Kies de experimentele functies die u wilt uitproberen

Dit document is overgenomen van EUR-Lex

Document 62003TJ0271

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla Estiża) ta' l-10 ta' April 2008.
    Deutsche Telekom AG vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Kompetizzjoni - Artikolu 82 KE - Prezzijiet ta’ aċċess għan-netwerk fiss ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja - Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet - Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet - Marġni ta’ flessibbiltà ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti.
    Kawża T-271/03.

    ECLI-code: ECLI:EU:T:2008:101

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

    10 ta’ April 2008 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Prezzijiet ta’ aċċess għan-netwerk fiss ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja — Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet — Marġni ta’ flessibbiltà ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti”

    Fil-Kawża T-271/03,

    Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), l-ewwel irrappreżentata minn K. Quack, U. Quack u S. Ohlhoff, imbagħad minn U. Quack u Ohlhoff, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel irrappreżentata minn K. Mojzesowicz u S. Rating, imbagħad minn K. Mojzesowicz u A. Whelan, u fl-aħħar minn K. Mojzesowicz, W. Mölls u O. Weber, bħala aġenti,

    konvenuta,

    sostnuta minn

    Arcor AG & Co. KG, stabbilita f’Eschborn (Il-Ġermanja), l-ewwel irrappreżentata minn M. Klusmann, F. Wiemer u M. Rosenthal, imbagħad minn M. Klusmann u F. Wiemer, u fl-aħħar minn M. Klusmann, avukati,

    u minn

    Versatel NRW GmbH, preċedentement Tropolys NRW GmbH, preċedentement CityKom Münster GmbH Telekommunikationsservice u TeleBeL Gesellschaft für Telekommunikation Bergisches Land mbH, stabbilita f’Essen (Il-Ġermanja),

    EWE TEL GmbH, stabbilita f’Oldenbourg (Il-Ġermanja),

    HanseNet Telekommunikation GmbH, stabbilita f’Hamburg (Il-Ġermanja),

    Versatel Nord-Deutschland GmbH, preċedentement KomTel Gesellschaft für Kommunikations- und Informationsdienste mbH, stabbilita f’Flensburg (Il-Ġermanja),

    NetCologne Gesellschaft für Telekommunikation mbH, stabbilita f’Cologne (Il-Ġermanja),

    Versatel Süd-Deutschland GmbH, preċedentement tesion Telekommunikation GmbH, stabbilita f’Stuttgart (Il-Ġermanja),

    Versatel West-Deutschland GmbH, preċedentement Versatel Deutschland GmbH & Co. KG, stabbilita f’Dortmund (Il-Ġermanja),

    irrappreżentati minn N. Nolte, T. Wessely u J. Tiedemann, avukati,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/707/KE, tal-21 ta’ Mejju 2003, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE (Każijiet COMP/C-1/37.451, 37.578, 37.579 — Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZATAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

    komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Wahl, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Deutsche Telekom AG, hija l-operatur storiku ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja. L-Istat Ġermaniż jikkontrolla parteċipazzjoni diretta ta’ 30.92 % u indiretta (permezz ta’ Kreditanstalt für Wiederaufbau) ta’ 12.13 % fil-kapital tar-rikorrenti, filwaqt li l-kumplament, jiġifieri 56.95 %, huma kkontrollati minn investituri istituzzjonali u privati.

    2

    Ir-rikorrenti tiġġestixxi n-netwerk telefoniku Ġermaniż. Qabel il-liberalizzazzjoni totali tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet, hija bbenefikat minn monopolju legali fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet lill-abbonati fuq in-netwerk fiss. Mid-daħla fis-seħħ tat-Telekommunikationsgesetz (il-liġi Ġermaniża dwar it-telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem it-“TKG”) tal-25 ta’ Lulju 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1120), fl-1 ta’ Awwissu 1996, is-suq tal-provvista ta’ infrastrutturi u s-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ġew illiberalizzati fil-Ġermanja. Minn dak iż-żmien, fuq dawn iż-żewġt iswieq, ir-rikorrenti għandha kompetizzjoni, fuq livelli differenti, minn operaturi oħra.

    3

    In-netwerks lokali tar-rikorrenti jinkludu diversi linji lokali għall-abbonati. L-espressjoni “linja lokali” tindika ċ-ċirkuwitu fiżiku li jqabbad il-punt fejn jispiċċa n-netwerk fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew ma’ faċilità ekwivalenti tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss.

    4

    Ir-rikorrenti tipprovdi l-aċċess għal-linji lokali tagħha kemm lill-operaturi l-oħra ta’ telekomunikazzjonijiet u kif ukoll lill-abbonati. Fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess u t-tariffi tar-rikorrenti, għandha għalhekk issir distinzjoni bejn is-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali pprovduti mir-rikorrenti lill-kompetituri tagħha (iktar ’il quddiem is-“servizzi intermedjarji”) u s-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk lokali pprovduti mir-rikorrenti lill-abbonati tagħha (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ aċċess għall-abbonati”).

    I — Servizzi intermedjarji

    5

    B’deċiżjoni Nru 223a tal-Ministeru Federali tal-Posta u Telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“BMPT”), tat-28 ta’ Mejju 1997, ir-rikorrenti ġiet kostretta, minn Ġunju 1997, tagħti aċċess disassoċjat totali għal-linja lokali lill-kompetituri tagħha.

    6

    Fir-rigward tat-tariffi għas-servizzi intermedjarji tar-rikorrenti, dawn huma magħmula minn żewġ komponenti, jiġifieri tariffa għall-abbonament ta’ kull xahar, minn naħa, u ħlas inizjali, min-naħa l-oħra. Meta linja ta’ abbonat finali tiġi kkanċellata minn kompetitur, ir-rikorrenti tiffattura l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni lil dan ta’ l-aħħar.

    7

    It-tariffi għas-servizzi intermedjarji tar-rikorrenti għandhom, skond l-Artikolu 25(1) tat-TKG, jiġu l-ewwel approvati mir-Regulierungsbehörde für Telekommunikation und Post (l-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet u tal-posta, iktar ’il quddiem ir-“RegTP”).

    8

    F’dan il-kuntest, ir-RegTP tivverifika jekk it-tariffi proposti mir-rikorrenti għas-servizzi intermedjarji jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ l-Artikolu 24 tat-TKG. Għalhekk, skond l-Artikolu 24(1) tat-TKG, it-“[t]ariffi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti”. Barra minn dan, skond l-Artikolu 24(2) tat-TKG, it-tariffi ma jistgħux:

    “1.

    jinkludu spejjeż addizzjonali li jistgħu jiġu imposti biss minħabba l-pożizzjoni dominanti […] ta’ fornitur fuq is-suq ta’ telekomunikazzjonijiet in kwistjoni;

    2.

    jinkludu tnaqqis li jippreġudika l-possibbiltajiet ta’ impriżi oħra li jikkompetu fuq suq ta’ telekomunikazzjonijiet, u

    3.

    jiffavorixxu lil ċerti applikanti fil-konfront ta’ applikanti oħra għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet simili jew identiċi fis-suq ta’ telekomunikazzjonijiet in kwistjoni,

    sakemm dan ma jkunx iġġustifikat minn raġuni oġġettiva pprovata”.

    9

    Skond l-Artikolu 29(1) tat-TKG, ir-rikorrenti hija obbligata tapplika, matul il-perijodu kollu tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni tar-RegTP, it-tariffi awtorizzati minn din ta’ l-aħħar.

    II — Servizzi ta’ aċċess għall-abbonati

    10

    Fir-rigward tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, ir-rikorrenti toffri żewġ għażliet bażiċi, jiġifieri l-linja analoga tradizzjonali (isem tas-servizz: T-Net) u l-linja diġitali narrowband (netwerk diġitali integrat ta’ servizzi — ISDN, isem tas-servizz: T-ISDN). Dawn iż-żewġ għażliet bażiċi li jippermettu l-konnessjoni ta’ l-abbonati jistgħu jiġu pprovduti fuq in-netwerk eżistenti tar-rikorrenti magħruf bħala “copper pair network” (konnessjonijiet narrowband). Din ta’ l-aħħar toffri wkoll lill-abbonati tagħha konnessjonijiet broadband (linji diġitali asimetriċi għall-abbonati: isem tas-servizz T-DSL jew ADSL), li għalihom hija kellha taġġorna n-netwerks eżistenti T-Net u T-ISDN sabiex tkun tista’ toffri servizzi broadband, pereżempju aċċess rapidu għall-Internet.

    11

    It-tariffi tar-rikorrenti għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll it-“tariffi bl-imnut” jew “prezzijiet bl-imnut”) huma, fir-rigward tal-linji analogi u tal-linji ISDN, irregolati permezz ta’ sistema li tistabbilixxi l-prezzijiet massimi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tiffissa liberament il-prezzijiet bl-imnut tagħha għall-ADSL. Dawn ta’ l-aħħar jistgħu madankollu jiġu suġġetti għal regolazzjoni a posteriori.

    12

    Il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti huma magħmula minn żewġ komponenti: abbonament ta’ kull xahar, li jiddependi mill-kwalità tal-linji u mis-servizzi pprovduti, u ħlas inizjali għall-konnessjoni jew it-trasferiment ta’ linja, skond ix-xogħol meħtieġ fuq iż-żewġ naħat tal-linja. Ir-rikorrenti ma tiffatturax l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni lill-abbonati tagħha.

    A — Tariffi għal-linji ta’ abbonati analogi (T-Net) u diġitali narrowaband — ISDN (T-ISDN)

    13

    Il-prezzijiet ta’ aċċess għal-linji ta’ abbonati analogi u ISDN huma ffissati fil-kuntest ta’ sistema li tistabbilixxi l-prezzijiet massimi. Skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 27(1), skond l-Artikolu 25(1) tat-TKG u skond l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet ta’ l-1 ta’ Ottubru 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1492, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi”), il-prezzijiet bl-imnut għall-konnessjoni man-netwerk tar-rikorrenti u għall-komunikazzjonijiet mhumiex iffissati individwalment għal kull servizz fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż sostnuti, iżda huma ddeterminati globalment għal diversi servizzi, bid-diversi servizzi miġbura flimkien fi gruppi.

    14

    Is-sistema li tistabbilixxi l-prezzijiet massimi ta’ l-aċċess għan-netwerk tar-rikorrenti ġiet introdotta b’deċiżjoni tal-BMPT tas-17 ta’ Diċembru 1997 [Avviż 202/1997, Ġurnal Uffiċjali (BMPT) 34/97, p. 1891]. Is-sistema kkonċernata ġiet implementata mir-RegTP fl-1 ta’ Jannar 1998. F’din l-okkażjoni, ir-RegTP stabbilixxiet żewġ gruppi ta’ servizzi, bl-ewwel wieħed jinkludi s-servizzi residenzjali u, it-tieni, is-servizzi professjonali. Iż-żewġ gruppi ta’ servizzi kienu jinkludu kemm is-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati (konnessjonijiet standard analogi u ISDN) u kif ukoll il-medda kollha ta’ offerti tar-rikorrenti fil-qasam tat-telefonija bħall-komunikazzjonijiet lokali, reġjonali, interurbani u internazzjonali.

    15

    Skond l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi, ir-RegTP tiffissa prezz ta’ tluq għas-servizzi kollha miġbura fi grupp wieħed kif ukoll l-obbjettivi għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet matul perijodu speċifiku.

    16

    Is-sistema tat-tariffi in kwistjoni tiffissa b’hekk prezz massimu għal kull grupp ta’ servizzi. Għall-kuntrarju, din ma tinkludix prezzijiet minimi mandatorji.

    17

    Bis-saħħa tad-deċiżjoni tal-BMPT tas-17 ta’ Diċembru 1997, ir-rikorrenti kellha tnaqqas b’4.3 % il-prezz globali ta’ kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ servizzi matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 1999 (l-ewwel perijodu fejn ġew stabbiliti prezzijiet massimi). Fit-tmiem ta’ dan l-ewwel perijodu, fil-31 ta’ Diċembru 1999, ir-RegTP, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 1999, essenzjalment żammet il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ servizzi u naqset il-prezzijiet b’5.6 % għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2001 (it-tieni perijodu fejn ġew stabbiliti prezzijiet massimi).

    18

    Fi ħdan dan il-kuntest vinkolanti ta’ tnaqqis tal-prezzijiet, ir-rikorrenti setgħet timmodifika t-tariffi tad-diversi komponenti ta’ kull grupp ta’ servizzi wara li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-RegTP. Skond l-Artikolu 27(2) tat-TKG u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi, il-modifiki tat-tariffi kienu awtorizzati jekk il-prezz medju ta’ grupp ta’ servizzi ma jaqbiżx l-indiċi tal-prezzijiet massimi impost. Is-sistema kienet tippermetti b’hekk iż-żieda tat-tariffi ta’ wieħed jew diversi komponenti ta’ grupp ta’ servizzi, safejn il-prezzijiet massimi tal-grupp ma jinqabżux. Madankollu, skond l-Artikolu 27(3) tat-TKG, l-awtorizzazzjoni kienet tiġi rrifjutata jekk it-tariffi “[ma kinux] manifestament konformi mar-rekwiżiti tal-punti (2) jew (3) ta’ l-Artikolu 24(2) [tat-TKG], jew […] jekk [ma kinux] konformi mat-[TKG] jew ma’ dispożizzjonijiet legali oħra”.

    19

    Matul l-ewwel żewġ perijodi fejn ġew stabbiliti prezzijiet massimi, ir-rikorrenti baxxiet il-prezzijiet bl-imnut għaż-żewġ gruppi ta’ servizzi, tnaqqis li mar lil hinn minn dak li ġie impost fuqha. Dan it-tnaqqis fit-tariffi kkonċerna sostanzjalment il-prezzijiet tal-komunikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-prezzijiet bl-imnut għal-linji analogi (l-abbonament ta’ kull xahar u l-ħlas inizjali) baqgħu l-istess matul iż-żewġ perijodi msemmija, jiġifieri mill-1998 sa l-aħħar ta’ l-2001. Fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut għal-linji ISDN, ir-rikorrenti matul dan l-istess perijodu naqset it-tariffi għall-abbonament ta’ kull xahar, iżda ma aġġustatx il-ħlas inizjali fatturat lill-abbonati tagħha.

    20

    Mill-1 ta’ Jannar 2002, teżisti sistema ġdida ta’ prezzijiet massimi adottata permezz ta’ deċiżjoni tar-RegTP tal-21 ta’ Diċembru 2001 (bulletin RegTP 2/2002, tas-6 ta’ Frar 2002, p. 75). Fis-sistema l-ġdida, iż-żewġ gruppi ta’ servizzi preċedenti li jinkludu s-servizzi residenzjali u s-servizzi professjonali huma sostitwiti b’erba’ gruppi ta’ servizzi, li jinkludu s-servizzi li ġejjin: linji telefoniċi (grupp A), komunikazzjonijiet lokali (grupp B), komunikazzjonijiet interurbani nazzjonali (grupp Ċ) u komunikazzjonijiet internazzjonali (grupp D).

    21

    Fil-15 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti informat lir-RegTP bl-intenzjoni tagħha li żżid l-abbonamenti ta’ kull xahar għal-linji analogi u ISDN EUR b’0.56. Din iż-żieda ġiet awtorizzata mir-RegTP b’deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2002.

    22

    Fil-31 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti għamlet talba ġdida għal żieda tat-tariffi bl-imnut tagħha. Din it-talba ġiet parzjalment miċħuda mir-RegTP b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2002. Ir-RegTP awtorizzat żieda ta’ EUR 0.33 għall-abbonament ta’ kull xahar għal linja analoga T-Net minflok iż-żieda ta’ EUR 0,99 mitluba mir-rikorrenti, u rrifjutat iż-żieda mitluba ta’ EUR 13.40 għall-ħlas inizjali marbut mat-trasferiment tal-konnessjonijiet T-Net u T-ISDN.

    B — Tariffi għal-linji ADSL (T-DSL)

    23

    It-tariffi ADSL (T-DSL) mhumiex irregolati fil-kuntest ta’ sistema ta’ prezzijiet massimi. Skond l-Artikolu 30 tat-TKG, dawn it-tariffi jistgħu jiġu suġġetti għal regolazzjoni a posteriori.

    24

    Fit-2 ta’ Frar 2001, wara li rċeviet diversi lmenti minn naħa ta’ kompetituri tar-rikorrenti, ir-RegTP bdiet investigazzjoni a posteriori fuq il-prezzijiet ADSL tar-rikorrenti, sabiex tistabbilixxi, jekk ikun il-każ, il-prattika ta’ bejgħ b’telf kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni Ġermaniżi. Ir-RegTP għalqet il-proċedura, fil-25 ta’ Jannar 2002, wara li kkonstatat li ż-żieda tat-tariffi mħabbra mir-rikorrenti, fil-15 ta’ Jannar 2002, ma kinitx tagħti lok għal sospett ta’ bejgħ b’telf.

    Il-proċedura amministrattiva

    25

    Bejn it-18 ta’ Marzu u l-20 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti mingħand ħmistax-il impriża kompetituri tar-rikorrenti. Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw il-prattika tar-rikorrenti fir-rigward tat-tariffi tagħha.

    26

    Fil-15 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni għamlet talba għall-informazzjoni lir-rikorrenti, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU 1962, 13, p. 204). Ir-rikorrenti rrispondiet b’ittri tat-13 u tal-25 ta’ Awwissu 1999.

    27

    Fid-19 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni bagħtet talba għall-informazzjoni lill-kompetituri tar-rikorrenti.

    28

    Fit-22 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għall-informazzjoni lir-rikorrenti.

    29

    Fit-2 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17.

    30

    Fid-29 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

    31

    Fil-25 ta’ Ottubru 2002, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti tal-lanjanti għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

    32

    Fil-21 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti addendum għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

    33

    Fl-14 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-addendum għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

    Id-deċiżjoni kkontestata

    34

    Fil-21 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/707/KE, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE (Każijiet COMP/C-1/37.451, 37.578, 37.579 — Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din ta’ l-aħħar ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-30 ta’ Mejju 2003.

    35

    Skond il-Kummissjoni, is-swieq ta’ prodotti u ta’ servizzi in kwistjoni huma, minn naħa, is-suq preċedenti (upstream) ta’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali għall-kompetituri tar-rikorrenti fuq il-livell tas-servizzi intermedjarji u, min-naħa l-oħra, is-suq sussegwenti (downstream) ta’ l-aċċess għall-konnessjonijiet narrowband (linji analogi u ISDN) u għall-konnessjonijiet broadband (linji ADSL) għall-abbonati (deċiżjoni kkontestata, premessa 91). Ġeografikament, dawn is-swieq ikopru t-territorju tal-Ġermanja (deċiżjoni kkontestata, premessa 92).

    36

    Il-Kummissjoni tikkonstata li r-rikorrenti tokkupa pożizzjoni dominanti fuq is-swieq ta’ prodotti u ta’ servizzi in kwistjoni kollha (deċiżjoni kkontestata, premessa 96).

    37

    Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 82 KE billi implementat tariffi abbużivi, fil-forma ta’ “pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet”, billi tiffattura lill-kompetituri tagħha prezzijiet għas-servizzi intermedjarji tagħha li kienu ogħla mill-prezzijiet bl-imnut li hija tiffattura lill-abbonati tagħha (deċiżjoni kkontestata, premessi 1, 57, 102 u 103).

    38

    Fir-rigward tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-premessi 102 sa 105 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu li:

    “102

    Hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet meta s-somma ta’ l-abbonament ta’ kull xahar u tal-ħlas inizjali li għandhom jitħallsu [lir-rikorrenti] għas-servizzi intermedjarji tobbliga lill-kompetituri jiffatturaw lill-abbonati tagħhom prezzijiet ogħla minn dawk li [r-rikorrenti] tiffattura lill-abbonati tagħha għall-istess servizzi. Jekk il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji jkunu ogħla mill-prezzijiet bl-imnut, il-kompetituri tar-[rikorrenti] qatt ma jistgħu jagħmlu profitt, anki jekk ikunu effiċjenti ta’ l-inqas daqs ir-[rikorrenti], minħabba li minbarra l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji huma għandhom iħallsu spejjeż oħra (kummerċjalizzazzjoni, fatturi, irkupru…).

