetajiet l-oħra ta’ tabakk kienu jiżdiedu minflok ma jistabbilizzaw ruħhom jew jonqsu. Fir-rigward tal-paragun li għamel l-ekonomist bejn l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-varjetà “Virginia” fis-suq Spanjol, minn naħa waħda, u fis-suq tat-tliet Stati Membri prinċipali l-oħra li jipproduċu t-tabakk mhux maħdum, min-naħa l-oħra, dan ma huwiex konklużiv peress li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u l-liġijiet applikabbli f’kull wieħed minn dawn is-swieq nazzjonali ma humiex neċessarjament ekwivalenti.
258 Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni ċertament iddeterminat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-gravità tal-ksur meta ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti reali tal-akkordju tal-proċessuri fuq is-suq, il-fatt li tali effetti kkonċernaw biss lil parti mill-perijodu tal-ksur, f’dan il-każ mill-1998, huwa element li, flimkien ma’ dak dwar id-daqs limitat tas-suq ġeografiku inkwistjoni u tas-suq tal-prodott inkwistjoni, wassal lill-Kummissjoni sabiex tadotta biss ammont inizjali ta’ EUR 8 000 000 għal Deltafina, filwaqt li, skont il-linji gwida, hija setgħet, fir-rigward ta’ ksur serju ħafna, tikkunsidra li tadotta ammont inizjali ta’ mill-inqas EUR 20 000 000.
259 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.
– Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq kontradizzjoni bejn il-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata u premessi oħra ta’ din id-deċiżjoni
260 Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tippretendi Deltafina, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn l-affermazzjoni, fil-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “l-akkordju tal-proċessuri kien implementat u osservat b’mod sħiħ” u l-premessi l-oħra ċċitati minn din tal-aħħar.
261 Qabel kollox, din l-affermazzjoni ta’ Deltafina hija derivanti minn qari mgħaġġel tal-paragrafu inkwistjoni tal-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-paragrafu msemmi, il-Kummissjoni tinvoka biss implementazzjoni u osservanza sħiħa tal-akkordju tal-proċessuri sa mill-1998. Issa, il-Premessi 85, 88, 111, 122, 133, 144, 284 u 307 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw il-funzjonament ta’ dan l-akkordju fl-1996 u fl-1997.
262 Sussegwentement, fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-Premessi 113, 126 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn ma humiex rilevanti, peress li dawn jikkonċernaw l-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi, u mhux l-akkordju tal-proċessuri.
263 Bl-istess mod, il-Premessi 175, 206, 229, 231 sa 233, 235, 239, 255 sa 257, 294, 295 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmu l-problemi dwar in-negozjati bilaterali bejn il-proċessuri, minn naħa waħda, u r-rappreżentanti tal-produtturi, min-naħa l-oħra. Issa, hekk kif ġie espost fil-Premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-falliment [ta’ dawn] in-negozjati bilaterali […] ma jbiddilx in-natura tal-aġir antikompetittiv tal-proċessuri”. Fi kliem ieħor, il-problemi msemmija iktar ’il fuq huma irrilevanti f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni u l-osservanza, sa mill-1998, tal-akkordju tal-proċessuri.
264 Fir-rigward tal-Premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm, ċertament, ġie espost li d-diskussjonijiet li saru bejn il-proċessuri fil-bidu tas-sena 1999 ma wasslux għall-konklużjoni ta’ ftehim, fiha hemm espost ukoll li dawn tal-aħħar iddeċidew li jġeddu l-ftehim qafas tas-sena preċedenti. Dan jirriżulta b’mod iktar ċar mill-premessa segwenti.
265 Fil-Premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna s-sena 2001, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tirrileva li hija “ma għandhiex eżempji ta’ skambju ta’ informazzjoni matul il-perijodu tal-ġbir”. Madankollu, hija ma ssostnix li l-ftehim konklużi bejn Deltafina u l-proċessuri Spanjoli ma ġewx implementati b’mod sħiħ dik is-sena. B’mod kuntrarju, fil-Premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika li l-ftehim qafas tal-1998 ġie mġedded fl-2001. Għandu jingħad ukoll li mill-Premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-proċessuri Spanjoli kollha ammettew espressament, matul il-proċedura amministrattiva, li l-imsemmi ftehim qafas kien ġie mġedded sat-3 ta’ Ottubru 2001.
266 Finalment, fir-rigward tal-Premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tindika li l-ftehim jew prattiċi miftiehma li pparteċipaw fihom il-proċessuri u Deltafina huma ta’ “natura unika u kontinwata”.
267 Għalhekk, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-kwalifika żbaljata ta’ Deltafina bħala xerrej prinċipali ta’ tabakk ipproċessat fi Spanja
268 Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tippretendi Deltafina, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta kkunsidrat li din l-impriża kienet tokkupa pożizzjoni primarja fis-suq tax-xiri ta’ tabakk ipproċessat Spanjol.
269 Fl-ewwel lok, din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hija bl-ebda mod kontradetta mill-indikazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-ekonomist ta’ Deltafina. Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fit-tabella Nru 5 ta’ dan ir-rapport, Cetarsa hija inkluża fost l-impriżi xerrejja tat-tabakk ipproċessat Spanjol filwaqt li hija impriża tal-ewwel ipproċessar u ma tixtrix tabakk ipproċessat mingħand terzi. Fir-realtà, hekk kif spjegat Deltafina fir-risposta tagħha għal waħda mid-domandi bil-miktub li kienet saritilha mill-Qorti Ġenerali, id-data li tidher f’din it-tabella tirrigwarda l-bejgħ, lill-manifatturi tas-sigaretti, ta’ tabakk ipproċessat Spanjol. Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-data mressqa mill-ekonomist ta’ Deltafina, hija din tal-aħħar, u mhux Cetarsa, li kienet il-bejjiegħ prinċipali ta’ tabakk ipproċessat Spanjol fl-2000 u fl-2001. Għalhekk, matul dawn is-snin, Deltafina kellha, rispettivament, 31. 6 % u 28. 7 % mis-suq tal-bejgħ ta’ tabakk ipproċessat Spanjol, filwaqt li l-ishma mis-suq ta’ Cetarsa kienu jammontaw għal, rispettivament, 26. 7 % u 27. 6 %.
270 Fit-tieni lok, ma jistax jiġi kkontestat li Deltafina kienet il-klijent prinċipali ta’ tlieta mill-erba’ proċessuri Spanjoli. B’hekk, qabel kollox, huwa stabbilit bejn il-partijiet li Taes kienet tbiegħ il-parti l-kbira mill-produzzjoni tagħha lil Deltafina. Sussegwentement, hekk kif jirriżulta mill-Premessa 21 tad-deċiżjoni kkontestata u mit-tabella Nru 7 tar-rapport tal-ekonomist ta’ Deltafina, din kienet b’mod ċar il-klijent prinċipali ta’ Agroexpansión matul is-snin 1996 sa 1998. Barra minn hekk, f’risposta tal-15 ta’ Marzu 2002 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, Cetarsa indikat li l-klijenti prinċipali tagħha kienu, skont l-ordni ta’ daqs, Deltafina, Altadis u Dimon. Finalment, għandu jiġi rrilevat li mill-istess tabella jirriżulta li, fl-1999 u fl-2000, Deltafina kienet klijenta tal-erba’ proċessuri Spanjoli.
271 Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat ukoll li, minbarra r-relazzjonijiet kummerċjali msemmija iktar ’il fuq, Deltafina kellha relazzjonijiet kummerċjali oħra ma ċerti proċessuri. Għalhekk, kif jirriżulta mill-Premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li Deltafina ma tpoġġix indiskussjoni l-fondatezza tagħha, din tal-aħħar kienet ikkonkludiet ma’ Cetarsa, li kellha kapaċità ta’ pproċessar eċċessiva, kuntratti għat-trattament u għat-tqassim ta’ parti mit-tabakk ta’ Taes u ta’ Agroexpansión.
272 Id-diversi elementi msemmija iktar ’il fuq juru b’mod suffiċjenti fil-liġi li Deltafina kienet kapaċi iktar min ħaddiehor li tinfluwenza l-aġir tal-proċessuri Spanjoli, hekk kif tirrileva l-Kummissjoni fil-Premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata.
273 Għaldaqstant, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, mill-inċertezza kkawżata mill-kuntest leġiżlattiv Spanjol u mill-attitudni tal-awtoritajiet Spanjoli
274 Kuntrarjament għal dak li tippretendi Deltafina, il-Kummissjoni tesponi b’mod preċiż ħafna fid-deċiżjoni kkontestata, il-motivi għalfejn l-inċertezza kkawżata mill-kuntest leġiżlattiv Spanjol u mill-attitudni tal-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntest tan-negozjati tal-kuntratti standard jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ multa simbolika biss fil-każ tar-rappreżentanti tal-produtturi.
275 Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif inhu miġbur fil-qosor fil-Premessi 275 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata u hekk kif diġà ġie espost fil-punti 15 sa 21 u 107 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda żewġ akkordji orizzontali, l-ewwel wieħed li jimplika lill-proċessuri Spanjoli u lil Deltafina, u t-tieni wieħed lir-rappreżentanti tal-produtturi. L-istess premessi jippreċiżaw li kull wieħed minn dawn l-akkordji huwa kkaratterizzat minn numru ta’ ftehim u/jew prattiki miftiehma u jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE.
276 Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll b’mod ċar ħafna li l-akkordju tal-proċessuri kien jinvolvi żewġ partijiet:
– minn naħa waħda, matul il-perijodu 1996/2001, il-proċessuri u Deltafina, b’mod sigriet, ikkonkludew ftehim u/jew ipparteċipaw fi prattiki miftiehma intiżi, essenzjalment, sabiex kull sena jiffissaw il-prezz medju ta’ provvista (massimu) ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum, il-kwalitajiet kollha mħallta, kif ukoll li jqassmu l-kwantitajiet ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum li kull wieħed mill-proċessuri seta’ jixtri mingħand il-produtturi (ara b’mod partikolari s-sommarju li jinsab fil-Premessi 276 u 278 tad-deċiżjoni kkontestata u, fir-rigward tal-kwalifika ta’ din il-parti tal-akkordju bħala “sigrieta”, il-Premessi 411, 413, 438 u 454 tad-deċiżjoni kkontestata);
– min-naħa l-oħra, matul il-perijodu 1999/2001, il-proċessuri u Deltafina kkonkludew ukoll ftehim u/jew ipparteċipaw fi prattiki miftiehma li kellhom bħala għan li jiffissaw il-livelli tal-prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum kif ukoll il-kundizzjonijiet kumplimentari li huma kienu jipproponu lir-rappreżentanti tal-produtturi waqt in-negozjati kollettivi bejn iż-żewġ setturi (ara b’mod partikolari s-sommarju li jinsab fil-Premessi 276 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata).
