Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0024

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Ġunju 2006.
    August Storck KG vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Appell - Trade mark Komunitarja - Artikolu 7(1)(b) u 3 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 - Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni - Trade mark tridimensjonali - Forma tridimensjonali ta' ħelwa ta' kulur kannella ċar - Karattru distintiv.
    Kawża C-24/05 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:421

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    22 ta' Ġunju 2006 (*)

    "Appell - Trade mark Komunitarja – Artikolu 7(1)(b) u 3 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Raġuni assoluta għal rifjut ta' reġistrazzjoni – Trade mark tridimensjonali – Forma tridimensjonali ta' ħelwa ta' kulur kannella ċar – Karattru distintiv"

    Fil-kawża C 24/05 P

    li għandha bħala suġġett appell imressaq skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Jannar 2005

    August Storck KG, stabbilita f'Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn I. Rohr, H. Wrage-Molkenthin u T. Reher, Rechtsanwälte,

    rikorrent

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI), irrappreżentat G. Schneider, bħala aġent,

    konvenut fl-ewwel istanza

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Frar 2006

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Marzu 2006

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz ta' l-appell tagħha, August Storck KG titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Ir-Raba Awla) ta' l-10 ta' Novembru 2004, Storck vs UASI (forma ta' ħelwa) (T-396/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha din il-Qorti ċaħdet l-appell tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba' Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) tat-14 ta' Ottubru 2002 (kawża R 187/2001-4) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), li ċaħdet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark tridimensjonali komposta mill-forma ta' ħelwa ta' kulur kannella ċar.

      Il-Kuntest Ġuridiku

    2       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1) fl-Artikolu 7 tiegħu intitolat "Raġunijiet assoluti għal rifjut" jipprovdi:

    "1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

    […]

    b)      trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv;

    […]

    3.      Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m'għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta' din it-trade mark."

    3       L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "Stqarrija tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet huma bbażati", jipprovdi:

    "Id-deċiżjonijiet ta' l-Uffiċċju għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta' liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom."


    4       L-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat "L-eżaminazzjoni tal-fatti mil-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess", fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

    "Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti ppreżentati mil-partijiet u tar-rimedji mitluba."

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    5       Fit-30 ta' Marzu 1998, ir-rikorrenti, skond ir-Regolament Nru 40/94, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja quddiem il-UASI fejn talbet ir-reġistrazzjoni ta' trade mark tridimensjonali li tirrappreżenta ħelwa ta' kulur kannella ċar, li hija riprodotta hawnhekk:

           Image not found Image not found        Image not found Image not found        Image not found Image not found

    6       Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark huma "Prodotti tal-Ħelu" u jaqgħu fil-klassi 30 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif emendat.

    7       Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Jannar 2001, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u li ma kinitx kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu fis-sens ta' l-Artikolu 3 ta' l-istess Artikolu.

    8       Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, Ir-Raba' Awla tal-Bord ta' l-Appell tal-UASI kkonfermat id-deċiżjoni ta' l-eżaminatur. Fis-sustanza, il-Bord ta' l-Appel qies li t-tlaqqigħ ta' forma u ta' kulur li jikkostitwixxu t-trade mark li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni ma jippermettix, fih innifsu, li tingħata indikazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott in kwistjoni, jiġifieri l-prodotti tal-ħelu. Barra minn hekk, huwa qies li l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi pprovat li din it-trade mark, wara l-użu li kien sar minnha, kienet kisbet karattru distintiv fir-rigward, b'mod partikolari, tal-ħelu tal-karamell.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

    9       Għall-finijiet ta' l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ressqet rikors ibbażat fuq żewġ motivi.

    10     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 39 sa 45 tas-sentenza kkontestata ddeċidiet li l-Bord ta' l-Appell kien iġġustifikat meta kkonkluda li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv, fis-sens ta' din id-dispoizzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin:

    "39      F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, ġustament, li, peress li huma involuti prodotti ta' konsum tal-massa, bħal dawk in kwistjoni f'din il-kawża, "il-konsumatur ma joqgħodx attent ħafna għall-forma u għall-kulur tal-prodotti tal-ħelu" u li, għalhekk, "huwa improbabbli li l-għażla tal-konsumatur medju tkun iddeterminata mill-forma tal-ħelu" (punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata).

    40      Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell wera, b'mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt, li l-ebda waħda mill-karatteristiċi ta' forma ta' din it-trade mark, meħuda waħedha jew mlaqqgħa ma' oħrajn, m'għandha karattru distintiv. F'dan ir-rigward huwa qies, l-ewwel nett, li "kważi tonda, il-forma in kwistjoni, li tixbah lil ċirku […], hija forma ġeometrika bażika" u li l-konsumatur medju huwa "mdorri jiltaqa' ma' prodotti tal-ħelu, inklużu ħelu, ta' forma tonda (f'forma ta' ċirku, ta' ovali, ta' ellissi jew ta' ċilindru)". Fit-tieni nett, fir-rigward tal-ġnub superjuri konvessi tal-ħelwa, huwa qies li "l-ħelu għandhom ġnub konvessi, irrispettivament mill-konfigurazzjoni tagħhom", u dan minħabba raġunijiet funzjonali. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-ispazju vojt tond fiċ-ċentru tal-ħelwa u tal-qiegħ ċatt tagħha, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li "dawn l-elementi ma jibdlux b'mod sostanzjali l-impressjoni sħiħa prodotta mill-forma" u li, għalhekk, "huwa improbabbli li l-konsumatur ikkonċernat joqgħod attent għal dawn iż-żewġ karatteristiċi b'tali mod li jipperċepihom bħala li qegħdin jindikawlu oriġini kummerċjali partikolari" (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata).

