Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0235

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-28 ta' Ġunju 2007.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 79/409/KEE - Konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi - Żoni ta’ protezzjoni speċjali - IBA 98 - Valur - Kwalità ta’ l-informazzjoni - Kriterji - Marġni ta’ diskrezzjoni - Insuffiċjenza manifesta tal-klassifikazzjoni f’termini ta’ numru u daqs.
    Kawża C-235/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:386

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-kawża C‑235/04,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, P. Kūris (Relatur), J. Klučka, R. Silva de Lapuerta u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2006,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma kklassifikax bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar (iktar ‘il quddiem iż-“ŻPS”) biżżejjed territorji f’termini ta’ numru u daqs sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċijiet kollha ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1), kif emendata, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, tad-29 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 223, p. 9, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 79/409”), kif ukoll lill-għasafar migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

    Il-kuntest ġuridiku

    2. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 79/409 jiddisponi:

    “Din id-direttiva hija dwar il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju ewropew ta’ l-istati membri għall-liema japplika t-trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tipreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.”

    3. L-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi :

    “L-istati membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-artikolu 1 fil-livell li jikorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell.”

    4. L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din l-istess Direttiva jistipula:

    “1. L-ispeċi msemmija fl-anness i għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

    F’ konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

    a) ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

    b) ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

    c) ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

    d) ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

    Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

    L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

    2. L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-anness i, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja [mistagħdra] u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.”

    Il-proċedura prekontenzjuża

    5. Wara diversi lmenti, il-Kummissjoni bagħtet, fis-26 ta’ Jannar 2000, ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja li fiha kkonstatat l-applikazzjoni żbaljata tad-Direttiva 79/409 billi ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS territorji ta’ numru u daqs suffiċjenti.

    6. Peress li fil-fehma tal-Kummissjoni r-risposti ta’ l-awtoritajiet Spanjoli kif ukoll l-informazzjoni u l-proposti rigward il-klassifikazzjoni taż-ŻPS il-ġodda ma kinux konvinċenti, il-Kummissjoni, fil-31 ta’ Jannar 2001, bagħtet opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja li fiha stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xagħrejn min-notifikazzjoni ta’ l-imsemmija opinjoni, terminu li ġie estiż sat-3 ta’ Mejju 2001.

    7. Permezz ta’ ittri tas-17 ta’ April u tal-15 ta’ Mejju 2001, l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għall-opinjoni motivata u bagħtu, bejn it-28 ta’ Mejju 2001 u l-25 ta’ Ottubru 2002, informazzjoni addizzjonali kif ukoll klassifikazzjonijiet u estensjonijiet ta’ ŻPS.

    8. Wara li eżaminat dawn ir-risposti kollha u billi kkunsidrat li l-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Castilla y León, ta’ Castilla-La Mancha u ta’ Madrid ma kinux għadhom issodisfaw l-obbligi kollha li jitnisslu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 u li l-Komunitajiet awtonomi ta’ Asturias, Katalunja, Estremadura, Galizja u Valenzja kienu kklassifikaw xi ŻPS b’mod inadegwat u insuffiċjenti għal kollox, il-Kummissjoni ddeċidiet, matul ix-xahar ta’ Jannar 2003, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’din il-kwistjoni.

    9. L-awtoritajiet Spanjoli komplew jibagħtu lill-Kummissjoni, bejn it-13 ta’ Jannar 2003 u l-5 ta’ April 2004, proposti għall-klassifikazzjoni ta’ ŻPS, fajls relattivi għad-definizzjoni mill-ġdid u għall-estensjoni tan-netwerk ta’ ŻPS li kienu jinkludu ħafna informazzjoni aġġornata flimkien ma’ dokumenti kartografiċi u informazzjoni fuq is-sitwazzjoni ta’ l-ispeċijiet ta’ l-għasafar.

    10. Wara li eżaminat dawn ir-risposti kollha, il-Kummissjoni, billi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jitnisslu mid-Direttiva 79/409 baqa’ jeżisti, iddeċidiet li tippreżenta, fl-4 ta’ Ġunju 2004, dan ir-rikors.

    Fuq ir-rikors

    11. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta’ Spanja ma kklassifikax bħala ŻPS territorji ta’ numru u daqs suffiċjenti, fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ispeċijiet ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll ta’ l-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness.

    12. Peress li l-Kummissjoni rrinunzjat għall-azzjoni tagħha fil-konfront tal-Komunità awtonoma ta’ Estremadura waqt il-proċedura orali, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda biss il-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanari, ta’ Castilla y León, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Galizja u ta’ Valenzja.

    Fuq il-klassifikazzjoni taż-ŻPS

    L-argumenti tal-partijiet

    13. Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju ta’ Spanja ma kklassifikax bħala ŻPA territorji ta’ numru u daqs suffiċjenti fid-dawl taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar identifikati fl-inventarju ornitoloġiku li ġie ppubblikat fl-1998 (iktar ‘il quddiem l-“IBA 98”).