277 Fir-rigward tal-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi, huwa espost b’mod ċar fid-deċiżjoni kkontestata li dan huwa kkaratterizzat minn numru ta’ ftehim u/jew ta’ prattiki miftiehma, matul il-perijodu 1996/2001, intiżi, essenzjalment, sabiex jiffissaw, kull sena, il-livelli tal-prezz skont il-grad ta’ kwalità ta’ kull varjetà ta’ tabakk mhux maħdum kif ukoll il-kundizzjonijiet kumplimentari li huma kienu sussegwentement jipproponu lill-proċessuri waqt in-negozjati kollettivi bejn iż-żewġ setturi (ara b’mod partikolari s-sommarju li jinsab fil-Premessi 277 u 318 tad-deċiżjoni kkontestata).
278 Fi kliem ieħor, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-akkordju tal-proċessuri kien imur ferm lil hinn mill-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi, peress li dan kien jinvolvi parti sigrieta li seħħet barra mill-kuntest tan-negozjati kollettivi bejn iż-żewġ setturi.
279 Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multi, il-konsegwenzi li kellhom il-qafas leġiżlattiv Spanjol u l-attitudni tal-awtoritajiet Spanjoli fuq l-aġir tad-diversi destinatarji u tesponi bi preċiżjoni r-raġunament tagħha f’dan ir-rigward.
280 Għalhekk, l-ewwel nett, il-Kummissjoni teżamina l-akkordju tar-rappreżentanti tal-produtturi (Premessi 425 sa 430 tad-deċiżjoni kkontestata).
281 F’dan ir-rigward, qabel kollox, il-Kummissjoni tfakkar, b’riferiment għall-Premessi 350 u s-segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma kinitx tobbliga lir-rappreżentanti tal-produtturi u lill-proċessuri Spanjoli sabiex jiftiehmu fuq il-livelli ta’ prezzijiet u fuq il-kundizzjonijiet kumplimentari. Hija tippreċiża li, għalkemm, bejn l-1982 u l-2000, din il-leġiżlazzjoni kienet tipprevedi li, sabiex ikunu jistgħu jiġu approvati mill-Ministeru tal-Agrikoltura, il-kuntratti standard kellhom jinkludu klawżola dwar il-“prezz minimu garantit” u l-“prezz li l-produttur kellu jirċievi għall-materja prima”, madankollu ma kinitx tobbliga lill-partijiet li kienu qegħdin jinnegozjaw kuntratti standard sabiex jiftiehmu fuq “iċ-ċifri stess li kellhom jitniżżlu fil-klawżoli tal-prezz”. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, hija tirrileva li, barra minn hekk, bejn l-1995 u l-1998, il-Ministeru tal-Agrikoltura approva kuntratti standard li l-klawżoli tal-prezz tagħhom kienu vojta (Premessa 426 tad-deċiżjoni kkontestata).
282 Sussegwentement, fil-Premessa 427 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi ċerti elementi li, fil-premessa segwenti, iwassluha sabiex madankollu tammetti li “l-qafas leġiżlattiv madwar in-negozjati kollettivi ta’ kuntratti standard seta’ jwassal għal livell kunsiderevoli ta’ inċertezza fir-rigward tal-legalità tal-aġir tar-rappreżentanti tal-produtturi u tal-proċessuri fil-kuntest ferm preċiż tan-negozjati kollettivi tal-ftehim standard”. L-imsemmija elementi huma s-segwenti:
– il-kuntratti standard innegozjati bejn l-1995 u l-1998 u approvati mill-Ministeru tal-Agrikoltura kienu jipprovdu li r-rappreżentanti tal-produtturi kollha kellhom jinnegozjaw kollettivament ma’ kull proċessur it-tabelli tal-prezz u l-kundizzjonijiet kumplimentari;
– fl-1999, il-Ministeru tal-Agrikoltura approva wkoll it-tabelli tal-prezzijiet li kienu diġà ġew innegozjati kollettivament mir-rappreżentanti tal-produtturi kollha u mill-erba’ proċessuri;
– dawn it-tabelli ġew annessi mal-kuntratt standard ippubblikat fil-Boletín Oficial del Estado ta’ dik is-sena;
– fl-2000 u fl-2001, il-Ministeru tal-Agrikoltura stieden lir-rappreżentanti taż-żewġ setturi għal ċertu numru ta’ laqgħat, li xi wħud minnhom saru fil-Ministeru stess, sabiex jiġu stabbiliti tabelli tal-prezz, biex jinkoraġġixxi, b’dan il-mod, lill-partijiet ikomplu n-negozjati kollettivi tagħhom dwar dawn it-tabelli.
283 Fil-Premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li l-eżistenza u r-riżultati tan-negozjati fuq il-kuntratti standard kienu ġeneralment pubbliċi u li l-ebda awtorità ma qatt poġġiet indiskussjoni l-kompatibbiltà tagħhom kemm mas-suq Komunitarju, kif ukoll mad-dritt Spanjol qabel ma nfetħet il-proċedura amministrattiva.
284 Finalment, mill-Premessa 430 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huma l-elementi esposti fil-punti 282 u 283 iktar ’il fuq li wasslu lill-Kummissjoni sabiex timponi biss multa simbolika f’ammont ta’ EUR 1 000 lir-rappreżentanti tal-produtturi.
285 It-tieni nett, fir-rigward tal-akkordju tal-proċessuri, il-Kummissjoni tippronunzja ruħha fuq l-influwenza tal-kuntest leġiżlattiv Spanjol u tal-attitudni tal-awtoritajiet Spanjoli fil-Premessi 437 u 438 tad-deċiżjoni kkontestata.
286 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel distinzjoni bejn il-parti ta’ dan l-akkordju li tirrigwarda n-negozjati u l-konklużjoni “pubbliċi” tal-kuntratti standard mar-rappreżentanti tal-produtturi – b’mod partikolari n-negozjati dwar il-livelli tal-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kumplimentari – u l-parti “sigrieta” tal-istess akkordju.
287 B’hekk, minn naħa waħda, fil-Premessa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-konstatazzjonijiet li għamlet fil-Premessi 427 sa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-aġir tar-rappreżentanti tal-produtturi (ara l-punti 282 u 283 iktar ’il fuq), huma validi wkoll f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ partijiet tal-akkordju tal-proċessuri.
288 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-parti “sigrieta” ta’ dan l-aħħar akkordju, il-Kummissjoni tesponi, fil-Premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prattiki tal-proċessuri “marru kjarament lil hinn minn dak li kien jistabbilixxi l-kuntest legali applikabbli, in-negozjati pubbliċi u l-ftehim mar-rappreżentanti tal-produtturi”. Madankollu, fl-istess premessa, hija tirrikonoxxi li “n-negozjati pubbliċi bejn ir-rappreżentanti tal-produtturi u l-proċessuri ddeterminaw, għall-inqas sa ċertu punt, il-kuntest materjali (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-okkażjonijiet biex jilħqu ftehim u biex jadottaw pożizzjoni komuni) li fih il-proċessuri setgħu jiżviluppaw, minbarra l-pożizzjoni komuni li kellhom jadottaw fil-kuntest tan-negozjati pubbliċi, l-istrateġija sigrieta tagħhom dwar il-prezzijiet ta’ provvista medji (massimi) u l-kwantitajiet”.
289 Hekk kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 287 u 288 iktar ’il fuq, li tnaqqas b’40 %, abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti, l-ammont bażiku tal-multi li kienu ġew iffissati għall-proċessuri u għal Deltafina.
290 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, il-ħames parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
– Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Deltafina fid-diskussjonijiet u fin-negozjati li seħħew bejn il-proċessuri Spanjoli u r-rappreżentanti tal-produtturi
291 Is-sitt parti tar-raba’ motiv ma hijiex ikkorroborata mill-fatti sa fejn, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li d-diskussjonijiet u n-negozjati “vertikali” li seħħew bejn il-proċessuri Spanjoli, minn naħa waħda, u r-rappreżentanti tal-produtturi, min-naħa l-oħra, kienu kuntrarji għall-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, il-fatt li Deltafina ma pparteċipatx f’dawn id-diskussjonijiet u f’dawn in-negozjati ma jista’ jkollu l-ebda influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur imputat lilha, u lanqas, bħala konsegwenza, fuq l-ammont inizjali tal-multa adottat fil-każ tagħha.
– Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn il-Kummissjoni injorat il-prassi preċedenti tagħha
292 Peress li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 234), is-seba’ parti tar-raba’ motiv ma tistax tiġi milqugħa.
– Konklużjoni fuq ir-raba’ motiv
293 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 1 B tal-linji gwida u tal-prinċipju tat-trattament ugwali
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
294 Fil-Premessi 432 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni tat-tul tal-ksur ilmentat kontra l-proċessuri u Deltafina.
295 Qabel kollox, b’riferiment għall-Premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrileva li l-akkordju tal-proċessuri beda fit-13 ta’ Marzu 1996 (Premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata).
296 Sussegwentement, hija tindika li, skont id-dikjarazzjonijiet tal-proċessuri, dan l-akkordju ntemm fit-3 ta’ Ottubru 2001. Madankollu, wara li kkonstatat li l-“aħħar prova” li għandha hija laqgħa tal-10 ta’ Awwissu 2001, imsemmija fil-Premessa 260 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żammet din l-aħħar data bħala d-data tat-tmiem tal-ksur (Premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata).
297 Fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-Kummissjoni tiffissa t-tul tal-ksur għal ħames snin u erba’ xhur, li jikkorrispondi għal ksur twil ħafna. Għaldaqstant, fil-Premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żżid b’50 % l-ammont inizjali tal-multa imposta lil kull wieħed mill-proċessuri Spanjoli u lil Deltafina.
L-argumenti tal-partijiet
298 Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, invokat b’mod sussidjarju, Deltafina tesponi li, fil-Premessi 432 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni “tgħaqqad purament u sempliċement l-aġir kollu”, jiġifieri dak “reali” imputat lill-proċessuri u dak “virtwali” imputat lil Deltafina, tiffissa t-tul tal-ksur għal “iktar minn ħames snin u erba’ xhur”, tikkunsidra li dan il-ksur jikkostitwixxi, għal dawn il-partijiet kollha, ksur twil u żżid b’50 % l-ammont inizjali tal-multa għal kull wieħed mill-partijiet. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni, peress li attribwixxitilha “koresponsabbiltà fl-intenzjoni, li ma hijiex stabbilita f’fatti jew f’aġir speċifiku”, kellha għall-inqas tiddetermina bi preċiżjoni l-“ġurnata tal-bidu” tal-ksur, jiġifieri “tindika minn fejn u minn meta r-rieda ta’ Deltafina bdiet tikkontribwixxi b’mod estern għal dik tal-erba’ proċessuri Spanjoli, billi tinfluwenza jew tiddetermina l-aġir tagħhom”.