    41      Fir-rigward tal-kulur tal-prodott in kwistjoni, jiġifieri l-kannella jew sfumaturi differenti ta' dan il-kulur, il-Bord ta' l-Appell osserva wkoll li dan huwa "kulur komuni għall-ħelu" (punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-pubbliku kkonċernat huwa mdorri għall-użu ta' dan il-kulur għall-prodotti tal-ħelu.

    42      Minn dan isegwi li l-forma tridimensjonali li tagħha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija forma ġeometrika bażika fost il-forom li l-moħħ awtomatikament jorbot ma' prodotti kkonsmati ta' kuljum, bħalma huma l-ħelu.

    43      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta' allegati differenzi konsiderevoli bejn il-forma u l-kulur tat-trade mark mitluba u dawk tal-prodotti tal-ħelu l-oħra għandu jiġi mwarrab.

    44      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, għandu jitqies li t-trade mark tridimensjonali hija komposta minn tlaqqigħ ta' elementi ta' preżentazzjoni li magħgom il-moħħ awtomatikament jorbot bħala tipiċi fir-rigward tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, il-forma in kwistjoni ma tiddistingwixxix ruħha b'mod sostanzjali minn ċerti forom bażiċi tal-prodotti kkonċernati, li huma użati b'mod komuni fil-kummerċ, iżda pjuttost tidher bħala varjanti ta' dawn il-forom. Peress li l-allegati differenzi mhumiex perċepibbli faċilment, il-forma in kwistjoni ma tiddistingwixxix ruħha b'mod suffiċjenti minn forom oħra użati b'mod komuni għall-ħelu u ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti jiddistingwi b'mod immedjat u ċert il-ħelu tar-rikorrenti minn dak ta' oriġini kummerċjali differenti.

    45      Għaldaqstant, it-trade mark mitluba ma tistax, kif inhi pperċepita minn konsumatur medju, ordinarjament informat u raġonevolment attent u prudenti, tippermetti li jiġu identifikati l-prodotti kkonċernati u li jiġu distinti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali differenti. Għaldaqstant, hija nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta' dawn il-prodotti."

    11     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 61 sa 67 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball ta' dritt meta qies li r-rikorrenti kinitx stabbilixxiet li t-trade mark mitluba kienet kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha, għar-raġunijiet segwenti:

    "61      Qabel kollox, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-data dwar il-figuri tal-bejgħ u dwar l-ispejjeż pubbliċitarji għoljin li hija nefqet sabiex tippromwovi l-ħelu tal-karamell "Werther's Original" ("Werther's Echte") mhumiex ta' natura li jipprovaw li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li kien sar minnha.

    62      Fil-fatt, għalkemm il-Bord ta' l-Appell irrikonoxxa li l-figuri tal-bejgħ u d-data dwar l-ispejjeż pubbliċitarji jixhdu li t-tip ta' ħelu in kwistjoni kien komuni ħafna fuq is-suq, huwa xorta waħda kkunsidra li din l-informazzjoni ma tikkostitwixxix il-prova, li tibqa' madankollu essenzjali, li s-sinjal mitlub kien użat bħala trade mark tridimensjonali sabiex tidentifika l-ħelu tar-rikorrenti (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata).

    63      Fil-punti 17 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell iġġustifika din l-evalwazzjoni bil-mod segwenti:

    " 17. Ir-rikorrenti ppreżentat kampjuni tal-pakketti tagħha ta' materjal tal-plastik li jservu bħala ppakkjar tal-ħelu tagħha filwaqt li sostniet li l-forma li hija riprodotta fuq dawn il-pakketti tikkostitwixxi 'riferiment ċentrali u punt ta' riferiment għall-konsumatur. Skondha, dan l-użu huwa l-prova li l-forma hija s-suġġett ta' pubbliċità bħala trade mark tal-prodott u li huwa f'dan is-sens li hija ħa tkun ipperċepita mill-konsumatur. Il-Bord ta' l-Appell huwa obbligat jiċħad din l-opinjoni. Fil-fatt, hemm nuqqas ta' qbil bejn id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti u l-mod li fih il-ħelu jidher b'mod globali fuq il-pakkett.

    18.      Għalkemm huwa veru li l-ħelu ta' forma kannella bħal dawk li ppreżentat ir-rikorrenti jidhru fuq l-ippakkjar, madankollu, għandu jiġi eżaminat l-iskop ta' din ir-riproduzzjoni. Dan l-eżami ma jistax ikun wieħed astratt. Għall-kuntrarju, dan l-eżami għandu jħares lejn il-mod probabbli li bih il-konsumatur medju jipperċepixxi r-riproduzzjoni tal-ħelu bħal ma tidher fuq l-ippakkjar.