    14. Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-użu ta’ l-IBA 98. Dan l-inventarju mhuwiex ta’ l-istess valur bħall- Inventory of Important Bird Areas in the European Community (Inventarju ta’ Żoni Importanti għall-Għasafar fil-Komunità Ewropea) ippubblikat fl-1989 (iktar ‘il quddiem l-“IBA 89”) inkwantu, billi ma ġiex ordnat u lanqas ikkontrollat mill-Kummissjoni, l-eżattezza tar-riżultati tiegħu mhijiex iggarantita.

    15. Fil-fatt, l-IBA 98 ġie mfassal esklużivament fuq inizjattiva tas-Sociedad Española de Ornitología (Soċjetà Ornitoloġika Spanjola, iktar ‘il quddiem “SEO/BIRDLIFE”), li ddeċidiet li tbiddel b’mod unilaterali l-IBA 89 sabiex iżżid in-numru u d-daqs taż-żoni li għandhom jiġu protetti fi Spanja. Ebda awtorità amministrattiva pubblika kompetenti fil-qasam ta’ l-ambjent ma kkontrollat it-tfassil ta’ dan l-inventarju sabiex jiġu ggarantiti l-preċiżjoni u l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni. Għalhekk huwa impossibbli li tiġi ġġustifikata jew ivverifikata ż-żieda fin-numru u, fuq kollox, fid-daqs, taż-żoni l-ġodda li għandhom jiġu protetti skond l-IBA 98 meta mqabbla ma’ l-IBA 89.

    16. Barra minn hekk, dejjem skond il-Gvern Spanjol, l-użu ta’ informazzjoni inkompleta fl-IBA 98 ma jippermettix li ż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar jiġu ddelimitati b’mod korrett. Bl-istess mod, il-kriterji użati għad-delimitazzjoni taż-ŻPS huma żbaljati, bilkemm għandhom valur ornitoloġiku u mhumiex konformi mad-Direttiva 79/409.

    17. Il-Gvern Spanjol isostni wkoll li ċ-ċensimenti u l-istimi wiesgħa tal-popolazzjoni magħmula għaż-żoni kollha importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar ma huma sostnuti minn ebda referenza biblijografika, fatt li jimpedixxi kull xorta ta’ verifika jew tqabbil ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, is-SEO/Birdlife rrikonoxxiet espressament li s-sors ta’ l-informazzjoni ornitoloġika mhuwiex iċċitat għal kull żona.

    18. B’hekk id-delimitazzjoni taż-żoni li għandhom jiġu protetti, imħejjija minn SEO/Birdlife, fiha lakuni kbar minħabba n-nuqqas ta’ referenzi biblijografiċi kif ukoll minħabba l-kwalità ħażina ta’ l-informazzjoni użata. Għaldaqstant, l-IBA 98 ma għandhiex il-kwalità minima meħtieġa għal xogħol xjentifiku għal dak li jikkonċerna l-eżattezza ta’ l-informazzjoni u l-preċiżjoni tal-kriterji użati.

    19. Fl-aħħar nett, il-Gvern Spanjol isostni li s-SEO/Birdlife pprojbixxiet, sakemm ma tawtorizzax dan b’mod espress, li tiġi rrilaxxata lill-komunitajiet awtonomi, li għandhom ġurisdizzjoni amministrattiva fil-qasam ta’ l-ambjent, l-informazzjoni li hija użat biex tidentifika u tiddelimita ż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.

    20. Skond il-Kummissjoni, l-IBA 98 huwa bbażat fuq l-iktar referenzi dokumentati sew u preċiżi disponibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu ddefiniti t-territorji l-iktar adegwati għas-sopravivenza u għar-riproduzzjoni ta’ l-ispeċijiet ta’ l-għasafar, skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/40. L-IBA 98 huwa bbażat fuq kriterji ornitoloġiċi bbilanċjati, bħall-importanza tal-popolazzjonijiet, id-diversità ta’ l-għasafar u r-riskji li huma esposti għalihom l-ispeċijiet fuq livell internazzjonali, li jippermettu li jiġu identifikati ż-żoni l-iktar adatti biex tiġi assigurata l-konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll ta’ l-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness.

    21. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-evalwazzjoni tan-netwerk ta’ ŻPS magħżula mir-Renju ta’ Spanja saret mhux biss abbażi ta’ l-IBA 98, iżda wkoll skond żewġ kriterji oħra li huma bbażati, minn naħa, fuq analiżi tal-preżenza f’kull territorju ta’ l-ispeċijiet ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 u, min-naħa l-oħra, fuq it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-artijiet mistagħdra.