299 Konsegwentement, Deltafina titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa, billi tieħu inkunsiderazzjoni li l-ksur jista’ biss ikun ta’ tul medju.
300 Il‑Kummissjoni terġa ssostni li l-punt inizjali tal-akkordju tal-proċessuri għandu jiġi ffissat għat-13 ta’ Marzu 1996, id-data tal-ewwel laqgħa tiegħu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
301 Għandu jiġi kkonstatat li fil-Premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat espressament il-punt inizjali tal-akkordju tal-proċessuri għat-13 ta’ Marzu 1996.
302 Hekk kif jirriżulta mill-Premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għaliha l-Premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-data tikkorrispondi għal dik li fiha – skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Taes, WWTE u Agroexpansión – Deltafina u l-proċessuri Spanjoli ltaqgħu għall-ewwel darba, u dan sabiex jiddiskutu l-prezzijiet u l-volumi ta’ xiri tat-tabakk mhux maħdum għas-sena 1996/1997.
303 Il‑Kummissjoni kienet iktar u iktar fondata meta adottat din id-data bħala l-punt tat-tluq tal-ksur fil-każ ta’ Deltafina li, hekk kif diġà ġie espost fil-punt 125 iktar ’il fuq, din tal-aħħar kienet irrappreżentata fil-laqgħa inkwistjoni kemm mill-president tagħha s-Sur M, kif ukoll mid-direttur tagħha responsabbli mix-xiri, is-Sur C.
304 Barra minn hekk, l-argumentazzjoni ta’ Deltafina hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li tgħid li hija llimitat ruħha sabiex tiffaċilita, minn barra l-akkordju tal-proċessuri, it-twettiq tal-ksur (ara l-punti 122 sa 133 iktar ’il fuq).
305 Peress li Deltafina ma tpoġġix indiskussjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ksur intemm fl-10 ta’ Awwissu 2001, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha raġun meta ffissat it-tul tal-ksur għal iktar minn ħames snin u erba’ xhur – jiġifieri ksur twil fis-sens tal-linji gwida – u, għalhekk, żiedet b’50 % l-ammont inizjali tal-multa mogħtija lil Deltafina.
306 Isegwi li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 2 tal-linji gwida kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
307 Mill-Premessa 436 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Deltafina ġie miżjud b’50 % abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti, minħabba li din l-impriża kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri.
308 F’dan ir-rigward, fil-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi s-segwenti:
“Mill-fatti esposti fil-Premessi 361 u s-segwenti [tad-deċiżjoni kkontestata] jirriżulta li Deltafina kellha rwol determinanti meta ppjanat u implementat il-ftehim fuq il-prezzijiet ta’ provvista medji (massimi) u l-kwantitajiet konklużi bejn il-proċessuri wara l-1996. Deltafina (irrappreżentata mill-president tagħha) ikkonvinċiet lill-proċessuri Spanjoli sabiex jikkoordinaw l-istrateġiji tax-xiri u aġixxiet bħala depożitarja u arbitru tal-ftehim antikompetittivi tal-proċessuri, b’mod partikolari meta bdew il-prattiki kompetittivi tagħhom.”
309 Fil-Premessa 436 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żżid li “[r]-rwol ta’ mexxej ta’ Deltafina fl-akkordju tal-proċessuri ġie barra minn hekk ikkonfermat minn Agroexpansión u WWTE fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta […] li saret wara”.
L-argumenti tal-partijiet
310 Abbażi tas-sitt motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, Deltafina tosserva li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tqis bħala ċirkustanza aggravanti fir-rigward tagħha r-rwol ta’ mexxej li kellha, hija vvizjata minn żewġ aspetti.
311 Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn, fil-Premessa 435 tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tirreferi b’mod vag għall-“fatti esposti fil-Premessi 361 u s-segwenti”.
312 F’dan il-kuntest, hija tirrileva li l-fatti msemmija jillimitaw ruħhom għal xi preżenzi f’laqgħat, għal proposti, għar-riċeviment ta’ informazzjoni, għall-konservazzjoni ta’ dokument, għat-trażmissjoni ta’ ittri, għall-medjazzjoni u għall-intervent f’diskussjonijiet, jiġifieri “aġir passiv, estern u limitat għal preżenza jew, l-iktar l-iktar, li jiffavorixxi indirettament xi azzjonijiet tal-proċessuri Spanjoli, li kienu l-protagonisti reali tal-kartell”. Dawn il-fatti bl-ebda mod ma juru li hija kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju.
313 Fit-tieni lok, Deltafina tindika li, sabiex tattribwixxilha tali rwol, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq xi partijiet mir-risposti ta’ Agroexpansión u ta’ WWTE għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Hija tilmenta mill-ġdid li l-Kummissjoni rrifjutat milli tagħtiha aċċess għal dawn ir-risposti, u b’hekk kisret b’mod gravi d-drittijiet tad-difiża tagħha.
314 Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, Deltafina titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa, billi teskludi mill-kalkolu tagħha ż-żieda b’50 % applikata mill-Kummissjoni abbażi taċ-ċirkustanzi aggravanti.
315 Il‑Kummissjoni titlob sabiex dan is-sitt motiv jiġi miċħud.
316 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija tesponi b’mod ċar u preċiż biżżejjed ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li Deltafina kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju. B’mod iktar partikolari, hija tirreferi għall-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-fatti msemmija fil-Premessi 361 sa 369 tal-istess deċiżjoni.
317 F’dan il-kuntest, hija tosserva li l-fatti msemmija juru b’mod ċar ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju attribwit lil Deltafina.
318 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, b’riferiment għall-premessi riprodotti fil-punt 147 iktar ’il fuq, tikkontesta li kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Deltafina meta ma tathiex aċċess għar-risposti ta’ Agroexpansión u ta’ WWTE għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
319 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi rrilevat li hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, inkwantu l-kwistjoni li jkun magħruf jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tkun evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att ġie adottat kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
320 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni indikat b’mod preċiż biżżejjed, fil-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li hija bbażat ruħha fuqhom sabiex tikkwalifika lil Deltafina bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri. Għalhekk, f’din il-premessa, minbarra l-fatt li hija identifikat b’mod ċar l-aġir ta’ Deltafina li, skont hi, jiġġustifika tali kwalifika, hija rriferiet espressament għall-fatti msemmija fil-Premessi 361 u s-segwenti tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu huma stess għal kunsiderazzjonijiet oħra.
321 Barra minn hekk, fil-Premessa 436 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li Agroexpansión u WWTE kienu kkonfermaw, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta, li Deltafina kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju tal-proċessuri.
322 Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat.
323 Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment ta’ Deltafina, invokat fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv (ara l-punti 104 u 105 iktar ’il fuq), ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma semmietx, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iċ-ċirkustanza li hija setgħet titqies bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
324 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija kienet ser teżamina jekk kellhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq tal-impriżi. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punt 428, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, Ġabra p. I‑10193, punt 49).
325 Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, jekk il-Kummissjoni tiġi obbligata tgħarraf lill-impriżi kkonċernati, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-indikazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw il-livell tal-multi kkunsidrati, ikun qed jiġi imposta fuqha li tantiċipa b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni finali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 21).
326 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni esponiet l-punti ta’ fatt u ta’ dritt prinċipali li setgħu jsostnu l-multa li kellha l-intenzjoni li timponi fuq Deltafina. Għalhekk, fil-punt 459 ta’ din id-dikjarazzjoni, hija indikat b’mod partikolari li, sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur, kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ftehim li kellhom l-iskop li jiffissaw prezzijiet u kwantitajiet kienu fost l-iktar ksur serju tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fil-punt 460 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija ppreċiżat li, fir-rigward tal-ksur attribwit lill-proċessuri, dan kien beda fit-13 ta’ Marzu 1996 u kien intemm, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar, fit-3 ta’ Ottubru 2001. Hija żżid li l-aħħar prova li kellha kienet tirrigwarda, madankollu, laqgħa tal-10 ta’ Awwissu 2001. Finalment, fil-punt 461 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, kif deskritti f’din id-dikjarazzjoni, u b’mod partikolari r-rwol individwali eżerċitat minn kull wieħed mid-destinatarji tagħha, tal-influwenza li l-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-prodotti agrikoli seta’ jkollha fuq l-imġieba ta’ dawn id-destinatarji u tal-kooperazzjoni pprovduta mill-proċessuri u mill-assoċjazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
327 Ċertament, il-Kummissjoni ma indikatx, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija setgħet tadotta l-kwalifika ta’ mexxej f’dak li jirrigwarda lil Deltafina. Issa, għandu jiġi rrilevat li din il-kwalifika ġġib magħha konsegwenzi kbar fir-rigward tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriża kkonċernata. B’hekk, b’mod konformi mal-punt 2 tal-linji gwida, din hija ċirkustanza aggravanti li ġġib magħha żieda mhux negliġibbli tal-ammont bażiku tal-multa. Bl-istess mod, skont il-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, tali kwalifika teskludi b’mod awtomatiku l-benefiċċju ta’ tnaqqis kbir ħafna tal-multa, anki jekk l-impriża kkwalifikata bħala mexxej tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti sabiex tkun tista’ tikseb tali tnaqqis. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha ssemmi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-elementi li hija tqis li huma rilevanti sabiex tippermetti lill-impriża li tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju sabiex tirrispondi għal tali lment. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li tali dikjarazzjoni hija biss stadju fl-adozzjoni tad-deċiżjoni finali u li għalhekk ma tikkostitwixxix il-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, ma jistax ikun meħtieġ li din tal-aħħar tipproċedi diġà f’dan l-istadju għal kwalifika ġuridika tal-provi li fuqhom hija tkun ser tibbaża ruħha fuqhom fid-deċiżjoni finali tagħha sabiex tikkwalifika lil impriża bħala mexxej tal-akkordju.