    103

    Billi tiffattura lill-kompetituri tagħha tariffi ta’ servizzi intermedjarji għall-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali li huma ogħla mill-prezzijiet bl-imnut li hija tiffattura lill-abbonati tagħha, [ir-rikorrenti] tipprekludihom milli joffru, barra mis-sempliċi komunikazzjonijiet telefoniċi, servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali. Billi tagħmel dan, [ir-rikorrenti] tobbliga lill-kompetituri, li jkunu jixtiequ jordnaw linji lokali disassoċjati sabiex joffru lill-klijenti tagħhom servizzi ta’ konnessjoni, sabiex jikkumpensaw bl-istess mod it-telf iġġenerat mis-servizzi ta’ aċċess tagħhom bi dħul aktar sostanzjali mill-komunikazzjonijiet telefoniċi. Madankollu, billi t-tariffi tal-komunikazzjonijiet naqsu sostanzjalment fil-Ġermanja f’dawn l-aħħar snin, ħafna drabi l-kompetituri ma jkollhomx il-possibbiltà ekonomika li jwettqu dan it-tip ta’ kumpens.

    104

    [Ir-rikorrenti] tikkunsidra li f’dan il-każ ma jistax ikun hemm prattika ta’ tariffi abbużivi fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet minħabba li t-tariffi tas-servizzi intermedjarji huma ffissati b’mod vinkolanti mir-RegTP. Għa[r-rikorrenti], ikun hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet biss jekk din il-pressjoni tirriżulta effettivament minn prezzijiet għoljin wisq għas-servizzi intermedjarji, minn prezzijiet bl-imnut baxxi wisq jew minn kombinazzjoni tat-tnejn li huma u jekk l-eliminazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi hija legalment possibbli. [Ir-rikorrenti] tikkunsidra madankollu li, billi t-tariffi tas-servizzi intermedjarji huma ffissati mill-awtorità regolatorja, hija jista’ jkollha influwenza biss fuq l-ammont tal-prezz ta’ aċċess ta’ l-abbonati u li dan il-prezz għalhekk jista’ jiġi kkontrollat biss fir-rigward tal-prinċipji ta’ bejgħ abbużiv li jirriżulta f’telf (predazzjoni).

    105

    Madankollu, kuntrarjament għal dak li tiddikjara [r-rikorrenti], il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tikkostitwixxi forma ta’ abbuż li hija rilevanti għal dan il-każ. Fuq is-swieq relatati, fejn il-kompetituri jixtru servizzi intermedjarji mingħand l-operatur storiku u għandhom interess li jagħmlu dan jekk iridu jistabbilixxu ruħhom f’suq ta’ prodotti jew ta’ servizzi sussegwenti, jista’ tabilħaqq ikun hemm pressjoni bejn il-prezzijiet irregolati tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut. Sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ pressjoni, huwa biżżejjed li jkun hemm sproporzjon bejn iż-żewġ livelli ta’ prezzijiet li jirriżulta f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Għandu wkoll jiġi ppruvat li l-impriża suġġetta għal regolazzjoni tal-prezzijiet għandha marġni ta’ flessibbiltà sabiex tevita jew ittemm il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet b’inizjattiva tagħha stess. Madankollu, f’każ bħal dan in eżami […], il-kwistjoni dwar liema huma l-prezzijiet li l-impriża kkonċernata tista’ tbiddel mingħajr l-intervent ta’ l-Istat hija rilevanti biss għall-finijiet ta’ l-għażla tar-rimedji sabiex tiġi eliminata l-pressjoni fuq il-prezzijiet.”

    39

    Fir-rigward tal-metodu ta’ determinazzjoni tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tikkonstata li, permezz ta’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali tar-rikorrenti, il-kompetituri ta’ din ta’ l-aħħar jistgħu joffru lill-abbonati tagħhom medda ta’ servizzi ta’ aċċess, jiġifieri l-aċċess analogu narrowband, l-aċċess diġitali narrowband (ISDN) jew l-aċċess broadband fil-forma ta’ servizzi ADSL. Peress li r-RegTP tiffissa tariffi uniformi għas-servizzi intermedjarji tar-rikorrenti, indipendentement min-natura tas-servizzi sussegwenti offerti ma’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali, jeħtieġ għalhekk li t-tariffi ta’ abbonament ta’ xahar tar-rikorrenti u l-ħlas inizjali tagħha, proporzjonali għall-perijodu medju ta’ abbonament, għas-servizzi intermedjarji tagħha, jiġu mqabbla mal-prezzijiet tagħha ta’ abbonament ta’ xahar u mal-ħlas inizjali tagħha, proporzjonali għall-perijodu medju ta’ abbonament, għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-medja tat-tariffi tar-rikorrenti għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni kwantitattiva ta’ diversi tariffi bl-imnut tar-rikorrenti għal-linji analogi, ISDN u ADSL kif ukoll għad-diversi għażliet ta’ konnessjonijiet fir-rigward tal-linji ISDN u ADSL (deċiżjoni kkontestata, premessi 113, 115, 116, 142 sa 151).

    40

    Għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tieħu biss in kunsiderazzjoni t-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali. Il-prezzijiet tal-komunikazzjonijiet mhumiex inklużi f’dan il-kalkolu (deċiżjoni kkontestata, premessa 119).

    41

    Skond il-Kummissjoni, “hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva meta d-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u t-tariffi tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli għall-kompetituri tagħha hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ta’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi tiegħu stess għall-abbonati fuq is-suq sussegwenti” (deċiżjoni kkontestata, premessa 107).

    42

    Fil-kalkoli tagħha relatati mal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li, bejn l-1998 u l-2001, kien hemm differenza negattiva bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti (deċiżjoni kkontestata, premessa 153). Għas-sena 2002, dan id-differenza kienet pożittiva (deċiżjoni kkontestata, premessa 154). Madankollu, in kwantu l-marġni pożittiv kien insuffiċjenti sabiex ikopri l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti relatati mal-provvista ta’ servizzi għall-abbonati, il-pressjoni fuq il-marġni kienet għadha teżisti fl-2002 (deċiżjoni kkontestata, premessi 154 u 160). Din il-pressjoni kienet għadha teżisti fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (deċiżjoni kkontestata, premessa 161).

    43

    Il-Kummissjoni tikkonstata sussegwentement li t-tariffi tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti huma tabilħaqq is-suġġett ta’ regolazzjoni settorjali. Madankollu, ir-rikorrenti għandha marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex tnaqqas, jekk mhux ukoll telimina, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet permezz ta’ ristrutturazzjonijiet fit-tariffi (deċiżjoni kkontestata, premessi 57, 105, u 163 sa 175). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, mill-1 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti ma kellhiex aktar marġni ta’ flessibbiltà sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut relatati mal-linji analoġi u ISDN. Madankollu, hija setgħet tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni fil-prezzijiet billi tgħolli l-prezzijiet tagħha għal-linji ADSL (deċiżjoni kkontestata, premessi 171 sa 175 u 206).

    44

    Il-Kummissjoni tikkonkludi fil-premessa 199 tad-deċiżjoni kkontestata:

    “[Ir-rikorrenti] tabbuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-swieq in kwistjoni għall-aċċess dirett għan-netwerk tagħha tat-telefonija fissa. Dan l-abbuż jikkonsisti fl-iffissar ta’ prezzijiet inġusti għall-aċċess mill-kompetituri għas-servizzi intermedjarji u għall-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali, u għalhekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 82(a) tat-Trattat. Fil-perijodu mill-bidu ta’ l-1998 sa l-aħħar ta’ l-2001, [ir-riorrenti] kellha l-possibbiltà telimina totalment il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi timmodifika t-tariffi għall-abbonati. Mill-bidu ta’ l-2002, [ir-rikorrenti] setgħet f’kull każ naqset il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, f’dan il-każ billi tgħolli l-prezzijiet tal-linji ADSL, li mhumiex suġġetti għas-sistema ta’ prezzijiet massimi.”

    45

    Wara li kkonstatat li l-ksur kien ksur serju għall-perijodu mill-bidu ta’ l-1998 sa l-aħħar ta’ l-2001 u ftit serju għall-perijodu mill-bidu tas-sena ta’ l-2002, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 12.6 miljuni (deċiżjoni kkontestata, premessi 207 u 212).

    46

    Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

    Artikolu 1

    Mill-1998, ir-[rikorrenti] kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 82(a) KE bl-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti għall-konnessjoni tas-servizz u għall-abbonament ta’ kull xahar relatati ma’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali mill-kompetituri tagħha u mill-abbonati [tagħha], u b’hekk ostakolat sostanzjalment il-kompetizzjoni fuq is-suq ta’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali.

    Artikolu 2

    [Ir-rikorrenti] għandha ttemm minnufih il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u għandha tastjeni milli tirrepeti l-aġir jew l-imġiba msemmija fl-Artikolu 1.

    Artikolu 3

    Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, qed tiġi imposta multa ta’ EUR 12,6 miljuni fuq [ir-rikorrenti].

    […]”

    Il-proċedura

    47

    B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

    48

    B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Diċembru 2003, Arcor AG Co. KG (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti I”), minn naħa, u CityKom Münster GmbH Telekommunikationsservice, li saret Tropolys NRW GmbH, u mbagħad Versatel NRW GmbH, EWE TEL GmbH, HanseNet Telekommunikation GmbH, ISIS Multimedia Net GmbH & Co. KG, li saret Arcor AG & Co. KG, KomTel Gesellschaft für Kommunikations- und Informationsdienste mbH, li saret Versatel Nord-Deutschland GmbH, NetCologne Gesellschaft für Telekommunikation mbH, TeleBeL Gesellschaft für Telekommunikation Bergisches Land mbH, li saret Tropolys NRW GmbH, u mbagħad Versatel NRW GmbH, tesion Telekommunikation GmbH, li saret Versatel Süd-Deutschland GmbH, Versatel Deutschland GmbH & Co. KG, li saret Versatel West-Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem imsejħa, flimkien, l-“intervenjenti II”), min-naħa l-oħra, talbu sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    49

    B’ittra tat-30 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti għamlet talba lill-Qorti tal-Prim’Istanza għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti partijiet mir-rikors, mid-difiża, mir-replika u ta’ ċerti annessi tagħhom.

    50

    B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2004, ir-rikorrenti għamlet talba lill-Qorti tal-Prim’Istanza għat-trattament kunfidenzjali ta’ parti mill-kontroreplika.

    51

    B’digriet tal-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Mejju 2004, ġie aċċettat l-intervent tal-kumpanniji msemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għal trattament kunfidenzjali ġiet irriżervata.

    52

    L-intervenjenti I u II ġew innotifikati b’verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-diversi atti tal-proċedura mħejjija mir-rikorrenti.

    53

    B’ittri ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004, l-intervenjenti I u II ikkontestaw il-kunfidenzjalità ta’ diversi partijiet li nżammu moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ l-atti tal-proċedura.

    54

    Fl-14 ta’ Lulju 2004, l-intervenjenti II ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha. L-intervenjenti I għamlet l-istess, fit-2 ta’ Awwissu 2004. Il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent.

    55

    B’ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjonijiet ta’ l-intervenjenti I u II fir-rigward tat-talba għal kunfidenzjalità.

    56

    B’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2006, il-President tal-Ħames Awla laqa’ parzjalment it-talba għal kunfidenzjalità tar-rikorrenti.

    57

    B’ittra ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, l-intervenjenti II informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-intervenjenti I kienet saret is-suċċessur ta’ ISIS Multimedia Net GmbH & Co. KG. Bl-istess ittra, hija informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li, sabiex tevita kwalità doppja bħala intervenjenti, hija kienet irtirat l-intervent ta’ ISIS Multimedia Net GmbH & Co. KG, li saret Arcor AG & Co. KG.

    58

    B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 2006, l-isem ta’ Arcor AG & Co. KG, li qabel kienet ISIS Multimedia Net GmbH & Co. KG, tneħħa minn din il-kawża fil-kwalità ta’ intervenjenti II.

    59

    Fil-11 ta’ Diċembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li semgħet lill-partijiet, iddeċidiet li tirrinvija l-kawża quddiem il-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    60

    Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni u talbithom jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet prinċipali wieġbu għal din it-talba fiż-żmien stipulat.

    61

    B’ittra tal-21 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti għamlet talba lill-Qorti tal-Prim’Istanza għal trattament kunfidenzjali ta’ diversi elementi tan-nota tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2007 li tinkludi t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza. L-intervenjenti I u II ma ppreżentawx eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ din it-talba għal kunfidenzjalità u verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota tal-Kummissjoni, li ġiet imħejjija mir-rikorrenti, ġiet innotifikata lill-intervenjenti I u II.

    62

    Billi l-Imħallef Dehousse ma setax joqgħod f’din il-kawża, fid-29 ta’ Marzu 2007, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza innomina, in konformità ma’ l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, lill-Imħallef Wahl sabiex jikkompleta l-Awla.

    63

    It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta li saret fit-3 ta’ Mejju 2007.

    It-talbiet tal-partijiet

    64

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, tnaqqas skond il-poter diskrezzjonali suprem tagħha l-multa imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-qorti, inklużi l-ispejjeż legali.

    65

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż ta’ l-istanza.

    66

    L-intervenjenti I titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tagħha.

    67

    L-intervenjenti II titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad it-talba tar-rikorrenti;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż u għall-ispejjeż legali tagħha.

    Id-dritt

    I — Fuq it-talbiet prinċipali intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

    68

    Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, it-tieni wieħed ibbażat fuq in-natura difettuża tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u t-tielet wieħed ibbażat fuq abbuż ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u tal-ħarsien ta’ l-aspettattivi leġittimi.

    A — Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 82 KE

    69

    L-ewwel motiv jinkludi erba’ partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda n-nuqqas ta’ mġiba abbużiva minħabba l-marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti li kellha r-rikorrenti sabiex tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. It-tieni parti tirrigwarda l-illegalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. It-tielet waħda tirrigwarda żball imwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u r-raba’ waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ effett fis-suq tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata.

    1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ mġiba abbużiva minħabba l-marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti li kellha r-rikorrenti sabiex tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    a) L-argumenti tal-partijiet

    70

    Ir-rikorrenti ssostni li hija ma kellhiex marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex tevita l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, hija tfakkar li l-Kummissjoni stess ikkonstatat in-nuqqas ta’ marġni ta’ flessibbiltà min-naħa tagħha fl-iffissar tat-tariffi tas-servizzi intermedjarji. It-tariffi tas-servizzi intermedjarji, li huma ffissati mir-RegTP, għandhom jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizz effiċjenti. Huma ma jikkorrispondux għalhekk neċessarjament għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

    71

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti lanqas ma għandha marġni ta’ flessibbiltà fl-iffissar tat-tariffi tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Fir-rigward tal-perijodu mill-1998 sa l-2001, l-eżistenza ta’ abbuż imwettaq mir-rikorrenti hija eskluża minħabba li r-RegTP biss — u preċedentement il-BMPT — hija responsabbli għat-tariffi tar-rikorrenti għall-konnessjonijiet narrowband (ara l-punti 73 sa 79 iktar ’il quddiem).

    72

    Fir-rigward tal-perijodu wara Jannar 2002, l-imġiba tar-rikorrenti fl-iffissar tat-tariffi għall-konnessjonijiet broadband biss tista’ tkun abbużiva, in kwantu l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li, mill-2002, ir-rikorrenti ma kellha ebda marġni ta’ flessibbiltà fl-iffissar tat-tariffi għall-konnessjonijiet narrowband. Madankollu, għall-perijodu wara Jannar 2002, il-marġni ta’ flessibbiltà probabbli tar-rikorrenti fl-iffissar tat-tariffi għall-konnessjonijiet broadband, jekk jitqies bħala stabbilit, m’għandu, fi kwalunkwe każ, ebda impatt fuq l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet (ara l-punti 80 sa 83 iktar ’il quddiem).

    73

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-konnessjonijiet narrowband (linji analogi u ISDN), ir-rikorrenti tispjega li, skond il-liġi Ġermaniża, il-prezzijiet bl-imnut tagħha kollha kellhom jiġu eżaminati u approvati minn qabel mir-RegTP jew, qabel l-1998, mill-BMPT. Ir-rikorrenti, li, skond l-Artikolu 29(1) tat-TKG, ma setgħetx tiċċaqlaq mit-tariffi awtorizzati b’dan il-mod, taħt piena li tiġi suġġetta għal multa, ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala li kisret l-Artikolu 82 KE meta applikat dawn it-tariffi.

    74

    Fir-rigward ta’ l-iffissar tat-tariffi, ir-rikorrenti tfakkar li, fil-kuntest tas-sistema ta’ prezzijiet massimi, ir-RegTP tiddefinixxi, minn naħa, gruppi ta’ servizzi u objettivi għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet li jillimitaw l-aġġustament tat-tariffi fi ħdan il-gruppi (“indiċi ta’ prezzijiet” jew “limiti massimi ta’ prezzijiet”). Min-naħa l-oħra, ir-RegTP teżamina l-aġġustamenti ta’ tariffi individwali proposti mir-rikorrenti. Għal dan il-għan, skond l-Artikoli 24 u 27 tat-TKG, ir-RegTP għandha tivverifika, indipendentement mill-osservanza tal-limitu massimu stabbilit għall-grupp ta’ servizzi kkonċernat, jekk it-tariffi mitluba ġewx iffissati, b’mod inġustifikat, b’mod inqas mill-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizz effiċjenti jew jekk dawn jiksrux regoli legali oħra, b’mod partikolari l-Artikolu 82 KE. Ir-RegTP għandha għalhekk tiċħad l-aġġustament tal-prezzijiet bl-imnut mitlub mir-rikorrenti jekk il-prezzijiet jiksru l-Artikolu 82 KE, minħabba b’mod partikolari pressjoni anti-kompetittiva fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    75

    Ir-rikorrenti tenfasizza, minn naħa, li, qabel l-1 ta’ Mejju 2002, hija kienet marbuta bit-tariffi mandatorji relatati mal-linji analogi li kienu bbażati fuq awtorizzazzjoni mingħajr limitu ta’ żmien mogħtija mill-BMPT, skond l-Artikolu 97(3) tat-TKG, li jipprovdi li l-awtorizzazzjonijiet dwar it-tariffi tar-rikorrenti mogħtija “qabel l-1 ta’ Jannar 1998 […] [baqgħu] fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002”.

    76

    Ir-rikorrenti tosserva, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tat-talba tagħha tal-31 ta’ Ottubru 2002 intiża għaż-żieda fit-tariffi bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, ir-RegTP, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2002, aċċettat din it-talba parzjalment biss, fil-limitu tal-prezz massimu. Hija tosserva wkoll li, mill-1 ta’ Jannar 2002, it-tariffi ta’ konnessjoni huma s-suġġett ta’ grupp ta’ servizzi distint li għalih ġie ffissat valur ta’ referenza speċifiku. It-tariffi tal-komunikazzjonijiet m’għandhom ebda impatt fuq l-osservanza ta’ dawn il-valuri imposti. Il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li mill-bidu ta’ l-2002 ir-rikorrenti ma kellha ebda possibbiltà li tgħolli t-tariffi tagħha għall-aċċess narrowband. Il-fatt li bejn l-1998 u l-2001 hija ma kinitx ippreżentat talbiet addizzjonali għal żieda tat-tariffi awtorizzati ma jimplikax li hija responsabbli għall-ammont tat-tariffi ffissati mir-RegTP u, għaldaqstant, għall-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fil-fatt, is-sempliċi fakultà li tippreżenta talbiet ta’ aġġustament tat-tariffi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti għal poter awtonomu li tiffissa l-prezzijiet. Il-proċedura ta’ eżami u ta’ awtorizzazzjoni każ b’każ tat-tariffi mwettqa mir-RegTP kienet ġiet implementata preċiżament bil-għan li jiġi assigurat li, permezz tar-regolazzjoni ex ante, l-operatur storiku ma jadottax tariffi abbużivi, in konformità ma’ l-obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 1998, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-vuċi u dwar l-istabbiliment ta’ servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24). Jekk talba tkun suġġetta għal eżami u għal deċiżjoni skond din il-proċedura u in osservanza tar-rekwiżiti proċedurali tal-kuntest legali Komunitarju fir-rigward tad-dritt tat-telekomunikazzjonijiet, l-impriża li tadotta t-tariffi ffissati abbażi ta’ tali eżami ma tista’ tiġi akkużata b’ebda abbuż. It-tariffi vverifikati u awtorizzati ma jistgħux jikkaratterizzaw abbuż min-naħa ta’ l-impriża li tadottahom.