    22. Fl-aħħar nett, dejjem skond il-Kummissjoni, l-impossibbiltà li jingħata aċċess għall-bażi tad- data (database) użata mis-SEO/Birdlife ma tinvalidax in-natura xjentifika ta’ l-istudju u ma żżommx lill-awtoritajiet amministrattivi Spanjoli milli jfasslu jew jordnaw l-istudji tagħhom stess sabiex josservaw l-obbligi li jitnisslu mid-Direttiva 79/409.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    23. B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409 jipprovdi sistema ta’ protezzjoni intiża u msaħħa speċifikament kemm għall-ispeċijiet imsemmija fl-Anness I kif ukoll għall-ispeċijiet migratorji, iġġustifikata bil-fatt li huma, rispettivament, l-ispeċijiet l-iktar mhedda u l-ispeċijiet li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-191/05, Ġabra p. I-6853, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, jirriżulta mid-disa’ premessa ta’ din id-direttiva li l-preżervazzjoni, iż-żamma u r-restawrazzjoni ta’ diversità u żoni ta’ habitat suffiċjenti huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet kollha ta’ l-għasafar. Għaldaqstant, l-Istati Membri kollha huma marbuta jadottaw il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni ta’ l-imsemmija speċijiet.

    24. Għal dan il-għan, l-aġġornar ta’ l-informazzjoni xjentifika huwa neċessarju sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ta’ l-ispeċijiet l-iktar mhedda kif ukoll dik ta’ l-ispeċijiet li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Komunità sabiex it-territorji l-iktar xierqa jiġu kklassifikati bħala ŻPS. Għalhekk, għandha tintuża l-informazzjoni xjentifika l-iktar aġġornata li tkun disponibbli meta jiskadi t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

    25. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-inventarji nazzjonali, fosthom l-IBA 98 imħejji mis-SEO/Birdlife, irrivedew l-ewwel studju Pan Ewropew magħmul fl-IBA 89 u jagħtu informazzjoni xjentifika iktar preċiża u aġġornata.

    26. Fid-dawl tan-natura xjentifika ta’ l-IBA 89 u tan-nuqqas ta’ kwalunkwe prova xjentifika prodotta minn Stat Membru li tista’ b’mod partikolari turi li l-obbligi li jitnisslu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 setgħu ġew issodisfatti billi ġew ikklassifikati bħala ŻPS siti differenti minn dawk li jirriżultaw mill-imsemmi inventarju u li jkopru żona totali iżgħar minn dik tas-siti msemmija l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-inventarju, għalkemm mhuwiex legalment vinkolanti, seta’ jintuża minnha bħala bażi ta’ referenza sabiex tkun tista’ teżamina jekk Stat Membru kienx ikklassifika territorji biżżejjed f’temini ta’ numru u daqs bħala ŻPS skond id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ‘il fuq tad-Direttiva 79/409 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-3/96, Ġabra p. I‑3031, punti 68 sa 70, u ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑378/01, Ġabra p. I‑2857, punt 18).

    27. Għandu jiġi kkonstatat li l-IBA 98 jipprovdi inventarju aġġornat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar fi Spanja li, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, jikkostitwixxi bażi ta’ referenza li tippermetti li jiġi evalwat jekk Stat Membru kklassifikax bħala ŻPS territorji biżżejjed f’termini ta’ numru u daqs sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċijiet kollha ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll lill-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness.

    28. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-IBA 98 intuża mill-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla-La Mancha, Katalunja, Galizja u Valenzja sabiex jiddelimitaw xi ŻPS u li, għal dak li jikkonċerna l-Komunitajiet awtonomi ta’ Aragona, Cantabria, Estremadura, Madrid, Murcia, il-pajjiżi Baski u l-Belt awtonoma ta’ Ceuta, il-Kummissjoni aċċettat informazzjoni xjentifika aġġornata li ġiet ippreżentata lilha minflok dik relattiva għaż-żoni importanti għall-għasafar inklużi fl-IBA 98.

    29. Għandhom jiġi eżaminati l-argumenti tal-Gvern Spanjol fir-rigward tal-kriterji C.1 u C.6 użati f’dan l-inventarju.

    30. Skond l-IBA 98, il-kriterju C.1 jirreferi għal żona li fiha jkun hemm regolarment numru kunsiderevoli ta’ għasafar ta’ speċi mhedda globalment jew ta’ speċi li l-preżervazzjoni tagħha hija ta’ interess fuq livell dinji. Il-kriterju C.6 jirreferi għal żona li tikkostitwixxi waħda mill-ħames żoni l-iktar importanti f’kull reġjun Ewropew għal speċi jew sottospeċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409.

    31. Għal dak li jikkonċerna l-kriterju C.1, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-livell minimu ta’ identifikazzjoni taż-ŻPS ma jistax ikun ta’ inqas minn 1 % tal-popolazzjoni nazzjonali li tgħammar ta’ speċi msemmija f’dan l-Anness.