    19.      Issa, meta quddiemu jsib pakkett ta' ħelu tar-rikorrenti, il-konsumatur in kwistjoni l-ewwel li jara huwa l-isem 'Werther's Original' li, miktub b'ittri ta' daqs kbir, jokkupa kważi nofs il-pakkett u huwa mdawwar b'elementi addizzjonali bħala ma huwa s-sinjal ovali żgħir bl-isem 'Storck' u d-disinn stilizzat ta' villaġġ żgħir li fil-parti t'isfel tiegħu wieħed jista' jaqra 'Traditional Werther's Quality' [il-kwalità tradizzjonali ta' Werther]. Il-parti ta' isfel tal-pakkett turi ritratt bil-kulur li jirrappreżenta madwar ħmistax-il ħelwa fuq xulxin b'didaskalija li tgħid: 'The classic candy made with real butter and fresh cream' [il-ħelu klassiku magħmul b'butir veru u bi krema friska].

    20.      Skond id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, din l-illustrazzjoni tikkorrispondi għat-trade mark tridimensjonali li għaliha applikat għar-reġistrazzjoni tagħha. Il-Bord ta' l-Appell jikkontesta l-fondatezza ta' din il-pożizzjoni. Il-mod li fih il-ħelu huwa rrappreżentat fuq il-pakkett mhux konformi mal-mod tradizzjonali li fih tiġi rrappreżentata trade mark fuq prodott. Fil-fehma tal-Bord ta' l-Appell, l-iskop ta' din ir-rappreżentazzjoni huwa (pjuttost) li tindika l-kontenut tal-pakkett. Fil-fatt, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-pakkett ma jurix forma iżda immaġini realistika ta' gozz ħelu mhux ippakkjat. Għandu jingħad li din ir-rappreżentazzjoni mhijiex intiża li tenfasizza l-karatteristiċi li skond ir-rikorrenti jagħtu lit-trade mark karattru distintiv (spazju vojt tond fin-nofs, qiegħ ċatt u ġnub konvessi). Huwa għalhekk li l-Bord ta' l-Appell jikkunsidra li hemm nuqqas ta' qbil bejn il-mod li fih huma rrappreżentati l-ħelu fuq l-ippakkjar u l-allegazzjoni li din ir-rappreżentazzjoni hija trade mark tridimensjonali u hija pperċepita bħala tali mill-konsumatur medju. L-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell twasslu pjuttost li jikkunsidra bħala probabbli li l-konsumatur iqis l-immaġini tal-ħelu sempliċement bħala illustrazzjoni tal-kontenut tal-pakkett. L-illustrazzjoni ta' l-ippakkjar f'forma attraenti sabiex tintwera d-dehra tal-prodott jew is-suġġerimenti ta' kif għandu jiġi servut hija prassi komuni ħafna fl-industrija tal-prodotti ta' l-ikel, inkluż fl-industrija tal-prodotti tal-ħelu u hija prassi li hija ddettata aktar minn kunsiderazzjoni ta' reklamar milli mill-ħtieġa li l-prodotti jiġu identifikati permezz ta' trade marks. Il-Bord ta' l-Appell iqis li għalhekk l-immaġini ma tissodisfax il-funzjoni ta' trade mark iżda sservi biss bħala illustrazzjoni tal-prodott. Il-frażi li takkumpanja l-immaġini, jiġifieri 'The classic candy made with real butter and fresh cream', tikkonferma wkoll li din se tkun il-perċezzjoni probabbli ta' xerrej raġonevolment attent tal-ħelu. Fil-fatt, il-frażi u l-immaġini jikkumplimentaw lil xulxin: il-frażi tiddeskrivi n-natura tal-ħelu u l-immaġini turihom. Il-Bord ta' l-Appell jaqbel mar-rikorrenti li prodott jista' jkollu fuqu diversi trade marks fl-istess ħin. Madankollu, fl-opinjoni tal-Bord ta' l-Appell, ibbażata fuq l-aspett tal-pakketti użati bħala l-ippakkjar tal-ħelu tar-rikorrenti, ir-riproduzzjoni tal-ħelu fuq dawn il-pakketti mhijiex konformi mar-riproduzzjoni ta' trade mark.

    21.      Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati aktar 'il fuq, għandu jiġi konkluż li huwa veru li l-figuri tal-bejgħ u l-figuri dwar l-ispejjeż pubbliċitarji ppreżentati bħala prova jipprovaw li l-ħelu 'Werther's' huma mibjugħa fuq is-suq iżda ma jipprovawx li l-forma tagħha kienet użata bħala trade mark […]"

    64      M'hemmx lok li jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Il-materjal pubbliċitarju ppreżentat mir-rikorrenti ma fih l-ebda prova dwar l-użu tat-trade mark kif ġiet mitluba. Fil-fatt, fuq l-immaġini pubbliċitarji kollha, ir-rappreżentazzjoni tal-forma u tal-kulur mitluba magħha għandha sinjali verbali u figurattivi. Għaldaqstant, dan il-materjal ma jistax jikkostitwixxi l-prova li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi t-trade mark mitluba, bħala tali u indipendentament mit-trade marks verbali u figurattivi li tidher magħhom fil-pubbliċità u fil-bejgħ tal-prodotti, bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi kkonċernati […]

    65      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess indikat fir-rikors tagħha li l-ħelu in kwistjoni mhux mibjugħ waħda waħda iżda f'pakkett li fih kull ħelwa hija, barra minn hekk, ippakkjata separatament. Minn dan isegwi li, meta jiddeċiedi li jixtri, il-konsumatur medju ma jarax direttament quddiemu l-forma tal-ħelu in kwistjoni li tippermettilu li jattribwilha funzjoni bħala indikazzjoni ta' oriġini.

