Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CC0156

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Geelhoed - 14 ta' Settembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 83/182/KEE - Importazzjoni temporanja tal-mezzi tat-trasport - Eżenzjonijiet mit-taxxa - Residenza normali fi Stat Membru.
Kawża C-156/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:561

KONKLUZJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

GEELHOED

ippreżentati fl-14 ta' Settembru 2006 1(1)

Kawża C-156/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Ellenika

(Nuqqas ta' twettiq ta' obbligi – Ksur ta’ l-Artikolu 90 KE u d-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor – Użu temporanju f’territorju Grieg ta’ vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor – L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet doganali applikabbli għal vetturi li joriġinaw f'pajjiżi li mhumiex Membri)





I –    Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-Qorti tiddeċiedi li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 90 KE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor(2) (id-‘Direttiva 83/182’ jew ‘id-direttiva’). Il-Kummissjoni titlob li tittieħed deċiżjoni mill-Qorti fis-sens li l-Istat Grieg ma wettaqx l-obbligi kollha tiegħu skond l-Artikolu 90 KE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/182, billi l-prattika amministrattiva Griega dwar l-importazzjoni temporanja ta’ ċerti mezzi ta’ trasport jikser dawk id-dispożizzjonijiet. Fil-prattika, din il-kawża tirrigwarda l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi bil-mutur.

2.        Il-kawża hija bbażata fuq numru ta’ lmenti li rċevew il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar il-mod kif l-awtoritajiet Griegi jikkonstataw ksur u jimponu sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fuq l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi bil-mutur.

3.        Barra minn dan, mhux l-ewwel darba li l-prattika Griega dwar l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi bil-mutur ġiet mistħarrġa mill-Qorti(3). Ilu mill-1991 li l-Kummissjoni bdiet proċeduri għall-ksur ta’ obbligu u l-Qorti ddeċidiet eventwalment kontra r-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, numru ta’ domandi ġew irriferiti mill-qrati nazzjonali Griegi għal deċiżjonijiet preliminari. B’mod partikolari, kwistjoni li tqum ta’ spiss hija l-proporzjonalità tas-sistema ta’ sanzjonijiet applikati mill-awtoritajiet Griegi meta jinkisru d-dispożizzjonijiet.(4)

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    L-Artikolu 90 KE

4.        L-Artikolu 90 KE jistabbilixxi:

"Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti taStati Membri oħra taxxi interni, takull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti taStati Membri oħra taxxi interni tatali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni tamerkanzija oħra."

B –    Id-Direttiva 83/182

5.        Id-Direttiva 83/182 kienet ġiet adottata biex tneħħi l-ostakoli f’kull Stat Membru għal-libertà ta’ moviment ta’ residenti tal-Komunità li jinqalgħu mir-regoli tat-taxxa applikati meta ċerti mezzi tat-trasport jiġu importati temporanjament għall-użu privat u tan-negozju, inkluż vetturi bil-mutur. Skond id-Direttiva vetturi bil-mutur jistgħu jiġu importati temporanjament fi Stat Membru ieħor għall-użu privat b’ċerti kundizzjonijiet. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jagħtu eżenzjoni mit-taxxa tat-turnover, dazji tas-sisa u t-taxxi msemmijin fl-Anness tad-Direttiva.(5)

6.        Tingħata eżenzjoni tat-taxxa jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, l-individwu li jimporta l-mezz tat-trasport irid ikollu r-residenza normali tiegħu f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja. It-tieni, il-mezz ta' trasport involut għandu jintuża għall-użu privat tiegħu u għalhekk mhux għal attivitajiet magħmula bi ħlas jew għal profitt. It-tielet, il-mezz tat-trasport ma jistax jiġi ttrasferit jew mikri fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja jew misluf lil xi resident ta' dak l-Istat.(6)

7.        Biex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni mit-taxxa, l-individwi għandhom jagħtu prova tal-post tagħhom ta' residenza normali. Ġeneralment, karta ta' l-identità jew xi dokument ieħor validu jkun biżżejjed. Iżda, meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni jkollhom dubji dwar il-validità ta' xi dikjarazzjoni dwar ir-residenza normali magħmula jistgħu jitolbu aktar informazzjoni jew evidenza.(7)

8.        Id-dispożizzjonijiet tad-direttiva li huma ta’ rilevanza għal din il-kawża qed jiġu riprodotti hawn isfel.

9.        L-Artikolu 1 jistabbilixxi:

"L-Istati Membri għandhom, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt, jeżentaw importazzjonijiet temporanji minn Stat Membru ieħor ta' vetturi tat-triq bil-mutur (inklużi t-trejlers tagħhom), karavannijiet, dgħajjes għall-passatempi, ajruplani privati, biċikletti, trajsikils u żwiemel ta' l-irkib minn:

–        turnover tax, taxxi tas-sisa u taxxi oħrajn fuq il-konsum,

–        it-taxxi elenkati fl-Anness t'hawnhekk.

(...)"

10.      L-Artikolu 3 jgħid dan li ġej:

"Importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi tat-trasport għall-użu privat

Meta vettura privata, karavann, dgħajsa għall-passatempi, ajruplan privat, trajsikil jew biċikletti tkun importata temporanjament, l-oġġett importat għandu jkun eżentat mit-taxxi speċifikati fl-Artikolu 1 għal perijodu , kontinwu jew mod ieħor, ta' mhux aktar minn sitt xhur f'xi 12-il xahar, sakemm:

(a)      l-individwu li jimporta dawk l-oġġetti:

(aa)      jkollu r-residenza normali f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja;

(bb)      juża l-mezz ta' trasport involut għall-użu privat tiegħu;

(b)      l-imsemmi mezz tat-trasport ma jkunx mogħti jew mikri fl-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja jew misluf lil xi resident ta' dak l-Istat. ... '

11.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 83/182 jistabbilixxi li:

"1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "residenza normali" tfisser il-post fejn xi persuna tgħix normalment, jiġifieri għal mill-inqas 185 jum f'kull sena kalendarja, minħabba xi rbit personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta' xi persuna li ma jkollhiex irbit tax-xogħol minħabba rbit personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn qed jgħix.

