Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0400

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tal-11 ta' Jannar 2007.
    B.A.S. Trucks BV vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
    Tariffa komuni tad-dwana - Nomenklatura maqgħuda - Klassifikazzjoni tat-tariffi - Subintestatura 8704 10 - Vettura intiża għall-użu fuq siti ta' kostruzzjoni, maħsuba għat-trasport, u għall-ħatt ta' materjal kif ukoll għall-użu fit-toroq.
    Kawża C-400/05.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:22

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

    11 ta’ Jannar 2007 (*)

    "Tariffa komuni tad-dwana – Nomenklatura maqgħuda – Klassifikazzjoni tat-tariffi – Subintestatura 8704 10 – Vettura intiża għall-użu fuq siti ta’ kostruzzjoni, maħsuba għat-trasport, u għall-ħatt ta’ materjal kif ukoll għall-użu fit-toroq"

    Fil-kawża C-400/05,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2005, fil-kawża

    B.A.S. Trucks BV

    vs

    Staatssecretaris van Financiën,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

    komposta minn R. Schintgen, President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2006,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal B.A.S. Trucks BV, minn H. de Bie u M. Ouwehand, advocaten,

    –       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam kif ukoll P. van Ginneken, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn F. Tuytschaever, advocaat,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 8704 10 tan-nomenklatura maqgħuda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2261/98, tas-26 ta’ Ottubru 1998 (ĠU L 292, p. 1, iktar ‘il quddiem in-"NM").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija B.A.S. Trucks BV (iktar ‘il quddiem "BAS Trucks") u l-Inspecteur der Belastingdienst – Douanedistrict Rotterdam fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ ċerti vetturi msemmija "Dumptrucks" fis-subintestatura 8704 10 tan-NM, bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) li huma intiżi li ma jintużawx fit-toroq.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt internazzjonali

    3       Il-Konvenzjoni Internazzjonali li waqqfet is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ‘il quddiem "SA"), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemenda ta’ l-24 ta’ Ġunju 1986 (iktar ‘il quddiem il-"Konvenzjoni dwar l-SA"), ġew approvati f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 87/369/KEE tal-Kunsill, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p.1).

    4       Skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija Konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tat-tariffi u l-istatistika jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifika, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li tiġi segwita l-ordni numerika ta’ din is-sistema. Kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tiġix modifikata l-portata tagħhom.

    5       Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali li ħolqot l-imsemmi kunsill, iffirmata fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, approva, bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti spjegattivi tas-SA adottati mill-kumitat tas-SA, previst fl-Artikolu 6 tagħha.

    6       In-nota ta’ spjegazzjoni għas-SA dwar l-intestatura 8704 tas-SA tgħid li:

    "Din l-intestatura tkopri wkoll:

    1)      Id-dumpers li huma vetturi ta’ kostruzzjoni b’saħħitha, li għandhom il-kaxxa li tinqaleb jew li jinfetaħ il-qiegħ tagħha, li huma intiżi għall-ġarr ta’ materjali skavati jew materjali oħra. Dawn il-vetturi, b’xási fiss jew artikolat, ġeneralment mgħammra b’roti tajbin għall-off road, jistgħu jiġu misjuqa fuq art ratba […]

    […]"

    7       Għal dak li jikkonċerna s-subintestatura 8704 10, in-nota ta’ spjegazzjoni għas-SA tinkludi s-segwenti:

    "Id-dumpers ta’ din is-subintestatura jistgħu jiġu ġeneralment distinti minn vetturi oħra intiżi għat-trasport tal-merkanzija (b’mod partikolari t-trakkijiet li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom) minħabba l-karatteristiċi segwenti:

    –      […]

    –      nuqqas ta’ sospensjoni tal-fus;

    –      sistema ta’ bbrejkjar imsaħħah;

    –      veloċità massima u raġġ ta’ moviment limitat;

    –      roti speċjali għal art ratba;

    –      […]

    Madankollu, għandu jiġi osservat li wħud mid-dumpers huma magħmula speċjalment sabiex jiġu użati fil-barrieri ta’ taħt l-art u l-mini, bħal, per eżempju, dawk li jkollhom il-qiegħ tal-kaxxa jinfetaħ. […]"

     Id-dritt Komunitarju

    8       In-nomenklatura magħquda, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87 kemm għall-ħtiġijiet tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll għal dawk ta’ l-istatistika tan-kummerċ barrani tal-Komunità, hija bbażata fuq is-SA, li minnha tieħu l-intestaturi u subintestaturi b’sitt figuri, u huma biss is-seba’ u t-tmien figuri li jiffurmaw suddiviżjonijiet speċifiċi għaliha.