    66      Fit-tieni lok, għandha ssir l-istess konklużjoni fir-rigward tas-sondaġġi sottomessi mir-rikorrenti għall-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell sabiex tipprova l-karattru distintiv tat-trade mark mitluba miksub permezz ta' l-użu. Fil-fatt, mill-parti ta' l-aħħar tal-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għarfien bħala trade mark tal-ħelu kkummerċjalizzat mir-rikorrenti kien ibbażat fuq il-bażi ta' l-isem "Werther's" tagħhom u mhux fil-bażi tal-forma in kwistjoni.

    12     Għaldaqstant l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti u kkundannata tbati l-ispejjeż.

     L-appell

    13     Fl-appell tagħha, li għas-sostenn tiegħu hija tressaq erba' motivi, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –       prinċipalment, tiddeċiedi l-kwistjoni b'mod definittiv billi tilqa' t-talbiet magħmula fl-ewwel istanza;

    –       sussidjarjament, terġa tibgħat il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza;

    –       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

    14     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

     Fuq l-ewwel motiv

     L-argumenti tal-partijiet

    15     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, li jinqasam f'żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    16     L-ewwel nett, fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza skorrettament issuġġettat il-konstatazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għall-kundizzjoni li din tiddistingwi ruħha fundamentalment mil-preżentazzjoni ta' ħelu użata normalment fil-kummerċ u, għaldaqstant, stabbilixxiet ħtiġijiet iktar stretti għat-trade marks tridimensjonali milli għat-trade marks verbali jew figurattivi.

    17     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ukoll żbaljata meta eżiġiet li t-trade mark mitluba tkun tiddistingwi ruħha b'mod sostanzjali minn trade marks simili li kienu eventwalment jeżistu fis-settur tal-ħelu.

    18     Skond ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li jista' jkun hemm konfużjoni ma prodotti li jkunu ġejjin minn produttur ieħor hija rilevanti biss fil-kuntest ta' oppożizzjoni bbażata fuq ir-riskju ta' konfużjoni tat-trade mark mitluba ma trade mark preċedenti.

    19     It-tieni nett, il-Bord ta' l-Appell u l-Qorti tal-Prim'Istanza naqsu milli jivverifikaw jekk it-trade mark mitluba għandiex fiha nfisha, indipendentement mil-preżentazzjoni ta' ħelu simili li jeżisti fis-suq, livell minimu ta' karattru distintiv. Skond ir-rikorrenti, kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet tali verifika, hija kienet tikkonkludi li l-imsemmija trade mark ma kinitx nieqsa minn karattru distintiv.

    20     F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Prim istanza tagħmel fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata li tgħid li huwa improbabbli li l-għażla tal-konsumatur medju tkun iddeterminata mill-forma tal-ħelu. Hija tikkuntesta wkoll l-kunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet fil-punt 42 ta' l-istess sentenza li tgħid li l-forma li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni bħala trade mark hija waħda ġeometrika bażika.

    21     L-UASI tirrispondi, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma ssuġġettat it-trade mark mitluba għal kriterji iktar stretti minn dawk applikabbli għal trade marks verbali jew figurattivi, iżda applikat ġurisprudenza kostanti li tgħid li huwa meħtieġ li l-forma tal-prodott li għaliħ tintalab ir-reġistrazzjoni bħala trade mark tkun tiddistingwi ruħha b'mod sinjifikattiv mill-użi normali u abitwali tas-settur rilevanti.

    22     It-tieni nett, l-ilment li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkonkludi li t-trade mark mitluba kellha karattru distintiv huwa intiz li jikkontesta l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u, għaldaqstant, mhuwiex ammissibbli fil-kuntest ta' appell.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    23     Fir-rigward ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-karattru distintiv ta' trade mark, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi evalwat min-naħa b'rigward għall-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba u, minn naħa l-oħra, b'rigward għall-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, magħmul mill-konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u avżat, ta' l-imsemmija prodotti jew servizzi għandu tagħhom (ara s-sentenza tad-29 ta' April 2004, Henkel vs l-UASI, C-456/01 P u C-457/01 P, Ġabra. p. I-5089, punt 35, u tat-12 ta' Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, C-173/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 25).

    24     Skond ġurisprudenza wkoll kostanti, il-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta' trade marks (sentenzi Henkel vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38, u tas-7 ta' Ottubru 2004, Mag Instrument vs l-UASI, C 136/02 P, Ġabra. p. I 9165, punt 30 u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).

    25     Madankollu, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji, il-preċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta' trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta' trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f'sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji fin-nuqqas ta' kull element grafiku jew ta' kitba, m'għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma ta' l-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista' jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f'dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f'dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 38, u Mag Instrument vs l-UASI, punt 30 u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, punt 28).

    26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex nieqsa minn karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 biss dik it-trade mark li, b'mod sinjifikattiv, titbiegħed minn norma jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f'hekk, tista' tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta' oriġini tagħha (ara b'mod partikolari s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs l-UASI, punt 39, Mag Instrument vs l-UASI, punt 31 u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, punt 31).

    27     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta meta ħadet in kunsiderazzjoni l-forom u l-kuluri ta' ħelu normalment użati fil-kummerċ sabiex tevalwa jekk it-trade mark mitluba kinitx jew le nieqsa minn karattru distintiv.