Iżda, ir-residenza normali ta' xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkun f'post differenti minn dak ta' l-irbit personali u li jgħix konsegwentement f'postijiet differenti sitwati f'żewġ Stati Membri jew aktar għandu jitqies li jkun il-post ta' l-irbit personali tagħha, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. Din l-aħħar kundizzjoni ma teħtieġx li tkun sodisfatta meta l-persuna tkun tgħix f'xi Stat Membru sabiex tagħmel xogħol ta' tul definit. Attendenza f'xi università jew skola ma timplikax trasferiment tar-residenza normali.

2. Individwi għandhom jagħtu prova tal-post tagħhom ta' residenza normali b'xi mezzi xierqa, bħall-karta ta' l-identità jew xi dokument ieħor validu.

3. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni jkollhom dubbji dwar il-validità ta' xi dikjarazzjoni dwar residenza normali magħmula skond il-paragrafu 2, jew għall-fini ta' ċerti kontrolli speċifiċi, dawn jistgħu jitolbu xi informazzjoni jew evidenza addizzjonali."

12.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva jistabbilixxi numru ta’ regoli speċjali. Waħda minn dawn ir-regoli, stabbilita fil-paragrafu 1, tgħid dan li ġej:

"L-Istati Membri jistgħu jżommu u/jew jintroduċu arranġamenti aktar liberali minn dawk provuduti f'din id-Direttiva. B'mod partikolari, dawn jistgħu, fuq talba ta' l-importatur, jippermettu importazzjoni temporanja għal perijodu itwal minn dawk imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 (2). Fil-każ ta' l-aħħar, l-Istati Membri jistgħu jitolbu t-taxxi msemmija fl-Anness għal perjodi li jeċċedu dawk stabbiliti permezz ta' din id-Direttiva. ..."

13.      L-Artikolu 10 fih id-dispożizzjonijiet finali tad-Direttiva. Il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jgħid li:

"Billi l-applikazzjoni prattika ta' din id-Direttiva tagħti lok għal diffikultajiet, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri interessati għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim reċiproku, b'mod partikolari fid-dawl tal-Konvenzjonijiet u d-Direttivi tal-Komunità dwar assistenza reċiproka."

C –    Il-leġiżlazzjoni Griega applikabbli

14.      L-Artikolu 137 tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott bil-Liġi Nru 2960/2001, "Reati Msemmijin u Sanzjonijiet", jikkonsisti minn "Partijiet A – Vetturi tal-Komunità", "B – Vetturi minn pajjiżi li mhumiex Membri", u "C – Vetturi tal-Komunità u vetturi minn pajjiżi li mhumiex Membri". Id-dispożizzjonijiet tal-Partijiet A u C jgħidu dan li ġej:

"A.      Vetturi tal-Komunità

1.      Il-pussess jew l-użu ta’ vetturi tal-Komunità minn persuni residenti fil-Greċja mingħajr ma tiġi osservata waħda mill-formalitajiet imsemmija fl-Artikoli 129 u 130 ta’ dan il-Kodiċi, jikkostitwixxi reat sempliċi tad-dwana skond l-Artikolu 142(1) ta’ dan il-Kodiċi. Fil-każijiet fuq imsemmija tiġi imposta multa li tkun iddeterminata skond l-ammont tal-piżijiet fiskali applikabbli għall-vettura.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel għandhom japplikaw ukoll meta tkun intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-wasla tal-vettura, imma l-persuna suġġetta għat-taxxa ma tinnotifikax lill-awtorità tad-dwana fi żmien tliet xhur mid-data meta jkun dovut il-ħlas tar-reġistrazzjoni biex tiġi rregolarizzata s-sitwazzjoni tal-vettura.

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu A1 m’għandhomx japplikaw meta, qabel ma jiġi kkonstatat ir-reat fuq imsemmi mill-awtoritajiet kompetenti, il-persuni kkonċernati jirrapportaw b’mod volontarju lill-awtoritajiet tad-dwana biex il-formalitajiet xierqa jitlestew. F’dawn il-każijiet għandhom jiġu imposti l-multi msemmijin fil-paragrafu A4 ta’ dan l-Artikolu. Jekk il-persuna kkonċernata tonqos milli tibgħat id-dokumenti li minnhom tirriżulta d-data tal-wassla tal-vettura fil-pajjiż, għandha tiġi imposta multa ta’ EUR 1 500 minflok il-multa msemmija fil-paragrafu A4 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Ir-reati hawn fuq imsemmijin għandhom jitqiesu li huma reati tad-dwana sempliċi u għandhom jiġu imposti dawn il-multi fi proporzjon maċ-ċirkustanzi.

(a)   Għan-nuqqas li tintbagħat dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 129(1) u (2), multa ta’ EUR 300 għal kull vettura.

(b)      Għall-użu ta’ vettura wara t-terminu msemmi fl-Artikolu 129(3), multa ta’ EUR 1 500, li għandha titnaqqas bi kwint jekk il-proprjetarju tal-vettura jkun intitolat għal eżenzjoni permanenti skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 132.

(ċ)      Għal nuqqas ta’ ħarsien tal-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 136(2), multa ta’ EUR 150.

(d)      Meta tintbagħat tard id-dikjarazzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 130(2) ta’ dan il-Kodiċi, ir-ritorn tard jew l-esportazzjoni jew l-abbandun jew il-qerda jew l-immobilizzazzjoni tal-vettura, multa għal kull jum ta’ dewmien iddeterminata kif ġej:

Karozzi u vetturi tat-tip Jeep:

–        sa 1 600 cc, EUR 30;

–        minn 1 601 sa 2 000 cc, EUR 30;

–        minn 2 001 cc, EUR 60,

–        trakkijiet ta’ kull ċilindrata, EUR 20.

–        muturi ta’ kull ċilindrata, EUR 10.