    9       Il-verżjoni tan-NM applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali tinsab fl-anness I tar-Regolament Nru 2261/98. It-tieni parti ta’ dan l-anness tinkludi Taqsima XVII, intitolata "vetturi, biċċiet ta’ l-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat". Din it-taqsima tinkludi, b’mod partikolari, kapitolu 87, intitolat "vetturi ħlief magni u vaguni (rolling-stock) ta’ ferroviji jew linji tat-tramm; u bċejjeċ u aċċessorji tagħhom". F’dan il-kapitolu tinsab l-intestatura 8704, li tinkludi b’mod partikolari s-subintestaturi segwenti:

    « "8704          Vetturi bil-mutur għat-trasport:

    8704 10 – Vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) li huma intiżi li ma jintużawx fit-triq prinċipali:

                               – – b’magna li titqabbad b’kompressjoni bil-pistuni b’kombustjoni          interna (diżil jew semidiżil) jew bi xrara:

    8704 10 11  – – – b’magna li titqabbad b’kompressjoni bil-pistuni b’kombustjoni interna (diżil jew semidiżil) ta’ ċilindrata mhux akbar minn 2500 ċm3 jew b’magna li titqabbad bi xrara bil-pistuni b’kombustjoni interna ta’ ċilindrata mhux akbar minn 2800 ċm3.

                      […]

    – oħrajn, b’magna li titqabbad b’kompressjoni bil-pistuni         b’kombustjoni interna (diżil jew semidiżil):

    […]

    8704 23  – – b’tagħbija massima ogħla minn 20t:

                      […]

                      – – – oħrajn:

                      […]

    8704 23 99  – – – – użu".

    10     Kull taqsima u, f’kullf’kull taqsima, il-kapitoli kollha tan-NM huma ppreċeduti b’numru ta’ noti, jiġifieri n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv.

    11     It-taqsima XVII ma fiha ebda nota, ħaġa li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

    12     Madankollu, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippublikat noti spjegattivi dwar in-nomenklatura magħquda skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 (ĠU 1998, C 287, p. 1). Fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dawn in-noti spjegattivi jiddisponu b’mod partikolari dan li ġej fir-rigward tas-subintestaturi 8704 10 11 sa 8704 10 90 tan-NM:

    "Dawn is-subtitli jkopru prinċipalment vetturi mgħammra b’body [kaxxa] ġej bil-ponta fuq quddiem jew fuq wara jew b’body li jinfetaħ mill-qiegħ li kien speċjalment disinjat għat-trasport ta’ ramel, grevil, ħamrija, ġebel, eċċ., u li huma intiżi għal użu f’barrieri, mini, jew f’siti fejn qed jittella’ bini, fejn qed isiru xogħlijiet tat-toroq, ajruporti u portijiet. […]"

    13     Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM li jidhru fl-ewwel parti tat-titolu IA tagħha, tiddisponi b’mod partikolari:

    "Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.

    1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

    […]

    3. Meta […] l-oġġetti jiġu kklassifikati prima facie taħt titlu wieħed jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

    a)      it-titlu li jagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandu jinagħtalu preferenza għat-titli li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. […]

    […]

    6. Għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tiġi deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, it-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor."

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    14     BAS Trucks timporta fl-Unjoni Ewropea b’mod partikolari dumpers użati. Fix-xahar ta’ Ġunju 1998, hija introduċiet żewġ talbiet ta’ informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa li għandhom bħala suġġett rispettivament vettura tad-ditta MAN u vettura tad-ditta Scania.