    28     Il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata ddeċidiet li l-forma tal-ħelu in kwistjoni "ma tiddistingwixxix ruħha b'mod sostanzjali minn ċerti forom bażiċi tal-prodotti kkonċernati, li huma użati b'mod komuni fil-kummerċ". Peress li l-ħtieġa ta' differenza sostanzjali tmur lil hinn mis-sempliċi differenza sinjifikattiva li hija meħtieġa skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet tagħmel żball ta' dritt kieku hija ssuġettat ir-rikonoxximent tal-karattru distintiv tat-trade mark mitluba għall-osservanza ta' tali ħtieġa.

    29     Madankollu dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt, mill-istess punt tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni li t-trade mark mitluba hija komposta minn tlaqqiegħ ta' elementi ta' preżentazzjoni li magħhom il-moħħ awtomatikament jorbot bħala tipiċi fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, li tidher bħala varjanti ta' ċerti forom bażiċi użati normalment fis-settur tal-ħelu, li, l-allegati differenzi mhumiex perċepibbli faċilment, li hija ma tiddistingwixxix ruħha b'mod suffiċjenti minn forom oħra użati b'mod komuni għall-ħelu u li ma tippermettix lill-pubbliku rilevanti li jiddistingwi b'mod immedjat u ċert il-ħelu tar-rikorrenti minn dak li jkollu oriġini kummerċjali differenti.

    30     Permezz ta' dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet kif jitlob id-dritt li t-trade mark mitluba ma tvarjax b'mod sinjifikattiv mill-użi normali u abitwali tas-settur tal-ħelu. Għalhekk hija ma għamlet l-ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet li l-imsemmija trade mark hija nieqsa minn karattru distintiv.

    31     Dwar l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżiġiet li t-trade mark mitluba tkun tiddistingwi ruħha b'mod sostanzjali minn trade marks simili li eventwalment jeżistu fis-settur tal-ħelu, dan huwa msejjes fuq interpretazzjoni ħażina tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma fittxet li ssir taf jekk trade marks oħra użati għal dawn it-tipi ta' prodotti kinux identiċi jew simili għat-trade mark mitluba.

    32     Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda peress li mhijiex fondata.

    33     F'dak li jirrigwarda t-tieni parti ta' l-ewwel motiv, min-naħa, kif jirriżulta mill-punt 27 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet l-ebda ball ta' dritt meta kkunsidrat il-forom ta' ħelu normalment uati fil-kummerċ sabiex tevalwa jekk it-trade mark mitluba hijiex jew le nieqsa minn karattru distintiv.

    34     Minn naħa l-oħra, safejn tikkontesta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li t-trade mark mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv, din il-parti ta' l-ewwel motiv fil-verita hija intiża sabiex tinkiseb evalwazzjoni tal-fatti mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja li tisostitwixxi dik mogħtija mill-Qorti tal-prim'Istanza

    35     Fil-fatt il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 39 sa 42 tas-sentenza kkontestata, li jgħidu li, min-naħa, il-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tal-forma u tal-kulur tal-ħelu mhuwiex għoli wisq u, minn naħa l-oħra, il-forma tridimensjonali li minnha hija komposta t-trade mark mitluba hija forma ġeometrika baiżka, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ta' natura fattwali (ara, f'dan is-sens, rispettivament, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Henkel vs UASI, punt 56, u Deutsche SiSi-Werke vs UASI, punt 47)

    36     Issa, skond l-Artikolu 225(1) KE u ma' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal-kwistjonijiet ta' dritt. Il-Qorti tal-Prim'Istanza għalhekk hija kompetenti biss sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-elementi ta' prova. L-evalwazzjoni ta' dawn il-fatti u elementi ta' prova għalhekk ma jikkostitwixxux, sakemm ma jiġux interpretati ħażin, kwistjoni ta' dritt suġġetta, bħala tali, għal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, DKV vs l-UASI, C-104/00 P, Ġabra P. I-7561, punt 22, u Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

    37     Peress li f'dan il-każ ma ġiet allegata l-ebda interpretazzjoni ħażina tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova ppreżentati lill-Qorti tal-Prim'Istanza, t-tieni parti ta' l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda peress li min-naħa mhijiex fondata u minn naħa l-oħra mhijiex ammissibbli, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq it-tieni u t-tielet motiv

     L-argumenti tal-partijiet

    38     Permezz tat-tieni u t-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tilment li l-Qorti tal-Prim'Istanza, rispettivament, kisret l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jawtorizza lill-UASI jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess u l-Artikolu 73 ta' l-istess Regolament li jgħid li d-deċiżjonijiet tal-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom l-partijiet kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

    39     Minn naħa, l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jobbliga lill-UASI li jeżamina huwa stess il-fatti li fuqhom bi ħsiebu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu. Għalhekk, billi ma ppreżentax, kif kien obbligat li jagħmel, l-eżempji konkreti ta' ħelu b'dehra allegatament identika għat-trade mark mitluba, u li tagħhom huwa allega l-eżistenza sabiex juri l-karattru "komuni" ta' l-imsemmija trade mark, il-Bord ta' l-Appell ċaħħad lir-rikorrenti mil-possibbiltà li tikkontesta r-rilevanza ta' dawn l-eżempji.