(e)      Għan-nuqqas ta’ ħarsien tal-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 136(4) jew għax jinqabeż it-terminu għall-preżenza jew il-moviment tal-vettura stipulat fil-permess ta' moviment imsemmi fl-Artikolu 139(1) u (2) ta’ dan il-Kodiċi, għandha tiġi imposta l-multa msemmija fil-paragrafu A4(d) ta’ dan il-Kodiċi, jekk dan ikun xieraq, għal kull jum wara l-iskadenza tal-permess ta' moviment temporanju.

(f)      Meta titħallas tard ir-reġistrazzjoni dwar id-dikjarazzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 130(2) ta’ dan il-Kodiċi, li tkun intbagħtet tard jew fit-terminu, il-multa msemmija fis-subparagrafu (d) ta’ qabel għandha tiġi imposta għal kull jum wara l-iskadenza tal-perijodu. M’għandhiex tiġi imposta multa jekk min jirċievi l-vettura ma jkunx jaħti bl-ebda mod għall-ħlas tard tar-reġistrazzjoni.

(g)      Jekk il-vettura użata fil-pajjiż skond l-Artikolu 133(2) ta’ dan il-Kodiċi tinstaq minn persuna oħra mhux awtorizzata, għandha tiġi imposta multa ta’ EUR 700 meta l-persuna awtorizzata kienet fil-pajjiż fil-ħin li sar ir-reat. L-użu tal-vettura fuq imsemmija minn persuna oħra mhux awtorizzata jfisser li l-vettura hija rtirata mill-iskema rregolata mill-Artikolu 133 ta’ dan il-Kodiċi jekk, fil-mument li jiġi kkonstatat ir-reat, il-persuna awtorizzata ma tkunx fil-pajjiż; id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu A1 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-persuna mhux awtorizzata. L-ebda multa msemmija fil-paragrafu A4 ta’ dan l-Artikolu ma tista’ taqbeż il-piżijiet fiskali li jgħoddu għall-vettura kkonċernata.

5.      Huma l-partijiet interessati li għandhom jagħtu prova lill-awtoritajiet doganali li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom it-tgawdija tal-vantaġġi mfissrin fl-Artikoli 132 u 133 ta’ dan il-Kodiċi. 

B.      Vettruri minn pajjiżi li mhumiex Membri

(...)

Ċ.      Vetturi tal-Komunità u vetturi minn pajjiżi li mhumiex Membri

1.      Minbarra l-multi msemmijin fil-paragrafi A1, A4, B4 u B5, il-vetturi għandhom ikunu suġġetti wkoll għall-qbid temporanju mill-awtorità tad-dwana li tikkonstata r-reat. Il-vetturi għandhom jiġu rrilaxxati wara li jitħallsu l-multi u kull piż ieħor dovut. Jekk il-vettura ma tinġabarx fi żmien sitt xhur minn meta l-att li jwassal għall-impożizzjoni tal-multi jsir finali, hija ssir, ipso iure, il-proprjetà ta’ l-Istat u l-multi jitnaqqsu b’100%.

2.      Jekk il-vetturi msemmijin fl-Artikolu 125(1) ta’ dan il-Kodiċi jintużaw qabel il-ħlas dovut tar-reġistrazzjoni, l-awtorità tad-dwana kompetenti għandha timponi fuq il-proprjetarji jew id-detenturi multa ekwivalenti għal ħames darbiet it-taxxa tat-triq applikabbli għal dawk il-vetturi.

3.      Id-dispożizzjonijiet dwar ir-reati tad-dwana u l-kuntrabandu li hemm fl-Artikolu 142 et seq. ta’ dan il-Kodiċi għandhom japplikaw ukoll jekk jintbagħtu dikjarazzjonijiet skorretti jew jekk ikun hemm il-falsifikazzjoni tal-prova dokumentarja li tindika s-sena meta l-vetturi ġew irreġistati għall-ewwel darba u t-teknoloġija favur l-ambjent li huma mgħammra biha, bil-għan li ma jsirx il-ħlas tar-reġistrazzjoni jew isir ħlas imnaqqas.

4.      Ir-reati msemmijin fl-Artikolu 155(2)(g) u (h) ta’ dan il-Kodiċi għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-ħlas tar-reġistrazzjoni u jwasslu għal sanzjonijiet skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi fir-rigward tal-kuntrabandu.

5.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għal reati li ġew ikkonstatati qabel id-data tal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ dan il-Kodiċi u huma pendenti quddiem il-qrati amministrattivi jew kriminali jew quddiem id-dwana jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn, iżda, fi żmien sitt xhur minn meta tiġi rċevuta t-taħrika uffiċjali, dawk ikkonċernati għandhom jibagħtu talba biex dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għalihom, ma jfittxux rimedji legali u jħallsu l-multi jew isiru l-ħlasijiet miżjudin imsemmijin fid-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Artikoli.

6.      B’ordni tal-Ministru tal-Finanzi, tista’ tiġi adottata kull miżura ta’ kontroll intern oħra kkunsidrata meħieġa għall-applikazzjoni korretta ta’ dan il-Kodiċi."

III – Il-proċedura prekontenzjuża

15.      Il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti dwar miżuri meħudin mill-awtoritajiet Griegi fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur importati temporanjament minn Stati Membri oħrajn. Dawk l-ilmenti jirrigwardaw b’mod partikolari:

–        il-qbid ta’ vetturi mill-awtoritajiet tal-Ministeru tal-Finanzi, segwit bil-konfiska mill-awtoritajiet tat-taxxa;

–        multi kbar għal reati rigward l-użu ta’ vetturi bil-mutur importati temporanjament, flimkien mal-ħlas immedjat ta’ taxxi li normalment jinġabru fil-każ ta’ importazzjoni permanenti;

–        bidu ta’ proċeduri kriminali, fejn individwi jiġu mħarrkin il-qorti fuq suspett ta’ kuntrabandu, li jistgħu jwasslu għal sentenzi ta’ ħabs għal diversi snin;

–        is-suppożizzjoni li n-nazzjonalità ta’ l-individwi tiddetermina l-post ta’ residenza tagħhom; l-awtoritajiet Griegi jimponu fuq individwi ta’ nazzjonalità Griega piż sproporzjonat sabiex jagħtu prova li huma residenti ta’ Stat Membru ieħor.