328 F’dan il-każ, il-fatti li l-Kummissjoni użat, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tattribwixxi lil Deltafina r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri huma, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, dawk li huma miġbura fil-qosor fil-Premessa 435 ta’ din id-deċiżjoni. Fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-ewwel frażi tal-Premessa 436 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 321 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li WWTE u Agroexpansión illimitaw ruħhom, fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta, sabiex jikkonfermaw il-provi msemmija iktar ’il fuq, u ma semmew l-ebda fatt li ma kienx diġà mgħarraf lil Deltafina fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punti 147 u 316 sa 318 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk il-provi li l-Kummissjoni tiddikjara li bbażat ruħha fuqhom humiex suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li Deltafina kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża ta’ din tal-aħħar meta rrifjutat li tagħtiha aċċess, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għall-imsemmija risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
329 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-fatti li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tattribwixxi lil Deltafina r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju tal-proċessuri kienu diġà msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod li din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha fuq l-elementi msemmija qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-elementi msemmija fil-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata kienu diġà inklużi fost dawk imsemmija fil-punti 416 sa 420 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
330 Konsegwentement, il-Kummissjoni ma injoratx id-drittijiet tad-difiża ta’ Deltafina meta naqset milli tindika, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li din tal-aħħar tista’ titqies bħala l-mexxej tal-akkordju tal-proċessuri.
331 Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatti li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkwalifika lil Deltafina bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri jippermettux li tiġi adottata tali kwalifika. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv (ara l-punt 312 iktar ’il fuq) kif ukoll fil-kuntest tat-tielet parti tar-raba’ motiv (ara l-punt 73 iktar ’il fuq) u tal-ewwel parti tat-tieni motiv (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), Deltafina tilmenta, effettivament, li l-Kummissjoni ma pprovatx li hija kellha tali rwol fl-akkordju tal-proċessuri.
332 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, biex tiġi kkwalifikata bħala mexxej, l-impriża inkwistjoni għandha tkun forza li tagħti spinta lill-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 374, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 423) u tkun refgħet responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 300 u 375).
333 Issa, għalkemm il-provi invokati mill-Kummissjoni fil-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata juru li Deltafina kellha rwol attiv u dirett fl-akkordju tal-proċessuri, madankollu ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li din il-kumpannija kienet forza li tat spinta sinjifikattiva lil dan l-akkordju, u lanqas li r-rwol tagħha kien ikbar minn dak ta’ xi wieħed mill-proċessuri Spanjoli. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-Kummissjoni kellha raġun meta, għall-motivi esposti fil-punti 122 sa 133 iktar ’il fuq, attribwixxiet it-totalità tal-ksur inkwistjoni lil Deltafina, xorta jibqa’ l-fatt li din, matul il-perijodu tal-ksur ta’ iktar minn ħames snin, kienet biss preżenti għal numru limitat ħafna ta’ laqgħat tal-akkordju tal-proċessuri li matulhom ġew konklużi l-ftehim illegali – jiġifieri l-iktar l-iktar erba’ laqgħat fuq total ta’ madwar tletin – u li hija pparteċipat biss għal numru relattivament żgħir ta’ skambji ta’ korrispondenza u ta’ informazzjoni bejn il-membri ta’ dan l-akkordju.
334 Barra minn hekk, l-ebda prova mill-fajl ma tindika li Deltafina ħadet xi inizjattiva bil-għan li toħloq l-akkordju msemmi jew li twassal li xi wieħed mill-proċessuri Spanjoli sabiex jaderixxi miegħu. B’mod partikolari, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-Premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Deltafina “kkonvinċiet lill-proċessuri Spanjoli sabiex jikkoordinaw l-istrateġiji tax-xiri” ma hijiex suffiċjentement ipprovata. Is-sempliċi fatt li, fil-faks tagħha tad-9 ta’ Lulju 1997 (ara l-punt 127 iktar ’il fuq), WWTE issemmi li l-president ta’ Deltafina indika, diversi drabi, li “ftehim fuq il-prezzijiet ma [kienx] possibbli mingħajr ftehim fuq il-kwantitajiet” ma huwiex biżżejjed sabiex isostni l-allegazzjoni msemmija. Dan jgħodd iktar peress li l-istess faks pjuttost tagħti x’jinftiehem li WWTE stess xtaqet li jiġi konkluż ftehim fuq il-kwantitajiet, peress li insistiet ukoll fuq in-neċessità li dan ikollu tul ta’ ħames snin jew, għall-inqas, ta’ tliet snin. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’faks tas-6 ta’ Novembru 1997 lill-president ta’ Deltafina, imsemmija fil-Premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata, WWTE indikat li hija kienet qed tipprova “b’kull mezz li tikseb ftehim [fuq il-]kwantitajiet”, u ppreċiżat li, matul il-laqgħa li jmiss tal-akkordju tal-proċessuri, hija kienet ser tipproponi “l-garanzija [tal-]akkordji permezz tal-iddepożitar ta’ somom kbar ta’ flus li jippermettu ċertezza fl-eżekuzzjoni tal-ftehim”.
335 Lanqas ma hemm ebda prova mill-fajl li tippermetti li jiġi stabbilit li Deltafina assumiet l-inkarigu ta’ attivitajiet abitwalment marbuta mal-eżerċizzju tar-rwol ta’ mexxej ta’ akkordju, bħall-presidenza ta’ laqgħat jew iċ-ċentralizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ xi data. Għalkemm huwa żgur li Deltafina żammet matul perijodu qasir nota li tirriproduċi fid-dettall ċerti ftehim illegali, dan huwa biss każ iżolat. Bl-istess mod, għalkemm il-provi fil-fajl juru li Deltafina aġixxiet bħala medjatur fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-proċessuri, l-interventi tagħha f’din il-kariga ma humiex ħafna u huma limitati għall-ewwel sentejn tal-akkordju tal-proċessuri. Barra minn hekk, dawn ma kienu akkumpanjati minn ebda theddida konkreta jew miżura dixxiplinari.
336 Għalhekk, is-sitt motiv għandu jiġi parzjalment milqugħ, u konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi emendata, peress li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti ta’ mexxej kontra Deltafina. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din l-emenda ser jiġu ppreċiżati fil-punti 437 sa 439 iktar ’il quddiem.
Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 3 tal-linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
337 Deltafina tilmenta li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kkunsidratx iċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fit-tieni u fit-tielet inċiżi tal-punt 3 tal-linji gwida, jiġifieri, rispettivament, in-“non-applikazzjoni effettiva tal-ftehim jew prattiki li jikkostitwixxu ksur” u l-“waqfien tal-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni”.
338 B’hekk, fl-ewwel lok, Deltafina tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata “b’insistenza” in-nuqqas ta’ osservanza “għall-inqas parzjali”, ta’ ftehim u ta’ prattiki li jikkostitwixxu ksur matul l-1996 (Premessi 85, 88 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata), l-1997 (Premessi 113, 122 , 126, 130 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata), l-1998 (Premessi 144 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata), l-1999 (Premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata), l-2000 (Premessi 206, 229, 231 sa 233 u 235 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-2001 (Premessi 239, 244 u 255 sa 257 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkwota wkoll ċerti partijiet mill-Premessi 295, 307 u 319 tad-deċiżjoni kkontestata.
339 F’dan il-kuntest, Deltafina tirrileva li, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473), il-Qorti Ġenerali indikat li l-linji gwida “[kienu jipprevedu] espressament it-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva ta’ ftehim li jikkostitwixxi ksur bħala ċirkustanza attenwanti” (punt 191), li t-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida ma kienx jipprevedi “ċ-ċirkustanza fejn akkordju, fl-intier tiegħu, ma jiġix implementat, minbarra fir-rigward tal-aġir ta’ kull impriża” (punt 188) u li “[kien] hemm lok, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ individwalità tal-multi u tas-sanzjonijiet, li tiġi eżaminata l-gravità tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur” (punt 189). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
340 Fit-tieni lok, Deltafina tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur li huwa lmentat kontriha ntemm fl-10 ta’ Awwissu 2001, jiġifieri qabel id-data tal-ewwel verifiki.
341 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, Deltafina titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha.
342 Il‑Kummissjoni titlob sabiex is-seba’ motiv jiġi miċħud.
343 Fl-ewwel lok, hija tosserva li hija ma kinitx marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza attenwanti msemmija fit-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.
344 Qabel kollox, f’dan ir-rigward, hija tindika li l-fatt li l-akkordju ma ġiex osservat b’mod sħiħ qabel l-1998 ittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, u l-ammont inizjali tal-multa ta’ Deltafina ġie ffissat għal EUR 8 000 000, minflok EUR 20 000 000, minkejja n-natura serja ħafna ta’ dan il-ksur.
345 Sussegwentement, hija tippretendi li l-pożizzjoni tagħha hija kkonfortata mill-punti 189 u 192 tas-sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 339 iktar ’il fuq, kif ukoll mill-punti 276 u 277 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni (T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 276 u 277). Il‑Kummissjoni tenfasizza li Deltafina mhux biss qatt ma opponiet ruħha kjarament u b’mod kunsiderevoli għall-implementazzjoni tal-akkordju mal-proċessuri, iżda aderixxiet b’mod sħiħ għal dan l-akkordju, u kellha fih rwol partikolarment attiv ta’ koordinazzjoni u ta’ medjazzjoni.
346 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li ma kinitx ulterjorment marbuta li tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li l-ksur kien intemm qabel l-ewwel investigazzjonijiet tagħha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
347 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tikkonforma ruħha mat-termini tal-linji gwida tagħha stess meta tiffissa l-ammont tal-multi (ara l-punt 230 iktar ’il fuq). Madankollu, il-linji gwida ma jipprovdux li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti nnumerati fil-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida, u hija ma hijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali f’dan ir-rigward b’mod awtomatiku, peress li n-natura adegwata ta’ eventwali tnaqqis tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi attenwanti għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.
348 Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma rrendietx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li tippermettilha tieħu jew ma tiħux inkunsiderazzjoni ċerti elementi meta tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni timponi, abbażi, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanzi tal-każ. B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali s-sinjifikat ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti (ara s-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich vs Il‑Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, punt 473, u l-ġurisprudenza ċċitata).
349 Fir-rigward tal-ewwel ilment invokat minn Deltafina, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, in-“nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi illeċiti” jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.
350 Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija biss obbligata tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti minħabba li l-akkordju ma jkunx ġie implementat jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tkun tista’ turi li hija wriet b’mod ċar u b’qawwa l-oppożizzjoni tagħha għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim tiegħu stess, u li hija b’mod ċar ma tkunx aderixxiet mal-ftehim u minħabba dan il-fatt, tkun inċitat lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, ikun wisq faċli għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi ħorox jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw sussegwentement minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-aġir tagħhom ikun inċita lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod iktar dannuż għall-kompetizzjoni (sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, punti 277 u 278).