    40     Billi, fil-punt 40 tas-sentenza kkontestata, ikkonfermat dawn l-allegazzjonijiet mhux ippruvati tal-Bord ta' l-Appell u billi, fil-punti 41 u 42 ta' l-istess sentenza, hija stess għamlet affermazzjonijiet simili mingħajr ma bbażathom fuq fatti li jistgħu jiġu vverifikati, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

    41     Minn naħa l-oħra, peress li l-Bord ta' l-Appell ma ppreżentax il-ħelu li allegatament jixbaħ it-trade mark mitluba, ir-rikorrenti ma kelliex l-opportunità, fl-ebda stadju tal-proċedura, tippreżenta osservazzjonijiet dwarhom u għalhekk ġiet imċaħda, b'mod partikolari, mil-possibbiltà li turi li dan il-ħelu fil-verità kellu differenzi deċiżivi fir-rispett tat-trade mark mitluba. Għaldaqstant inkiser id-dritt tagħha għal smiegħ xieraq.

    42     Billi kkonfermat l-allegazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma kelliex il-possibbiltà tippreżenta osservazzjonijiet u billi bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dawn l-allegazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

    43     L-UASI jsostni li peress li r-rikorrenti qajmet il-ksur ta' l-Artikoli 73 u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 għall-ewwel darba biss quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni u t-tielet motiv għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

    44     Huwa jżid li safejn ir-rikorrenti, permezz tat-tielet motiv tagħha, tilment li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha, dan l-ilment mhuwiex fondat peress li l-konstatazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, li huma kkontestati mir-rikorrenti, kienu fil-qofol tat-trattazzjoni quddiem l-imsemmi Bord u r-rikorrenti kkontestathom mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    45     Skond ġurisprudenza kostanti, li parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza jkun ifisser li din il-parti titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fil-qasam ta' appelli għandha kompetenza limitata, kawża li jkollha portata ikbar minn dik li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-kuntest ta' appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija għall-motivi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Novembru 2004, Ramondin et vs Il-Kummissjoni, C-186/02 P u C-188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 60).

    46     F'dan il-każ, ir-rikorrenti ma sostnietx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li l-Bord ta' l-Appell kien kiser l-Artikoli 73 u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 peress li ma ppreżentax eżempji ta' ħelu identiku jew simili għal dak kummerċjalizzat mir-rikorrenti.

    47     Għalhekk, safejn jilmentaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma' annullatx d-deċiżjoni kkontestata għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni u t-tielet motiv għandhom jiġu analiżżati bħala motivi ppreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest ta' l-appell u għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli.

    48     Safejn jilmentaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza, parmezz ta' l-allegazzjonijiet mhux ipprovati tagħha, kisret ukoll l-Artikoli 73 u 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-imsemmija motivi mhumiex fondati. Fil-fatt, ir-rispett ta' dawn id-dispożizzjonijiet jimponi ruħu fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-applikazzjonijiet ta' reġistrazzjoni mill-organi tal-UASI, iżda mhux fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija rregolata mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

    49     Barra minn dan, ir-rikorrenti kellha l-possibbilità li tikkontesta, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-affermazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li l-forma tal-ħelu in kwistjoni ma tidistingwixxix ruħha b'mod sinjifikattiv minn forom oħra użati normalment fis-suq tal-ħelu, b'tali mod li d-drittijiet tad-difiża tagħha u, b'mod partikolari, id-dritt tagħha għall-smiegħ xieraq, ġew irrispettati quddiem l-imsemmija Qorti.

    50     Għalhekk, it-tieni u t-tielet motiv ta' l-Appell għandhom jiġu miċħuda peress li minn naħa huma inammissibli u min-naħa l-oħra mhumiex fondati.

     Fuq ir-raba' motiv

     L-argumenti tal-partijiet

    51     Permezz tar-raba' motiv tagħha, li jinqasam fi tliet partijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 meta ssuġġettat għal ħtiġijiet żbaljati l-prova li t-trade mark mitluba kisbet karattru distintiv permezz ta' l-użu.

    52     L-ewwel nett, fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-prova ta' l-użu ta' trade mark tridimensjonali ma tistax issir permezz ta' dokumenti bħal dawk ta' l-ippakkjar tal-prodotti li għalihom tkun qegħdha tintalab ir-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark jew permezz ta' materjal pubbliċitarju dwar dawn il-prodotti meta, fuq dawn id-dokumenti jkunu jidhru, minbarra l-imsemmija trade mark, trade marks verbali jew figurattivi oħra. Għalhekk hija qieset li trade mark komposta mill-forma tridimensjonali tal-prodott ikkonċernat ma tistax tikseb karattru distintiv jekk din ikollha magħha trade mark verbali jew figurattiva.

    53     Din l-analiżi ma tikkorrispondix mal-mod ta' kif il-konsumatur medju jipperċepixxi t-trade marks. Il-fatt li diversi trade marks jidhru fl-istess ħin fuq prodott ma jċaħħadx lil dan il-konsumatur milli jipperċepixxi kull waħda minn dawn separatament bħala indikazzjoni ta' l-oriġni, peress li dawn id-diversi trade marks jistgħu saħansitra jsaħħu lil xulxin billi l-għarfien ta' waħda tikkontribwixxi għall-dik ta' l-oħra. Barra minn dan, peress li huwa fl-istess natura ta' trade mark tridimensjonali li tintuża flimkien ma trade marks verbali u figurattivi oħra, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tkun tfisser li l-użu ta' trade mark tridimensjonali qatt ma tkun tista' tiġi ppruvata, u dan imur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju.