16.      L-ilmenti deskritti hawn fuq wasslu lill-Kummissjoni biex tibgħat lir-Repubblika Ellenika fis-17 ta’ Mejju 1999 ittra ta’ avviż formali li tgħid li l-Istat Membru ma kienx wettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 90 KE tad-Direttiva 83/182. L-awtoritajiet Griegi rrispondew fl-1 ta’ Settembru 1999.

17.      Billi kienet tal-fehma li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ħadet miżuri effettivi biex ittemm il-ksur, il-Kummissjoni bagħtitilha opinjoni motivata fid-29 ta’ Novembru 2000. Fir-risposta tiegħu tal-21 ta’ Frar 2001, il-Gvern Grieg spjega l-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-prattika amministrativa Griega.

18.      Wara li eżaminat ir-risposta u wara li kkunsidrat il-leġiżlazzjoni Griega rilevanti kif emendata wara l-iskadenza tal-perijodu ffissat fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors, li fih żammet biss l-ilmenti li esponiet fl-opinjoni motivata.

19.      Il-Kummissjoni u l-Gvern Grieg esponew il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2006.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

20.      L-azzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq numru ta’ lmenti rċevuti mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar irregolaritajiet li ġraw fil-Greċja. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat li kellha l-intenzjoni li turi li dak li kien hemm involut f’dan il-każ hija aktar prattika ġenerali u mhux inċidenti iżolati. Għalhekk titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi mhux fuq il-każijiet individwali iżda fuq il-problemi li qed ikomplu jqumu regolarment fil-prattika amministrattiva Griega fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tad-dwana tagħha.

21.      Il-Gvern Grieg joġġezzjona għall-metodu tal-Kummissjoni, u jgħid li l-eżistenza ta’ prattika amministrattiva inkonsistenti mad-Direttiva ma tistax tiġi ppruvata fuq il-bażi ta’ numru ta’ lmenti li l-Kummissjoni tkun irċeviet minn individwi. Il-Kummissjoni ma tistax titlob lill-Qorti tiddeċiedi fuq kwistjonijiet individwali. F’kull każ, ir-Repubblika Ellenika hija tal-fehma li l-evalwazzjoni tal-fatti tidħol fil-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ l-aworitajiet nazzjonali kompetenti ta’ kull Stat Membru, bla ħsara għall-istħarriġ mill-qrati nazzjonali. Il-Gvern Grieg jikkontesta wkoll kemm huma rappreżentattivi l-eżempji ċċitati mill-Kummissjoni.

22.      Meta tagħmel it-talba tagħha b’dan il-mod, il-Kummissjoni qed titlob dikjarazzjoni li l-prattika amministattiva fil-Greċja hija inkonsistenti ma’ l-eżitu intenzjonat fid-Direttiva f’termini ġenerali u strutturali. Il-Kummissjoni tidher li qed titlob lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni analoga għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda dwar il-konformità mad-direttiva fuq l-iskart.(8)

23.      Biex tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja d-deċiżjoni mixtieqa mill-Kummissjoni, għandhom jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza msemmija iktar ‘il fuq Il-Kummissjoni vs L-Irlanda. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jintwera li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru żviluppaw prattika ripetuta u konsistenti li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva.(9) Fuq kollox, għandha tkun prattika aktar ġenerali jew imġiba ripetuta ta’ nuqqas ta’ konformità, li x’aktarx isseħħ regolarment. Barra minn dan, in-nuqqas ta’ konformità għandu jdum għal perijodu ta' żmien mhux ħażin wara li jsir effettiv l-obbligu Komunitarju rilevanti. Fl-aħħar, in-nuqqas ta’ konformità għandu jkollu effett ħażin fuq li jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura Komunitarja.(10) Il-każijiet imressqin mill-Kummissjoni għandhom jipprovdu bażi adegwata għall-konklużjoni li hemm nuqqas strutturali.

24.      Fl-evalwazzjoni tal-fatti u ċ-ċirkustanzi ppreżentati mill-Kummissjoni f’tentattiv sabiex tagħti prova ta' l-eżistenza ta’ prattika amministrattiva, wieħed għandu jiftakar li t-talba li għamlet il-Kummissjoni f’din il-kawża mhijiex xi waħda iżolata. F’diversi okkażjonijiet fil-passat il-Qorti ntalbet tiddeċiedi fuq prattiċi amministrattivi simili. Huwa ċar minn dawk id-deċiżjonijiet li s-sistema Griega u l-prattika ta’ l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli tqajjem ċerti dubji fid-dawl tad-dritt tal-Komunità rilevanti (ara l-punt 3).

25.      L-azzjoni tal-Kummissjoni essenzjalment tinkludi erba’ lmenti elenkati hawn isfel, li ser jiġu eżaminati fl-ordni indikata:

–        il-problemi assoċjati mad-determinazzjoni ta’ fejn qiegħda r-residenza normali;

–        is-sanzjonijiet sproporzjonati imposti għall-ksur tad-dispożizzjonijiet;

–        il-ġbir sistematiku tal-ħlas għall-importazzjoni permanenti ta’ vetturi fil-każ tat-tieni serqa ta’ vetturi importati temporanjament;

–        il-problemi assoċjati ma’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 83/182.

V –    Analiżi 

A –    Prova ta’ residenza normali

26.      Il-Kummissjoni ssostni li l-prattika Griega hija inkonsistenti ma’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 83/182 u l-preżunzjoni ta’ l-innoċenza billi jiġi impost piż akbar għall-prova tar-residenza normali. L-awtoritajiet Griegi sistematikament iqisu l-proprjetarji tal-vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor bħala residenti Griegi li għandhom r-residenza normali tagħhom fil-Greċja. Huwa diffiċli b’mod partikolari għal Griegi residenti fi Stat Membru ieħor juru li r-residenza normali tagħhom mhijiex il-Greċja. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll diversi lmenti minn individwi li m’għandhomx nazzjonalità Griega u bl-istess mod għaddew minn diffikultajiet biex juru r-residenza normali tagħhom. Ċertifikati maħruġin mill-awtoritajiet amministrattivi fi Stati Membri oħrajn, per eżempju, ma ġewx aċċettati bħala prova ta’ residenza normali.