    32. Dan l-argument jinjora d-definizzjoni ta’ dan il-kriterju u għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, peress li l-kriterju C.1 jirrigwarda l-ispeċijiet mhedda globalment, huwa biżżejjed li s-sit in kwistjoni jospita numru kunsiderevoli ta’ individwi ta’ tali speċi. Livell minimu ta’ 1 % mhuwiex previst mill-kriterju C.1 u mhuwiex meħtieġ mid-Direttiva 79/409.

    33. Għal dak li jikkonċerna l-kriterju C.6, il-Gvern Spanjol isostni li r-reġjuni bijoġeografiċi ddefiniti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7), għandhom jiġu kkunsidrati li huma ekwivalenti għaż-żoni definiti għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 79/409. L-użu ta’ metodoloġija differenti għad-delimitazzjoni tal-habitats u għal dik taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar joħloq inugwaljanzi kunsiderevoli u inġustifikabbli fid-dawl ta’ l-eżistenza ta’ numru kbir ta’ diviżjonijiet territorjali amministrattivi differenti fi ħdan l-Istati Membri.

    34. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-Renju ta’ Spanja m’għamilx l-isforz li jqassam it-territorju Spanjol fuq bażi ornitoloġika, ħaġa li kienet tippermetti l-identifikazzjoni taż-ŻPS, iżda sempliċiment invoka l-eżistenza ta’ reġjuni bijoġeografiċi, li ma jikkostitwixxux bażi paragunabbli għall-komunitajiet awtonomi għall-kisba ta’ netwerk li jkopri l-Komunità b’mod relattivament uniformi, uniformità li hija neċessarja sabiex tinkiseb bażi ta’ referenza paragunabbli fl-Istati Membri kollha għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-kriterju C.6.

    35. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ studji xjentifiċi li jistgħu jikkontradixxu r-riżultati ta’ l-IBA 98, dan l-inventarju jikkostitwixxi r-referenza l-iktar aġġornata u preċiża għall-identifikazzjoni tas-siti l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u daqs għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.

    36. Ma jistgħux jitqajmu dubji dwar din il-konklużjoni minħabba l-argument li kien impossibbli li l-bażi tad- data stabbilita mis-SEO/Birdlife tiġi kkonsultata.

    37. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonferma l-Gvern Spanjol, dan l-aċċess ma ġiex irrifjutat lil dan il-Gvern, iżda ġie suġġett għall-projbizzjoni li l-informazzjoni tingħata lill-komunitajiet awtonomi.

    38. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt fl-1991 mas-SEO/Birdlife sabiex isir studju xjentifiku preċiż li jippermetti li titħejja l-kartogrofija taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar. Kull sit kellu jiġi deskritt mill-perspettiva tal-valur ornitoloġiku tiegħu billi tintuża l-informazzjoni l-iktar kompleta disponibbli.

    39. Ma’ dan għandu jissemma’ wkoll il-fatt li l-IBA 98 tħejja bil-parteċipazzjoni ta’ diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi, ta’ gruppi lokali tas-SEO/Birdlife, ta’ tliet parkijiet nazzjonali, ta’ sitt universitajiet, tad-dipartimenti ta’ l-ambjent ta’ tnax-il komunità awtonoma, tad-direttorat ġenerali tal-protezzjoni tan-natura tal-Ministeru ta’ l-Ambjent u tal-korp awtonomu Parques Nacionales ta’ l-istess Ministeru, li, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, jikkostitwixxi indikazzjoni biżżejjed ċara tal-fatt li l-IBA 98 jista’ jintuża bħala referenza.

    40. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-Gvern Spanjol ibbażati, minn naħa, fuq in-nuqqas ta’ kontoll tat-tfassil ta’ l-IBA 98 minn awtorità amministrattiva pubblika kompetenti u, min-naħa l-oħra, fuq l-impossibbiltà ta’ aċċess għall-bażijiet tad- data użata mis-SEO/Birdlife għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni u fuq il-klassifikazzjoni parzjali jew inadegwata ta’ territorji bħala ŻPS

    L-argumenti tal-partijiet

    41. Skond il-Kummissjoni, l-IBA 98 jidentifika 391 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar fi Spanja, li jokkupaw superfiċji ta’ 15 862 567 ettaru, jiġifieri madwar 31,5 % tas-superfiċji tal-pajjiż. L-eżami ta’ l-427 ŻPS ikklassifikati mir-Renju ta’ Spanja, li jikkorrispondu għal superfiċji totali ta’ madwar 7 977 789 ettaru, jiġifieri 15,8 % tat-territorju nazzjonali, juri li 148 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar huma kklassifikati bħala ŻPS għal iktar minn 75 % tas-superfiċji tagħhom (2 730 612 ettaru fuq total ta’ 2 967 119 ettaru), 194 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar huma kklassifikati bħala ŻPS għal inqas minn 75 % tas-superfiċji tagħhom (4 388 748 ettaru fuq total ta’ 10 739 054 ettaru) u 99 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS (superfiċji ta’ 2 684 713 ettaru). Għaldaqstant, in-netwerk ta’ ŻPS mhuwiex biżżejjed.