    54     It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx koretta, meta, minn naħa, fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li tgħid li r-rappreżentazzjoni tat-trade mark mitluba fuq il-pakketti li fihom jinbiegħ il-ħelu in kwistjoni għandha biss l-iskop li turi xhinu l-kontenut tal-pakkett u, min-naħa l-oħra, fil-punt 65 ta' l-istess sentenza kkunsidrat li peress li l-imsemmi ħelu jinbiegħ f'pakkett, il-konsumatu, meta jiddeċiedi li jixtri, ma jarax direttament quddiemu t-trade mark mitluba. Fil-fatt, l-imsemmija trade mark hija riprodotta fuq il-pakketti li fihom dan il-ħelu huwa ppakjat u, peress li hija, fl-istess ħin, il-prodott stess, ir-riproduzzjoni hija mhux biss informazzjoni fuq il-kontenut tal-pakkett iżda wkoll indikazzjoni dwar l-oriġini tal-prodott.

    55     It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kinitx korretta meta fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata kkunsidrat biss il-perċezzjoni tal-konsumatur medju meta jiġi biex jixtri. Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat safejn dan il-konsumatur jagħraf it-trade mark, għandu jiġi kkunsidrat kif din tiġi ppreżentata lilhu, mhux biss fil-mument tax-xiri jżda wkoll qabel dan, per eżempju permezz tal-pubbliċità, u l-mument meta jiġi ikkunsmat il-prodott.

    56     Skond il-UASI, l-Bord ta' l-Appell u l-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma eżiġew li l-elementi ta' prova li jistabbilixxu l-użu ta' trade mark tridimensjonali jkunu jirrigwardaw biss din it-trade mark, iżda ġustament osservaw li l-materjal pubbliċitarju ppreżentat ma kien fiħ l-ebda prova ta' użu tat-trade mark kif din ġiet mitluba. B'mod partikolari, kif ġie indikat fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, il-Bord ta' l-Appell kien ikkonstata li ma setax jiddistingwi, fuq il-materjal pubbliċitarju, il-karatteristiċi speċifiċi tal-forma tal-ħelwa u li r-rappreżentazzjoni tal-ħelu fuq il-pakkett li kien tressaq bħala prova ma kienx jammonta għal rappreżentazzjoni ta' trade mark. Barra minn hekk, fil-punt 64 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li n-natura tar-rappreżentazzjoni tal-forma tal-ħelu fuq il-pakkett mhijiex ċara biżżejjed u hija mgħottija minn diversi sinjali oħra b'tali mod li l-konsumatur ma jkunx jista' jipperċepiha bħala rappreżentazzjoni tat-trade mark mitluba.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

    57     F'dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tieni parti tar-raba' motiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas-7 ta' Lulju 2005, Nestlé (C-353/03, Ġabra p. I-6135), li l-karattru distintiv ta' trade mark previst mill-Artikolu 3(3) ta' l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p.1), jista' jinkiseb wara li din it-trademark tkun intużat flimkien ma trade mark irreġistrata.

    58     Dan jgħodd ukoll f'dak li jirrigwarda l-karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu fis-sens ta' l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 peress li din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104 huma, essenzjalment, identiċi.

    59     Għalhekk, trade mark tridimensjonali tista' eventwalment tikseb karattru distintiv permezz ta' l-użu anke jekk din tintuża flimkien ma trade mark verbali jew ma trade mark figurattiva. Dan huwa minnhu meta trade mark tkun komposta mill-forma tal-prodott jew mill-ippakkjar tiegħu u meta dawn jiġu sistematikament indikati permezz ta' trade mark verbali li taħta dawn jiġu kkummerċjalizzati.

    60     Madankollu għandu jiġi enfasizzat li trade mark tridimensjonali hija essenzjalment differenti mir-rappreżentazzjoni bidimensjonali grafika tagħha. Minn dan isegwi li meta, bħal f'dan il-każ, immaġni tal-prodott tkun tidher fuq l-ippakkjar, il-konsumaturi ma jiġux ikkonfrontati mit-trade mark infisha, bħala trade mark komposta mill-forma tridimensjonali tal-prodott. Madankollu ma jistax jiġi eskluż li r-rappreżentazzjoni bidimensjonali ta' tali prodott tista', eventwalment, tiffaċilita l-għarfien tat-trade mark mill-pubbliku rilevanti peress li hija tippermetti li jiġu perċepiti l-elementi essenzjali tal-forma tridimensjonali tal-prodott.

    61     Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li, f'dak li jirrigwarda l-ksib ta' karattru distintiv permezz ta' l-użu, l-identifikazzjoni, minn naħa ta' l-ambjenti kkonċernati, li l-prodott jew is-servizz ikun joriġina minn impriża determinata għandha ssir permezz ta' l-użu tat-trade mark bħala trade mark (sentenzi tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra, p. I-5475, punt 64, u Nestlé, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26. L-espressjoni "l-użu tat- trade mark bħala trade mark " għaldaqstant għandha tiftihem li qiegħda tirreferi biss għall-użu tat-trade mark għal skopijiet ta' identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill-ambjenti kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn intrapriża determinata.

    62     Għalhekk, kull użu tat-trade mark, iktar u iktar l-użu ta' rappreżentazzjoni bidimensjonali ta' trade mark tridimensjonali, mhux neċessarjament jikkostitwixxi użu bħala trade mark.

    63     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet l-ebda żball fid-dritt.