27.      Il-Gvern Grieg jiċħad li l-awtoritajiet kompetenti jimponu piż akbar tal-prova minn dak permess mid-Direttiva 83/182. Jgħid ukoll li lanqas ma jinqaleb, fil-prattika, l-oneru tal-prova jew li tiġi milquta b’mod ħażin il-preżunzjoni ta’ l-innoċenza. L-awtoritajiet sempliċiment qed jieħdu vantaġġ leġittimu mill-għażliet ipprovduti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva fir-rigward ta' l-oneru tal-prova. Fil-każ ta’ dubju – per eżempju fil-każ ta’ individwi ta’ nazzjonalità Griega li jżommu rabtiet mill-qrib mal-Greċja – l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu aktar informazzjoni jew prova dokumentarja skond id-dispożizzjoni msemmijin iktar 'il fuq.

28.      Mis-sistema stabbilita fl-Artikolu 7 isegwi li, bħala prinċipju, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkuntentaw ruħhom bid-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 2. Jistgħu jitolbu aktar provi ddettaljati fil-każijiet biss meta fatti oġġettivi jagħtu lok għal dubju raġonevoli. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jassumu li l-provi mogħtija skond il-paragrafu 2 mhumiex biżżejjed. L-Artikolu 7 huwa, wara kollox, ibbażat fuq il-prinċipju li dikjarazzjonijiet maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għandhom jitwemmnu. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-moviment ta’ persuni, servizzi u oġġetti bejn l-Istati Membri jkun serjament ostakolat. L-applikazzjoni ta’ l-għażla li jipprovdi l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 83/182 għandha għalhekk tkun suġġetta għall-ħtieġa stretta ta’ dubju raġonevoli mqajjem minn fatti oġġettivi.

29.      Il-fatti u ċ-ċirkustanzi ppreżentati mill-Kummissjoni jwasslu għall-konklużjoni li fil-prattika amministrattiva Griega l-oneru tal-prova l-aktar oneruż previst fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 83/182 jiġi impost bejn wieħed u ieħor sistematikament, speċjalment fir-rigward ta’ persuni ta’ nazzjonalità Griega. Barra minn dan, il-prova dokumentarja miksuba mill-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor tiġi miċħuda bħala prova. F’dan il-każ, il-każijiet iċċitati mill-Kummissjoni jservu ta’ eżempji.

30.      Hemm, per eżempju, il-każijiet tas-Sur Louloudakis u s-Sur Modinos. Waqt verifika, il-karozzi tagħhom inqabdu bħala kuntrabandu, għar-raġuni li l-uffiċjali kompetenti kienu tal-fehma li kellhom ir-residenza normali tagħhom fil-Greċja. Imponewlhom multi wkoll, fejn għas-Sur Modinos dawn ammontaw għal EUR 147 000. Fiż-żewġ każijiet, dokumenti li jagħtu prova li ma kinux normalment residenti fil-Greċja ġew injorati għal kollox. Is-Sur Louloudakis kien issottometta fost l-oħrajn prova dokumentarja mill-Italja li kien fiha informazzjoni fuq ir-residenza u s-sitwazzjoni ta’ l-impjieg tiegħu u tal-familja tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti Griegi ma tawx każ dawn id-dokumenti. Is-Sur Modinos, li twieled f’Ċipru, huwa ċittadin Brittaniku u, fiż-żmien ta’ l-inċidenti in kwistjoni, kien joqgħod il-Ġermanja, bl-istess mod ma setax jikkonvinċi lill-awtoritajiet kompetenti Griegi li ma kienx residenti fil-Greċja.

31.      L-ilmenti magħmulin mis-Sur Louloudakis u s-Sur Modinos, fost l-oħrajn, jikkonfermaw prattika li l-awtoritajiet jibdew bis-suppożizzjoni li n-nazzjonalità ta’ individwi jew dik tal-membri tal-familja tagħhom jiddetermina l-post ta’ residenza tagħhom. L-awtoritajiet Griegi jimponu oneru tal-prova sproporzjonat f’dan ir-rigward.

32.      Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

B –    Is-sistema tas-sanzjonijiet

33.      Il-Kummissjoni tikkontendi li l-firxa kollha ta’ sanzjonijiet imposti fil-każ ta’ ksur tas-sistema ta’ importazzjoni temporanja stabbilita mid-direttiva mhijiex raġonevoli. Jidher ċar mill-ilmenti rċevuti li l-multi imposti jistgħu jammontaw għal għexieren ta’ eluf ta’ Euro. L-iskala tas-sanzjonijiet hija għalhekk sproporzjonata meta titqies il-gravità tar-reat, jiġifieri ksur minħabba importazzjoni temporanja ta’ vetturi bil-mutur.

34.      Barra minn dan, il-vetturi kkonċernati jibqgħu maqbudin sakemm il-multi jitħallsu. Dan jista’ jdum snin meta l-proċeduri jkunu pendenti quddiem il-qrati amministrattivi jew kriminali jew quddiem id-dwana jew awtoritajiet kompetenti oħrajn. Fil-fehma tal-Kummissjoni dan huwa inaċċettabbli u inkonsistenti mad-dritt fondamentali tal-proprjetà.

35.      Il-Kummissjoni tikkritika wkoll il-fatt li, meta jiġu imposti s-sanzjonijiet, ma titqiesx il-bona fede ta’ min jagħmel ir-reat.

36.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tilmenta dwar l-Artikolu 137 C(5) tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott mil-Liġi Nru 2960/2001, li jistipula li s-sistema ta’ sanzjonijiet anqas iebsin tista’ tiġi applikata fil-każ ta’ reati li ġew ikkonstatati qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 2960/2001 u li huma pendenti quddiem il-qrati amministrattivi jew kriminali jew quddiem id-dwana jew awtoritajiet oħra kompetenti, iżda l-applikant m’għandux ifittex rimedji skond il-liġi. Il-Kummissjoni ssostni li dan huwa inkonsistenti mal-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva.