    42. Il-Gvern Spanjol isostni li s-superfiċji tan-netwerk taż-ŻPS fi Spanja jirrappreżenta proporzjon tat-territorju nazzjonali darbtejn u nofs iktar mill-medja Komunitarja (15,51 % kontra 6,89 %) u sa għaxar darbiet iktar mill-proporzjon tat-territorju ta’ ċerti Stati Membri ġirien. Barra minn hekk, l-imsemmi Gvern jenfasizza li, għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ April 2000 u dak ta’ Mejju 2004, in-netwerk Spanjol żdied minn 179 għal 416 ŻPS, jiġifieri 237 żona ġdida, ċifra li tirrappreżenta żieda ta’ 132,4 % u 35 % tan-numru ta’ ŻPS ġodda ddikjarati għall-Istati Membri kollha. Għal dak li jikkonċerna t-tkabbir tas-superfiċji tat-territorji kklassifikati bħala ŻPS, il-parti tad-dikjarazzjonijiet Spanjoli ġodda tikkorrispondi għal 43 % tat-total tas-superfiċji ddikjarat fil-Komunità kollha. Il-kontribuzzjoni Spanjola waħeda tikkorrispondi għal 35 % tas-superfiċji terrestri totali taż-ŻPS tal-Komunità, filwaqt li t-territorju tar-Renju ta’ Spanja jirrappreżenta biss 16 % ta’ dak ta’ l-imsemmija Komunità. Dawn iċ-ċifri juru li r-Renju ta’ Spanja għamel sforz ikbar, minn naħa, minn dak tal-medja Komunitajra u, min-naħa l-oħra, mill-isforz individwali ta’ kull Stat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi li jitnisslu mid-Direttiva 79/409.

    43. Fir-rigward tat-territorji kklassifikati bħala ŻPS parzjalment jew b’mod inadegwat, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl ta’ l-IBA 98, il-livell attwali taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar koperti miż-ŻPS Spanjoli huwa baxx ħafna, ħaġa li tirrappreżenta periklu addizzjonali għas-sopravivenza ta’ l-ispeċijiet li jgħixu f’dawn iż-żoni, peress li l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-habitats tagħhom ma ġewx adottati.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44. Permezz tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha, il-Kummissjoni qed tipprova tikseb dikjarazzjoni li ma ġewx ikklassifikati biżżejjed territorji bħala ŻPS f’termini ta’ daqs u numru sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċijiet kollha ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll lill-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness fil-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Katalunja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja.

    45. Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq is-sitwazzjoni ta’ Stati Membri oħra biex jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu li jagħżel ŻPS. Fil-fatt, huma biss il-kriterji ornitoloġiċi kif previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 li jippermettu li jiġu ddelimitati s-siti l-iktar xierqa sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻPS.

    46. Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li l-komunitajiet awtonomi kollha ddelimitaw ŻPS ta’ daqs insuffiċjenti meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fl-IBA 98 filwaqt li, min-naħa l-oħra, hija taċċetta l-argumenti xjentifiċi aġġornati li wrew li l-limiti attwali taż-ŻPS ikklassifikati fil-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Katalunja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja jippermettu li l-osservanza tad-Direttiva 79/409 tiġi assigurata.

    47. Kontradizzjoni bħal din fl-ispjegazzjoni tal-motiv imqajjem mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha ma tissodifax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut ta l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

    48. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha tindika, fit-talbiet tar-rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE, l-imenti preċiżi li fuqhom il-Qorti hija mitluba tiddeċiedi. Dawn it-talbiet għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tiddeċiedi ultra petita jew li tonqos li tiddeċiedi fuq xi lment (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49. Minn dan isegwi li l-ilment li ma ġewx ikklassifikati biżżejjed territorji f’termini ta’ daqs ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar bħala ŻPS mill-Komunitajiet awtonomi ta’ Castilla‑La Mancha, ta’ Katalunja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja huwa inammissibbli.

    50. Għaldaqstant, minn issa ‘l quddiem, l-imsemmi lment għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gzejjer Baleariċi u tal-Gżejjer Kanarji.

    51. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Andalusija, il-Gvern Spanjol innotifika, wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-klassifikazzjoni ta’ 39 ŻPS ġodda u t-tkabbir ta’ żoni oħra, li jirrappreżentaw żieda fis-superfiċji protetta ta’ 560 000 ettaru. Barra minn hekk, huwa indika li bħalissa għaddejja proċedura ta’ dikjarazzjoni għal ŻPS ġodda li l-valur prinċipali tagħhom jinsab fil-protezzjoni ta’ l-għasafar ta’ l-isteppi.