    15     Bl-informazzjoni dwar it-tariffa tat-30 ta’ Lulju 1998, l-awtoritajiet tad-dwana Olandiżi kklassifikaw iż-żewġ vetturi in kwistjoni fis-subintestatura 8704 23 99 tan-NM.

    16     Peress li qieset illi dawn il-vetturi għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8704 10 11 tan-NM, BAS Trucks ippreżentat ilment, kontra din l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, li ġie miċħud. Hija appellat mid-deċiżjoni ta’ rifjut, li ġiet ikkonfermata mill-Gerechtshof te Amsterdam. Għalhekk BAS Trucks appellat fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

    17     Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-prodotti in kwistjoni bil-mod li ġej:

    "Iż-żewġ vetturi huma mgħammra b’kabina tas-sewwieq u b’kaxxa b’qiegħ ċatt, u huma intiżi jġorru ramel, ġebel, irdim, etċ. Il-parti ta’ quddiem tal-kaxxa togħla t-tul tal-kabina. Il-vetturi huma wkoll mgħammra b’xàsi fiss u msaħħah li miegħu hemm imdendla erba’ fusijiet bit-tnejn ta’ quddiem jikkwartjaw. Il-fużijiet huma mgħammra b’hub-reduction sabiex iżid il-qawwa fir-roti fuq art ħarxa.

    Il-vetturi huma mgħammra b’roti ta’ 22 u 24 pulzier b’tajers ta’ tip speċjali (ta’ profil imserrep) għal użu fuq art mhux asfaltata. Huma jistgħu jivvjaġġaw bil-85 km fis-siegħa massimu meta mhux mgħobbija. It-tankijiet jesgħu rispettivament 300 u 400 litru u l-konsum medju huwa ta’ 1:1.3, il-vetturi għandhom raġġ ta’ moviment rispettivament ta’ 400 u 550 kilometru. Il-kapaċità ta’ bbrejkjar tal-vetturi, li hija ta’ 4100 kW, hija superjuri għal dik ta’ trakk normali (1900 sa 2400 kW). Il-vetturi għandhom mutur b’kompressjoni bil-pistuni b’kombustjoni. Scania hija P 113 8x4 b’forza ta’ 11028 ċm3. Il-forza ta’ MAN 41372 8x4 hija ta’ 22967 ċm3.

    Il-piż ta’ Scania P 113 8x4 huwa ta’ 14800 kg, it-tagħbija li tista’ ġġorr hija ta’ 21200 kg. Il-piż ta’ MAN 41372 8x4 huwa ta’ 14420 kg, it-tagħbija li tista’ ġġorr hija ta’ 21580 kg. Ir-rapport bejn il-piż mingħajr tagħbija u t-tagħbija li tista’ ġġorr ma taqbiżx 1:1.6 għal kull waħda miż-żewġ vetturi."

    18     Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kliem tas-subintestatura 8704 10 tan-NM ma jagħtux biżżejjed indikazzjonijiet sabiex tasal, b’mod ċert, għal klassifikazzjoni tariffarja tal-vetturi in kwistjoni, u dan anki fid-dawl ta’ l-informazzjoni fuq il-pożizzjoni 8704 ipprovduta mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u mill-Komunità Ewropea. Hija qieset ukoll li jekk is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS (C-396/02, Ġabra p. I-8439), tneħħi kull dubju raġonevoli dwar il-klassifikazzjoni ta’ "vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers)" fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-NM, hija ma tippreċiżax il-mod li fih għandu jiġi interpretat il-kriterju "li huma intiżi li ma jintużawx fit-triq prinċipali" li tagħmel ukoll parti mill-formulazzjoni ta’ din is-subintestatura.