37.      B’risposta għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Gvern Grieg jargumenta li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam, l-Istati Membri huma awtorizzati jistabbilixxu l-livell ta’ multi. Meta regolament tal-Komunità ma jistipulax sanzjoni speċifika għal reat, l-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti.

38.      Il-Gvern Grieg huwa tal-fehma wkoll li s-sanzjonijiet mhumiex inkonsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Huma neċessarji sanzjonijiet severi sabiex tiġi miġġielda l-frodi. Huwa jsostni li l-ħlas għar-reġistrazzjoni fil-Greċja huwa għoli ħafna meta mqabbel ma’ Stati Membri oħrajn, li jwassal għall-periklu li vetturi jiġu importati skond id-Direttiva għall-evażjoni tat-taxxa u ħlasijiet oħra li jridu jsiru. Huma għalhekk iġġustifikati multi għoljin bħala mezz sabiex jiġu miġġielda l-prattiċi frawdolenti.

39.      Fl-istat attwali tad-dritt tal-Komunità, l-Istati Membri huma awtorizzati li jadottaw arranġamenti xierqa dwar is-sanzjonijiet għar-reati ta’ l-importazzjoni sabiex b’mod partikolari tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali. Iżda dawn għandhom jeżerċitaw il-poter skond id-dritt tal-Komunità u l-prinċipji ġenerali tiegħu.(11) Il-Qorti speċifikat diġà f’numru ta’ sentenzi l-ħtiġijiet li l-miżuri fid-dritt amministrattiv u kriminali għandhom josservaw sabiex dawn ma jsirux ostakolu għal-libertajiet stabbiliti fit-Trattat. (12)

40.      Nemmen li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi interpretata kif ser ngħid. Fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet purament amministrattivi − per eżempju dwar in-notifika u t-termini − li ma jkunux inkisru b’mod intenzjonali, is-sanzjoni imposta għandha tkun proporzjonata man-natura pjuttost minuri tar-reat. Huwa biss meta n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kien b’mod ċar intenzjonali, bil-għan ovvju li jkun hemm evażjoni tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa nazzjonali, li jkunu possibbli sanzjonijiet proporzjonalment aktar iebsin.

41.      Isegwi mill-ġurisprudenza eżistenti li s-sistema ta’ sanzjonijiet għandha tkun trasparenti. Fi kliem ieħor, l-akkumulu ta’ sanzjonijiet, kull waħda pjuttost żgħira meta kkunsidrata weħidha, m’għandux jirriżulta f'sitwazzjoni fejn is-sanzjoni li finalment tiġi imposta tkun sproporzjonata għall-gravità tar-reat.

42.      Fl-aħħar nett, huwa evidenti mill-ġurisprudenza li reati żgħar ikkonstatati għandhom jiġu ttrattati b’tant ħeffa li s-sitwazzjoni ta’ l-individwu kkonċernat terġa’ lura għan-normal fi żmien raġonevoli, b’garanziji suffiċjenti fir-rigward ta’ drittijiet li jkun jista’ jikseb mid-dritt tal-Komunità.

43.      Għandu jiġi kkunsidrat jekk, kif tgħid il-Kummissjoni, is-sanzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Griegi huma tant sproporzjonati mal-gravità tar-reati li jikkompromettu l-arranġament għall-importazzjoni temporanja tal-vetturi.

44.      Il-firxa kollha ta’ sanzjonijiet tinkludi b’mod partikolari

–        multa fissa,(13)

–        multa bbażata fuq iċ-ċilindrata tal-vettura,(14)

–        ħlas miżjud, li jista’ jammonta għal ħames darbiet it-taxxa ta’ reġistrazzjoni kkonċernata (15).

45.      Minbarra li jiġu imposti dawn il-multi, il-vetturi huma suġġetti għal qbid temporanju mill-awtorità tad-dwana li kkonstatat ir-reat. Il-vettura tingħata lura biss wara li l-multi jew il-piżijiet dovuti jitħallsu.(16)

46.      Fiha nnifisha, il-mod kif is-sistema ta’ sanzjonijiet hija mibnija ma tagħtix lok li titqies li tirrappreżenta ostakolu għal-libertajiet protetti fit-Trattat. Madankollu, huwa ċar mill-ilmenti ċċitati mill-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet imsemmijin iktar ‘il fuq jintużaw fil-prattika b’mod li jsiru sproporzjonati fl-applikazzjoni tagħhom. Il-proprejtarji tal-vetturi ftit jingħataw opportunità biex juru l-innoċenza u l-bona fede tagħhom. Meta jiġu ssuspettati li kkommettew reat, jiġu esposti minnufih għal kull xorta ta’ miżuri, bħal qbid tal-karozzi tagħhom. Il-multi li eventwalment jiġu imposti huma għoljin b’mod eċċezzjonali wkoll, billi fil-prattika s-sanzjonijiet huma kumulattivi. Ma’ dan għandha tiżdied l-inċertezza fit-tul dwar l-eżitu tal-proċedura; ladarba jinqabdu, il-karozzi jiġu ritornati biss wara dewmien kunsiderevoli.(17) Dan l-akkumulu ta’ sanzjonijiet huwa partikolarment inkwetanti meta jiġu imposti għar-reati amministrattivi sempliċi.

47.      Barra minn dan, id-diversi lmenti dwar is-sanzjonijiet sproporzjonati jindikaw li fil-prattika Griega ta’ l-iffissar tas-sanzjonijiet amministrattivi ma titqiesx il-bona fede tal-persuni li jieħdu vantaġġ mil-libertà ta’ moviment. Iżda skond il-Qorti tal-Ġustizzja għandha titqies il-bona fede ta’ min jagħmel ir-reat meta s-sanzjoni imposta fuqu hija determinata, meta d-determinazzjoni ta’ l-arranġamenti applikabbli tkun ħolqot diffikultajiet.(18)

48.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat jekk l-Artikolu 137 C(5) tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott bil-Liġi Nru 2960/2001, jilħaqx l-istandards iffisati mid-dritt tal-Komunità għall-protezzjoni legali effettiva.