    77

    Barra minn dan, ir-rikorrenti tippreċiża li r-regolazzjoni ex ante mir-RegTP isservi sabiex timmodella l-istruttura tas-suq permezz ta’ interventi amministrattivi u tissostitwixxi, fl-oqsma rregolati minnha, ir-responsabbiltà ta’ l-impriża rregolata li żżomm intatta l-istruttura tas-suq bir-responsabbiltà ta’ l-awtorità regolatorja li żżomm intatta l-istruttura tas-suq. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti hija obbligata titlob aġġustament fit-tarrifi lir-RegTP f’każ biss ta’ bidla fis-sitwazzjoni fattwali sottostanti.

    78

    F’kull każ, anki jekk jitqies li l-fakultà tar-rikorrenti li titlob aġġustament tat-tariffi tista’ tiġġustifika li hija tkun miżmuma responsabbli għal ċertu livell tat-tariffi, ma kien hemm ebda bidla fiċ-ċirkustanzi ta’ natura li tobbliga lir-rikorrenti tippreżenta talbiet addizzjonali għal żieda fil-prezzijiet bl-imnut tagħha. Għall-kuntrarju, mill-1998, l-ispejjeż tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ konnessjonijiet baqgħu kważi l-istess u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji saħansitra naqsu b’mod konsiderabbli. Barra minn hekk, matul dan l-istess perijodu, ir-RegTP kienet ikkonkludiet, fid-deċiżjonijiet tagħha tat-8 ta’ Frar 1999, tat-23 ta’ Diċembru 1999, tat-30 ta’ Marzu 2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001, tal-11 ta’ April 2002 u tad-29 ta’ April 2003, li ma kinitx teżisti pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għad-detriment tal-kompetituri. Barra minn dan, b’sentenza tas-16 ta’ Jannar 2002, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (Qorti reġjonali suprema ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) iddeċidiet li t-tariffi approvati tar-rikorrenti ma kinux kontra l-Artikolu 82 KE.

    79

    Fir-rigward tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) ta’ l-10 ta’ Frar 2004, li annullat is-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf tas-16 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti ssostni li din is-sentenza tikkonferma, minn naħa, li r-RegTP tivverifika l-kompatibbiltà ta’ tariffa li tkun is-suġġett ta’ talba għal awtorizzazzjoni ma’ l-Artikolu 82 KE u, min-naħa l-oħra, li huwa biss b’mod eċċezzjonali l-impriża li ppreżentat talba għal awtorizzazzjoni ta’ tariffa tista’ tinżamma responsabbli għal ksur eventwali ta’ l-Artikolu 82 KE. Ir-rikorrenti tfakkar li r-RegTP stess ikkonkludiet, diversi drabi mill-1998, li ma teżistix pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għad-detriment tal-kompetituri tar-rikorrenti. Barra minn dan, il-Bundesgerichtshof espressament ma ddeċiditx dwar ir-responsabbiltà tar-rikorrenti fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni li tirriżulta mit-tariffi rregolati.

    80

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li abbużi eventwali, relattivi għall-perijodu li jibda mill-2002, li huma bbażati biss fuq l-allegat marġni ta’ flessibbiltà tagħha fir-rigward taż-żidiet tat-tariffi T-DSL (ADSL), ma jistgħux jiġu imputati lilha. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tistax tqis dan il-marġni ta’ flessibbiltà b’mod iżolat, peress li l-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni ma jitwettaqx fuq il-bażi tat-tariffi waħedhom ta’ T-DSL (ADSL), iżda fuq il-bażi tat-totalità tal-prezzijiet bl-imnut. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tistax tgħolli t-tariffi tagħha b’mod illimitat. B’hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-komponent bażiku tat-tariffa, jiġifieri l-prezz tal-konnessjoni bażika (konnessjoni analoga jew ISDN), jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel mir-RegTP. Barra minn dan, il-prezz addizzjonali għat-trasferiment minn konnessjoni analoga jew ISDN għal konnessjoni ADSL huwa suġġett għal verifika a posteriori min-naħa tar-RegTP. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għad-deċiżjonijiet tar-RegTP tat-30 ta’ Marzu 2001 u tal-25 ta’ Jannar 2002. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti, li t-tariffi tagħha kellhom jiġu ffissati, skond l-Artikolu 24 TKG, abbażi ta’ l-ispejjeż għal servizz effiċjenti, m’għandha ebda marġni ta’ flessibbiltà illimitat sabiex tgħolli t-tariffi ADSL tagħha. Fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Jannar 2002, ir-RegTP għalqet il-proċedura mressqa kontra r-rikorrenti dwar prezzijiet predatorji relattivi għall-ADSL. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-Kummissjoni tirreferi biss għal ċifri meħuda mid-deċiżjoni tar-RegTP tat-30 ta’ Marzu 2001, sabiex turi li hija kellha, mill-bidu ta’ l-2002, marġni ta’ flessibbiltà sabiex tgħolli t-tariffi ta’ l-ADSL tagħha.

    81

    Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li, fuq il-bażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, ħlief fil-fażi inizjali, il-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ADSL (linji analogi mill-2001 u linji ISDN mill-2002) kienu ogħla mill-prezzijiet tas-servizzi intermedjari tagħha, flimkien ma’ l-ispejjeż speċifiċi relatati mal-provvisti ta’ servizzi lill-abbonati. Ma teżisti għalhekk ebda pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fuq dan is-suq. Barra minn dan, il-vera kawża ta’ l-allegata pressjoni fuq il-marġni hija l-iffissar mir-RegTP ta’ tariffi baxxi għal-linji analogi. B’hekk, peress li, skond il-Kummissjoni stess, jeżistu swieq distinti għall-konnessjonijiet broadband (ADSL) u għall-konnessjonijiet narrowband (linji analogi u ISDN), ir-rikorrenti ssostni li, anki li kieku hija kellha marġni ta’ flessibbiltà fuq is-suq tal-konnessjonijiet broadband — marġni ta’ flessibbiltà li kien jippermettilha tgħolli t-tariffi tagħha għal-linji ADSL —, la żieda u lanqas tnaqqis tat-tariffi ADSL m’għandhom xi effett kwalunkwe fuq il-persistenza ta’ pressjoni anti-kompetittiva fuq il-marġni tal-prezzijiet fis-suq tal-konnessjonijiet narrowband. Rettifika tat-tariffi ADSL ma tistax telimina l-allegat funzjonament ħażin tas-suq tal-konnessjonijiet narrowband, bħalma lanqas l-iffissar tat-tariffi ta’ l-ADSL ma kkawża dan il-funzjonament ħażin. Hija żżid ukoll, fir-replika tagħha, li, għalkemm servizz intermedjarju partikolari jipprovdi aċċess għal diversi swieq sussegwenti, għandu jiġi stabbilit jekk teżistix pressjoni fuq il-marġni għal kull wieħed minn dawn is-swieq sussegwenti.

    82

    Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni li s-suq ta’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali bħala servizz intermedjarju huwa uniformi. Minn naħa, hija tenfasizza li aċċess komplet għan-netwerk ta’ linji lokali jista’ jservi ta’ bażi għal offerta intiża għall-abbonati li tkun limitata jew għal konnessjonijiet broadband jew għal konnessjonijiet narrowband. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tinsisti dwar il-fatt li l-konnessjonijiet broadband jistgħu jiġu kkummerċjalizzati separament mill-konnessjonijiet narrowband abbażi ta’ line-sharing. L-aċċess komplet għan-netwerk ta’ linji lokali mhuwiex għalhekk neċessarju għas-servizzi ta’ l-ADSL. Li kieku l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ line-sharing, nettament anqas mit-tariffi tas-servizzi intermedjarji, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-pressjoni fuq il-marġni, ir-riżultat kien ikun aktar favorevoli għar-rikorrenti.

    83

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma pprovatx kif hija setgħet tnaqqas l-allegata pressjoni fuq il-marġni billi tgħolli t-tariffi ta’ l-ADSL. Minħabba l-elastiċità trażversali fil-prezzijiet bejn l-ADSL u l-konnessjonijiet tradizzjonali kif ukoll bejn il-varjanti differenti ta’ ADSL (f’każ ta’ konnessjonijiet analogi u ISDN) rikonoxxuta mill-Kummissjoni, eżami aktar elaborat kien meħtieġ sabiex jiġi ddeterminat jekk żieda fit-tariffi ta’ l-ADSL kinitx verament tirriżulta f’żieda fil-prezzijiet bl-imnut imwieżna. Minn naħa, ir-rikorrenti tosserva f’dan is-sens li teżisti elastiċità trażversali fil-prezzijiet bejn l-ADSL u l-konnessjonijiet narrowband. Li kieku fil-passat hija talbet tariffi ta’ l-ADSL aktar ogħlja minn dawk li hija titlob illum, in-numru ta’ klijenti għall-ADSL kien ikun anqas. Min-naħa l-oħra, teżisti wkoll elastiċità trażversali b’saħħitha tal-prezzijiet fil-qasam stess ta’ l-ADSL. Hija tispjega f’dan is-sens li l-konnessjonijiet ta’ l-ADSL huma offerti kemm f’każ ta’ konnessjonijiet analogi u kif ukoll f’każ ta’ konnessjonijiet ISDN. Żieda fit-tariffi ta’ l-ADSL fuq il-bażi tal-konnessjonijiet ISDN iċċaqlaq id-domanda lejn il-varjanti analoga.

    84

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti I u II jitolbu li l-ewwel parti ta’ l-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    i) Osservazzjonijiet preliminari

    85

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikoli 81 KE u 82 KE ikopru biss imġiba anti-kompetittiva li ġiet adottata mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk imġiba anti-kompetittiva tkun imposta fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din ta’ l-aħħar toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ mġiba kompetittiva min-naħa tagħhom, l-Artikoli 81 KE u 82 KE mhumiex applikabbli. F’sitwazzjoni tali, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-imġiba awtonoma ta’ l-impriżi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C-359/95 P u C-379/95 P, Ġabra p. I-6265, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi mfakkar li l-possibbiltà li tiġi eskluża mġiba anti-kompetittiva partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, minħabba l-fatt li din kienet ġiet imposta fuq l-impriżi kkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew minħabba l-fatt li din ta’ l-aħħar telimina kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom, ġiet ammessa biss b’mod limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punti 130 sa 134; ta’ l-20 ta’ Marzu 1985, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 41/83, Ġabra p. 873, punt 19; ta’ l-10 ta’ Diċembru 1985, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il-Kummissjoni, 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punti 27 sa 29, u tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C-198/01, Ġabra p. I-8055, punt 67).

    87

    Sabiex il-kuntest legali nazzjonali jkollu bħala effett li jeskludi l-imġiba anti-kompetittiva ta’ impriżi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, huwa meħtieġ li l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni joriġinaw biss mil-liġi nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Consiglio nazionale degli spedizionieri doganali vs Il-Kummissjoni, T-513/93, Ġabra p. II-1807, punt 61).

    88

    Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jistgħu japplikaw jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni li tista’ tiġi prekluża, ristretta jew imfixkla permezz ta’ mġiba awtonoma ta’ l-impriżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, punt 86 aktar ’il fuq, punti 126 u 130 sa 134; Stichting Sigarettenindustrie et vs Il-Kummissjoni, punt 86 aktar ’il fuq, punti 12 sa 37; tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punti 23 sa 25, u Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, punt 85 aktar ’il fuq, punt 34).

    89

    B’hekk, jekk liġi nazzjonali sempliċement tinkoraġġixxi jew tiffaċilita l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ mġiba anti-kompetittiva awtonoma, dawn ta’ l-aħħar jibqgħu suġġetti għall-Artikoli 81 KE u 82 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 36 sa 73, u CIF, punt 86 aktar ’il fuq, punt 56; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-387/94, Ġabra p. II-961, punt 60).

    90

    Huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk il-kuntest legali Ġermaniż, b’mod partikolari t-TKG, ir-Regolament dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi u d-deċiżjonijiet meħuda mir-RegTP matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata, eliminax kull possibbiltà ta’ mġiba kompetittiva tar-rikorrenti jew jekk ħalliex marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti lil din ta’ l-aħħar sabiex tiffissa t-tariffi tagħha fuq livell li kien jippermettilha telimina jew tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata.

    ii) Id-deċiżjoni kkontestata

    91

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut, ikkonstatat “abbuż imwettaq mir-[rikorrenti] fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta minn differenza inadegwata bejn [dawn iż-żewġ tariffi]” (premessa 57).

    92

    Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tindika wkoll li “hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva meta d-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u t-tariffi tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli għall-kompetituri tagħha hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ta’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi tiegħu stess għall-abbonati fuq is-suq sussegwenti” (premessa 107).

    93

    Minkejja li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma teskludix il-possibbiltà għar-rikorrenti li tnaqqas it-tariffi tagħha għas-servizzi intermedjarji (premessi 17, 163 u 206), hija tevalwa biss, fl-imsemmija deċiżjoni, il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kellhiex marġni reali ta’ flessibbiltà sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha (premessi 164 sa 175). Għal dan il-għan, hija tagħmel distinzjoni bejn żewġ perijodi.

    94

    Il-Kummissjoni tqis, l-ewwel nett, li, “[f]il-perijodu mill-bidu ta’ l-1998 sa l-aħħar ta’ l-2001, [ir-rikorrenti] kellha l-possibbiltà telimina totalment il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi timmodifika t-tariffi għall-abbonati”, jew, fi kliem ieħor, il-prezzijiet bl-imnut tagħha (premessa 199). Il-Kummissjoni tispjega għal dan il-għan li r-rikorrenti “kellha effettivament marġni ta’ flessibbiltà [suffiċjenti] sabiex tevita pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tal-linji analogi u ta’ l-ISDN” (premessa 164).

    95

    It-tieni nett, għall-perijodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2002 sa l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata wkoll l-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà għar-rikorrenti sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha. Madankollu, dan il-marġni ta’ flessibbiltà huwa relatat biss mal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ aċċess ADSL. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, “[m]ill-bidu ta’ l-2002, [ir-rikorrenti] setgħet f’kull każ naqset il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, f’dan il-każ billi tgħolli l-prezzijiet tal-linji ADSL” (premessa 199). Hija tippreċiża li, “mill-1 ta’ Jannar 2002, il-possibbiltà legali tar-[rikorrenti] li tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet limitata għal żieda fil-prezz tat-T-DSL” (premessa 206).

    96

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonstata ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellha, matul iż-żewġ perijodi msemmija fil-punti 94 u 95 iktar ’il fuq, marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha, b’tali mod li telimina jew tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata.

    iii) Fuq in-nuqqas ta’ mġiba abbużiva minħabba marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti tar-rikorrenti sabiex tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001

    97

    Għandu jiġi mfakkar li, skond id-deċiżjoni kkontestata (premessi 164 u 199), ir-rikorrenti kellha marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex telimina l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, billi tgħolli t-tariffi bl-imnut tagħha għall-aċċess għal-linji analogi u ISDN.

    98

    Għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni, għandu fl-ewwel lok jiġi eżaminat il-kuntest leġiżlattiv Ġermaniż applikabbli.

    99

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 25(1) tat-TKG, u kif ukoll skond l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament dwar ir-regolazzjoni tat-tariffi, il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti għall-aċċess għal-linji analogi u ISDN kellhom jiġu approvati mir-RegTP fil-kuntest ta’ sistema ta’ prezzijiet massimi. L-iffissar ta’ limitu massimu kien jirrigwarda żewġ gruppi ta’ servizzi (servizzi residenzjali u servizzi professjonali), li kien jinkludu, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, kemm is-servizzi ta’ aċċess u kif ukoll il-komunikazzjonijiet, b’mod partikolari l-komunikazzjonijiet lokali, reġjonali, interurbani u internazzjonali. Fid-dawl tal-limitu massimu ffissat bid-deċiżjoni tal-BMPT tas-17 ta’ Diċembru 1997, ir-rikorrenti kellha tnaqqas b’4.3 % il-prezz globali ta’ kull wieħed miż-żewġ gruppi ta’ servizzi matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 1999 u, wara d-deċiżjoni tar-RegTP tat-23 ta’ Diċembru 1999, b’5.6 % matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2001.

    100

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fi ħdan dan il-kuntest, ir-rikorrenti setgħet taġġusta l-prezzijiet tagħha wara li tikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-RegTP. Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula fil-premessi 37 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, hija naqset il-prezzijiet tagħha għall-komunikazzjonijiet, billi marret lil hinn sewwa mill-livelli ta’ 4.3 % u 5.6 %, rispettivament, imposti mir-RegTP għall-gruppi sħaħ. It-tweġiba tar-RegTP tat-3 ta’ April 2002 għat-talba għal informazzjoni tat-23 ta’ Marzu 2002 li saret referenza għaliha fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma b’hekk li “it-tariffi tas-servizzi telefoniċi rregolati fil-proċedura ta’ ffissar ta’ limitu massimu tal-prezzijiet ġew imnaqqsa b’ammont ta’ DEM [kunfidenzjali] ( 1 ) (jew madwar EUR [kunfidenzjali]) oltrè dak li kienu jeżiġu r-rekwiżiti ta’ limitu massimu tal-prezzijiet”.

    101

    Dan it-tnaqqis fit-tariffi ħoloq marġni ta’ flessibbiltà għar-rikorrenti sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha ta’ aċċess għal-linji analogi u ISDN tagħha.

    102

    Kif jiġi osservat fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti rrikonoxxiet ukoll, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, l-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà li ppermettilha żżid l-abbonament ta’ kull xahar għal linja residenzjali b’ EUR [kunfidenzjali] matul il-perijodu fejn ġew stabbiliti limiti massimi tal-prezzijiet bejn l-1998 u l-1999.

    103

    L-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà għar-rikorrenti sabiex tgħolli t-tariffi bl-imnut tagħha tirriżulta wkoll mill-osservazzjonijiet magħmula mill-Gvern Ġermaniż fl-ittra tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2000 mibgħuta lill-Kummissjoni. F’din l-ittra, il-Gvern Ġermaniż jiddikjara dan li ġej:

    “[L-]ilment […] li r-RegTP, permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ ffissar ta’ limitu massimu tat-tariffi bl-imnut, limitat il-marġni ta’ flessibbiltà tar-[rikorrenti] sal-punt li ma kienx aktar possibbli li tgħolli l-prezz ta’ l-abbonament bażiku huwa infondat. […] [Ir-rikorrenti] kellha [fil-fatt] marġni li jippermettilha li żżid l-abbonament bażiku għal-linji analogi (21,39 DEM) sabiex tallinja aħjar l-abbonament bażiku mat-tariffa awtorizzata fit-8 ta’ Frar 1999 għall-aċċess għal-linja lokali, ta’ ammont ta’ 25.40 DEM.”

    104

    Barra minn dan, id-deċiżjoni tar-RegTP tat-8 ta’ Frar 1999, li r-rikorrenti tagħmel referenza għaliha fir-rikors u fir-replika tagħha in sostenn ta’ l-argument tagħha li hija ma tistax tinżamm responsabbli għal ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, tikkonferma li “r-rikorrenti għandha marġni ta’ flessibbiltà fir-rigward ta’ l-aġġustament tad-diversi tariffi bl-imnut, fil-limiti tal-grupp ta’ servizzi ffissat fil-proċedura ta’ ffissar ta’ limiti massimi tal-prezzijiet”.