    19     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    "Iċ-ċirkustanza li d-dumpers huma intiżi sabiex jiġu wkoll użati fuq toroq pubbliċi asfaltati, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, jipprekludi li huma jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 8704 10 tan-[NM]?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    20     BAS Trucks issostni li d-dumpers huma intiżi li ma jintużawx fit-toroq. Hija tikkunsidra li l-fatt li dawn id-dumpers jistgħu jiġu użati fuq toroq pubbliċi asfaltati ma jeskludix li huma intiżi li ma jintużawx fit-toroq. Hija tqis li n-noti spjegattivi dwar il-Kapitolu 87 tas-subintestatura 8704 10 tan-NM ma jippreċiżawx li d-dumpers għandhom ikunu intiżi esklużivament li ma jintużawx fit-toroq. Hija żżid li minkejja li dawn id-dumpers jistgħu jiġu użati fit-triq, dan mhuwiex ekonomikament vijabbli minħabba fl-ispejjeż għolja u r-raġġ ta’ moviment limitat tagħhom meta mqabbla ma’ trakkijiet normali.

    21     Konsegwentement, BAS Trucks tissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda fis-sens li ċ-ċirkustanza li d-dumpers li huma intiżi li ma jintużawx fit-toroq jistgħu wkoll – b’mod inċidentali – jiġu użati minħabba fil-karatteristiċi tagħhom, ma jżommx milli jiġu kklassifati fis-subintestatura 8704 10 tan-NM.

    22     Il-Gvern Olandiż isostni li l-formulazzjoni tas-tas-subintestatura 8704 10 tan-NM tippreżupponi li vettura għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata f’din is-subintestatura, jiġifieri li tkun "vettura li tferra l-materjal ta’ ġo fiha (dumper)" u tkun intiża li ma tintużax fit-toroq. Dan il-Gvern iqis li t-tieni kundizzjoni huwa rekwiżit awtonomu li għandu jiġi sodisfatt indipendentement mill-ewwel, u jsostni li l-fatt li dawn id-dumpers mhumiex biss intiżi li ma jintużawx fit-toroq, iżda wkoll fuq toroq pubbliċi, ma jippermettix li jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8704 10 tan-NM. Il-Gvern Olandiż interpreta l-kliem "intiżi li ma jintużawx fit-toroq" fis-sens li d-dumpers għandhom ikunu intiżi esklużivament li ma jintużawx fit-toroq sabiex jaqgħu taħt is-subintestatura 8704 10 tan-NM.

    23     Konsegwentement, il-il-Gvern Olandiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda fis-sens li ċ-ċirkustanza li d-dumpers huma intiżi li ma jintużawx fuq it-toroq pubbliċi asfaltati, minħabba fil-karatteristiċi tagħhom, iżomm milli jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8704 10 tan-NM.

    24     Il-Kummissjoni tqis li la l-formulazzjoni ta’ l-intestatura tan-taNM fil-fatt tgħid, la n-noti spjegattivi tan-NM, u lanqas dawk tas-SA ma jindikaw li d-dumpers għandhom ikunu intiżi esklużivament li ma jintużawx fit-toroq. Skond din l-istituzzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fil-prattika, jivverifikaw każ każ jekk il-vettura li tferra l-materjal ta’ ġo fiha (dumper) hijiex intiża l-ewwel nett li ma tintużax fit-toroq jew fi triq pubblika asfaltata. Fil-każ ta’ din ta’ l-aħħar, il-klassifikazzjoni tagħha fis-subintestatura 8704 10 tan-NM hija eskluża.

    25     Konsegwentement, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tirrispondi għad-domanda fis-sens li ċ-ċirkustanza li d-dumpers huma intiżi wkoll sabiex jiġu użati fi triq pubblika asfaltata, minħabba fil-karatteristiċi tagħhom, ma żżommx per se li tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8704 10 tan-NM. Hija żżid li huwa l-imħallef nazzjonali li għandu jevalwa, abbażi tal-karatteristiċi kollha tad-dumpers, u dan, fid-dawl tan-noti spjegattivi tan-NM u tas-SA relattivi, jekk dawn jaqgħux jew le fis-subintestatura 8704 10 tan-NM.

     Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26     Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk iċ-ċirkustanza li "vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers)" fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-NM, li huma intiżi b’mod li jkunu jistgħu jiġu wkoll użati fuq toroq pubbliċi asfaltati, jipprekludix il-klassifikazzjoni tagħhom taħt din is-subintestatura.