49.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Komunità.(19) Fuq naħa, iħaddan il-ħtieġa li l-protezzjoni legali għandha tiġi żgurata minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita bil-liġi fi proċeduri imparzjali u pubbliċi u, min-naħa l-oħra, jobbliga lill-qrati nazzjonali li jikkooperaw biex tiġi żgurata dik il-protezzjoni legali.

50.      L-Artikolu 137 C(5) tal-Kodiċi tad-Dwana Grieg ma jissodisfax il-ħtieġa ta’ stħarriġ ġudizzjarju, billi l-individwu m’għandu l-ebda rimedji oħrajn disponibbli. Jippreskrivi li s-sistema ta’ sanzjonijiet anqas iebsin tista’ tiġi applikata fil-każ ta’ reati li ġew ikkonstatati qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 2960/2001 u li għadhom pendenti quddiem il-qrati amministrattivi jew kriminali jew quddiem l-awtoritajiet tad-dwana jew awtoritajiet kompetenti oħrajn, bil-kundizzjoni li min jagħmel ir-reat ma fittix rimedji legali. Dik id-dispożizzjoni tippreżenta dilemma lil min jagħmel ir-reat, jew jissottometti lilu nnifsu għas-sistema ta’ sanzjonijiet ta’ qabel, li kienet sproporzjonata, jew li ma jfittix rimedji legali, li jfisser li huwa fil-fatt jirrinunzja għall-protezzjoni legali effettiva. Jagħżel x’jagħżel, l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt Griegi rilevanti twassal f’kull każ għal ksur tal-Liġi tal-Komunità.

51.      Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi milqugħ.

C –    Il-ġbir sistematiku tal-ħlas li jsir għall-importazzjoni permanenti ta’ vetturi fil-każ tat-tieni serqa ta’ vetturi importati temporanjament

52.      Il-Kummissjoni tikkritika lill-Gvern Grieg li jeħtieġ lill-individwi li huma vittmi tat-tieni serqa ta’ vetturi importati temporanjament sabiex iħallsu t-taxxa ta’ reġistrazzjoni jekk il-vetturi kienu ġew importati b’mod permanenti. Skond il-Kummissjoni, dan mhux konsistenti ma’ l-Artikolu 90 KE. Kull każ għandu jiġi kkunsidrat għalih meta jkunu qed jiġu ddeterminati ċ-ċirkustanzi kif insterqu l-vetturi. B'dan il-mod, kull ħlas eventwali jkun iktar adattat għas-sitwazzjoni attwali.

53.      Fir-risposta tad-difiża tiegħu l-Gvern Grieg jispjega li din il-miżura tiġi applikata mhux biss għall-prodotti importati imma għall-prodotti kollha irregolati minn arranġament kundizzjonali. Fil-każ ta’ serq ta’ vettura, kemm jekk importata jew le, li fuqha tħallset it-taxxa u li ġiet irreġistrata fil-Greċja, l-ebda taxxa ma hi meħtieġa billi tkun diġà tħallset. Fil-każ ta’ prodotti li fuqhom għadha ma tħallsitx taxxa u li jinsterqu fit-territorju Grieg, ma tingħata l-ebda eżenzjoni mit-taxxa.

54.      Il-Gvern Grieg jargumenta li d-Direttiva 83/182 ma tipprovdix għall-eżenzjoni permanenti fil-każ ta’ serq. L-awtoritajiet Griegi jistgħu għalhekk jeħtieġu l-ħlas tat-taxxa tar-reġistrazzjoni fil-mument ta’ l-ewwel serqa, imma jiġri hekk fil-każ tat-tieni serqa biss. Dan bl-ebda mod ma jammonta għal trattament mhux ugwali ta’ ċittadini tal-Komunità, imma hija miżura preventiva maħsuba biex tiġi miġġielda l-frodi.

55.      Id-dispożizzjoni in kwistjoni hawnhekk hija l-Artikolu 12(1) ta’ l-Ordni Ministerjali D. 247/1988, li tgħid hekk:

"Il-parti kkonċernata li tirrapporta s-serqa tal-karozza li tkun irċeviet bl-arranġament ta’ importazzjoni temporanja, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din l-ordni jew id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 18 ta’ din l-ordni, ma tkunx meħtieġa tħallas dażji tad-dwana u piżijiet oħrajn fir-rigward tal-karozza misruqa, u l-miżuri restrittivi stabbiliti fid-Digriet Statutorju Nru 346/74 m’għandhomx jiġu applikati, bil-kundizzjoni li ma jiġix stabbilit fil-futur li l-parti interessata qed tipparteċipa fl-użu illegali tal-karozza fil-Greċja u sakemm jiġu sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet.

(...)

d)      il-parti kkonċernata fil-passat ma tkunx irrapportat is-serq ta’ karozza oħra li tkun irċieviet skond is-sistema ta’ importazzjoni temporanja. "

56.      Mill-osservazzjonijiet tal-partijiet huwa ċar li l-isfond għal din id-dispożizzjoni huwa kif ġej: meta tiġi rrappurtata t-tieni serqa ta’ vettura bil-mutur, jiġi preżunt li kien hemm il-frodi. Jiġi preżunt li f’każ bħal dan hemm tentattiv deliberat biex ma jsirx il-ħlas tar-reġistrazzjoni u ħlasijiet oħrajn. Il-konsegwenzi ta’ din il-preżunzjoni huma li d-dazji tad-dwana u piżijiet oħrajn dwar il-karozza misruqa għandhom jitħallsu.