    105

    Huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessi 166 u 167 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tas-sitt talbiet għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-komunikazzjonijiet li saru matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2001, ir-rikorrenti, matul l-imsemmi perijodu, kellha marġni ta’ flessibbiltà sabiex tressaq talbiet ta’ żieda fil-prezzijiet għas-servizzi ta’ aċċess tagħha għal-linji analogi u ISDN, filwaqt li tosserva l-limitu massimu globali tal-gruppi tas-servizzi residenzjali u tas-servizzi professjonali. Ir-rikorrenti barra minn dan irrikonoxxiet matul is-seduta li hija kellha tali marġni ta’ flessibbiltà.

    106

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja l-marġni ta’ flessibbiltà kkonstatat fil-punt 105 iktar ’il fuq, l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tat-tariffi tar-rikorrenti kellux bħala konsegwenza li din ta’ l-aħħar ma taqax aktar taħt l-Artikolu 82 KE.

    107

    Fuq dan il-punt, għandu jiġi mfakkar preliminarjament li l-fatt li t-tariffi tar-rikorrenti kellhom jiġu approvati mir-RegTP ma jeliminax ir-responsabbiltà tagħha taħt l-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1985, BNIC, 123/83, Ġabra p. 391, punti 21 sa 23). Fil-fatt, peress li r-rikorrenti, kif hija tammetti wkoll fir-replika tagħha, għandha influwenza fuq l-ammont tat-tariffi bl-imnut tagħha permezz ta’ talbiet ta’ awtorizzazzjoni mressqa lir-RegTP skond l-Artikolu 28(1) tat-TKG, l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni relatati mal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx l-oriġini tagħhom biss fil-kuntest legali nazzjonali applikabbli (sentenza Consiglio nazionale degli spedizionieri doganali vs Il-Kummissjoni, punt 87 aktar ’il fuq, punt 61).

    108

    Ir-rikorrenti tinsisti madankollu fuq il-fatt li hija mhix responsabbli taħt l-Artikolu 82 KE, in kwantu r-RegTP teżerċita kontroll ex ante tal-kompatibbiltà tat-tariffi tagħha ma’ l-Artikolu 82 KE.

    109

    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li t-tariffi bl-imnut għall-aċċess għal-linji analogi li kienu fis-seħħ matul il-perijodu kollu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 ma kinux ġew awtorizzati mir-RegTP, iżda kienu bbażati fuq id-deċiżjonijiet adottati taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-adozzjoni tat-TKG. Fi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ddikjarat b’hekk li t-tariffi bl-imnut tagħha għal-linji analogi għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 kienu bbażati fuq awtorizzazzjoni mingħajr limitu ta’ żmien mogħtija mill-Ministru federali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet fl-1990 fuq il-bażi tad-digriet dwar it-telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsordnung).

    110

    Issa, la fir-rikors u lanqas fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ma sostnietx li t-tariffi stabbiliti taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-1990 ġew awtorizzati wara eżami mill-awtorità kompetenti tal-konformità tagħhom ma’ l-Artikolu 82 KE.

    111

    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tat-TKG, fis-seħħ mill-1 ta’ Awwissu 1996, ma jagħtux l-impressjoni li r-RegTP teżamina l-kompatibbiltà tat-talbiet ta’ aġġustament tat-tariffi bl-imnut għall-aċċess għal-linji analogi u ISDN ma’ l-Artikolu 82 KE.

    112

    In sostenn ta’ l-argument tagħha, ir-rikorrenti tirreferi madankollu, minn naħa, għall-Artikolu 27(3) tat-TKG, li jipprovdi li r-RegTP teżamina l-konformità ta’ l-aġġustament rikjest tat-tariffi “ma’ dispożizzjonijiet legali oħra”, li jinkludu l-Artikolu 82 KE, u, min-naħa l-oħra, għad-diversi deċiżjonijiet tar-RegTP imsemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq li vverifikaw l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    113

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li, anki jekk ir-RegTP, bħal kull istituzzjoni oħra ta’ l-Istat, hija obbligata tirrispetta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CIF, punt 86 aktar ’il fuq, punt 49), din l-awtorità kienet, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, l-awtorità Ġermaniża inkarigata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, u mhux l-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Issa, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jaġixxu in konformità mad-dritt nazzjonali, li jista’ jkollu obbjettivi li, billi jagħmlu parti mill-politika ta’ telekomunikazzjonijiet, jkunu differenti minn dawk tal-politika Komunitarja ta’ kompetizzjoni [ara Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Awwissu 1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għall-ftehim ta’ aċċess fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet — Kuntest ġenerali, swieq ikkonċernati u prinċipji (ĠU C 265, p. 2), punt 13].

    114

    Għandu jiġi kkonstatat, fit-tieni lok, li d-diversi deċiżjonijiet tar-RegTP li tirreferi għalihom ir-rikorrenti in sostenn ta’ l-argument tagħha ma jinkludu ebda referenza għall-Artikolu 82 KE.

    115

    Huwa minnu li f’diversi deċiżjonijiet tar-RegTP, b’mod partikolari dawk tat-8 ta’ Frar 1999, tat-30 ta’ Marzu 2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001, tal-11 ta’ April 2002 u tad-29 ta’ April 2003, ir-RegTP eżaminat il-kwistjoni relatata mal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    116

    Madankollu, f’dawn id-deċiżjonijiet, ir-RegTP, wara li kkonstatat id-differenza negattiva bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti, ikkunsidrat, kull darba, li l-użu tas-sussidji trażversali bejn it-tariffi għas-servizzi ta’ aċċess u t-tariffi għall-komunikazzjonijiet kellu jippermetti lill-operaturi l-oħra joffru lill-abbonati tagħhom servizzi bi prezzijiet kompetittivi.

    117

    B’hekk, ir-RegTP tikkonstata fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ April 2003:

    “[I]d-differenza żgħira bejn il-prezz bl-imnut u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji ma tippreġudikax il-possibbiltajiet tal-kompetituri li jikkompetu fuq in-netwerk lokali sal-punt li tirrendi l-introduzzjoni tagħhom fis-suq, jew is-sopravivenza tagħhom fis-suq, ekonomikament impossibbli […] [Din id-differenza] ma kinitx sinjifikattiva sal-punt li ċċaħħad lill-kompetituri minn kull possibbiltà li jwettqu min-naħa tagħhom sussidju trażversali tal-prezzijiet bl-imnut tagħhom sabiex ikunu jistgħu joffru lill-klijenti finali tagħhom konnessjonijiet bi prezz interessanti daqs dak tar-rikorrenti, jekk mhux ukoll bi prezz anqas. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-konnessjonijiet ta’ valur akbar u aktar għolja milli huma l-linji ISDN u ADSL, li n-numru tagħhom żdied sostanzjalment minħabba l-penetrazzjoni qawwija ħafna ta’ l-Internet u kif ukoll tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ aċċess għall-Internet aktar mgħaġġel u aktar effiċjenti.”

    118

    Ir-RegTP tadotta raġonament simili fid-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Frar 1999, tat-30 ta’ Marzu 2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001 u tal-11 ta’ April 2002.

    119

    Issa, il-fatt li r-RegTP ma toġġezzjonax għat-tariffi mitluba mir-rikorrenti wara li kienet ikkonstatat il-ħtieġa tal-kompetituri tagħha li jirrikorru għal sussidju trażversali sabiex ikunu jistgħu joffru lill-abbonati tagħhom prezzijiet kompetittivi għas-servizzi ta’ aċċess juri li r-RegTP ma eżaminatx il-kompatibbiltà tat-tariffi in kwistjoni ma’ l-Artikolu 82 KE jew li, għall-inqas, hija għamlet applikazzjoni żbaljata tiegħu (ara l-punti 198 sa 202 u 238 iktar ’il quddiem).

    120

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżumi li r-RegTP hija obbligata teżamina l-kompatibbiltà tat-tariffi bl-imnut proposti mir-rikorrenti ma’ l-Artikolu 82 KE, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonstata ksur min-naħa tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tiġi marbuta permezz ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità nazzjonali b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB, C-344/98, Ġabra p. I-11369, punt 48).

    121

    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, sabiex ksur eventwali jkun jista’ jiġi attribwit lir-rikorrenti, hija rilevanti l-kwistjoni jekk ir-rikorrenti kellhiex, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża, marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex tiffissa t-tariffi tagħha fuq livell tali li kien jippermettilha telimina jew tnaqqas l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    122

    Issa, diġà ġie kkonstatat li r-rikorrenti setgħet teżerċita influwenza fuq l-ammont tat-tariffi bl-imnut tagħha permezz ta’ talbiet ta’ awtorizzazzjoni ppreżentati lir-RegTP (ara l-punti 98 sa 105 iktar ’il fuq). Fil-kuntest tar-responsabbiltà partikolari li r-rikorrenti għandha bħala impriża li tokkupa pożizzjoni dominanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, NBIM vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 57; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra p. II-2969, punt 112, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 97), hija kienet għalhekk obbligata tressaq talbiet għall-aġġustament tat-tariffi tagħha meta dawn kellhom l-effett li jippreġudikaw kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq komuni.

    123

    Fis-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ Frar 2004 (punt 79 aktar ’il fuq), il-Bundesgerichtshof espressament ikkonfermat ukoll ir-responsabbiltà tar-rikorrenti sabiex tressaq talbiet għall-aġġustament tat-tariffi tagħha. Barra minn dan, hija osservat li l-kuntest legali Ġermaniż ma eskludix li r-RegTP tawtorizza tariffi proposti li jiksru l-Artikolu 82KE. Dik il-qorti, fil-fatt, iddeċidiet li, “[k]untrarjament għall-każijiet li fihom l-imġiba ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti hija ddeterminata direttament mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali, l-awtorizzazzjoni tat-tariffi rikjesta mid-dritt tat-telekomunikazzjonijiet hija bbażata madankollu fuq it-talba ta’ awtorizzazzjoni tal-fornitur” u li “[a]nki jekk il-proċedura amministrattiva ta’ evalwazzjoni hija maħsuba sabiex ma tawtorizzax tariffi li jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, dan ma jeskludix il-possibbiltà prattika li impriża tippreżenta tariffa li permezz tagħha hija tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha u tikseb l-awtorizzazzjoni tagħha minħabba li l-abbuż ma jinkixifx matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni”.

    124

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, minkejja l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tat-tariffi tar-rikorrenti, din ta’ l-aħħar kellha, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex il-politika tal-prezzijiet tagħha tkun tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

    125

    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għamlitx użu mill-marġni ta’ flessibbiltà tagħha sabiex tintervjeni fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħha bil-għan li tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001.

    126

    F’dan il-każ, l-ewwel nett, fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut għal-linji analogi, ir-rikorrenti ma tikkontestax li hija ma bagħtet ebda talba lir-RegTP intiża sabiex tiġi awtorizzata tgħolli l-ħlas inizjali u/jew l-abbonamenti ta’ kull xahar. B’hekk, huwa paċifiku li “l-abbonament ta’ kull xahar u l-ħlas inizjali għall-konnessjoni tas-servizz ma’ linja analoga bażika […] baqgħu l-istess matul iż-żewġ perijodi ta’ limiti massimi, jiġifieri mill-1998 sa l-aħħar ta’ l-2001” (deċiżjoni kkontestata, premessa 38).

    127

    Ir-rikorrenti tenfasizza madankollu li, qabel l-1 ta’ Mejju 2002, hija kienet marbuta, skond l-Artikolu 97(3) tat-TKG, bit-tariffi vinkolanti għal-linji analogi kif kienu ġew iffissati fl-1990 mill-Ministru federali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet.

    128

    Issa, l-Artikolu 97(3) tat-TKG, li jinkludi dispożizzjoni tranżitorja, ipprovda biss li t-tariffi tar-rikorrenti li kienu ġew approvati qabel id-dħul fis-seħħ tat-TKG kellhom jibqgħu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002. Għalhekk, din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma pprekludiet lir-rikorrenti milli tintervjeni fuq il-prezzijiet bl-imnut billi tippreżenta talbiet ta’ aġġustament fit-tariffi lir-RegTP qabel din id-data, u b’mod partikolari matul il-perijodu kollu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001.

    129

    It-tieni nett, fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut għal-linji ISDN, mhuwiex ikkontestat li, wara t-talba tar-rikorrenti, ir-RegTP awtorizzat, b’deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2000, tnaqqis fit-tariffi għall-abbonament ta’ kull xahar (deċiżjoni kkontestata, premessa 40).

    130

    Barra minn dan, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, ebda talba ta’ aġġustament tal-prezzijiet ma ġiet ippreżentata mir-rikorrenti dwar il-ħlasijiet inizjali tagħha għall-konnessjoni tal-linji ISDN. Għalhekk, dawn it-tariffi, li, skond ir-rikorrenti, kienu bbażati fuq deċiżjoni tal-BMPT meħuda fl-1996 u li, skond l-Artikolu 97(3) tat-TKG, baqgħu validi wara d-dħul fis-seħħ tat-TKG, ma ġewx aġġustati matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 (deċiżjoni kkontestata, premessa 41).

    131

    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma użatx il-marġni ta’ flessibbiltà tagħha sabiex tikseb żieda fil-prezzijiet bl-imnut tagħha, li kienet tikkontribwixxi sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001. Għall-kuntrarju, hija saħansitra użat dan il-marġni ta’ flessibbiltà sabiex tnaqqas il-prezzijiet bl-imnut tagħha għal-linji ISDN matul dan l-istess perijodu.

    132

    Fir-raba’ u fl-aħħar lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ipprovatx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt li r-rikorrenti kellha marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 sabiex “tevita pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet” (premessa 164). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti “kellha l-possibbiltà [matul il-perijodu msemmi] telimina totalment il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi timmodifika t-tariffi għall-abbonati” (premessa 199).

    133

    Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-effett tal-pressjoni fuq il-marġni kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata għal dan il-perijodu ammonta għal EUR [kunfidenzjali] fil-31 ta’ Diċembru 1998, għal EUR [kunfidenzjali] fil-31 ta’ Diċembru 1999, għal EUR [kunfidenzjali] fil-31 ta’ Diċembru 2000 u għal EUR [kunfidenzjali] fil-31 ta’ Diċembru 2001 (deċiżjoni kkontestata, premessi 152 u 153, u tabella 10).

    134

    Issa, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li din ta’ l-aħħar effettivament naqset it-tariffi ta’ komunikazzjonijiet tagħha għal ammont totali ta’ EUR [kunfidenzjali] matul il-perijodu 1998/1999. Issa, dan l-ammont — mifrux fuq [kunfidenzjali] linji (deċiżjoni kkontestata, tabella 7) u 24 xahar — kien jippermetti lir-rikorrenti li tgħolli l-prezz medju tal-prezzijiet bl-imnut tagħha sa limitu massimu ta’ EUR [kunfidenzjali] kull xahar.

    135

    Minn dan jirriżulta li l-marġni ta’ flessibbiltà maħluq permezz tat-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ komunikazzjonijiet kien ikun biżżejjed sabiex jelimina totalment il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, li kieku, bl-użu tal-marġni ta’ flessibbiltà tagħha, ir-rikorrenti eliminat il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mill-1998, kien ikun biżżejjed għaliha li żżomm ir-relazzjoni bejn it-tariffi tagħha għal servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut tagħha sabiex tevita, matul il-perijodu kollu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, huwa paċifiku li, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 167), ir-rikorrenti għamlet tnaqqis ieħor tat-tariffi ta’ komunikazzjonijiet tagħha b’ammont ta’ EUR [kunfidenzjali] matul il-perijodu 2000/2001, liema tnaqqis kellu bħala effett li żied aktar il-marġni ta’ flessibbiltà tagħha sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha.

    136

    Matul is-seduta, ir-rikorrenti fakkret li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, ir-RegTP kellha tivverifika l-osservanza tal-limiti massimi tal-prezzijiet separament għall-klijenti professjonali u privati. Hija tenfasizza li l-marġni ta’ flessibbiltà tagħha sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha ta’ aċċess għall-utenti finali kien żgħir u li hija ma setgħetx tuża l-ogħla marġni ta’ flessibbiltà li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha ta’ aċċess għall-klijentela professjonali tagħha, in kwantu dan kien jirriżulta f’diskriminazzjoni ta’ din il-klijentela kuntrarja għall-punt 3 ta’ l-Artikolu 24(2) tat-TKG.

    137

    Madankollu, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis fit-tariffi ta’ komunikazzjonijiet seta’ jiġi ttrasferit lejn is-settur “linji għal klijenti residenzjali u professjonali” u jiġi użat integralment sabiex jgħolli t-tariffi tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Barra minn dan, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[m’għandha ssir] ebda distinzjoni bejn klijenti residenzjali u klijenti professjonali għax ebda demarkazzjoni suffiċjentement preċiża bejn dawn iż-żewġ setturi m’hija possibbli”.

    138

    L-argument imfakkar fil-punt 136, li ġie mqajjem għall-ewwel darba fis-seduta, għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    139

    Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet f’pożizzjoni li, matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, tagħmel “tnaqqis ieħor fil-prezzijiet tal-komunikazzjonijiet […] u b’hekk tikseb marġni [addizzjonali] ta’ flessibbiltà sabiex tgħolli l-prezzijiet ta’ l-abbonamenti ta’ kull xahar u l-ħlas inizjali għal-linji analogi u ISDN”.

    140

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 164 u 199), il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li r-rikorrenti kellha marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 sabiex telimina totalment il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fl-imsemmija deċiżjoni.

    iv) Fuq l-ineżistenza ta’ mġiba abbużiva minħabba marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti tar-rikorrenti sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tgħolli t-tariffi bl-imnut tagħha ta’ aċċess ADSL mill-1 ta’ Jannar 2002

    141

    Għandu jiġi mfakkar li, mill-1 ta’ Jannar 2002, teżisti, fil-Ġermanja, sistema ġdida ta’ limiti massimi tal-prezzijiet adottata permezz ta’ deċiżjoni tar-RegTP tal-21 ta’ Diċembru 2001. Skond din id-deċiżjoni, il-“linji telefoniċi” huma s-suġġett ta’ grupp ta’ servizzi distint. Fil-kuntest ta’ dan il-grupp, iż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut għal-linji analogi u ISDN ġiet limitata għal 4.1 % fis-sena.

    142

    Mhuwiex ikkontestat li r-rikorrenti, wara talba ppreżentata lir-RegTP, fil-15 ta’ Jannar 2002, ġiet awtorizzata sabiex tgħolli t-tariffi ta’ l-abbonamenti ta’ kull xahar tagħha għal linji analogi u ISDN EUR b’0.56, li tirrappreżenta żieda tal-livell medju tat-tariffi għas-servizzi li jaqgħu fil-grupp ikkonċernat ta’ 4.04 % (deċiżjoni kkontestata, premessa 44). Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li t-talba ta’ żieda fil-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti tal-31 ta’ Ottubru 2002, relatata ma’ l-abbonament ta’ kull xahar għall-konnessjoni analoga T-Net u mal-ħlas inizjali għall-konnessjonijiet T-Net u T-ISDN, ġiet fil-parti l-kbira tagħha miċħuda mir-RegTP, in kwantu ż-żieda ma kinitx aktar konformi mal-valuri previsti fil-kuntest tas-sistema ta’ limiti massimi tal-prezzijiet (deċiżjoni kkontestata, premessa 45).

    143

    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tikkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 206), li, “mill-1 ta’ Jannar 2002, il-possibbiltà legali tar-[rikorrenti] li tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet hija limitata għal żieda fil-prezz tat-T-DSL”. Skond il-Kummissjoni, minn din id-data, il-marġni ta’ flessibbiltà tar-rikorrenti ma jirrigwardax aktar ħlief it-tariffi bl-imnut ta’ aċċess ADSL (ara, ukoll, id-deċiżjoni kkontestata, premessi 174 u 199).