    52. Skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors skond l-Artikolu 226 KE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara (ara b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-168/03, Ġabra p. I‑8227, punt 24). Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Andalusija għandu jintlaqa’.

    53. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Komunità awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, għalkemm 40 ŻPS, b’superfiċji totali ta’ 121 015 ettaru u li jkopru totalment jew parzjalment 20 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u kważi 54 % tas-superfiċji totali tan-netwerk taż-żoni li għandhom jiġu protetti, kienu ġew ikklassifikati qabel ma skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jibqa’ l-fatt li l-imsemmija żoni ma kinux ikopru ż-żoni ta’ habitat ta’ l-astun aħmar ( Milvus milvus ), speċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409, li ġiet protetta wara li skada l-imsemmi terminu. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Komunità awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi għandu jintlaqa’.

    54. Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-Komunità awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, l-IBA 98 jidentifika 65 sit li jkopru superfiċji ta’ 133 443 ettaru bħala żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar. Qabel ma skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, 28 ŻPS li s-superfiċji totali tagħhom hija ta’ 211 598 ettaru kienu jkopru parzjalment 41 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u madwar 59,5 % ta’ s-superfiċji tan-netwerk taż-żoni li għandhom jiġu protetti. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kopertura għadha mhijiex biżżejjed, b’mod partikolari, għall-għubara ( Chlamydotis undulata ), l-avultun ta’ l-Eġittu ( Neophron percnopterus ), il-buċaqq tal-Gżejjer Kanarji ( Saxicola dacotiae ), il-korjun ta’ lewn ċar ( Cursorius cursor ), u l-kanġu ta’ Bulwer ( Bulweria bulwerii ).

    55. Għalkemm il-Gvern Spanjol isostni li kien hemm diffikultajiet interni biex issir il-klassifikazzjoni ta’ ċerti ŻPS, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi, jew sitwazzjonijiet tas-sistema legali interna biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi u termini imposti b’direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/98, Ġabra, p. I-10799, punt 13).

    56. Madankollu, il-Gvern Spanjol jirrikonoxxi li ċerti ŻPS għandhom jiġu estiżi. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Gżejjer Kanarji għandu jintlaqa’.

    57. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment li ma ġewx ikklassifikati biżżejjed territorji f’termini ta’ daqs ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar bħala ŻPS mill-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi u tal-Gżejjer Kanarji għandu jintlaqa’.

    58. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta’ Spanja kklassifka numru insuffiċjenti ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar bħala ŻPS għall-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Katalunja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja.

    59. Fir-rigward tal-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija u ta’ Galizja, l-awtoritajiet ta’ l-imsemmija komunitajiet ikklassifikaw, wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ŻPS ġodda u wessgħu parti minn dawk eżistenti. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu in kunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt għandu jintlaqa’.

    60. Fir-rigward tal-Komunità awtonoma tal-Gżejjer Baleariċi, għalkemm l-awtoritajiet ta’ din il-komunità ddikjaraw, wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ŻPS ġodda speċjalment sabiex jiġi protett l-astun aħmar u ŻPS ġodda ġew proposti f’Majorka u Minorka sabiex jiġu protetti żoni ta’ riproduzzjoni ta’ din l-ispeċi, peress li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata biss skond is-sitwazzjoni li kienet teżisti fi Stat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ dan il-punt għandu jiġi milqugħ.

    61. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Komunità awtonoma tal-Gżejjer Kanarji, 23 żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar ma kienu bl-ebda mod koperti b’ŻPS wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Il-Gvern Spanjol, filwaqt li rrikonoxxa li għandhom jiġu kklassifikati ŻPS ġodda, ippreżenta in sostenn tar-risposta tiegħu studju dettaljat dwar iż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar li għadhom ma kinux koperti. Kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx dan l-istudju, il-kontenut tiegħu għandu jitqies li huwa ammess u jikkostitwixxi, għan-nuqqasijiet ta’ klassifikazzjoni li baqa’, prova iktar attwali u preċiża mill-IBA 98.

    62. Dan l-ilment jibqa’ validu biss fir-rigward taż-ŻPS li kellhom jiġu kklassifikati qabel ma skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

    63. Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Valenzja, għalkemm, qabel ma skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ġew ikklassifikati ŻPS ġodda, għad fadal żoni mhux ikklassifikati li, kif irrikonoxxew l-awtoritajiet Spanjoli, jagħmlu parti minn proċess ta’ estensjoni tan-netwerk attwali ta’ ŻPS.

    64. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment li ma ġewx ikklassifikati biżżejjed żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar bħala ŻPS għall-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Galiżja u ta’ Valenzja għandu jintlaqa’.