57.      Fihom innifishom, huma ġġustifikati mezzi raġonevoli li jieħdu l-Istati Membri sabiex jipprevjenu l-frodi tat-taxxa. Iżda, dawk il-miżuri m’għandhomx ikunu tali li joħolqu ostakolu għal persuni li jaġixxu bil-bona fede billi jieħdu vantaġġ mill-moviment liberu. In-nuqqas ta’ opportunità għall-individwu biex juri l-bona fede tiegħu jikkostitwixxi ostakolu. Kull min tinsteraqlu l-karozza fil-Greċja − u wieħed jista’ jassumi li s-serq tal-karozzi mhux fenomenu anqas frekwenti hemmhekk milli fi Stati Membri oħra − ma jkunx daqshekk lest li jerġa’ jidħol fit-territorju Grieg b’vettura rreġistrata x’imkien ieħor fil-Komunità, billi mhux biss ikun tilef il-vettura tiegħu jekk jerġa’ jkun hemm it-tieni serqa, imma jkollu jħallas ukoll id-dazji tad-dwana Griega u l-piżijiet l-oħrajn kollha. B’hekk fin-nuqqas ta’ opportunità xierqa biex wieħed ikun jista’ jeħles mill-akkuża, il-libertà tal-moviment tiġi ostakolata.

58.      Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi sostnut.

D –    L-awtoritajiet Griegi ma japplikawx id-Direttiva 83/182

59.      Il-Kummissjoni tikkritika lill-Gvern Grieg għaliex japplika d-dispożizzjonijiet fuq l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi minn pajjiżi li mhumiex Membri għal vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħrajn, minflok id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/182. In sostenn ta' l-ilment tagħha, il-Kummissjoni tirriferi għall-Artikolu 133(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa Grieg.

60.      Il-Gvern Grieg jiċħad is-sottomissjoni tal-Kummissjoni. Jargumenta li r-regoli favorevoli applikabbli għall-vetturi tal-Komunità ġew estiżi sabiex jinkludu vetturi minn pajjiżi li mhumiex Membri. Fiż-żewġ każijiet is-sistema preskritta mid-Direttiva 83/182 għalhekk tapplika meta l-vetturi jiġu importati temporanjament.

61.      L-ewwel nett issir referenza għall-Artikolu 133(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa Grieg, li jistabbilixxi dan li ġej:

"Il-vetturi tal-Komunità jistgħu jibqgħu fil-pajjiż temporanjament mingħajr ma jkun meħtieġ il-ħlas tar-reġistrazzjoni jew it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Għall-għoti ta’ eżenzjoni temporanja mir-reġistrazzjoni u l-VAT il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-dispożizzjonijiet ta’ l-arranġament tad-dwana għall-importazzjoni temporanja għandhom japplikaw b’analoġija, bil-kundizzjoni li l-vetturi minn pajjiżi li mhumiex membri li jiġu importati temporanjament fil-pajjiżi jiġu esportati mill-ġdid."

62.      Bħala prinċipju, ma jsegwix minn dik id-dispożizzjoni li l-awtoritajiet Griegi japplikaw dispożizzjonijiet fuq l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi minn pajjiżi li mhumiex membri, minflok id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/182. L-Artikolu 133(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa Grieg bħala tali ma jiksirx, għalhekk, il-Direttiva 83/182. Iżda, jekk l-arranġament Grieg huwa, fl-applikazzjoni u l-infurzar tiegħu, aktar restrittiv mid-Direttiva 83/182 − u dan huwa dak li jindika mingħajr ambigwità l-ksur imsemmi iktar ‘il fuq − it-tpoġġija tad-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi minn pajjiżi li mhumiex membri fuq l-istess livell mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/182 tammonta fil-fatt għal ksur.

63.      Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni għandu għal darb’oħra jiġi milqugħ.

VI – Konklużjoni

64.      Minħabba dak li ntqal iktar ‘il fuq nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tilqa’ l-ilmenti tal-Kummissjoni fir-rigward ta’

–        id-determinazzjoni tar-residenza normali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor;

–        l-applikazzjoni tas-sistema Griega tas-sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni temporanja ta’ vetturi bil-mutur;

–        il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva;

–        il-ġbir sistematiku tal-ħlas li jsir għall-importazzjoni permanenti ta’ vetturi fil-każ tat-tieni serqa ta’ vetturi importati temporanjament; u

–        l-applikazzjoni tad-Direttiva 83/182;

(2)      tordna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Olandiż.


2 – ĠU 1983 L 105, p. 59.


3 – Ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta' Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-9/92, Ġabra p. I-4467); tad-29 ta' Mejju 1997, Klattner (C-389/95, Ġabra p. I-2719), u tat-12 ta' Lulju 2001, Louloudakis (C-262/99, Ġabra p. I-5547).


4 – Ara, b'mod partikolari, is-sentenza Louloudakis.


5 – L-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/182.


6 – L-Artikolu 3 tad-Direttiva 83/182.


7 – L-Artikolu 3 tad-Direttiva 83/182.


8 – Sentenza tas-26 ta' April 2005 (C‑494/01, Ġabra p. I-3331).


9 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, punt 47.


10 – Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 43 sa 48.


11 − Ara s-sentenza Louloudakis, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


12 − Ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Novembru 1981, Casati (203/80, Ġabra p. 2595, punt 27); tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377); tal-21 ta' Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965), u tas-16 ta' Diċembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C 210/91, Ġabra p. I-6735, punt 20).


13 − Ara, per eżempju, l-Artikolu 137 A(4)(b) tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott bil-Liġi Nru 2960/2001.


14 − Ara, per eżempju, l-Artikolu 137 A(4)(d) tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott bil-Liġi Nru 2960/2001.


15 − Ara, per eżempju, l-Artikolu 137 C(2) tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott bil-Liġi Nru 2960/2001.


16 − Ara l-Artikolu 137 C(1) tal-Kodiċi tad-Dwana, kif introdott bil-Liġi Nru 2960/2001.


17 − Per eżempju, il-karozza tas-sur Louloudakis kienet għadha ma ġietx irritornata wara aktar minn tmien snin.


18 − Ara s-sentenza Louloudakis, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 76.


19 − Sentenza tal-15 ta' Mejju 1968, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 u 19).

Top