    144

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li r-rikorrenti ma tikkontestax li hija kienet f’pożizzjoni li tgħolli t-tariffi ADSL tagħha mill-1 ta’ Jannar 2002. Hija tenfasizza madankollu li l-marġni ta’ flessibbiltà tagħha ma kienx illimitat, in kwantu, minn naħa, it-tariffi tagħha kellhom jiġu ffissati abbażi ta’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizz effiċjenti u in kwantu, min-naħa l-oħra, it-tariffi tagħha setgħu jkunu s-suġġett ta’ eżami ex post mir-RegTP.

    145

    Madankollu, peress li r-rikorrenti tiffissa liberament it-tariffi ADSL tagħha fil-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-prattika tagħha fir-rigward tat-tariffi f’dan il-qasam jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 82 KE (ara l-punti 87 u 88 iktar ’il fuq).

    146

    Il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irreferiet biss għat-tariffi li jirriżultaw minn deċiżjoni tar-RegTP tat-30 ta’ Marzu 2001 (Anness A.11 tar-rikors) sabiex tevalwa l-marġni ta’ flessibbiltà tar-rikorrenti mill-1 ta’ Jannar 2002 ma jbiddel xejn fuq dan il-punt. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontesta b’ebda mod l-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà limitat għaliha sabiex tgħolli l-prezzijiet tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ADSL, mill-1 ta’ Jannar 2002.

    147

    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif tikkonstata l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 199), ir-rikorrenti kinitx f’pożizzjoni li “tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet” billi żżid, mill-1 ta’ Jannar 2002, it-tariffi tagħha tas-servizzi ta’ aċċess ADSL. Ir-rikorrenti tenfasizza għal dan il-għan li, għall-abbonati, is-swieq tas-servizzi ta’ aċċess narrowband u ADSL jikkostitwixxu swieq distinti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, żieda tat-tariffi bl-imnut ta’ l-ADSL tar-rikorrenti ma kienx ikollha impatt fuq l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fuq is-swieq tas-servizzi ta’ aċċess għal linji analogi u ISDN.

    148

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, billi s-servizzi ta’ aċċess, fuq il-livell tas-servizzi intermedjarji, jippermettu li jiġu pprovduti, fuq il-livell ta’ l-abbonati, is-servizzi kollha ta’ aċċess analogi, ISDN u ADSL, il-marġni ta’ flessibbiltà għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti sabiex tgħolli t-tariffi ADSL tagħha huwa tali li jnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji, minn naħa, u l-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi kollha ta’ aċċess analogi, ISDN u ADSL, min-naħa l-oħra. Għandha ssir analiżi konġunta, fuq il-livell ta’ l-abbonati, tas-servizzi ta’ aċċess analogi, ISDN u ADSL mhux biss minħabba li jikkorrispondu għal provvista waħda ta’ servizzi fuq il-livell intermedjarju, iżda wkoll minħabba l-fatt li, kif spjegat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 26) mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mir-rikorrenti, l-ADSL ma jistax jiġi offert lill-abbonati b’mod iżolat, billi jimplika dejjem, għal raġunijiet tekniċi, aġġornament tal-linji analogi jew ISDN narrowband.

    149

    L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar allegata elastiċità trażversali tal-prezzijiet bejn l-ADSL u l-konnessjonijiet narrowband kif ukoll bejn id-diversi varjanti ADSL għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-osservazzjonijiet ma jikkontradixxux l-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà tar-rikorrenti sabiex tgħolli t-tariffi ADSL tagħha. Min-naħa l-oħra, żieda limitata fit-tariffi ADSL kienet tirriżulta f’tariffa bl-innut medja ogħla għas-servizzi ta’ aċċess narrowband u broadband u għalhekk kienet tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni kkonstatata. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl b’mod partikolari tal-vantaġġi tal-broadband fuq il-livell tat-trasferiment tad-data, l-abbonati tas-servizzi ta’ aċċess għal broadband mhumiex awtomatikament ser jiffavorixxu ritorn lejn konnessjoni narrowband f’każ ta’ żieda tal-prezzijiet bl-imnut ta’ aċċess ADSL.

    150

    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-konnessjonijiet broadband jistgħu jiġu kkummerċjalizzati separament mill-konnessjonijiet narrowband, fuq il-bażi ta’ line sharing fuq il-livell tas-servizzi intermedjarji, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Jekk permezz ta’ dan l-argument ir-rikorrenti tixtieq tagħmel distinzjoni bejn żewġt iswieq separati fuq il-livell tas-servizzi intermedjarji relattivi, rispettivament, għas-servizzi narrowband u għas-servizzi broadband, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, in kwantu, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma kkontestatx id-definizzjoni tas-swieq ikkonċernati li ġiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li tidentifika, fuq il-livell tas-servizzi intermedjarji, suq wieħed biss, jiġifieri s-suq ta’ l-aċċess kompletament disassoċjat għan-netwerk ta’ linji lokali (deċiżjoni kkontestata, premessi 64 sa 67). Jekk permezz ta’ dan l-argument ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ line sharing għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffi tas-servizzi intermedjarji, dan l-argument lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. Fil-fatt, ir-rikorrenti b’ebda mod ma pprovat li kunsiderazzjoni tali ta’ l-ispejjeż ta’ line sharing kienet taffettwa l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni relattivi għall-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jew dawk relattivi għall-eżistenza ta’ marġni ta’ flessibbiltà tar-rikorrenti sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata billi żżid it-tariffi bl-imnut tagħha ta’ aċċess ADSL.

    151

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti mill-1 ta’ Jannar 2002 sabiex tnaqqas l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata fl-imsemmija deċiżjoni billi żżid it-tariffi tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ADSL.

    152

    Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

    2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-illegalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    a) L-argumenti tal-partijiet

    153

    Ir-rikorrenti ssostni li n-natura abbużiva eventwali ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tista’ tirriżulta biss min-natura abbużiva tal-prezzijiet bl-imnut, in kwantu l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji huma imposti, b’mod vinkolanti, mill-awtoritajiet pubbliċi. Issa, il-Kummissjoni ma tipprovax li l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti jirriżultaw f’bejgħ b’telf u huma abbużivi per se. Ir-rikorrenti tirreferi għal dan il-għan għall-opinjoni esperta ta’ Lexecon. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk żbaljata minħabba li l-Kummissjoni użat kriterju li mhuwiex relatat man-natura abbużiva tal-prezzijiet bl-imnut, ikkunsidrati per se, iżda mar-relazzjoni bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji.

    154

    Ir-rikorrenti tallega wkoll li l-konstatazzjoni ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet hija bbażata fuq diversi żbalji relattivi għall-metodu użat.

    155

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li, għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet bl-imnut, il-Kummissjoni kkunsidrat biss dħul mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linji telefoniċi lill-abbonati. Sabiex tkun tista’ tikkonstata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u fid-dawl tad-delimitazzjoni dejqa tas-suq ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat id-dħul addizzjonali tal-kompetituri tar-rikorrenti li joriġina minn servizzi ta’ konnessjoni u minn servizzi b’valur miżjud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T-342/99, Ġabra p. II-2585, punt 276). Dan jikkonsisti fi dħul iġġenerat mit-telefonati lokali jew interurbani, mill-qtugħ tat-telefonati u mis-sejħiet telefoniċi, kif ukoll minn servizzi oħra ta’ valur miżjud. Għalkemm il-Kummissjoni kkonstatat li “l-provvista ta’ diversi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet għall-abbonati hija suġġetta għall-konnessjoni man-netwerk ta’ telefonija fissa” u li dawn is-servizzi jippermettu li jiġi ġġenerat dħul addizzjonali kunsiderabbli (deċiżjoni kkontestata, premessa 205), hija madankollu rrifjutat, b’mod kuntradittorju, li tieħu in kunsiderazzjoni t-tariffi ta’ l-imsemmija servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-analiżi tagħha tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Minn perspettiva ekonomika, madankollu, tali kunsiderazzjoni hija neċessarja sabiex jiġu evalwati l-possibbiltajiet effettivi li jidħol fis-suq ta’ kompetitur tar-rikorrenti.

    156

    B’hekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tenfasizza li, kemm għall-komunikazzjonijiet lokali u kif ukoll għall-komunikazzjonijiet interurbani u internazzjonali, il-kompetituri tagħha mhumiex obbligati joffru lill-klijentela tagħhom is-servizzi ta’ “għażla bil-quddiem” (għażla ta’ l-operatur b’mod permanenti) u “call-by-call” (għażla ta’ l-operatur skond il-każ). Il-kompetituri tagħha jistgħu għalhekk jipprevedu l-ammont tad-dħul tagħhom, fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi, b’mod ħafna iktar ċert minnha. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tinsisti fuq il-fatt li, fir-rigward tat-telefonati interurbani, hija kienet diġà obbligata, mill-1998, tippermetti l-“għażla bil-quddiem” u l-“call-by-call” [iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “għażla (bil-quddiem)”].

    157

    Ir-rikorrenti tenfasizza, barra minn dan, fir-replika tagħha, li l-għażla (bil-quddiem) ta’ l-operatur mhijiex eskluża għal kollox għall-klijenti tal-kompetituri tagħha. Madankollu, kważi l-kompetituri kollha tar-rikorrenti jagħmlu użu mill-possibbiltà, li r-rikorrenti m’għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha, li jeskludu l-għażla (bil-quddiem) safejn din l-esklużjoni hija ta’ benefiċċju għalihom. Il-kompetituri tar-rikorrenti jiżguraw b’hekk dħul ċert mill-komunikazzjonijiet telefoniċi, minħabba l-esklużjoni volontarja ta’ l-għażla (bil-quddiem) ta’ l-operatur. Ebda waħda mil-lanjanti fil-proċedura amministrattiva ma kkunsidrat, barra minn hekk, li l-offerta tagħha kienet anqas attraenti minħabba l-esklużjoni ta’ l-għażla (bil-quddiem) u li tariffa ta’ konnessjoni inqas kellha tiġi offerta bħala kumpens. Barra minn dan, it-tariffi ta’ komunikazzjonijiet tagħhom huma kważi kollha ogħla mill-ispejjeż sabiex tiġi stabbilita l-komunikazzjoni.

    158

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kompetituri tagħha jistgħu joffru, abbażi ta’ aċċess disassoċjat għan-netwerk tal-linji lokali, prodotti ġodda li r-rikorrenti stess ma toffrix. Għalhekk, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat wkoll, fil-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, id-dħul addizzjonali li prodotti tali jiġġeneraw.

    159

    It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li t-tariffi tagħha għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati (ħlas inizjali u abbonamenti ta’ kull xahar) ma jistgħux jiġu iżolati mit-tariffi tal-komunikazzjonijiet. Fil-fatt, il-kompetizzjoni fis-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet issir permezz ta’ gruppi ta’ servizzi. Hija tirreferi għal dan il-għan għal studju tas-suq. B’hekk, l-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet joffru għażla ta’ varjanti ta’ konnessjonijiet u ta’ għażliet ta’ komunikazzjonijiet li huma kkummerċjalizzati bħala prodott globali. Dawn jikkonsistu f’offerti ta’ prezzijiet imħalta fejn l-abbonamenti ta’ kull xahar aktar għoljin jikkorrispondu għal tariffi ta’ komunikazzjonijiet irħas. Ir-RegTP, billi teżamina, fid-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ April 2003, il-kwistjoni jekk it-tariffi tar-rikorrenti rriżultawx fi pressjoni fuq il-marġni li fixklet il-kompetizzjoni, kienet ukoll qieset bħala deċiżiv il-fatt li l-kompetituri tar-rikorrenti huma f’pożizzjoni li jagħmlu dħul addizzjonali mis-servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Spjegazzjonijiet identiċi jew simili jinsabu wkoll fid-deċiżjonijiet l-oħra mogħtija mir-RegTP bejn l-1999 u l-2003 u ċċitati fil-punt 78 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tirreferi barra minn dan għall-prassi tal-Federal Communications Kummissjoni (FCC) ta’ l-Istati Uniti u ta’ l-Office of Telecommunications (Oftel) Brittaniku kif ukoll għall-opinjoni espressa mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2000 fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jikkonfermaw il-pożizzjoni li, fl-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni d-dħul l-ieħor li jista’ jkollhom il-kompetituri.

    160

    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għandha ssir fuq diversi livelli ta’ aggregazzjoni, meta servizz intermedjarju jservi ta’ bażi għal diversi servizzi pprovduti lill-abbonati. Għalhekk, f’kull livell, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss l-ispejjeż tas-servizzi intermedjarji li huma esklużivament relatati mal-prodott finali korrispondenti jew mal-grupp ta’ prodotti finali kkonċernat. Għaldaqstant, jekk il-manifattura tal-prodott finali PF1 tirrikjedi l-prodotti intermedjarji PI1 u PI2, iżda jekk, fl-istess ħin, l-imsemmi PI2 jikkostitwixxi, flimkien mal-PI3, il-bażi għall-manifattura tal-prodott finali PF2, ikun hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet meta l-prezz rispettiv tal-PF1 jew tal-PF2 ikun anqas mill-prezz tal-PI1 jew mill-prezz tal-PI3, jew is-somma tal-prezz tal-PFl u tal-PF2 tkun anqas mis-somma tal-prezz tal-PI1, tal-PI2 u tal-PI3. Madankollu, il-prezz tal-PI2 m’għandux jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fl-ewwel livell ta’ aggregazzjoni. L-analiżi għandha ssir fuq livell ta’ aggregazzjoni ogħla meta l-prodotti PFI u PF2 jikkostitwixxu ħaġa waħda mill-perspettiva tal-klijent jew meta l-prodotti PF1 u PF2 jinġabru fl-istess grupp għal raġunijiet tekniċi jew legali (permezz tal-prodott intermedjarju PI2), b’tali mod li l-impriża f’pożizzjoni dominanti titlef neċessarjament id-dħul miż-żewġ prodotti finali PF1 u PF2 meta jsir it-trasferiment tal-prodott intermedjarju PI2. L-aċċess disassoċjat għan-netwerk tal-linji lokali jikkostitwixxi prodott intermedjarju mill-inqas għal żewġ prodotti finali, jiġifieri l-komunikazzjonijiet u l-konnessjonijiet, li jikkostitwixxu “cluster” għall-klijenti. L-ispejjeż tal-prodott intermedjarju m’għandhomx jiġu imputati biss fuq wieħed miż-żewġ prodotti finali, iżda fuq it-tnejn li huma. Minn dan jirriżulta li t-tariffi għall-kiri tal-linji lill-abbonati, kif ukoll għall-komunikazzjonijiet u s-servizzi b’valur miżjud, għandhom jiġu mqabbla ma’ l-ispejjeż relatati ma’ din l-offerta globali ta’ servizzi fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    161

    Ir-rikorrenti tikkontesta, barra minn dan, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tat-tariffi (deċiżjoni kkontestata, premessi 120 sa 123). B’hekk, skond ir-rikorrenti, ir-ristrutturazzjoni tat-tariffi, li għandha bħala għan li tnaqqas l-iżbilanċ ta’ konnessjoni li jeżisti tradizjonalment fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri permezz ta’ żieda fit-tariffi ta’ konnessjoni u ta’ tnaqqis parallel tat-tariffi ta’ komunikazzjonijiet, tirrigwarda biss l-operaturi storiċi. Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tirrigwarda d-dħul fis-suq ta’ kompetituri tar-rikorrenti. Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 82 KE, jeħtieġ biss li jkun magħruf jekk huwiex possibbli għall-kompetituri, fid-dawl tas-sitwazzjoni reali tas-suq, li jipprovdu servizzi mingħajr tfixkil lill-abbonati, fuq il-bażi tat-tariffi applikati mir-rikorrenti għas-servizzi intermedjarji. Għal dan il-għan, ir-rikorrenti tfakkar li l-kompetituri tagħha mhumiex obbligati joffru l-għażla (bil-quddiem). Il-kuntest legali jippermetti b’hekk lill-kompetituri tar-rikorrenti li jibbenefikaw minn dħul legalment iggarantit, minħabba s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet, b’mod għal kollox indipendenti mir-ristrutturazzjoni tat-tariffi. Ir-rikorrenti tinsisti wkoll fuq il-fatt li hija suġġetta għar-regolazzjoni tar-RegTP li hija intiża sabiex tilħaq ristrutturazzjoni progressiva tat-tariffi.

    162

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet huwa żbaljat, safejn huwa bbażat fuq l-ipoteżi li għandu jkun possibbli għall-kompetituri tagħha li jirripproduċu kompletament l-istruttura tal-klijentela tagħha (deċiżjoni kkontestata, premessi 120 sa 127). Madankollu, ebda kompetitur m’għandu interess jirripproduċi din l-istruttura ta’ klijentela li hija kkaratterizzata, minħabba l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi universali, minn sehem għoli ħafna bi dħul baxx minn abbonati bi dħul baxx li jibbenefikaw minn linji analogi, li jiġġeneraw biss dħul mill-bejgħ baxx u li mhumiex lesti li jibdlu għal konnessjonijiet b’valur iktar għoli. Il-fatt li, fil-każ tal-kompetituri tar-rikorrenti, is-sehem tal-linji analogi waqa’ minn 21 għal 10 % bejn l-1999 u l-2002 (deċiżjoni kkontestata, premessa 182) huwa dovut għall-fatt li l-klijenti tal-kompetituri tar-rikorrenti bidlu aktar u aktar għal konnessjonijiet b’valur miżjud ogħla.

    163

    Ir-rikorrenti tiddikjara li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni (deċiżjoni kkontestata, premessa 133), fis-setturi tas-suq l-aktar profittabbli li jippreżentaw interess għall-kompetituri tar-rikorrenti (konnessjonijiet ISDN u konnessjonijiet ADSL permezz ta’ linji analogi jew linji ISDN), ma teżisti ebda pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Kemm it-tariffi tagħha u kif ukoll tal-kompetituri tagħha, għal-linji ta’ setturi b’valur miżjud aktar b’saħħtu, huma biżżejjed sabiex ikopru l-ispejjeż.

    164

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni fil-kalkolu tal-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji. Il-kanċellazzjoni ta’ linja ta’ abbonat minn kompetitur tar-rikorrenti timplika kemm ħidma ta’ konnessjoni għar-restituzzjoni lir-rikorrenti tal-linja mikrija ta’ l-abbonat u kif ukoll xogħol amministrattiv, li mhumiex neċessarji f’każ ta’ kanċellazzjoni minn abbonat meta r-rikorrenti tuża hija stess linja ta’ abbonat. Dawn huma spejjeż speċifiċi ta’ ineffikaċità, li jirriżultaw mid-dħul fuq is-suq, li, ipotetikament, l-operatur storiku f’pożizzjoni dominanti ma kienx jaf bihom. Spejjeż tali ġġenerati biss permezz ta’ azzjonijiet tekniċi jew amministrattivi relatati mad-dħul fuq is-suq għandhom jiġu injorati fl-analiżi tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 82 KE ma jobbligax impriża f’pożizzjoni dominanti sabiex telimina l-barrieri għad-dħul kollha, iżda jipprojbixxi l-ħolqien ta’ barrieri artifiċjali għad-dħul.

    165

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti I u II jitolbu li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    i) Fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kellhiex tipprova li l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti kienu abbużivi fihom infushom

    166

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skond id-deċiżjoni kkontestata (premessa 201), “[l-]abbuż imwettaq mir-[rikorrenti] jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għad-detriment tal-kompetituri tagħha”. Il-Kummissjoni tqis, fil-fatt, li teżisti “pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva meta d-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u t-tariffi tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli għall-kompetituri tagħha hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ta’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi tiegħu stess għall-abbonati fuq is-suq sussegwenti” (deċiżjoni kkontestata, premessa 107).

    167

    Huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tistabbilixxi biss l-eżistenza tal-marġni ta’ flessibbiltà li r-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex taġġusta l-prezzijiet bl-imnut tagħha. Madankollu, in-natura abbużiva ta’ l-imġiba tar-rikorrenti hija marbuta man-natura inġusta tad-differenza bejn il-prezzijiet tagħha għas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tagħha, fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ l-abbuż ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprova, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti kienu abbużivi fihom infushom.