351 Issa, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Deltafina ma tinvoka ebda ċirkustanza li tippermetti li jiġi konkluż li hija injorat kjarament u b’mod kunsiderevoli l-akkordju tal-proċessuri sal-punt li fixklet il-funzjonament tiegħu stess. Fil-fatt, hija tillimita ruħha sabiex tinvoka ċerti premessi tad-deċiżjoni kkontestata li, hekk kif diġà ġie espost fil-punti 260 sa 267 iktar ’il fuq, huma jew irrilevanti fir-rigward tal-ilment preżenti, b’mod partikolari peress li ma jirrigwardawx l-akkordju tal-proċessuri, jew jillimitaw ruħhom sabiex jistabbilixxu li, sal-1998, l-akkordju msemmi ma kienx implementat u osservat b’mod sħiħ, u dan, b’mod ġenerali, mill-membri tiegħu u mhux b’mod individwali minn Deltafina.
352 Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-akkordju tal-proċessuri ġie implementat b’mod sħiħ biss sa mill-1998 huwa wieħed mill-elementi li ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur u, għalhekk, fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa li kellu jiġi adottat abbażi ta’ din il-gravità. Issa, il-Kummissjoni adottat ammont inizjali ta’ EUR 8 000 000 biss għal Deltafina, filwaqt li skont il-linji gwida, hija setgħet, fir-rigward ta’ ksur serju ħafna, tikkunsidra li tadotta ammont inizjali ta’ mill-inqas EUR 20 000 000.
353 Għalhekk, l-ewwel ilment invokat minn Deltafina ma jistax jiġi milqugħ.
354 Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jiġi mfakkar li skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, it-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)” jinsab fost iċ-ċirkustanzi attenwanti.
355 B’mod loġiku, dan it-tmiem jista’ jkun ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni kienu inċitati sabiex iwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom mill-interventi inkwistjoni, peress li l-każ fejn il-ksur ikun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni tal-linji gwida (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 158).
356 Issa, f’dan il-każ, il-ksur – kif tosserva Deltafina – intemm fl-10 ta’ Awwissu 2001, jiġifieri qabel id-data tal-ewwel verifiki mwettqa mill-Kummissjoni, f’dan il-każ it-3 ta’ Ottubru 2001. Għalhekk, il-waqfien imsemmi ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa.
357 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li tnaqqis tal-multa minħabba tmiem tal-ksur b’effett mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, imma jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni min-naħa tal-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-imġieba inkwistjoni ma hijiex manifesta. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tagħha tkun inqas xierqa, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni fejn din hija ċertament antikompetittiva, jekk din tiġi stabbilita (sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, punt 281).
358 Issa, f’dan il-każ, ma jistax jitqies li Deltafina seta’ kellha dubju raġonevoli fir-rigward tal-karattru antikompetittiv tal-aġir tagħha, minħabba l-parteċipazzjoni f’akkordju orizzontali li kellu bħala skop l-iffissar ta’ prezzijiet u t-tqassim ta’ kwantitajiet u peress li waħda mill-partijiet tiegħu kellha karattru sigriet, li għalhekk jikkostitwixxi ksur ċar tal-Artikolu 81 KE.
359 Għaldaqstant, it-tieni motiv invokat minn Deltafina ma jistax jiġi milqugħ.
360 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 5(a) tal-linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
361 Fil-kuntest tat-tmien motiv tagħha, invokat sussidjarjament, Deltafina tilmenta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dħul mill-bejgħ li hija kellha matul is-sena 2002/2003. Skont Deltafina, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ relattiv għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2004, peress li s-sena finanzjarja tagħha tagħlaq fil-31 ta’ Marzu ta’ kull sena u d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-20 ta’ Ottubru 2004.
362 Deltafina tippreċiża li d-dħul mill-bejgħ li kellha matul is-sena li għalqet fil-31 ta’ Marzu 2004 kien jammonta għal EUR 127 360 989, jiġifieri ammont inferjuri għal dak ta’ EUR 133 228 000 imsemmi fil-Premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hija tikkunsidra li l-ammont tal-multa tagħha, qabel l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, ma setax jaqbeż l-EUR 12 736 000.
363 Il‑Kummissjoni tirrikonoxxi li d-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ Deltafina sabiex jiġi evalwat jekk ġiex maqbuż jew le l-limitu ta’ 10 % huwa dak li kellha din tal-aħħar matul is-sena finanzjarja magħluqa fil-31 ta’ Marzu 2004. Madankollu, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni dan id-dħul mill-bejgħ, il-limitu msemmi ma jinqabiżx.
364 Għall-kompletezza, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 352 sa 354), li l-limitu massimu ta’ 10 % kellu jiġi applikat fuq ir-“riżultat finali tal-kalkolu tal-multa” u mhux fi stadju preċedenti, jiġifieri qabel l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Issa, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ammont finali tal-multa imposta fuq Deltafina, jiġifieri EUR 11 880 000, ma jeċċedix l-10 % tad-dħul mill-bejgħ magħmul matul is-sena finanzjarja li tagħlaq fil-31 ta’ Marzu 2004.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
365 Fil-Premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont tal-multa ta’ Deltafina, qabel l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għal EUR 13 200 000. Fil-Premessa 443 ta’ din id-deċiżjoni, hija tippreċiża li “[p]eress li d-dħul mill-bejgħ magħmul minn Deltafina fl-2003 kien jammonta għal EUR 133 228 000”, dan l-ammont ma għandux jiġi aġġustat abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
366 Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % stabbilit minn din id-dispożizzjoni huwa dak magħmul matul is-sena finanzjarja preċedenti. Għalhekk, hekk kif inhu paċifiku bejn il-partijiet, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina jekk il-limitu msemmi kienx inqabeż jew le, id-dħul mill-bejgħ magħmul minn Deltafina matul is-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2004.
367 Għalhekk, kien b’mod żbaljat li fil-Premessa 443 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat id-dħul mill-bejgħ magħmul minn Deltafina matul is-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2003.
368 Madankollu, il-motiv ibbażat fuq dan l-iżball huwa ineffettiv peress li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Deltafina matul is-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Marzu 2004, il-limitu ta’ 10 % ma jinqabiżx. Fil-fatt, minn tabella li tinsab fil-kontijiet annwali ta’ Deltafina tal-31 ta’ Marzu 2004, annessi mar-rikors, jirriżulta li, f’din id-data, id-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar kien jammonta għal EUR 139 904 230,95, jiġifieri ammont iktar minn għaxar darbiet ogħla mill-ammont iċċitat iktar ’il fuq ta’ EUR 13 200 000. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-ammont li għandu jintuża huwa dak li jidher ma ġemb il-grupp ta’ intestatura “Dħul mill-bejgħ u servizzi” ta’ din it-tabella u mhux, kif tagħmel Deltafina, dak li jinsab ma ġemb it-titolu “Total”, li jinkludi gruppi ta’ intestatura fil-kontabbiltà li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ dawk imsejħa “Varjazzjoni ta’ stocks ta’ prodotti lesti” u “Prodotti u dħul ieħor”.
369 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Preambolu u tal-punt 4 tal-linji gwida, tal-punt B(e) u tal-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
370 Fil-Premessi 448 sa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesprimi ruħha fuq l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fil-każ tal-proċessuri u ta’ Deltafina.
371 Fl-ewwel lok, hija tindika b’mod partikolari li dawn tal-aħħar talbu sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż qabel ma tiġi nnotifikata lilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (Premessa 449 tad-deċiżjoni kkontestata).
372 Fit-tieni lok, hija tikkonstata li l-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni huwa applikabbli għall-proċessuri Spanjoli. Hija tirrileva li, għalkemm kellha diġà fil-pussess tagħha l-maġġorparti tal-provi essenzjali li jipprovaw l-eżistenza tal-ksur, l-informazzjoni li tawha dawn tal-aħħar għenuha sabiex tikkjarifika u tistabbilixxi l-ksur (Premessi 450 u 451 tad-deċiżjoni kkontestata).
373 Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li Taes, fid-dawl tal-kooperazzjoni “partikolarment utli” tagħha matul il-proċedura, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ Deltafina fil-ksur, u fid-dawl tal-fatt li hija qatt ma kkontestat il-fatti kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandha tibbenefika minn tnaqqis ta’ 40 % tal-multa b’applikazzjoni tal-ewwel u tat-tieni inċiżi tal-punt D(2) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni (Premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata).
374 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tindika li l-informazzjoni mogħtija minn Cetarsa u minn WWTE, għalkemm kienet sinjifikattiva, ma rriżultatx daqstant utli għall-investigazzjoni tagħha daqs dik mogħtija minn Taes (Premessa 453 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tesponi li, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Cetarsa u WWTE għamlu affermazzjoni li ma kinitx tikkorrispondi mar-realtà tal-fatti. Għalhekk, hija ddeċidiet li tagħti lil dawn iż-żewġ proċessuri tnaqqis fil-multa ta’ 25 % b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
375 Fil-ħames lok, fir-rigward ta’ Agroexpansión, il-Kummissjoni tirrileva li din ukoll ipprovdiet informazzjoni utli, iżda li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kkontestat il-fatti “fl-istess termini bħal Cetarsa u WWTE” (Premessa 454 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet tgħid li Agroexpansión ċaħdet in-natura sigrieta tal-ftehim tal-proċessuri fuq il-prezzijiet ta’ provvista medji (massimi). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija naqset il-multa b’20 % għal din il-kumpannija.
376 Finalment, fis-sitt lok, il-Kummissjoni naqset b’10 % il-multa imposta fuq Deltafina (Premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tikkunsidra li, għalkemm la Universal u lanqas Deltafina ma pprovdew indikazzjonijiet preċiżi fir-rigward tal-kontribut ta’ Deltafina għall-kooperazzjoni ta’ Taes mal-Kummissjoni, ma jistax jiġi injorat li parti mid-dokumenti annessi man-nota ta’ Taes tat-18 ta’ Frar 2002 kienu b’mod ċar provenjenti mingħand Deltafina u kienu ġew ipprovduti lil Taes minħabba l-imsemmija kooperazzjoni. Hija tirrepeti li l-informazzjoni pprovduta minn Taes kienet partikolarment utli għall-investigazzjoni tagħha u essenzjali, b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Deltafina. Madankollu, Deltafina ma spjegatilhiex direttament b’liema mod u sa fejn hija kellha l-intenzjoni li tikkoopera u, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ikkontestat il-materjalità tal-akkużi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħha. Hija tindika wkoll li Deltafina “ma tissodisfax il-kriterju stabbilit fil-punt B[e] ta[l-]komunikazzjoni [dwar il-kooperazzjoni]”.
L-argumenti tal-partijiet
377 Fil-kuntest tad-disa’ motiv tagħha, invokat b’mod sussidjarju, Deltafina tosserva li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva. Dawn l-ilmenti jistgħu jiġu miġbura f’erba’ partijiet.