    27     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi tal-merkanziji għandu jiġi mfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem ta’ l-intestatura tan-nomenklatura magħquda u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi DFDS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 27, tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Possehl Erzkontor GmbH, C-445/04, Ġabra I-10721, punt 19).

    28     In-noti ta’ spjegazzjoni mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-nomenklatura magħquda, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwani, jikkontribwixxu, b’mod importanti, għall-interpretazzjoni tal-portata ta’ l-intestaturi differenti mingħajr madankollu ma għandhom setgħa vinkolanti (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 1999, Mövenpick Deutschland, C-405/97, Ġabra p. I-2397, punt 18).

    29     Barra minn hekk, l-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni safejn dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott, u din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skond il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1995, Thyssen Haniel Logistic, C-459/93, Ġabra p. I-1381, punt 13).

    30     Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja qieset fil-punt 31 tas-sentenza DFDS, iċċitata iktar ‘il fuq, il-formulazzjoni tas-subintestatura 8704 10 tan-NM jippreżupponi li vettura għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata f’din is-subintestatura, jiġifieri li tkun "vettura li tferra’ l-materjal minn ġo fiha (dumper)" u li tkun magħmula sabiex tintuża lil hinn mit-toroq.

    31     Għandu jiġi kkonstatat li l-uniku kriterju mqajjem mill-Gvern Olandiż sabiex jiċħad il-kil-klassifikazzjoni tal-vetturi kkontestati bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-NM huwa l-fatt li dawn id-dumpers huma intiżi, mhux biss esklużivament, li ma jintużawx fit-toroq, iżda wkoll fuq it-toroq pubbliċi asfaltati.

    32     Jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha li s-subintestatura 8704 10 tan-NM hija intestatura speċifika għall-vetturi li huma intiżi għal użu partikolari, jiġifieri għat-tgħabbija u l-ħatt ta’ materjal differenti li ma jintużawx fit-toroq. Il-kategoriji l-oħra ta’ vetturi intiżi għat-trasport ta’ merkanzija jaqgħu taħt is-subintestaturi ġenerali li jagħmlu distinzjoni mhux biss skond l-użu li għalih huma mwettqa iżda skond karatteristiċi tekniki speċifiċi ta’ dawn il-vetturi. Jirriżulta li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża DFDS, iċċitata iktar ‘il fuq, l-għan partikolari tad-dumpers jikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni fis-subintestatura 8704 10 tan-NM.

    33     In-noti spjegattivi tan-NM dwar is-subintestaturi 8704 10 11 sa 8704 10 90 jiddeskrivu d-dumpers bħala vetturi "speċjalment disinjat[i] għat-trasport ta’ ramel, grevil , ħamrija, ġebel, eċċ., u li huma intiżi għal użu f’barrieri, mini, jew f’siti fejn qed jittella’ bini, fejn qed isiru xogħlijiet tat-toroq, ajruporti u portijiet".

    34     In-noti spjegattivi tas-SA dwar is-subintestaturi 8704 u 8704 10 jiddeskrivu d-dumpers bħala vetturi "ġeneralment mgħammra b’roti tajbin għall-off road, [u li] jistgħu jiġu misjuqa fuq art ratba", fejn l-veloċità massima u r-raġġ ta’ moviment huma limitati meta mqabbla ma’ vetturi li qabel kollox huma intiżi sabiex jiġu użati fuq it-triq pubblika asfaltata u ġeneralment mgħammra b’roti speċjali għal art ratba.

    35     B’mod ġenerali, fid-dawl tal-karatteristiċi inerenti tad-dumpers taħt is-subintestatura 8704 10 tan-NM, jiġifieri b’mod partikolari b’roti tajbin għall-off road, tajers speċjali għal art ratba u veloċità massima u b’raġġ ta’ moviment limitat, jidher li vetturi bħal dawn huma prinċipalment intiżi sabiex iġorru materjali fil-barrieri, fil-mini jew fis-siti fejn qed jittella’ bini, jiġifieri li ma jintużawx fit-toroq. Dawn il-karatteristiċi jiddistingwuhom minn vetturi oħra intiżi għat-trasport ta’ merkanzija billi, b’differenza ta’ dawn, huwa prinċipalment intiżi sabiex jinstaqu f’toroq li mhumiex toroq pubbliċi asfaltati.