    168

    Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li n-natura abbużiva ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tista’ tirriżulta biss min-natura abbużiva tal-prezzijiet bl-imnut tagħha.

    ii) Fuq il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    Id-deċiżjoni kkontestata

    169

    Fil-premessi 106 sa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-metodu li hija użat sabiex tikkalkula l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    170

    Hija tenfasizza l-ewwel nett li d-determinazzjoni tal-pressjoni abbużiva fuq il-marġni hija bbażata fuq il-paragun bejn “il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti fuq is-suq u t-tariffi tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli [ma’ dawk tal-]kompetituri tagħha” (deċiżjoni kkontestata, premessa 107).

    171

    Il-Kummissjoni żżid li “l-paragun bejn is-servizzi intermedjarji u s-servizzi ta’ aċċess lill-abbonati huwa indispensabbli sabiex tiġi ddeterminati pressjoni fuq il-marġni” (deċiżjoni kkontestata, premessa 109). Skond il-Kummissjoni, “safejn l-operatur storiku u l-kompetituri tiegħu ġeneralment jipprovdu t-tipi kollha ta’ servizzi lill-abbonati”, għandu jiġi “stabbilit jekk is-servizzi lill-abbonati u s-servizzi intermedjarji ta’ l-operatur storiku humiex komparabbli sal-punt li jippreżentaw karatteristiċi tekniċi identiċi jew ta’ l-inqas simili u li jippermettu l-provvista ta’ servizzi identiċi jew simili” (deċiżjoni kkontestata, premessa 109).

    172

    Il-Kummissjoni tikkonstata li t-tariffi tas-servizzi intermedjarji għall-aċċess disassoċjat għa-netwerk tal-linji lokali huma fil-fatt komparabbli mal-prezzijiet bl-imnut, billi l-aċċess għas-servizzi intermedjarji jagħti lill-kompetituri tar-rikorrenti l-possibbiltà li joffru lill-abbonati tagħhom medda varjata ta’ servizzi ta’ aċċess, jiġifieri l-aċċess analogu narrowband, l-aċċess diġitali narrowband (ISDN) u l-aċċess broadband fil-forma ta’ servizzi ADSL (deċiżjoni kkontestata, premessi 110 u 112).

    173

    Skond il-Kummissjoni, teżisti pressjoni abbużiva fuq il-marġni jekk id-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli ma’ dawk tal-kompetituri tagħha “hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ta’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi tiegħu stess għall-abbonati fuq is-suq sussegwenti” (deċiżjoni kkontestata, premessa 107). Il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’hekk fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż tar-rikorrenti sabiex tevalwa jekk il-prezzijiet ta’ din ta’ l-aħħar humiex abbużivi.

    174

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji tagħha tirriżultax fi pressjoni abbużiva fuq il-marġni, il-Kummissjoni tqabbel il-prezz ta’ servizz intermedjarju wieħed (aċċess għan-netwerk tal-linji lokali) mal-prezz ta’ diversi servizzi lill-abbonati (aċċess għal konnessjonijiet analogi, ISDN u ADSL) (deċiżjoni kkontestata, premessa 113).

    175

    Fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax id-dħul mill-komunikazzjonijiet telefoniċi. Hija teżamina sempliċement it-tariffi għas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk li hija tqabbel mat-tariffi tas-servizzi intermedjarji (deċiżjoni kkontestata, premessa 119).

    176

    Peress li r-RegTP iffissat tariffi uniformi għas-servizzi intermedjarji, irrispettivament min-natura tas-servizzi sussegwenti li l-kompetituri joffru bis-saħħa ta’ l-aċċess għan-netwerk tal-linji lokali li tipprovdilhom ir-rikorrenti (deċiżjoni kkontestata, premessa 113), jeħtieġ, skond il-Kummissjoni, li t-tariffi għas-servizzi intermedjarji jitqabblu mat-tariffi medji għat-totalità tal-linji ta’ l-abbonati, billi jiġu kkunsidrati l-varjanti ta’ servizzi ta’ aċċess effettivament ikkummerċjalizzati mir-rikorrenti u l-prezz ta’ dawn il-linji (deċiżjoni kkontestata, premessa 116).

    177

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-prezzijiet bl-imnut (għal kull varjanti offerta mir-rikorrenti) u l-prezzijiet għas-servizzi intermedjarji jinkludu żewġ komponenti, jiġifieri ħlas inizjali u abbonament ta’ kull xahar (deċiżjoni kkontestata, premessi 142 u 149).

    178

    Sabiex jiġi kkalkulat il-“prezz ta’ kull xahar” tal-ħlas inizjali, dan il-ħlas ġie diviż b’[kunfidenzjali], ammont li jikkorispondi għat-tul medju (espress f’xhur) ta’ żamma ta’ linja telefonika mill-abbonati (deċiżjoni kkontestata, premessi 148 u 151).

    179

    B’hekk, il-prezz bl-imnut totali medju ta’ kull xahar huwa kompost mis-somma tal-prezz ta’ l-abbonament medju ta’ kull xahar (billi jiġu kkunsidrati s-servizzi kollha ta’ aċċess għall-abbonati) u tal-ħlas medju inizjali (billi jiġu kkunsidrati s-servizzi kollha ta’ aċċess għall-abbonati u tat-tul medju ta’ abbonament) (deċiżjoni kkontestata, premessa 148).

    180

    Il-prezz totali medju ta’ kull xahar tas-servizzi intermedjarji huwa kompost mis-somma tal-prezz ta’ l-abbonament ta’ kull xahar u tal-prezz tal-ħlas medju inizjali (billi jiġi kkunsidrat t-tul medju ta’ abbonament) (deċiżjoni kkontestata, premessa 151). Il-ħlas inizjali għas-servizzi intermedjarji jinkludi anki, skond il-Kummissjoni, l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li “[l]-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni huma miġbura sabiex linja disassoċjata tiġi mqabbda mill-ġdid man-netwerk [tar-rikorrenti] u huma ffatturati biss lill-kompetituri li jixtru servizzi intermedjarji” u żżid li, “flimkien mal-ħlas għall-konnessjoni tas-servizz dawn l-ispejjeż jikkostitwixxu l-intier tal-ħlas inizjali li l-kompetituri [tar-rikorrenti] għandhom iħallsuha għas-servizzi intermedjarji” (deċiżjoni kkontestata, premessa 151).

    181

    Fuq il-bażi ta’ tali kalkolu tal-prezzijiet ta’ kull xahar, il-Kummissjoni tikkonstata li d-differenza bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti kienet negattiva mill-1998 sa 2001 (deċiżjoni kkontestata, premessa 153). Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, mhuwiex meħtieġ, skond il-Kummissjoni, “li jiġi stabbilit jekk din id-differenza kinitx biżżejjed sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi sussegwenti [mħallsa] mir-[rikorrenti] fir-relazzjonijiet tagħha ma’ l-abbonati tagħha” (deċiżjoni kkontestata, premessa 153). Min-naħa l-oħra, peress li d-differenza kienet pożittiva mill-2002, il-Kummissjoni kkalkulat “l-ispejjeż speċifiċi [għall-provvista ta’ servizzi għall-abbonati] mħallsa [mir-rikorrenti], sabiex tiddetermina jekk dan il-marġni pożittiv [kienx] suffiċjenti sabiex [ir-rikorrenti] tkopri [dawn] l-ispejjeż speċifiċi” (deċiżjoni kkontestata, premessa 154).

    182

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-pressjoni fuq il-marġni għall-aċċess għan-netwerk tal-linji lokali kienet għadha teżisti (deċiżjoni kkontestata, premessa 161), safejn l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti għall-provvista tas-servizzi għall-abbonati kienu għadhom ogħla mill-marġni pożittiv bejn il-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji (deċiżjoni kkontestata, premessa 160).

    Legalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni

    — Osservazzjonijiet preliminari

    183

    Għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti tressaq tliet ilmenti kontra l-metodu użat għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut, il-Kummissjoni ma kienx imissha ħadet in kunsiderazzjoni esklużivament id-dħul mit-tqegħid ta’ linji telefoniċi għad-dispożizzjoni ta’ l-abbonati, iżda kien imissha ħadet in kunsiderazzjoni wkoll id-dħul minn servizzi oħra bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet. It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex turi l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni abbażi ta’ l-ipoteżi li l-kompetituri tar-rikorrenti għandhom interess li jirripproduċu kompletament l-istruttura tal-klijentela tagħha. It-tielet nett, il-metodu użat huwa żbaljat safejn il-Kummissjoni tgħolli l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji billi tieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni fil-kalkolu ta’ dawn ta’ l-aħħar.

    184

    Id-diversi argumenti magħmula fil-kuntest ta’ l-ewwel żewġ ilmenti huma relatati kollha ma’ xi waħda miż-żewġ karatteristiċi essenzjali tal-metodu użat mill-Kummissjoni. L-ewwel karatteristika tirrigwarda l-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni abbażi tat-tariffi u ta’ l-ispejjeż ta’ l-impriża vertikalment integrata li tokkupa pożizzjoni dominanti, mingħajr ma tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni speċifika tal-kompetituri fis-suq. It-tieni waħda tirrigwarda t-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mis-servizzi ta’ aċċess kollha, billi jiġi eskluż id-dħul minn servizzi oħra li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ aċċess għan-netwerk fiss.

    185

    Qabel ma jiġu eżaminati dawn id-diversi lmenti u argumenti, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-qorti Komunitarja teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni humiex issodisfati, l-istħarriġ li hija teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa limitat neċessarjament għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p. 2545, punt 34; tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 78).

    — Fuq l-allegata illegalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni fuq il-bażi tat-tariffi u ta’ l-ispejjeż ta’ l-impriża vertikalment integrata li tokkupa pożizzjoni dominanti, mingħajr ma ttieħdet in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni speċifika tal-kompetituri fis-suq

    186

    Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-prattika tat-tariffi ta’ l-impriża dominanti kinitx ta’ natura tali li telimina mis-suq operatur ekonomiku effiċjenti daqs l-impriża dominanti. Għalhekk, sabiex tevalwa jekk il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti kinitx abbużiva, il-Kummissjoni bbażata ruħha biss fuq it-tariffi u l-ispejjeż tar-rikorrenti, u mhux fuq is-sitwazzjoni speċifika tal-kompetituri, attwali jew potenzjali, tar-rikorrenti.

    187

    Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, “wieħed jista’ jikkonkludi li hemm pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet abbużiva meta d-differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut ta’ impriża dominanti u t-tariffi tas-servizzi intermedjarji għal servizzi komparabbli għall-kompetituri tagħha hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodotti ta’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi tiegħu stess għall-abbonati fuq is-suq sussegwenti”(deċiżjoni kkontestata, premessa 107). F’dan il-każ, il-pressjoni fuq il-marġni hija abbużiva safejn ir-rikorrenti stess “ma kinitx tkun f’pożizzjoni […] li toffri s-servizzi tagħha lill-abbonati mingħajr ma tinkorri telf li kieku kienet obbligata tħallas, fil-forma ta’ ħlas bejn kumpanniji, it-tariffa ta’ aċċess għas-servizzi intermedjarji interni għas-servizzi tagħha lill-abbonati” (deċiżjoni kkontestata, premessa 140). F’tali ċirkustanzi, “kompetituri [li] huma effiċjenti” daqs ir-rikorrenti ma jistgħux “joffru s-servizzi ta’ konnessjoni lill-abbonati bi prezz kompetittiv sakemm ma jsibux vantaġġi ta’ effiċjenza oħra” (deċiżjoni kkontestata, premessa 141; ara wkoll id-deċiżjoni kkontestata, premessa 108).

    188

    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, s’issa, il-qorti Komunitarja għadha qatt ma ddeċidiet espliċitament fuq il-metodu li għandu jiġi applikat sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar, madankollu, li n-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti hija prinċipalment iddeterminata b’referenza għas-sitwazzjoni tagħha stess u, għalhekk, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha, u mhux b’referenza għas-sitwazzjoni ta’ kompetituri attwali jew potenzjali.

    189

    Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 74), il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni biss it-tariffi u l-ispejjeż ta’ l-impriża dominanti, sabiex tevalwa jekk il-prattika tat-tariffi ta’ AKZO kinitx abbużiva. L-approċċ issuġġerit mill-Avukat Ġenerali Lenz, fis-sens li kien “neċessarju li tiġi analizzata l-istruttura ta’ l-ispejjeż ta’ kull waħda mit-tliet impriżi (jiġifieri AKZO u ż-żewġ kompetituri tagħha) li għandhom il-monopolju ta’ l-offerta, b’tali mod li tkun tista’ tinkiseb stampa eżatta tal-livell tal-prezz effettivament iġġustifikat mill-perspettiva ekonomika” (punt 34 tal-konklużjonijiet), ma ġiex għalhekk aċċettat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    190

    Billi ħadet approċċ simili, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Novembru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kummissjoni (T-5/97, Ġabra p. II-3755), li l-fatt li r-rikorrenti, li kienet irrapportat allegata prattika ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, “ma tistax, probabbilment minħabba l-ispejjeż ta’ manifattura aktar għolja tagħha, tibqa’ kompetittiva fil-bejgħ tal-prodott idderivat ma jistax jiġġustifika li l-prattika ta’ prezz tal-[kumpannija dominanti] tiġi kklassifikata bħala abbużiva” (punt 179).

    191

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni tagħha 88/518/KEE, tat-18 ta’ Lulju 1988, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [82 KE] (IV/30.178 — Napier Brown — British Sugar (ĠU L 284, p. 41, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Napier Brown — British Sugar”), ikkunsidrat ukoll li l-pressjoni fuq il-marġni għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tat-tariffi u ta’ l-ispejjeż ta’ l-operatur vertikalment integrat li jokkupa pożizzjoni dominanti (premessa 66). Fl-istess deċiżjoni hija tikkonstata fiha li “[ż]-żamma, minn impriża dominanti, li hija dominanti kemm fis-suq tal-materja prima u kif ukoll fuq dak tal-prodott idderivat, ta’ marġni bejn il-prezz li hija tiffattura għall-materja prima lill-impriżi li jikkompetu magħha fuq is-suq tal-prodott idderivat, [minn naħa], u l-prezz li hija tiffattura għall-prodott idderivat, [min-naħa l-oħra], li huwa insuffiċjenti sabiex jirrifletti l-ispejjeż ta’ trasformazzjoni ta’ l-impriża dominanti stess (f’dan il-każ, il-marġni miżmum minn British Sugar bejn il-prezzijiet industrijali taz-zokkor u l-prezzijiet bl-imnut taz-zokkor tagħha fil-konfront ta’ l-ispejjeż tagħha sabiex tqiegħed mill-ġdid il-prodott f’pakketti), bir-riżultat li tkun limitata l-kompetizzjoni fuq il-prodott idderivat, tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti” (premessa 66).

    192

    Għandu jiġi miżjud li kull approċċ ieħor huwa ta’ natura li jista’ jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, li kieku l-legalità tal-prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti kienet tiddependi mis-sitwazzjoni speċifika ta’ l-impriżi kompetituri, b’mod partikolari mill-istruttura ta’ l-ispejjeż ta’ dawn ta’ l-aħħar, li hija data li mhijiex ġeneralment magħrufa mill-impriża dominanti, din ta’ l-aħħar ma tkunx kapaċi tevalwa l-legalità ta’ l-imġiba tagħha.

    193

    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ibbażat l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti biss b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrenti u, għaldaqstant, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha.

    194

    Peress li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti stess, jew impriża effiċjenti daqsha, kinitx tkun f’pożizzjoni li toffri s-servizzi tagħha lill-abbonati mingħajr ma tinkorri telf li kieku kienet obbligata l-ewwel minn qabel, fil-forma ta’ ħlas bejn kumpanniji, tali tariffi għas-servizzi intermedjarji interni, l-argument tar-rikorrenti li l-kompetituri tagħha ma jipprovawx jirripproduċu l-istruttura ta’ klijentela tagħha u jistgħu jiksbu dħul addizzjonali permezz ta’ prodotti ġodda li huma biss joffru fuq is-suq, li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda preċiżjoni, huwa irrilevanti. Għall-istess raġunijiet, l-argument li l-kompetituri jistgħu jeskludu l-possibbiltà ta’ għażla (bil-quddiem) ma jistax jiġi aċċettat.

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat biss id-dħul mis-servizzi kollha ta’ aċċess billi eskludiet id-dħul minn servizzi oħra, b’mod partikolati d-dħul mill-komunikazzjonijiet

    195

    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, setgħetx tikkunsidra biss id-dħul minn servizzi ta’ aċċess tar-rikorrenti, filwaqt li teskludi d-dħul minn servizzi oħra, bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

    196

    Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-kuntest legali Komunitarju adottat sa mill-1990 huwa intiż sabiex joħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu kompetizzjoni effettiva fuq is-suq tat-telekomunikazzjonijiet. B’hekk, id-Direttiva tal-Kummissjoni 96/19/KE, tat-13 ta’ Marzu 1996, li temenda d-Direttiva 90/388/KEE dwar kompetizzjoni sħiħa fuq is-suq tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 74, p. 13), li tiddistingwi, fir-rigward ta’ l-istruttura tat-tariffi ta’ l-operaturi storiċi, bejn il-ħlas inizjali ta’ aċċess, l-abbonament ta’ kull xahar u t-tariffi lokali, nazzjonali u internazzjonali, hija intiża sabiex toħloq bilanċ mill-ġdid tat-tariffi bejn dawn id-diversi elementi skond l-ispejjeż reali, sabiex ikun hemm kompetizzjoni sħiħa fuq is-suq tat-telekomunikazzjonijiet. Konkretament, din l-operazzjoni kellha tirriżulta fi tnaqqis tat-tariffi tal-komunikazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali u f’żieda fil-ħlas għall-kontessjoni, fl-abbonament ta’ kull xahar u fil-prezz tal-komunikazzjonijiet lokali (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-500/01, Ġabra p. I-583, I-604, punt 7). L-Istati Membri kienu obbligati jneħħu l-ostakoli għall-bilanċ mill-ġdid tat-tariffi fl-iqsar żmien mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/19, u dan sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1998 (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    197

    Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, “[i]l-kunsiderazzjoni separata tal-prezz ta’ l-aċċess u tal-prezz tal-komunikazzjonijiet hija [għalhekk] diġà magħmula fil-prinċipju tar-ristrutturazzjoni tat-tariffi prevista mid-dritt Komunitarju”.

    198

    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, bid-deċiżjoni Nru 223a tal-BMPT, ir-rikorrenti kellha, minn Ġunju 1997, tagħti lill-kompetituri tagħha aċċess disassoċjat totali għal-linja lokali. Issa, sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni bejn ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha tista’ tiġi ggarantita biss jekk jiġu assigurati opportunitajiet indaqs bejn id-diversi operaturi ekonomiċi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria, C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 83, u ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, ISIS Multimedia u Firma O2, C-327/03 u C-328/03, Ġabra p. I-8877, punt 39).

    199

    Anki jekk jiġi rikonoxxut li, mill-perspettiva ta’ l-abbonat, is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjonijiet jikkostitwixxu ħaġa waħda, jibqa’ l-fatt li, għall-kompetituri tar-rikorrenti, il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet lill-abbonat permezz tan-netwerk fiss tar-rikorrenti tippresupponi aċċess għal-linja lokali. L-opportunitajiet indaqs bejn l-operatur storiku li huwa l-proprjetarju tan-netwerk fiss, bħar-rikorrenti, minn naħa, u l-kompetituri tagħha, min-naħa l-oħra, jimplikaw għalhekk li l-prezzijiet għas-servizzi ta’ aċċess ikunu ffissati fuq livell tali li jqiegħdu lill-kompetituri f’pożizzjoni indaqs ma’ l-operatur storiku għall-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Dawn l-opportunitajiet indaqs huma żgurati biss jekk l-operatur storiku jiffissa l-prezzijiet bl-imnut tiegħu fuq livell li jippermetti lill-kompetituri — li huwa preżunt li huma effiċjenti daqs l-operatur storiku — li jgħaddu l-ispejjeż kollha relatati mas-servizz intermedjarju fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom. Madankollu, jekk l-operatur storiku ma jirrispettax dan il-prinċipju, ikun biss b’telf li l-operaturi l-ġodda jistgħu joffru s-servizzi ta’ aċċess lill-abbonati tagħhom. Huma jkollhom għalhekk jikkompensaw it-telf soffrut fuq il-livell ta’ l-aċċess għal-linja lokali permezz ta’ tariffi għolja fuq il-livell tal-komunikazzjonijiet, ħaġa din li tfixkel ukoll il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet.