    65. Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha, il-Kummissjoni tikkunsidra li għaxar żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS. Il-Gvern Spanjol irrikonoxxa l-ħtieġa li s-sit Nru 183 (Hoces del Río Mundo y del Río Segura) jiġi kklassifikat bħala ŻPS. Għal dak li jikkonċerna s-sit Nru 189 (Parameras de Embid-Molina), il-Gvern Spanjol jirrikonnoxxi l-ħtieġa ta’ klassifikazzjoni parzjali ta’ dan is-sit, billi jirrikonoxxi l-preżenza ta’ kolonja ta’ l-alwetta tad-deżert ( Chersophilus duponti ) stmata f’1 250 eżemplari f’superfiċji ta’ 1 800 ettaru.

    66. Madankollu, il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ħtieġa li s-siti Nru 70 (El Escorial – San Martín de Valdeiglesias), 72 (Carrizales y Sotos de Aranjuez), 157 (Hoces del Turia y Los Serranos), 210 (Sierras de Cazorla y Segura) u 305 (Bajo Tietar y Rampa de la Vera) jiġu kklassifikati, peress li jkopru żoni li jinsabu wkoll fit-territorju ta’ komunitajiet awtonomi oħra u s-superfiċji li jkopru fit-territorju tal-komunità awtonoma kkonċernata hija żgħira ħafna.

    67. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minħabba l-importanza u l-koerenza ta’ sit meqjus bħala l-iktar xieraq għall-konservazzjoni ta’ ċerti speċi bħall-ajkla imperjali ta’ Spanja ( Aquila adalberti ), mhedda fuq livell dinji, iċ-ċikonja sewda ( Ciconia nigra ), l-ajkla ta’ Bonelli (Hieraaetus fasciatus), l-ajkla rjali ( Aquila ch rysaetos ), is-seqer grifun ( Gyps fulvus ), l-avultun ta’ l-Eġittu u l-falkun pellegrin ( Falco peregrinus ), il-fatt li dan ikopri diversi reġjuni ma jistax jikkostitwixxi raġuni li fuqha jistgħu jistrieħu l-Istati Membri biex jeżoneraw ruħhom mill-obbligi imposti fuqhom mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

    68. Il-Gvern Spanjol jikkontesta wkoll il-klassifikazzjoni bħala ŻPS tas-sit Nru 185 (San Clemente-Villarrobledo), li fih il-popolazzjonijiet ta’ l-ispanjulett ( Falco naumanni ), tal-pitarra ( Tetrax tetrax ) u tal-ħaġla sidirha ħamra ( Pterocles alchata ) imsemmija fl-IBA 98 huma ta’ ftit interess u jirrappreżentaw biss, rispettivament, 6 %, 4 % u 4 % tal-popolazzjoni tagħhom fil-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha kollha. Barra minn hekk, dan is-sit ma hu ta’ ebda interess għall-għasafar, peress li jinkludi żoni residenzjali, żoni industrijali, meddiet ta’ dwieli jew ukoll meddiet kbar ta’ art saqwija maħduma b’mod intensiv.

    69. Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan is-sit jilqa’ popolazzjonijiet sinjifikattivi ta’ speċijiet mhedda fuq livell dinji u Ewropew u jikkostitwixxi waħda miż-żoni prinċipali ta’ għalf ta’ l-imsemmija speċijiet.

    70. Fir-rigward tas-sit Nru 78 (Puebla de Beleña), l-awtoritajiet Spanjoli jikkontestaw il-ħtieġa li tiġi kklassifikata minħabba n-natura staġjonali ta’ dawn il-laguni u l-preżenza irregolari ħafna ta’ l-għerieneq ( Grus grus ), mingħajr ma tagħti informazzjoni xjentifika li tista’ tikkontradixxi r-riżultati ta’ l-IBA 98. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jintlaqa’ fir-rigward ta’ dan il-punt.

    71. Għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tal-Gvern Spanjol li l-popolazzjoni ta’ ċerti speċijiet mhijiex sinjifikattiva u ma teħtieġx protezzjoni permezz tal-klassifikazzjoni ta’ ŻPS ġodda fis-sit Nru 199 (Torrijos). Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, il-popolazzjoni ta’ 150 sa 200 pitarrun ( Otis tarda ) taqbeż il-limitu minimu fuq livell dinji, li hu ta’ 50 individwu. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-preżenza tal-pitarra hija ta’ 1 200 individwu, filwaqt li l-livell minimu hu ta’ 200 individwu. Għalhekk, dawn l-elementi kollha jagħmluha neċessarja li ssir klassifikazzjoni ġdida ta’ ŻPS għall-bżonnijiet ta’ protezzjoni ta’ din l-ispeċi.

    72. Skond il-Kummissjoni, speċijiet oħra, bħall-ispanjulett, għad mhumiex protetti biżżejjed u tenfasizza li wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata l-Komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha ma kklassifikat ebda ŻPS ġodda. Il-Gvern Spanjol iqajjem l-oġġezzjoni li peress li din l-ispeċi tinsab fi ħdan żoni residenzjali, dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ŻPS.