378 Fil-kuntest tal-ewwel parti, Deltafina ssostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li hija kienet ikkontestat il-materjalità tal-akkużi msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħha. B’hekk, meta sostniet li s-Sur M kien jaġixxi b’mod personali, hija llimitat ruħha sabiex tikkontesta l-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni ġuridika ta’ ċerti fatti mwettqa mill-Kummissjoni. Hija żżid li Taes, f’nota tat-18 ta’ Frar 2002, kienet, hija wkoll, ifformulat tali dikjarazzjoni u tiskanta kif minkejja dan, din tal-aħħar xorta bbenefikat minn tnaqqis superjuri għal tagħha.
379 Fil-kuntest tat-tieni parti, Deltafina tosserva li l-Kummissjoni kisret l-Avviż dwar il-kooperazzjoni meta lmentat kontriha, fil-Premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ssodisfatx il-kriterju stabbilit fil-punt B(e) tal-Avviż imsemmi. Fil-fatt, hija tippretendi li dan il-punt ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tapplika l-punt D ta’ dan l-Avviż, li jirrigwarda preċiżament il-każ fejn “impriża tikkoopera mingħajr ma l-kundizzjonijiet esposti fil-punti B u C jkunu sodisfatti kollha”. Hija żżid li l-Kummissjoni ma lmentatx kontriha, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, aġir bħal dak imsemmi fil-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u, f’kull każ, ma pprovatx, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet l-awtur ta’ aġir ta’ dan it-tip.
380 Fil-kuntest tat-tielet parti, Deltafina tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija “vvizzjata minn kontradizzjoni serja tal-motivi”, sa fejn il-perċentwali ta’ tnaqqis tal-multa li ġiet mogħtija lilha mill-Kummissjoni hija inqas minn dik mogħtija lil Taes. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, Deltafina tosserva li, peress li l-Kummissjoni tikkonstata, fil-Premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija teżerċita rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ superviżjoni tal-attivitajiet Ewropej tal-grupp Universal, inklużi dawk tal-kumpannija Taes, “huwa raġonevoli li mhux biss ir-responsabbiltajiet, iżda anki l-vantaġġi, jiġu adottati fil-konfront tagħha fuq din il-abbażi”. Hija żżid li l-“provvista” partikolarment utli ta’ Taes, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju tal-proċessuri, setgħet biss tiġi mingħandha. Hija tinsisti fuq il-fatt li kkooperat mal-Kummissjoni sa mill-mument meta Taes kienet involuta f’din il-kwistjoni. Il-provi mressqa lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mill-avukati ta’ Taes kienu ppreżentati kemm fir-rigward ta’ din tal-aħħar kif ukoll fir-rigward tagħha, ġew ippreparati b’mod konġunt mir-rappreżentanti u mill-eżekuttiv ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji, taħt is-superviżjoni ta’ Universal, u jipprovjenu b’mod sostanzjali mingħandha stess.
381 Finalment, fil-kuntest tar-raba’ parti, Deltafina tippretendi li l-Kummissjoni applikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni b’mod diskriminatorju. Qabel kollox, f’dan ir-rigward, hija tikkritika l-fatt li Cetarsa, WWTE u Agroexpansión ibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa superjuri għal tagħha filwaqt li huma kienu kkontestaw il-fatti “għalkemm b’mod differenti”. Sussegwentement, hija tirrileva li kien biss fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li WWTE u Agroexpansión iddikjaraw, għall-ewwel darba, li hija kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju tal-proċessuri. Għalhekk, hija tqis li hemm lok għalfejn titqiegħed indiskussjoni “l-kompletezza u l-lealtà tal-kooperazzjoni tagħhom matul is-sentejn preċedenti”. Finalment, hija tilmenta li l-Kummissjoni applikat il-kriterju stabbilit fil-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fil-każ tagħha biss.
382 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, Deltafina titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa tagħha billi tapplika l-istess perċentwali ta’ tnaqqis bħal dak applikat għall-ammont tal-multa ta’ Taes, jiġifieri 40 %.
383 Il‑Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-partijiet ma hija fondata.
384 Fl-ewwel lok, hija tfakkar li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Deltafina sostniet li l-aġir kollu li ġie lmentat kontriha kien, fir-realtà, attribwibbli lis-Sur M, li kien aġixxa biss b’mod personali. Issa, din l-affermazzjoni tikkostitwixxi “tentattiv ċar intiż sabiex jinbidlu l-fatti”.
385 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta li applikat b’mod żbaljat il-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, hija tosserva li l-fatt li hija tapplika l-punt D ta’ dan l-avviż bl-ebda mod ma jeskludi li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-perċentwali ta’ tnaqqis li għandha tiġi applikata għall-multa tal-impriża li tikkoopera, il-fatt li din l-impriża ma tissodisfax ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mill-punti B u C tal-Avviż imsemmi. Min-naħa l-oħra, hija tindika li ma jkunx eżatt li jingħad li hija ma lmentatx kontra Deltafina aġir bħal dak imsemmi fil-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
386 Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tqis li hija ma kinitx marbuta li tapplika fil-konfront tal-multa ta’ Deltafina l-istess perċentwali ta’ tnaqqis bħal dik li hija applikat għall-multa ta’ Taes.
387 F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, hija tenfasizza li Deltafina kienet ikkunsidrata bħala responsabbli mill-ksur tal-Artikolu 81 KE, mhux minħabba r-rwol tagħha ta’ koordinazzjoni u ta’ superviżjoni tal-attivitajiet ta’ Taes, iżda talli implementat hija stess “numru ta’ azzjonijiet sinjifikattivi, spiss determinanti, fil-kuntest tal-akkordju [tal-proċessuri]”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-kooperazzjoni ta’ Deltafina kienet limitata għat-tfassil konġunt, flimkien ma’ Taes, tan-nota ta’ din tal-aħħar tat-18 ta’ Frar 2002.
388 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tqis li hija ma wettqet ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali meta applikat għal Deltafina perċentwali ta’ tnaqqis inferjuri għal dik li bbenefikaw minnha impriżi oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
389 Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u li hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi, fosthom il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mis-servizzi ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punti 81 u 88).
390 Sabiex tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-imġieba tal-impriża għandha tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 499, u l-ġurisprudenza ċċitata), u għandha turi spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punti 395 u 396).
391 Fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu (ara l-punt A(3) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni).
392 Skont il-punt B tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, impriża tista’ tibbenefika minn tnaqqis kbir ħafna fl-ammont tal-multa, jiġifieri ta’ mill-inqas 75 %, jew saħansitra minn nuqqas ta’ impożizzjoni tal-multa, jekk din tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fil-paragrafi (a) sa (e) tal-punt imsemmi. Skont il-punt B(e), ma tistax tibbenefika minn tali tnaqqis jew nuqqas ta’ impożizzjoni tal-multa impriża li, b’mod partikolari, “tkun ġabet ruħha bħala istigatriċi jew ikollha rwol determinanti fl-attività illegali”.
393 Skont il-punt C tal-istess avviż, “l-impriżi li jissodisfaw kemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-inċiż (b) sa (e) tat-titolu B kif ukoll jiżvelaw l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni tkun għamlet investigazzjoni ordnata b’deċiżjoni, fl-uffiċċji tal-impriżi partijiet fl-akkordju, liema investigazzjoni tonqos milli tipprovdi raġunijiet suffiċjenti biex jinbeda l-proċediment [amministrattiv] li jwassal għal deċiżjoni, jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ bejn 50 sa 75 % mill-multa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
394 Il-punt D tal-Avviż fuq il-kooperazzjoni, intitolat “Tnaqqis sinjifikattiv tal-ammont tal-multa”, jipprovdi:
“1. Meta impriża tikkoopera mingħajr ma tissoddisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija [fil-punti] B u C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx.
Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn:
– qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu materjalment sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur imwettaq,
– wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża għandha tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]”
395 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan il-motiv. It-tieni parti tiegħu ser tiġi evalwata fl-aħħar lok.
396 Fir-rigward tal-ewwel parti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha raġun meta rrilevat, fil-Premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Deltafina kienet ikkontestat il-“materjalità tal-akkużi […] f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà tagħha”. Fil-fatt, f’din ir-risposta, Deltafina sostniet bil-qawwa li ma kinitx responsabbli għall-ksur billi sostniet, b’mod ripetut, li din ir-responsabbiltà kellha tiġi attribwita lis-Sur M, li aġixxa b’mod esklussivament personali fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri u mhux bħala rappreżentant tal-kumpannija. Meta mxiet b’dan il-mod, Deltafina kienet qiegħda tikkontesta l-materjalità tal-fatti msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u ma llimitatx ruħha sabiex tagħtihom interpretazzjoni oħra jew sabiex tikkontradixxi l-evalwazzjoni ġuridika magħmula mill-Kummissjoni.
397 F’dak li jirrigwarda l-argument invokat minn Deltafina abbażi tal-fatt li ma ġiex ilmentat kontra Taes li din ikkontestat il-materjalità tal-fatti, filwaqt li din kienet sostniet, hija wkoll, matul il-proċedura amministrattiva, li s-Sur M kien qed jaġixxi b’mod esklużivament personali, biżżejjed li jingħad li, permezz ta’ din l-affermazzjoni, hija ma kellhiex l-intenzjoni, diversament minn Deltafina, li tiċħad fatt li jikkonċernaha direttament billi tqiegħed indiskussjoni r-responsabbiltà tagħha għall-ksur.
398 Qabel kollox, fir-rigward tat-tielet parti għandu jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-Premessi 359 sa 366 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-punti 107 sa 112 iktar ’il fuq, jekk Deltafina ġiet iddikjarata responsabbli għall-ksur, dan kien mhux minħabba l-funzjonijiet ta’ superviżjoni u ta’ kontroll tagħha tal-attivitajiet ta’ Taes, iżda minħabba l-parteċipazzjoni diretta u attiva tagħha fl-attivitajiet tal-akkordju tal-proċessuri.
399 Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, tinjora l-prinċipju tat-trattament ugwali, li jinkiser meta sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 364 iktar ’il fuq, punt 394, u l-ġurisprudenza ċċitata).
400 Issa, il-Kummissjoni b’mod ċar ma qabżitx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta qieset li l-kooperazzjoni pprovduta minn Taes kienet ta’ utilità superjuri għal dik ipprovduta minn Deltafina.
401 B’hekk, kif diġà ġie espost fil-punti 396 u 397 iktar ’il fuq, Deltafina, diversament minn Taes, ikkontestat il-materjalità ta’ ċerti fatti fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt D(2) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.