    200

    Minn dan jirriżulta li, anki li kieku kien minnu li, kif tallega r-rikorrenti, mill-perspettiva ta’ l-abbonat is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjonijiet jikkostitwixxu “cluster”, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament, fil-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti tfixkilx il-kompetizzjoni, kellha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni fuq il-livell biss tas-servizzi ta’ aċċess u għalhekk mingħajr ma jiġu inklużi t-tariffi ta’ komunikazzjonijiet fil-kalkolu tagħha.

    201

    Barra minn dan, il-kalkolu ta’ kumpens bejn it-tariffi ta’ aċċess u t-tariffi ta’ komunikazzjonijiet, imsemmi mir-rikorrenti, jikkonferma diġà li r-rikorrenti u l-kompetituri tagħha mhumiex f’pożizzjoni indaqs fuq il-livell ta’ l-aċċess għal-linja lokali, li tikkostitwixxi madankollu l-kundizzjoni neċessarja sabiex ma tiġix imfixkla l-kompetizzjoni fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet.

    202

    F’kull każ, in kwantu r-rikorrenti naqqset il-prezzijiet tagħha b’mod konsiderabbli għall-komunikazzjonijiet matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi eskluż li l-kompetituri lanqas biss kellhom il-possibbiltà ekonomika li jagħmlu l-kumpens issuġġerit mir-rikorrenti. Fil-fatt, il-kompetituri, li soffrew diġà żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla mar-rikorrenti fuq il-livell ta’ l-aċċess għal-linja lokali, għandhom joffru tariffi ta’ komunikazzjoni saħansitra aktar baxxi mir-rikorrenti, sabiex jinkoraġġixxu l-klijenti potenzjali jikkanċellaw l-abbonament tagħhom mar-rikorrenti, u minflok jagħmlu abbonament magħhom.

    203

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tat-tariffi, ġustament ikkunsidrat biss id-dħul mis-servizzi ta’ aċċess filwaqt li eskludiet id-dħul minn servizzi oħra, bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet.

    204

    It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-kompetituri tagħha huma interessati biss fis-swieq l-aktar profittabbli, jiġifieri, f’dan il-każ, dak tal-broadband li fuqu ma teżisti ebda pressjoni fuq il-marġni b’tali mod li għalhekk mhemmx lok li jiġu kkunsidrati s-servizzi ta’ aċċess analogu lill-abbonati, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni, minn naħa, għandu jiġi mfakkar li, għall-kompetituri tar-rikorrenti, l-aċċess għall-broadband jimplika neċessarjament aċċess għal-linji analogi jew ISDN (ara l-punt 148 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti I, kompetitriċi tar-rikorrenti, issostni li l-assenza tagħha mis-suq tas-servizzi ta’ aċċess analogu hija l-konsegwenza ta’ l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti u mhijiex dovuta għal għażla awtonoma min-naħa tagħha. F’kull każ, kif ġie osservat fil-punti 186 sa 193 iktar ’il fuq, in-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti għandha tiġi evalwata b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika ta’ din ta’ l-aħħar u, għaldaqstant, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha. L-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti ma tistax għalhekk tiġi influwenzata minn preferenzi eventwali li l-kompetituri tar-rikorrenti jistgħu jkollhom għal suq partikolari.

    205

    Issa, ir-rikorrenti toffri, fuq il-livell tas-servizzi għall-abbonati, servizzi ta’ aċċess analogu, ISDN u ADSL, li jikkorrispondu kollha għal servizz uniku fuq il-livell tas-servizzi intermedjarji.

    206

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 111), li, sabiex tikkalkula l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, hija kellha tqabbel il-prezz tas-servizzi intermedjarji mal-medja mwieżna tal-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi kollha ta’ aċċess, jiġifieri l-aċċess narrowband analogu, l-aċċess narrowband diġitali (ISDN) u l-aċċess broadband fil-forma ta’ ADSL.

    207

    Għalhekk, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni għas-servizzi intermedjarji ġew inklużi fil-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    208

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 18, 149 u 151), l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni ta’ linja ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz totali tas-servizzi intermedjarji tar-rikorrenti. Fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 151), il-Kummissjoni tispjega għal dan il-għan li “[l]-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni huma miġbura sabiex linja disassoċjata tiġi mqabbda mill-ġdid man-netwerk [tar-rikorrenti] u huma ffatturati biss lill-kompetituri li jixtru servizzi intermedjarji” u li, “flimkien mal-ħlas għall-konnessjoni tas-servizz dawn l-ispejjeż jikkostitwixxu l-intier tal-ħlas inizjali li l-kompetituri [tar-rikorrenti] għandhom iħallsuha għas-servizzi intermedjarji”.

    209

    Fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jagħmlu parti mill-ħlas inizjali għas-servizzi intermedjarji, għandu jiġi enfasizzat li, qabel l-10 ta’ Frar 1999, ir-rikorrenti stess kienet tinkludi l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni fil-ħlas tal-konnessjoni mas-servizz ta’ linja li hija kienet tiffattura lill-kompetituri tagħha. Fil-fatt, mill-premessi 18, 22 u mit-tabella 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li kien biss mill-10 ta’ Frar 1999 li tariffa separata ġiet prevista għall-kanċellazzjoni ta’ linja, li rriżultat fi tnaqqis konkomitanti tal-ħlas għall-konnessjoni tas-servizz.

    210

    Għandu jiġi osservat ukoll li mhuwiex ikkontestat li l-abbonat medju jżomm il-linja tat-telefon tiegħu għal perijodu ta’ [kunfidenzjali] xahar (deċiżjoni kkontestata, premessa 148). Issa, peress li l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni huma dovuti lir-rikorrenti mill-kompetitur benefiċjarju tas-servizzi intermedjarji meta abbonat ta’ dan ta’ l-aħħar jikkanċella l-kuntratt tiegħu għas-servizzi ta’ aċċess, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-kompetituri tar-rikorrenti, l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż totali relatati mas-servizz intermedjarju li għandhom jgħaddu fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom.

    211

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ġustament inkludiet l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni fil-kalkolu tal-prezz totali tas-servizz intermedjarju għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

    212

    Għalhekk, lanqas dan l-ilment ma huwa fondat.

    213

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    3. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq allegat żball ta’ kalkolu fil-konstatazzjoni ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    a) L-argumenti tal-partijiet

    214

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ħadet żball fil-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fit-tabella 11 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tabella, li tirrigwarda l-ispejjeż speċifiċi għall-prodotti tar-rikorrenti għas-sena 2001, tinkludi, fir-rigward tal-konnessjonijiet narrowband ISDN (T-ISDN) — bl-eċċezzjoni tad-data relattiva għall-konnessjonijiet T-ISDN “multi-device” standard u comfort — data bbażata fuq it-tabella 3 tad-deċiżjoni kkontestata relattiva għas-sena 2002. Barra minn dan, id-data relattiva għall-konnessjonijiet T-ISDN “multi-device” standard u comfort li tinsab fit-tabella 11 tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkorispondi għal ebda data li tinsab fit-tabelli 3 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata. Sabiex ikun korrett, it-tweżin ta’ l-ispejjeż speċifiċi għall-prodotti tas-sena 2001 kellu jiġi esklużivament ibbażat fuq in-numri ta’ konnessjonijiet imsemmija fit-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata relattiva għas-sena 2001. L-ispejjeż imwieżna speċifiċi għall-prodotti jammontaw biss, fuq il-bażi ta’ din id-data, għal EUR [kunfidenzjali], jiġifieri EUR [kunfidenzjali] inqas mill-ammont ikkalkulat mill-Kummissjoni. Il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata mill-Kummissjoni għandha tiġi mnaqqsa bl-istess ammont.

    215

    Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-iżball ta’ kalkolu identifikat mir-rikorrenti, li madankollu ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    216

    Għandu jiġi kkonstatat li l-iżball ta’ kalkolu, li ġie ammess mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha, jirrigwarda l-kalkolu ta’ l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti għas-sena 2001.

    217

    Dan l-iżball madankollu mhuwiex tali li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    218

    Fil-fatt, għas-snin 1998 sa 2001, l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti ma ttiħdux in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikkwalifika l-politika tat-tariffi bħala abbużiva. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 153), il-Kummissjoni ddeduċiet li l-politika tat-tariffi tar-rikorrenti kienet illegali mill-eżistenza ta’ differenza negattiva bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji tagħha u l-prezzijiet bl-imnut tagħha. Il-konstatazzjoni tan-natura illegali ta’ l-imġiba tar-rikorrenti matul dan il-perijodu, għalhekk, ma ntlaqtet b’ebda mod mill-iżball ta’ kalkolu dwar l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti għas-sena 2001.

    219

    Min-naħa l-oħra, mis-sena 2002, il-Kummissjoni kkwalifikat il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti bħala illegali, in kwantu l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti relatati mas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati qabżu l-marġni pożittiv bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti. Għall-iskopijiet ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 159 u 160) fuq l-ispejjeż speċifiċi tar-rikorrenti għall-2001.

    220

    B’hekk, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni fit-tabella 12 tad-deċiżjoni kkontestata:

    Tabella 12

    (f’EUR)

     

    Mejju 2002

    Lulju 2002

    Jannar 2003

    Frar 2003

    Mejju 2003

    Differenza bejn il-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    Spejjeż speċifiċi medji għal kull linja

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    [kunfidenzjali]

    221

    Għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-referenza għall-ispejjeż speċifiċi tagħha għas-sena 2001 (deċiżjoni kkontestata, premessa 159) għall-finijiet tal-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni, mill-1 ta’ Jannar 2002. Hija ssostni biss li l-ispejjeż speċifiċi tagħha għall-2001 ġew ikkalkulati b’mod żbaljat.

    222

    Li kieku l-Kummissjoni ma ħaditx dan l-iżball fil-kalkolu, l-ispejjeż speċifiċi għall-2001 kien imissihom ġew iffissati, kif tosserva r-rikorrenti, għal EUR [kunfidenzjali] (ara l-punt 214 iktar ’il fuq). Madankollu, anki jekk jiġu kkunsidrati spejjeż speċifiċi tali, mhux ivvizzjati b’kalkolu żbaljat, xorta waħda kien ikun hemm pressjoni fuq il-marġni għall-perijodu kollu tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

    223

    Peress li, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 163 u 201), in-natura inġusta, fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE, tal-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti hija relatata ma’ l-eżistenza stess tal-pressjoni fuq il-marġni, u mhux mad-differenza preċiża tagħha, l-iżball ta’ kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni mhuwiex tali li jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    224

    Minn dan isegwi għalhekk li t-tielet parti ta’ dan il-motiv hija ineffettiva.

    4. Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-assenza tal-pressjoni fis-suq fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata

    a) L-argumenti tal-partijiet

    225

    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjoni ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mill-prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti ma tikkostitwixxix abbuż fiha nfisha. Il-Kummissjoni, għalhekk, kien imissha eżaminat l-effetti reali ta’ l-imġiba in kwistjoni, ħaġa li madankollu m’għamlitx fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-iffissar tat-tariffi tas-servizzi intermedjarji mir-RegTP sar abbażi ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti, il-prova ta’ distorsjoni effettiva għall-kompetizzjoni għandha tiġi sostanzjata.

    226

    Ir-rikorrenti tfakkar li ż-żewġ elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ abbuż, jiġifieri li l-imġiba kkontestata tkun ikkaratterizzata bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi fuq il-bażi tas-servizzi ta’ l-operaturi ekonomiċi u li dawn il-mezzi jikkostitwixxu distorsjoni effettiva għall-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 91). Il-qorti Komunitarja teżiġi għalhekk il-prova li l-imġiba kkontestata tikkostitwixxi barriera għad-dħul ta’ kompetituri oħra jew isservi sabiex telimina l-kompetituri diġà preżenti fuq is-suq. In sostenn ta’ l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurispudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 189 aktar ’il fuq, punt 72; ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C-333/94 P, Ġabra p. I-5951, punt 41, u tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, punti 111 u 119), kif ukoll għall-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni (deċiżjoni Napier Brown — British Sugar, premessa 66), tar-RegTP u ta’ l-FCC. Huwa biss fil-każ eċċezzjonali ta’ bejgħ bi prezz anqas mill-medja ta’ l-ispejjeż varjabbli li l-qorti Komunitarja kkunsidrat prattika tat-tariffi bħala intrinsikament abbużiva.

    227

    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li l-prinċipji elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar prezzijiet predatorji għandhom japplikaw f’każ ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, in kwantu l-prezz tas-servizzi intermedjarji huwa ffissat minn awtorità regolatorja. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tipprova li l-pressjoni fuq il-marġni kkontestata tirriżulta fi preġudizzju effettiv għall-kompetizzjoni. Peress li t-tariffi tas-servizzi intermedjarji huma ffissati mir-RegTP skond l-ispejjeż, din il-prova titressaq biss meta l-impriża li tiddomina s-suq, wara l-fażi ta’ eliminazzjoni tal-kompetituri, tkun f’pożizzjoni li tikkumpensa t-telf li hija soffriet matul din il-fażi ta’ eliminazzjoni, minħabba l-politika tagħha ta’ prezzijiet baxxi, billi żżid il-prezzijiet bl-imnut tagħha. Madankollu, f’dan il-każ, kull tentattiv tar-rikorrenti f’dan is-sens jirriżulta immedjatament fir-ritorn tal-kompetituri tagħha fuq is-suq.

    228

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta li t-tariffi tagħha kkostitwixxew barriera għad-dħul fis-suq jew eliminaw il-kompetituri tagħha mis-suq.

    229

    Minn naħa, jeżistu possibbiltajiet reali ta’ dħul fis-suq għall-kompetituri tar-rikorrenti. Din ta’ l-aħħar tfakkar għal dan il-għan li l-kompetituri tagħha jistgħu jagħmlu sussidji trażversali bejn it-tariffi ta’ komunikazzjoni u t-tariffi ta’ konnessjoni jew bejn tariffi varjabbli u tariffi fissi sabiex jagħmlu tajjeb għal żbilanċ eventwali fir-rigward ta’ konnessjonijiet. Il-fakultà għall-kompetituri tar-rikorrenti, fakultà li r-rikorrenti stess m’għandhiex, li jeskludu l-għażla (bil-quddiem) għall-konnessjonijiet kollha (ara l-punt 156 iktar ’il fuq) tippermetti lill-kompetituri jikkalkulaw b’mod ħafna iktar preċiż mir-rikorrenti d-dħul tagħhom mit-tariffi ta’ komunikazzjoni. Il-kompetituri tar-rikorrenti għandhom għalhekk dħul mill-bejgħ mit-tariffi ta’ komunikazzjoni għal kull konnessjoni nettament ogħla minn dak tar-rikorrenti, flimkien ma’ prevedibbiltà ħafna akbar ta’ dan id-dħul. Ir-risposti tal-kompetituri tar-rikorrenti għat-talba ta’ informazzjoni tad-19 ta’ Jannar 2000 kif ukoll id-deċiżjoni tar-RegTP tad-29 ta’ April 2003 jikkonfermaw li huwa possibbli għall-imsemmija kompetituri li jagħmlu sussidju trażversali bejn tariffi ta’ konnessjoni u tariffi ta’ komunikazzjoni. Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-osservazzjonijiet tagħha tad-29 ta’ Lulju 2002 fuq id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u għad-dokumenti ċċitati f’dawn l-osservazzjonijiet. Fl-aħħar, minn studji mwettqa mir-rikorrenti jirriżulta li l-kompetituri tagħha kollha kienu f’pożizzjoni li jiksbu marġni pożittivi fuq spejjeż diretti permezz ta’ sussidju trażversali bejn it-tariffi fissi tagħhom u t-tariffi varjabbli tagħhom għal kull tip ta’ konnessjoni u għalhekk anki għal-linji analogi.

    230

    Min-naħa l-oħra, mil-liberalizzazzjoni tas-suq Ġermaniż tat-telekomunikazzjonijiet, numru ta’ kompetituri rnexxilhom jiksbu ishma tas-swieq konsiderabbli f’żoni ta’ konċentrazzjoni urbana. Ir-rikorrenti tirreferi għal dan il-għan għall-kumpannija KomTel li, skond id-dikjarazzjonijiet tagħha stess f’komunikat stampa tal-31 ta’ Mejju 2002, tikkontrolla sehem tas-suq ta’ 43 % tal-konnessjonijiet fi Flensburg. F’żoni lokali oħra fejn tipprovdi servizz, skond il-kalkoli tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-linji mikrija mir-rikorrenti lill-kompetituri tagħha, l-ishma tas-suq ta’ fornituri oħra huma per eżempju ta’ [kunfidenzjali]. B’hekk, mill-1998, ir-rikorrenti tilfet [kunfidenzjali] abbonati għall-profitt tal-kompetituri tagħha. Ġaladarba ikun hemm dħul fis-suq lokali, il-ħolqien ta’ infrastruttura tal-kompetitur stess issir ekonomikament profittabbli. Id-dħul fis-suq għandu naturalment jibda permezz ta’ klijenti li jiġġeneraw profitt sabiex jiġu kkonkwistati sussegwentement gruppi ġodda ta’ klijenti bil-qligħ hekk iġġenerat (ittra ta’ Colt, kompetitur tar-rikorrenti, lil din ta’ l-aħħar, tal-15 ta’ Ottubru 2002). Dan jgħodd ukoll għar-reġjuni b’konċentrazzjoni urbana qawwija bħala l-ewwel pass għal kompetizzjoni fuq livell reġjonali. F’kull każ, il-kompetizzjoni fil-Ġermanja żviluppat b’mod aktar favorevoli milli fl-Istati Membri l-oħra. B’hekk, fil-Komunità kollha, total ta’ aktar minn 81 % tal-kirjiet ta’ aċċess dissasoċjati mil-linja lokali huwa tar-rikorrenti.

    231

    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li Colt u Arcor huma minn issa’l quddiem ippreżentati fuq livell nazzjonali u li EWE TEL hija preżenti f’żoni vasti fit-tramuntana tal-Ġermanja bħala fornituri ta’ linji telefoniċi. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda prova tar-rabta kawżali bejn l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u l-allegat ritmu bil-mod ta’ l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. Il-pressjoni fuq il-marġni ma tistax tkun il-kawża tal-post li tokkupa r-rikorrenti fis-settur tas-suq tal-konnessjonijiet broadband, safejn ma hemm ebda pressjoni fuq il-marġni fuq dan is-settur tas-suq.

    232

    Il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti I u II jitolbu li din il-parti tiġi miċħuda.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    233

    Għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ esplojtazzjoni abbużiva huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li hija ta’ natura tali li tinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament minħabba l-preżenza ta’ l-impriża in kwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà limitat u li għandha bħala effett li tostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali tal-prodotti jew tas-servizzi fuq il-bażi tas-servizzi ta’ l-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li għadha teżisti fuq is-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 226 aktar ’il fuq, punt 91, u AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 189 aktar ’il fuq, punt 69; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 2006, Piau vs Il-Kummissjoni, C-171/05 P, Ġabra p. I-37, punt 37; sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, punt 122 aktar ’il fuq, punt 111).

    234

    Skond il-Kummissjoni, il-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti limitat il-kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati. Hija tasal għal din il-konstatazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 179 u 180) mill-eżistenza stess tal-pressjoni fuq il-marġni. Ebda prova ta’ effett anti-kompetittiv m’hija meħtieġa, anki jekk, sussidjarjament, hija tagħmel tali eżami fil-premessi 181 sa 183 tad-deċiżjoni kkontestata.