    36     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, sabiex jiġu kklassifikati fis-subintestatura 8704 10 tan-NM, id-dumpers għandhom ikunu speċjalment intiżi għat-trasport u l-ħatt ta’ materjal li ma jintużawx fit-toroq.

    37     Madankollu, ma jirriżultax la mill-formulazzjoni tas-subintestatura 8704 10 tan-NM, la minn noti spjegattivi tan-nomenklatura magħquda u lanqas minn dik tas-SA li dawn id-dumpers għandhom ikunu intiżi b’mod li ma jintużawx esklużivament fit-toroq.

    38     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż, il-karatteristika essenzjali tad-dumpers taħt is-subintestatura 8704 10 tan-NM mhuwiex fil-fatt li l-possibbiltà ta’ sewqan ta’ dawn ta’ l-aħħar fuq it-toroq għandu jiġi eskluż, iżda li jkun intiż prinċipalment sabiex ikunu jistgħu jiġu misjuqa fuq art ftit jew wisq imħarbta. Iċ-ċirkustanza li d-dumpers huma intiżi b’mod li jkunu wkoll kapaċi, b’mod inċidentali, jużaw it-toroq pubbliċi asfaltati mhuwiex għalhekk element determinanti għall-klassifikazzjoni tagħhom fin-NM.

    39     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-fatt li vettura li tferra l-materjal ta’ ġo fiha (dumper) hija intiża b’mod li kapaċi mhux biss li tiġi misjuqa barra mit-toroq iżda wkoll fi triq pubblika asfaltata mhuwiex minnu nnifsu biżżejjed sabiex jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ din il-vettura bħala vettura li tferra l-materjal ta’ ġo fiha (dumper) fis-sens tas-subintestatura 8704 10 tan-NM.

    40     Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw każ każ, taħt il-kontroll ta’ l-imħallef, jekk vettura li tferra l-materjal ta’ ġo fiha (dumper) hijiex intiża speċjalment u prinċipalment li ma tintużax fit-toroq jew jekk għall-kuntrarju hijiex intiża prinċipalment sabiex tiġi użata fi triq pubblika asfaltata. Għal dan il-għan, għandu jiġu ddeterminat, fuq il-bażi tal-karatteristiċi kollha tal-vettura kkonċernata, jekk din tiddisponix jew le mill-karatteristiċi essenzjali elenkati fin-nota spjegattiva tan-nomenklatura magħquda u f’dik tas-SA relattivi.

    41     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda hija li s-subintestatura 8704 10 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt din is-subintestatura dawk il-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) fis-sens ta’ din is-subintestatura, li huma intiżi speċjalment u prinċipalment sabiex ma jintużawx fit-toroq pubbliċi asfaltati. Il-fatt li l-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) għandhom karatteristiċi li jippermettulhom jiġu użati, b’mod inċidentali, fit-toroq pubbliċi asfaltati ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tagħhom bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) fis-sens ta’ din is-subintestatura.

     Fuq l-ispejjeż

    42     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    Is-subintestatura 8704 10 tan-nomenklatura maqgħuda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2261/98, tas-26 ta’ Ottubru 1998, għandha tiġi interpretata fis-sens li jaqgħu taħt din is-subintestatura dawk il-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) fis-sens ta’ din is-subintestatura, li huma intiżi speċjalment u prinċipalment sabiex ma jintużawx fit-toroq pubbliċi asfaltati. Il-fatt li l-vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) għandhom karatteristiċi li jippermettulhom jiġu użati, b’mod inċidentali, fit-toroq pubbliċi asfaltati ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tagħhom bħala vetturi li jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) fis-sens ta’ din is-subintestatura. jferrgħu l-materjal ta’ ġo fihom (dumpers) fis-sens ta’ din is-subintestatura.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top