402 Barra minn hekk, Deltafina, kuntrarjament għal Taes, qatt ma kkooperat direttament mal-Kummissjoni. B’mod iktar partikolari, din tal-aħħar kellha raġun meta qieset li l-kooperazzjoni ta’ Deltafina kienet limitata għall-parteċipazzjoni fit-tfassil tan-nota ta’ Taes tat-18 ta’ Frar 2002 (ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq). Effettivament, huwa biss fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ din in-nota li Universal Leaf, fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Frar 2002 lill-Kummissjoni, semmiet il-kooperazzjoni ta’ Deltafina. Sussegwentement, la Universal Leaf, la Taes, u lanqas Deltafina ma indikaw lill-Kummissjoni li Deltafina kienet qed tkompli tikkoopera fil-kuntest tal-investigazzjoni, permezz ta’ Taes, u lanqas li l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha minn Taes kienet ippreparata b’kollaborazzjoni ma’ Deltafina.
403 Għalhekk, il-Kummissjoni kienet fondata meta applikat għal Deltafina perċentwali ta’ tnaqqis tal-multa inferjuri minn dik mogħtija lil Taes.
404 Fir-rigward tar-raba’ parti, għandu jitqies li Deltafina ma tistax tippretendi li kienet is-suġġett ta’ trattament diskriminatorju meta mqabbla ma’ Cetarsa, WWTE u Agroexpansión, peress li l-kooperazzjoni li pprovdiet kienet ħafna iktar limitata minn dik ipprovduta minn dawn tal-aħħar.
405 F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, hekk kif tirrikonoxxi Deltafina stess fir-rikors tagħha, għalkemm Cetarsa, WWTE u Agroexpansión ukoll ikkontestaw il-materjalità ta’ ċerti fatti, madankollu dan kien “b’mod differenti” minn Deltafina. B’hekk, kienet din biss, meta sostniet kemm-il darba fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-president tagħha kien aġixxa b’mod esklussivament personali, li kkontestat, matul il-proċedura amministrattiva kollha, kull parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-akkordju tal-proċessuri.
406 Min-naħa l-oħra, filwaqt li Cetarsa, WWTE u Agroexpansión kienu pprovdew provi utli ħafna lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva (ara l-Premessi 453 u 454 tad-deċiżjoni kkontestata), il-kooperazzjoni ta’ Deltafina kienet limitata, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 402 iktar ’il fuq, għall-parteċipazzjoni fit-tfassil tan-nota ta’ Taes tat-18 ta’ Frar 2002.
407 Għalhekk, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
408 Finalment, f’dak li jirrigwarda t-tieni parti, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li xejn ma jipprekludi li l-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tgawdi minnha fuq is-suġġett, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriża kkonċernata ma tissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt B(a) sa (e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni meta, fl-applikazzjoni tal-punt D ta’ din il-komunikazzjoni, tkun mitluba sabiex tiddetermina, fil-limitu minn 10 sa 50 % stabbilit mill-paragrafu 1 tal-istess punt, il-perċentwali ta’ tnaqqis li għandha tingħata lil din l-impriża.
409 Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li mill-kitbiet tal-Kummissjoni kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet li din esponiet waqt is-seduta, jirriżulta li, meta indikat, fil-Premessa 456 tad-deċiżjoni kkontestata li Deltafina ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni kienet qed tirreferi għall-fatt li din tal-aħħar kienet il-mexxej tal-akkordju tal-proċessuri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li fil-fatt, mill-punt B(e) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex tagħti tnaqqis kbir ħafna fil-multa, u wisq inqas in-nuqqas ta’ impożizzjoni totali tagħha, jekk il-parti kkonċernata kellha rwol partikolarment determinanti fi ħdan l-akkordju, bħal rwol ta’ mexxej, ta’ inċitatriċi jew ta’ istigatriċi.
410 Issa, hekk kif ġie deċiż fil-punti 331 sa 335 iktar ’il fuq, il-provi tal-fajl tal-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex juru li Deltafina kellha rwol ta’ mexxej. Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni dan ir-rwol, fost kunsiderazzjonijiet oħra, sabiex tiffissa għal 10 % biss il-perċentwali ta’ tnaqqis li kellu jiġi applikat għal Deltafina abbażi tal-kooperazzjoni.
411 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, id-disa’ motiv għandu jiġi milqugħ parzjalment, u konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi emendata billi tiġi ffissata rata ta’ tnaqqis xierqa fil-każ ta’ Deltafina. B’applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-multa imposta fuq Deltafina titnaqqas bi 15 % sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din l-emenda ser jiġu ppreċiżati fil-punti 437 sa 439 iktar ’il quddiem.
Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 5(b) tal-linji gwida u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
L-argumenti tal-partijiet
412 Fil-kuntest tal-għaxar motiv tagħha, invokat b’mod sussidjarju, Deltafina tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, abbażi tal-punt 5(b) tal-linji gwida, il-“kuntest ekonomiku u soċjali tat-tabakk mhux maħdum fi Spanja” sabiex tnaqqas l-ammont finali tal-multa tagħha.
413 Insostenn ta’ dan il-motiv, Deltafina tesponi li t-tkabbir tat-tabakk fl-Unjoni Ewropea ser ibati minn tnaqqis strutturali wara t-terminazzjoni tas-sistema tal-allowances prevista mill-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tat-tabakk. Hija tippreċiża li, fl-2010, wara perijodu provviżorju ta’ erba’ snin, ser tiġi implementata sistema ġdida, li fiha l-għajnuna għad-dħul ma tkunx iktar tiddependi mill-produzzjoni tat-tabakk, iżda tkun marbuta ma’ skopijiet ta’ rikonverżjoni u ta’ sostenn għal diversi prodotti tar-raba’. Hija tindika wkoll li, skont il-previżjonijiet tal-Kummissjoni, “l-effett nett tal-mudell il-ġdid ser ikun tnaqqis sensittiv ħafna fil-produzzjoni ta’ tabakk Komunitarju, bil-konsegwenza li jkun impossibbli li jinżammu l-maġġorparti tal-impjiegi agrikoli ekstrafamiljari ta’ dan is-settur u dawk tal-industrija tal-ewwel ipproċessar”. Hija żżid li l-varjetajiet ta’ tabakk imkabbra fl-Unjoni ma jitqisux bħala strateġiċi mill-industriji tal-manifattura u jistgħu faċilment jiġu ssostitwiti minn tabakk imkabbar f’pajjiżi terzi bi prezzijiet inferjuri. Finalment, hija żżid li fil-preżent, l-allowances jirrappreżentaw iktar minn 80 % mid-dħul tal-kultivaturi.
414 Deltafina żżid li, fid-Deċiżjoni 2003/600/KE tagħha, tat-2 ta’ April 2003, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/C.38.279/F3 – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella Franċiż) (ĠU L 209, p. 12), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni espressament, bħala ċirkustanza attenwanti, il-“kuntest ekonomiku speċifiku” msemmi fil-punt 5(b) tal-linji gwida. B’hekk, f’dak il-każ, il-Kummissjoni naqqset, b’60 %, il-multa imposta lil kull parti.
415 Il‑Kummissjoni tqis li hija ma kinitx marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, it-tnaqqis invokat minn Deltafina u li, għalhekk, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
416 Il-punt 5(b) tal-linji gwida jipprovdi:
“Jiddependi miċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed kunsiderazzjoni, meta jsiru l-kalkolazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ta’ ċerti fatturi oġġettivi bħal kuntest ekonomiku speċifiku, kull benefiċċju ekonomiku jew finanzjarju magħmul mill-awturi tal-offiżi […], il-karatteristiċi speċifiċi tal-impriżi inkwistjoni u l-kapaċità reali tagħhom li jħallsu f’kuntest soċjali speċifiku, u l-multi għandhom jiġu emendati kif xieraq.”
417 Għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li tippretendi Deltafina, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma kienet marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-allegat tnaqqis strutturali tat-tkabbir tat-tabakk fl-Unjoni sabiex tnaqqas l-ammont finali tal-multa tagħha abbażi tal-punt 5(b) tal-linji gwida, peress li dak iż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis imsemmi kien jikkostitwixxi biss avveniment futur u inċert.
418 Barra minn hekk, Deltafina ma tistax tinvoka d-Deċiżjoni 2003/600, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ ma humiex paragunabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ. B’mod iktar partikolari, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni, abbażi tal-punt 5(b) tal-linji gwida, ma kienet preżenti f’dan il-każ. Barra minn hekk, u f’kull każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa ta’ evalwazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, u hija ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li tkun għamlet preċedentement (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 82).
419 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-multi u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
L-argumenti tal-partijiet
420 Fil-kuntest tal-ħdax-il motiv tagħha, invokat b’mod iktar sussidjarju, qabel kollox Deltafina tippretendi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ma llimitatx ruħha, b’mod konformi mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, għall-impożizzjoni fuqha ta’ multa simbolika. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, hija tosserva li, fid-deċiżjoni Perossidi organiċi, il-Kummissjoni imponiet biss fuq il-kumpannija AC‑Treuhand multa fl-ammont ta’ EUR 1 000 minħabba n-natura ġdida tal-approċċ tagħha fil-qasam, li jikkonsisti fis-sanzjoni mhux biss tal-impriżi membri f’akkordju, iżda wkoll ta’ dawk li, mingħajr ma jkunu preżenti fis-suq ikkonċernat, jorganizzaw jew jiffaċilitaw l-akkordju msemmi. Hija tippretendi li minn din id-deċiżjoni, mill-komunikazzjoni stampa relattiva għaliha, kif ukoll mill-punt 33 tar-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-2003 (It-XXXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni – 2003) jirriżulta li l-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tinjora fil-ġejjieni l-prattika tagħha li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ multa purament simbolika biss f’tali każ. Issa, l-aġir kollu li huwa lmentat kontra Deltafina seħħ qabel il-11 ta’ Awwissu 2001, jiġifieri sentejn u erba’ xhur qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni Perossidi organiċi.
421 Sussegwentement, Deltafina tinvoka ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, meta tirrileva li l-Qorti Ġenerali ddikjarat li, “[f]il-qasam tat-trażżin tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju teħtieġ, mingħajr dubju, li impriżi li wettqu ksur tal-istess natura fl-istess perijodi jkunu esposti għall-istess sanzjonijiet legali, indipendentement mid-data neċessarjament każwali li fiha tkun ġiet adottata deċiżjoni kontrihom” u li, “[f]’dan is-sens, dan il-prinċipju huwa marbut mill-qrib mal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-multi, li abbażi tiegħu is-sanzjoni imposta fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandha tikkorrispondi ma’ dik li kienet prevista fiż-żmien meta twettaq il-ksur” (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 70). [traduzzjoni mhux uffiċjali]
422 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, Deltafina tistieden lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas il-multa għall-ammont simboliku ta’ EUR 1 000.