    73. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għall-bżonnijiet tal-protezzjoni ta’ l-ispeċijiet, klassifikazzjoni bħala ŻPS tkun neċessarja meta żona tikkostitwixxi żona ta’ riproduzzjoni speċifika, kif inhu l-każ fir-rigward ta’ l-ispanjuletti. Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk miżuri ta’ amministrazzjoni urbana kellhom jipprevalu fuq l-interess li dik l-ispeċi tiġi protetta, dawn il-miżuri jkollhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43, jiġifieri fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi u permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri kumpensatorji. Dan mhuwiex il-każ hawnhekk.

    74. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar bħala ŻPS mill-komunità awtonoma ta’ Castilla-La Mancha għandu jintlaqa’.

    75. Fir-rigward tal-Komunità awtonoma ta’ Katalunja, il-Kummissjoni tikkunsidra li għaxar żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS. Barra minn hekk, mit-62 speċi ripproduttiva elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409, il-kaċċamendula griża ( Lanius minor ), is-serduq selvaġġ ( Tetrao urogallus ), il-kormoran żgħir ( Phalacrocorax aristotelis ), il-pitarra, il-kalandra ( Melanocorypha calandra ), l-alwetta tad-deżert, il-farruġ ( Coracias garrulus ), il-bilbla ( Calandrella brachydactyla ) u l-perniċjotta ( Glareola pratincola ) mhumiex protetti biżżejjed.

    76. Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 121 tal-konklużjonijiet tagħha, l-IBA 98 ma jsemmi la l-kaċċamendula griża, la s-serduq selvaġġ, la l-alwetta tad-deżert u lanqas il-perniċjotta. Għaldaqstant, il-Gvern Spanjol ma jistax jiġi akkużat li ma kklassifikax ŻPS minħabba l-preżenza ta’ dawn l-erba’ speċijiet.

    77. L-argument tal-Gvern Spanjol li r-rikors huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward ta’ l-ispeċijiet, fost it-62 imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 79/409, li għalihom kellhom jiġu kklassifikati ŻPS ġodda, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni speċifikat l-ispeċijiet li mhumiex protetti biżżejjed u li għalihom għandhom jiġu kklassifikati ŻPS addizzjonali.

    78. Fl-aħħar nett, il-Gvern Spanjol isostni li l-maġġornaza tal-habitats li għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS huma protetti mid-Direttiva 92/43 fil-kuntest tan-netwerk Natura 2000.

    79. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-kwistjonijiet irregolati mid-Direttivi 79/409 u 92/43 huma differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 50 sa 57). Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax jeżonera ruħu mill-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, billi juża miżuri differenti minn dawk previsti f’din id-Direttiva.

    80. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar bħala ŻPS mill-komunità awtonoma ta’ Katalunja għandu jintlaqa’.

    81. Għal dak li jikkonċerna l-artijiet mistagħdra, jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/409 li l-Istati Membri jagħtu importanza partikolari lill-protezzjoni ta’ l-artijiet mistagħdra u b’mod partikolari ta’ dawk ta’ importanza internazzjonali.

    82. Skond il-Kummissjoni, l-artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali, identifikati bħala żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, ta’ Albufera de Adra u ta’ Embalses de Cordobilla y Malpasillo f’Andalusija kif ukoll ta’ Complejo húmedo de Corrubedo f’Galizja, ma kinux ikklassifikati bħala ŻPS meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

    83. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċedimenti li huwa paċifiku li l-klassifikazzjoni bħal ŻPS ta’ artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali f’Andalusija u f’Galizja saret wara li skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt għandu jintlaqa’.

    84. Minn dan isegwi li r-Renju ta’ Spanja ma kklassifikax bħala ŻPS is-siti kollha li, skond il-kriterji ornitoloġiċi, jidher li huma l-iktar xierqa għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet in kwistjoni.

    85. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma kklassifikawx biżżejjed territorji bħala ŻPS f’termini ta’ daqs fil-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, u biżżejjed territorji f’termini ta’ numru fil-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Katalunja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja, sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċijiet kollha ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll lill-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409.

    Fuq l-ispejjeż

    86. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef il-parti l-kbira tal-kawża, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi :

    1) Billi ma kklassifikawx bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar biżżejjed territorji f’termini ta’ daqs fil-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, u biżżejjed territorji f’termini ta’ numru fil-Komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Castilla-La Mancha, ta’ Katalunja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja, sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċijiet kollha ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif emendata, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/49/KE, tad-29 ta’ Lulju 1997, kif ukoll lill-għasafar migratorji mhux imsemmija f’dan l-Anness, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, kif emendata.

    2) Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

    3) Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat ibati l-ispejjeż.

    Top