    64     Min-naħa, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza kkontestata, billi adottat l-evalwazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-mod li biħ jiġi rrapreżentat il-ħelu – immaġni ta' xi ħmistax-il ħelwa fuq xulxin – fuq il-pakketti li fihom ir-rikorrenti tikkummerċjalizzhom ma jammontax għal riproduzzjoni ta' trade mark għaliex b'mod partikolari, din ir-rappreżentazzjoni ma turix il-forma tal-ħelwa li tagħha qegħdha tintalab ir-reġistrazzjoni bħala trade mark iżda immaġni realistika ta' ħelu fuq xulxin, u mhijiex intiza sabiex tenfasizza dawk il-karatteristiċi li r-rikorrenti tqis bħala li jagħtu karattru distintiv lit-trade mark mitluba (spazju vojt tond fin-nofs, qiegħ ċatt u ġnub konvessi), b'tali mod li hemm diskrepanza bejn ir-rappreżentazzjoni tal-ħelu fuq il-pakketti u t-trade mark tridimensjonali li għaliha qegħdha tintalab ir-reġistrazzjoni.

    65     Din hija evalwazzjoni ta' natura fattwali li, ħlief fil-każ ta' interpretazzjoni ħażina, li ma ġietx allegata f'dan il-każ, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' Appell.

    66     Minn naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-istess punti tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim'Istanza eskludiet bħala prinċipju li trade mark tridimensjonali komposta mill-forma tal-prodott ikkonċernat tista' tikseb karattru distintiv permezz ta' l-użu meta din tintuża flimkien ma trade mark verbali jew ma trade mark figurattiva.

    67     Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza espliċitament adottat il-konstatazzjonijiet li l-Bord ta' l-Appell għamel fil-punti 17 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, fil-punt 20 ta' din id-deċiżjoni, il-Bord ta' l-Appell ammetta li prodott jista' jkollu iktar minn trade mark waħda fl-istess hin.

    68     Fil-punt 64 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li, fir-rigward tal-karatteristiċi tagħhom, il-pakketti użati għall-kummerċjalizazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti ma jistgħux jippruvaw li t-trade mark mitluba hija perċepita bħala indikazzjoni ta' l-oriġni ta' l-imsemmija prodotti. Din hija wkoll evalwazzjoni ta' natura fattwali li, ħlief fil-każ ta' interpretazzjoni ħażina, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' Appell.

    69     Għalhekk, l-ewwel u t-tieni parti tar-raba' motiv mhumiex fondati.

    70     F'dak li jirrigwarda t-tielet parti ta' dan il-motiv, għandu jiġi mfakkar li, jekk trade mark ma jkollhiex, sa mill-bidu, karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, din tista' tiksbu, fir-rispett tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, wara li jkun sar użu minnha skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu. Tali karattru distintiv jista' jinkiseb, b'mod partikolari, wara proċess normali ta' familjariżazzjoni tal-pubbliku kkonċernat (sentenzi tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punt 67, u Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

    71     Minn dan isegwi li, għal-finijiet ta' l-evalwazzjoni ta' jekk trade mark kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha fejn il-pubbliku rilevanti jiġi kkonfrontat b'din it-trade mark. Dan huwa l-każ mhux biss mhux biss fil-mument tax-xiri iżda wkoll qabel dan, per eżempju permezz tal-pubbliċità, u l-mument meta jiġi kkunsmat il-prodott.

    72     Madankollu, huwa meta jiġi biex jagħmel l-għala tiegħu bejn diversi prodotti tal-kategorija kkonċernata li l-konsumatur medju jua l-għola livell ta' attenzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Jannar 2006, Ruiz-Picasso et vs l-UASI, C-361/04 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41), b'tali mod li l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-konsumatur medju huwiex ikkonfrontat mit-trade mark meta jiġi biex jixtri, għandha importanza partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk din it-trade mark kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu.

    73     F'dan il-każ, mill-punt 65 tas-sentenza kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat biss il-mument tad-deċiżjoni ta' xiri sabiex tevalwa jekk it-trade mark mitluba kisbitx karattru distintiv permezz ta' l-użu li jkun sar minnha.

    74     Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti essenzjalment sostniet li t-trade mark mitluba tidher b'mod evidenti fuq il-pakketti kollha tal-ħelu tagħha u kkontestat l-evalwazzjoni kuntrarja tal-Bord ta' l-Appell. Fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan l-argument billi kkonstatat li, meta jara wieħed minn dawn il-pakketti, il-konsumatur medju ma jiġix konfrontat direttament mill-forma tal-ħelwa li tagħha qegħdha tintalab ir-reġistrazzjoni bħala trade mark tridimensjonali. Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza, loġikament, ikkunsidrat il-mument tax-xiri.

    75     Madankollu għandu jiġi osservat li, fil-punt 66 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza analizzat is-sondaġġi mressqa mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi l-livell ta' għarfien tat-trade mark. Issa, sondaġġi bħall dawn ma jiddistingwux iċ-ċirkustanzi li fihom il-konsumaturi ġew ikkonfrontati mit-trade mark. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sondaġġi ppreżentati ma kinux tali li jippruvaw li t-trade mark mitluba kienet magħrufa.

    76     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li t-tielet parti tar-raba' motiv ukoll mhijiex fondata u għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    77     Peress li r-rikorrenti tilfet fuq il-motivi kollha tagħha, l-appell għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    78     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mil-UASI.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      August Storck KG għandha tbati l-ispejjeż

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top