423 Il‑Kummissjoni tqis li l-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
424 Qabel kollox, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, il-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Sussegwentement, hija tirrepeti li l-kawża li wasslet għad-deċiżjoni Perossidi organiċi ma hijiex paragunabbli ma’ din il-kawża. Barra minn hekk, hija tirrileva li la din id-deċiżjoni, la l-komunikazzjoni stampa relattiva għaliha, u lanqas ir-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-2003 (It-XXXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni – 2003) ma fihom assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti fir-rigward tal-fatt li multi “partikolarment baxxi” jingħataw għall-aġir bħal dak attribwit lil Deltafina.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
425 Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ebda wieħed mill-elementi invokati minn Deltafina ma seta’ joħloq tali aspettattiva, f’din tal-aħħar, fir-rigward tas-sanzjoni tagħha permezz ta’ multa purament simbolika.
426 Qabel kollox, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix, fiha nfisha, bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 292 iktar ’il fuq). Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 120 iktar ’il fuq, punt 109). Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jkollhom aspettattivi leġittimi li sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel mill-istituzzjonijiet Komunitarji meta jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom ser tibqa’ kif inhi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-impriżi involuti fi proċedimenti amministrattivi li jistgħu jwasslu għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ma hijiex ser taqbeż il-livell tal-multi impost preċedentement (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 146, u LR AF 1998 vs Il‑Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 243).
427 Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja nisslet fih aspettattivi fondati [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik)/CEE, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44], filwaqt li għandu jiġi indikat li ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju jekk ma jkunux ingħatawlha, min-naħa tal-amministrazzjoni, garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli (ara s-sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 364 iktar ’il fuq, punt 152, u l-ġurisprudenza ċċitata).
428 F’dan il-każ, il-fatt li, f’diversi deċiżjonijiet preċedenti għad-deċiżjoni Perossidi organiċi, il-Kummissjoni ma attribwixxietx ksur tal-Artikolu 81(1) KE lill-impriżi li kkontribwew għall-implementazzjoni ta’ akkordju, iżda li ma kinux attivi fis-suq ikkonċernat mill-ksur, ma setax joħloq f’Deltafina tama fondata li fil-ġejjieni din kienet ser iżżomm lura milli tipproċedi kontra u milli tissanzjona lil tali impriżi. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali fil-punti 163 sa 165 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prassi deċiżjonali implementata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Perossidi organiċi hija bbażata fuq interpretazzjoni korretta tal-portata tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE.
429 Din l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni kienet iktar u iktar prevedibbli għal Deltafina peress li kien jeżisti preċedent, jiġifieri d-deċiżjoni Cast glass, tal-1980. Barra minn hekk, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni sussegwenti għall-1980 ma setgħetx b’mod raġonevoli tinftiehem bħala abbandun definittiv tal-approċċ inizjali segwit fid-deċiżjoni Cast glass. Din il-prassi deċiżjonali tillimita ruħha sabiex ma jiġux ikkundannati u ssanzjonati l-impriżi ta’ konsultazzjoni involuti, mingħajr madankollu ma jiġi miċħud, fid-dritt, il-kunċett inizjalment segwit fid-deċiżjoni Cast glass (sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 164).
430 Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Deltafina li tgħid li mid-deċiżjoni Perossidi organiċi, mill-komunikazzjoni stampa relattiva għaliha, kif ukoll mill-punt 33 tar-rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni tal-2003 (It-XXXIII Rapport dwar il-politika tal-kompetizzjoni – 2003) jirriżulta li kien biss fil-ġejjieni li l-Kummissjoni ddikjarat li hija ma kinitx ser tillimita ruħha iktar sabiex timponi multa purament simbolika, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dawn it-testi kienx fihom assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti f’dan is-sens, biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn it-testi ġew ippubblikati iktar minn sitt snin wara li nbeda l-aġir li huwa attribwit lil Deltafina u iktar minn sentejn wara li ntemm. B’hekk, Deltafina ma setgħet bl-ebda mod tistenna, fil-mument meta wettqet il-ksur ikkonċernat, li l-Kummissjoni kienet ser timponilha biss multa simbolika.
431 Finalment, hekk kif diġà ġie rilevat fil-punt 51 iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ta’ Deltafina f’dan il-każ ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ AC‑Treuhand fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni Perossidi organiċi. Fil-fatt, filwaqt li AC‑Treuhand kienet impriża ta’ konsultazzjoni u ma kienet bl-ebda mod attiva fis-suq tal-prodott ikkonċernat f’dik il-kawża, bħala kompetitur jew min-naħa tal-provvista jew tad-domanda, min-naħa l-oħra Deltafina, bħala klijent prinċipali tal-proċessuri Spanjoli, kienet attiva f’suq li kien immedjatament sussegwenti għal dak li fih ġew implementati l-prattiki restrittivi għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, Deltafina kienet preżenti fis-suq tal-ewwel ipproċessar fl-Italja u kellha relazzjonijiet kummerċjali mill-qrib ħafna ma xi wħud mill-proċessuri Spanjoli.
432 Fit-tieni lok, sa fejn Deltafina tosserva ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, għandu jiġi mfakkar li minnha nnifisha, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 292 iktar ’il fuq).
433 Madankollu, għandu jiġi mfakkar ukoll li, meta timponi tali multi, il-Kummissjoni hija marbuta li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fost liema hemm il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
434 Għalhekk, il-paraguni magħmula minn Deltafina ma’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni li jirrigwardaw multi jistgħu biss ikunu rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jekk jiġi pprovat li ċ-ċirkustanzi tal-kawżi li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet l-oħra huma paragunabbli ma’ dawk tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il‑Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra p. II‑49, punt 187). Issa, hekk kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 51 u 431 iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni ta’ Deltafina f’dan il-każ ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ AC‑Treuhand fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni Perossidi organiċi.
435 Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-multi, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 137 sa 150 tas-sentenza AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, kull impriża li kkontribwixxiet għall-implementazzjoni ta’ akkordju, inklużi l-impriżi li ma humiex attivi fis-suq inkwistjoni milqut mir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, setgħet raġonevolment tipprevedi, fiż-żmien meta twettaq il-ksur ikkonċernat, li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE kienet bħala prinċipju applikabbli għaliha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 426 iktar ’il fuq, kull impriża involuta fi proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal multa għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat. Għalhekk, meta ma llimitatx ruħha sabiex timponi multa purament simbolika fuq Deltafina, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-multi.
436 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li l-ħdax-il motiv jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq Deltafina
437 Mill-punti 331 sa 336 kif ukoll 410 u 411 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi emendata, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti, fiha, li Deltafina kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju tal-proċessuri. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni ma kinitx fondata li żżid b’50 % l-ammont bażiku tal-multa ta’ Deltafina abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-allegat rwol sabiex ma tnaqqasx l-ammont tal-multa b’10 % abbażi tal-kooperazzjoni.
438 Għall-bqija, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-metodu ta’ kalkolu tal-multi applikat f’dan il-każ jibqgħu l-istess.
439 B’hekk, l-ammont finali tal-multa huwa kkalkolat b’dan il-mod: l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Deltafina (EUR 12 000 000) jitnaqqas b’40 % abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti, li jwassal għal ammont ta’ EUR 7 200 000 qabel l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Dan l-aħħar ammont jitnaqqas bi 15 % abbażi ta’ dan l-avviż. Konsegwentement, l-ammont finali tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Deltafina jammonta għal EUR 6 120 000.
Fuq l-ispejjeż
440 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.
441 F’dan il-każ, billi r-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li Deltafina għandha tbati tliet kwarti mill-ispejjeż tagħha u tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni tbati kwart mill-ispejjeż tagħha u kwart mill-ispejjeż sostnuti minn Deltafina.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir‑Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-ammont tal-multa imposta fuq Deltafina SpA fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni C (2004) 4030 finali tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont tal-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 − Tabakk mhux maħdum – Spanja), huwa ffissat għal EUR 6 120 000.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Deltafina għandha tbati tliet kwarti mill-ispejjeż tagħha u tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Kummissjoni tbati kwart mill-ispejjeż tagħha u kwart mill-ispejjeż sostnuti minn Deltafina.
Czúcz |
Labucka |
O’Higgins |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Settembru 2010 .
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq l-ammissibbiltà tal-ilmenti bbażati fuq użu ħażin ta’ poter
2. Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, u tal-prinċipji ta’ legalitŕ u ta’ responsabbiltŕ personali kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Fuq l-ewwel u t-tieni parti, ibbażati, rispettivament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni żżomm lil Deltafina responsabbli għal ksur imwettaq f’suq li hija ma hijiex preżenti fih, u fuq il-fatt li l-aġir li huwa attribwit lil Deltafina ma huwiex previst mill-Artikolu 81(1) KE u lanqas mill-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkwalifikat b’mod żbaljat lil Deltafina bħala mexxej tal-akkordju tal-proċessuri
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tiddefinixxi s-suq inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-forom proċedurali sostanzjali u tal-prinċipji ta’ legalitŕ, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalitŕ, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni attribwixxiet lil Deltafina rwol differenti minn dak li kienet attribwixxitilha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-aġir lmentat kontra Deltafina għandu, fir-realtŕ, ikun ilmentat kontra l-president tagħha
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess lil Deltafina għal ċerti dokumenti inkriminanti
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod ċar biżżejjed is-swieq tal-prodott u dak ġeografiku inkwistjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
– L-argumenti tal-partijiet
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 43 tal-linji gwida dwar il-kunċett ta’ effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
3. Fuq it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 1 A u tal-punt 5(d) tal-linji gwida u tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ, ta’ “trattament ugwali u ta’ sanzjoni” kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Il-kunsiderazzjonijiet ġenerali
– Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs relattivament żgħir tas-suq tal-prodott
– Fuq it-tieni parti, dwar l-evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq
– Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq kontradizzjoni bejn il-Premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata u premessi oħra ta’ din id-deċiżjoni
– Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-kwalifika żbaljata ta’ Deltafina bħala xerrej prinċipali ta’ tabakk ipproċessat fi Spanja
– Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, mill-inċertezza kkawżata mill-kuntest leġiżlattiv Spanjol u mill-attitudni tal-awtoritajiet Spanjoli
– Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ Deltafina fid-diskussjonijiet u fin-negozjati li seħħew bejn il-proċessuri Spanjoli u r-rappreżentanti tal-produtturi
– Fuq is-seba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn il-Kummissjoni injorat il-prassi preċedenti tagħha
– Konklużjoni fuq ir-raba’ motiv
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 1 B tal-linji gwida u tal-prinċipju tat-trattament ugwali
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 2 tal-linji gwida kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 3 tal-linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punt 5(a) tal-linji gwida
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Preambolu u tal-punt 4 tal-linji gwida, tal-punt B(e) u tal-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni
Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-punt 5(b) tal-linji gwida u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ tal-multi u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq Deltafina
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.