    235

    Safejn, sad-dħul ta’ l-ewwel kompetitur fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, fl-1998, ir-rikorrenti kellha monopolju de facto fuq is-suq bl-imnut, l-effett anti-kompetittiv li l-Kummissjoni hija obbligata tipprova jikkonċerna d-distorsjoni eventwali li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti setgħet tikkawża fuq l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq dan is-suq.

    236

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, minn naħa, li r-rikorrenti hija proprjetarja tan-netwerk telefoniku fiss fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, li mhuwiex ikkontestat li, kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessi 83 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-ħin ta’ l-adozzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni, fil-Ġermanja ma kienet teżisti ebda infrastruttura oħra li kienet tippermetti lill-kompetituri tar-rikorrenti li jidħlu b’mod viżibbli fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    237

    Fid-dawl tal-fatt li s-servizzi intermedjarji tar-rikorrenti huma għalhekk indispensabbli sabiex waħda mill-kompetituri tagħha tkun tista’ tikkompeti magħha fuq is-suq sussegwenti tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, pressjoni fuq il-marġni bejn it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut tar-rikorrenti tfixkel bħala prinċipju l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq is-swieq sussegwenti. Fil-fatt, jekk il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti jkunu anqas mit-tariffi tas-servizzi intermedjarji tagħha jew jekk id-differenza bejn it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut tar-rikorrenti tkun insuffiċjenti sabiex operatur effiċjenti daqsha jkun jista’ jkopri l-ispejjeż speċifiċi tiegħu għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, kompetitur potenzjali effiċjenti daqs ir-rikorrenti jista’ jidħol fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss billi jinkorri telf.

    238

    Huwa minnu li, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-kompetituri tagħha normalment jirrikorru għal sussidju trażversali, fis-sens li huma jikkumpensaw it-telf subit fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati bil-profitt li huwa jiġġeneraw minn swieq oħra, bħas-swieq tal-komunikazzjonijiet. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti, bħala proprjetarja tan-netwerk fiss, m’għandhiex bżonn li tirrikorri għal servizzi intermedjarji sabiex tkun tista’ toffri servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li, kuntrarjament għall-kompetituri tagħha, hija mhijiex obbligata għalhekk, minħabba prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti, tipprova tikkumpensa telf subit fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il-pressjoni fuq il-marġni kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata tfixkel il-kompetizzjoni mhux biss fuq is-suq ta’ aċċess għall-abbonati, iżda wkoll fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet (ara l-punti 197 sa 202 iktar ’il fuq).

    239

    Barra minn dan, l-ishma żgħar tas-suq miksuba mill-kompetituri tar-rikorrenti fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, mil-liberalizzazzjoni tas-suq permezz tad-daħla fis-seħħ tat-TKG, fl-1 ta’ Awwissu 1996, huma xhieda ta’ l-ostakoli li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti ħolqot għall-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq dawn is-swieq. B’hekk, ir-rikorrenti ppreċiżat fis-seduta li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 181) fis-sens li, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompetituri tagħha kollha flimkien fil-Ġermanja kienu jikkontrollaw biss “4,4 % tas-suq ta’ l-aċċess narrowband u 10 % tas-suq ta’ l-aċċess narrowband” u li, “[f]l-aħħar ta’ l-2002, l-64 kompetitur flimkien kienu fil-pussess biss ta’ 2,35 miljun linja tat-telefon fuq total ta’ 53,72 miljun fil-Ġermanja”.

    240

    Barra minn dan, mhuwiex ikkontestat li, jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni biss il-linji analogi, li kienu jirrappreżentaw fil-Ġermanja, fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, 75 % tal-linji kollha, is-sehem tal-kompetituri tar-rikorrenti waqa’ minn 21 % fl-1999 għal 10 % fl-2002 (deċiżjoni kkontestata, premessa 182).

    241

    Ir-rikorrenti madankollu enfasizzat li numru ta’ kompetituri rnexxielhom jiksbu ishma tas-swieq konsiderabbli f’żoni ta’ konċentrazzjoni urbana.

    242

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-definizzjoni tas-suq mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 92 sa 95) fis-sens li s-suq ġeografiku in kwistjoni huwa s-suq Ġermaniż. Il-progress ta’ ċerti kompetituri tar-rikorrenti f’ċerti żoni ta’ konċentrazzjoni urbana ma jaffettwax għalhekk il-konstatazzjoni li l-kompetituri tar-rikorrenti kollha flimkien ma kisbux ħlief ishma tas-suq żgħar fuq is-suq ġeografiku kkonċernat tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    243

    Il-fatt li l-kompetizzjoni żviluppat b’mod anqas favorevoli fl-Istati Membri l-oħra ma jurix li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti ma kellhiex effett anti-kompetittiv fil-Ġermanja, li tikkostitwixxi s-suq ġeografiku rilevanti. Is-sitwazzjoni allegatament inqas favorevoli fl-Istati Membri l-oħra tista’ tkun dovuta għal liberalizzazzjoni aktar tardiva tas-swieq tas-servizzi kkonċernati, jiġifieri wara l-1 ta’ Ġunju 1997, id-data li minnha r-rikorrenti kienet obbligata, skond id-dritt Ġermaniż applikabbli, tagħti lill-kompetituri tagħha aċċess disassoċjat totali għal-linja lokali (ara l-punt 198 iktar ’il fuq). Għandu jiġi nnotat għal dan il-għan li l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2000, dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU L 336, p. 4), jimponi obbligu tali fuq l-operaturi storiċi biss mill-31 ta’ Diċembru 2000. Is-sitwazzjoni allegatament inqas favorevoli fl-Istati Membri l-oħra tista’ tkun dovuta wkoll għall-eżistenza ta’ ksur ieħor tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. F’kull każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni naqset minn ċerti obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 211 KE billi naqset li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet fi Stati Membri oħra, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika l-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE imwettaq f’dan il-każ mir-rikorrenti fl-istess settur (sentenza van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, punt 86 aktar ’il fuq, punt 84; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 127, u tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 2559).

    244

    Fl-aħħar, fir-rigward ta’ l-argument, imqajjem fir-replika, li żewġ kompetituri tar-rikorrenti kienu “sadanittant” preżenti fuq il-livell nazzjonali, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data li fiha l-att ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-395/94, Ġabra p. II-875, punt 252). F’kull każ, ir-rikorrenti, li tonqos milli tikkwantifika l-preżenza tal-kompetituri fuq il-livell nazzjonali, ma tressaq ebda element ta’ natura tali li jinvalida l-konstatazzjonijiet, magħmula fil-premessi 180 sa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li l-prattika tat-tariffi tagħha effettivament tfixkel il-kompetizzjoni fuq is-suq Ġermaniż tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati.

    245

    Minn dan isegwi li l-aħħar parti ta’ l-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    B — Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura difettuża tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

    1. L-argumenti tal-partijiet

    246

    Ir-rikorrenti tfakkar l-ewwel nett li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata li hija kisret l-Artikolu 82(a) KE “bl-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti għall-konnessjoni tas-servizz u għall-abbonament ta’ kull xahar relatati ma’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali mill-kompetituri tagħha u mill-abbonati [tagħha]”. Skond id-dispożittiv, it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti huma għalhekk inġusti. Madankollu, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tariffi tar-rikorrenti per se ma ġewx ikkwalifikati bħala inġusti. Kienet biss ir-relazzjoni bejn it-tariffi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut li ġiet ikkunsidrata bħala abbużiva minħabba l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex għalhekk sostnut mill-motivi ta’ din ta’ l-aħħar.

    247

    It-tieni nett, ir-rikorrenti tfakkar li l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jordnalha li ttemm il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u li tastjeni milli tirrepeti l-aġir jew l-imġiba msemmija fl-imsemmi Artikolu 1. Issa, apparti l-fatt li l-inġunzjoni ta’ l-Artikolu 2 tinsab f’kuntradizzjoni mal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, din ma tistax tiġi eżegwita billi r-rikorrenti mhijiex f’pożizzjoni li teżerċita influwenza fuq il-prezz tas-servizzi intermedjarji.

    248

    Fl-aħħar nett, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li l-Artikolu 1 tad-dispożittiv huwa vvizzjat ukoll, billi l-Kummissjoni tikkonstata fih li, billi tapplika tariffi inġusti, ir-rikorrenti kisret l-Artikolu 82 KE. Issa, ir-rikorrenti m’għandha ebda marġni ta’ flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dawn it-tariffi (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

    249

    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    250

    Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata li r-rikorrenti “kisret id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 82(a) KE bl-applikazzjoni ta’ tariffi inġusti għall-konnessjoni tas-servizz u għall-abbonament ta’ kull xahar relatati ma’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali mill-kompetituri tagħha u mill-abbonati [tagħha], u b’hekk ostakolat sostanzjalment il-kompetizzjoni fuq is-suq ta’ l-aċċess għan-netwerk ta’ linji lokali”.

    251

    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma jipprovdix li kemm it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u kif ukoll il-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti.

    252

    Fil-fatt, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jinqara fid-dawl tal-motivi ta’ l-istess deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p. II-5761, punt 374). Jidher b’hekk ċarament li “[l-]abbuż imwettaq mir-[rikorrenti] jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ prezzijiet inġusti fil-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għad-detriment tal-kompetituri tagħha” (deċiżjoni kkontestata, premessa 201). L-abbuż imwettaq jieħu l-“forma ta’ pressjoni fuq il-marġni li tirriżulta minn differenza inadegwata bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u s-servizzi bl-imnut għall-aċċess għal-linja lokali” (deċiżjoni kkontestata, premessa 57) u “jirriżulta fi prezzijiet inġusti” (deċiżjoni kkontestata, premessa 163).

    253

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, moqri fid-dawl tal-motivi tagħha, għandu jinftiehem fis-sens li, meta l-Kummissjoni tikkwalifika bħala inġusti t-tariffi għall-konnessjoni tas-servizz u l-abbonament ta’ kull xahar relattivi għall-aċċess għal-linja lokali, hija tirreferi għar-relazzjoni eżistenti bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti. Ma teżisti għalhekk ebda kuntradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata.

    254

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, l-inġunzjoni ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas m’hija vvizzjata b’illegalità. Fil-fatt, anki jekk ir-rikorrenti ma setgħetx teżerċita influwenza fuq il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji, hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, f’kull każ, marġni ta’ flessibbiltà sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha għas-servizzi ta’ aċċess ADSL (ara l-punti 140 sa 150 iktar ’il fuq).

    255

    Fl-aħħar, id-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti, għall-ewwel darba fir-replika tagħha, bejn ġbir u iffissar ta’ tariffi għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    256

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

    C — Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

    1. L-argumenti tal-partijiet

    257

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, billi tidħol fil-mertu tal-kompetenzi tar-RegTP, wettqet abbuż ta’ poter u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

    258

    Hija tfakkar li, skond id-dritt Komunitarju, ir-responsabbiltà prinċipali għall-kontroll tat-tariffi tat-telekomunikazzjonijiet taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali, bħar-RegTP. Hija tirreferi għal dan il-għan għall-premessi tad-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet (ĠU L 192, p. 10), għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10, għall-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2887/2000, għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (ĠU L 108, p. 7), għall-punti 19 u 22 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 Awwissu 1998, dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għall-ftehim ta’ aċċess fis-settur tat- telekomunikazzjonijiet, intitolata “Kuntest ġenerali, swieq ikkonċernati u prinċipji”, u għall-paġni 61 et seq tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Aċċess disassoċjat għal-linja lokali: it-tħallija ta’ provvista kompetittiva ta’ medda sħiħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari is-servizzi multimedja broadband u l-internet b’veloċità għolja” (ĠU 2000, C 272,  p. 55). F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma obbligati li jieħdu in kunsiderazzjoni l-obbjettivi tad-dritt Komunitarju, fosthom dawk li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 82 KE. Minn dan isegwi, skond ir-rikorrenti, li, jekk il-Kummissjoni qieset li d-deċiżjonijiet tat-tariffi tar-RegTP kisru d-dritt Komunitarju, hija kien imissha bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ġermanja.

    259

    Ir-rikorrenti ssostni, barra minn dan, li, fir-regolazzjoni ta’ l-indiċi tal-prezzijiet massimi għall-prezzijiet bl-imnut u fl-iffissar tal-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji, ir-RegTP analizzat il-kwistjoni jekk kinitx teżisti pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut ta’ natura tali li tfixkel effettivament il-kompetizzjoni. Hija kkonkludiet li ma kienx hemm tali pressjoni fuq il-marġni. Ir-rikorrenti tirreferi għal dan il-għan għad-deċiżjonijiet tar-RegTP tat-8 ta’ Frar 1999, tat-23 ta’ Diċembru 1999, tat-30 ta’ Marzu 2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001, tal-11 ta’ April 2002, u b’mod partikolari għal dik tad-29 ta’ April 2003. Id-deċiżjonijiet tar-RegTP kienu taw aspettattivi leġittimi lir-rikorrenti li jimmeritaw protezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et, 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punti 30 u 31).

    260

    Fil-politika tat-tariffi tagħha, ir-RegTP għażlet li toħloq bilanċ mill-ġdid gradwali bejn it-tariffi ta’ konnessjonijiet u t-tariffi ta’ komunikazzjonijiet (deċiżjonijiet tar-RegTP tal-21 ta’ Diċembru 2001 u tal-11 ta’ April 2002). Ir-rikorrenti tispjega li Deutsche Bundespost ipprattikat, għal raġunijiet ta’ politika soċjali, tariffi ta’ konnessjonijiet baxxi, u għalhekk vantaġġjużi għall-abbonati, u kkumpensat it-telf li jirriżulta minn dan b’sussidju trażversali mad-dħul mit-tariffi ta’ komunikazzjonijiet, iffissati, dawn, fuq livell għoli. Minħabba f’hekk, il-BMPT u wara r-RegTP kienu inizjalment, b’deċiżjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 1997 u tat-23 ta’ Diċembru 1999 fil-kuntest tal-proċedura ta’ iffissar tal-prezzijiet massimi, ġabru t-tariffi ta’ konnessjonijiet u ta’ komunikazzjonijiet rispettivament għall-impriżi u għall-individwi fi grupp wieħed. L-indiċi ta’ prezzijiet hekk iffissati kienu validi sa l-aħħar ta’ l-2001. Imbagħad, bid-deċiżjoni tagħha ta’ ffissar tal-prezzijiet massimi tal-21 ta’ Diċembru 2001, ir-RegTP organizzat direttament hija stess ir-ristrutturazzjoni tat-tariffi progressiva mixtieqa. Hija sseparat il-gruppi tas-servizzi għall-konnessjonijiet u għall-komunikazzjonijiet u ffissat l-indiċi ta’ prezzijiet għal erba’ gruppi ta’ servizzi distinti (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Madankollu, mill-istess deċiżjoni tar-RegTP tal-21 ta’ Diċembru 2001 jirriżulta li r-RegTP intenzjonalment irrifjutat li timplementa regolazzjoni fejn it-tariffi tal-konnessjonijiet ikunu ffissati iżolatament skond l-ispejjeż.

    261

    Għalhekk, ir-RegTP biss hija responsabbli għall-pressjoni fuq il-marġni allegata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-allegata pressjoni fuq il-marġni hija l-konsegwenza diretta tad-deċiżjonijiet regolatorji tar-RegTP u, qabel, tal-BMPT, kif ukoll ta’ l-approċċ regolamentari li huma bbażati fuqu. Il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata ġustament ksur ta’ l-Artikolu 82 KE mir-rikorrenti, safejn hija sempliċiment ikkonformat ruħha mad-deċiżjonijiet ta’ natura vinkolanti tar-RegTP, li qajmu aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tissottometti t-tariffi pprattikati mir-rikorrenti għal regolazzjoni doppja, u tikser għalhekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, assigurat mis-separazzjoni tal-kompetenzi magħmula mid-dritt Komunitarju fir-rigward tat-tariffi fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. Barra minn dan, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovat tikkoreġi l-eżerċizzju mill-awtoritajiet Ġermaniżi tal-kompetenzi tagħhom fir-rigward ta’ regolazzjoni, filwaqt li, sabiex tasal għal dan il-għan, hija kien imissha bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter.

    262

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti I u II jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    263

    Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni tissottometti t-tariffi pprattikati mir-rikorrenti għal regolazzjoni doppja u kienet b’hekk kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntest legali Komunitarju li għalih tirreferi r-rikorrenti fil-punt 258 iktar ’il fuq b’ebda mod ma jaffettwa l-kompetenza li l-Kummissjoni għandha direttament taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u, mill-1 ta’ Mejju 2004, mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), sabiex tikkonstata ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    264

    Issa, diġà ġie kkonstatat li r-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha, bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2001, marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex telimina l-pressjoni fuq il-marġni li ġiet ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, u li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, mill-1 ta’ Jannar 2002, marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex tnaqqas l-imsemmija pressjoni fuq il-marġni, min-naħa l-oħra (ara l-punti 97 sa 151 iktar ’il fuq). L-imġiba tagħha taqa’ għalhekk taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

    265

    Anki jekk ma jistax jiġi eskluż li l-awtoritajiet Ġermaniżi kisru wkoll id-dritt Komunitarju — u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/388 kif emendata mid-Direttiva 96/19 — billi għażlu bilanċ mill-ġdid progressiv bejn it-tariffi ta’ konnessjonijiet u ta’ komunikazzjonijiet, dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, li kieku kellu jiġi kkonstatat, ma jeliminax il-marġni ta’ flessibbiltà li r-rikorrenti effettivament kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni.

    266

    Għalhekk, l-ewwel ilment ma jistax jintlaqa’.

    267

    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi mfakkar li, f’diversi deċiżjonijiet meħuda matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata, ir-RegTP, verament, eżaminat il-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mit-tariffi tar-rikorrenti. Madankollu, fid-deċiżjonijiet tagħha, ir-RegTP, wara li kienet ikkonstatat id-differenza negattiva bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti, ikkunsidrat, kull darba, li r-rikors għas-sussidju trażversali bejn servizzi ta’ aċċess u servizzi ta’ komunikazzjonijiet kellu jippermetti lill-operaturi l-oħra li joffru lill-abbonati tagħhom prezzijiet kompetittivi (ara l-punti 115 sa 119 iktar ’il fuq).

    268

    Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tar-RegTP ma jinkludu ebda referenza għall-Artikolu 82 KE (ara l-punt 114 iktar ’il fuq). Barra minn dan, l-affermazzjonijiet tar-RegTP li “d-differenza żgħira bejn il-prezz bl-imnut u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji ma tippreġudikax il-possibbiltajiet tal-kompetituri li jikkompetu fuq in-netwerk lokali sal-punt li tirrendi l-introduzzjoni tagħhom fis-suq, jew is-sopravivenza tagħhom fis-suq, ekonomikament impossibbli” (deċiżjoni tar-RegTP tad-29 ta’ April 2003) ma jimplikawx li l-prattiki tat-tariffi tar-rikorrenti ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjonijiet tar-RegTP jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament li l-prattiki tat-tariffi tar-rikorrenti għandhom effett anti-kompetittiv, safejn il-kompetituri tar-rikorrenti jkollhom jirrikorru għal sussidju trażversali sabiex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess (ara l-punti 119 u 238 iktar ’il fuq).

    269

    F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjonijiet tar-RegTP ma setgħux jiġġustifikaw aspettattivi leġittimi għar-rikorrenti li l-prattiki tat-tariffi tagħha kienu konformi ma’ l-Artikolu 82 KE. Għandu jiġi enfasizzat barra minn dan li l-Bundesgerichtshof, fis-sentenza tagħha ta’ l-10 ta’ Frar 2004 li tannulla s-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf tas-16 ta’ Jannar 2002, ikkonfermat li “l-proċedura amministrattiva ta’ evalwazzjoni [mir-RegTP] […] ma [t]eskludix il-possibbiltà prattika li impriża tippreżenta tariffa li permezz tagħha hija tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha u tikseb l-awtorizzazzjoni tagħha minħabba li l-abbuż ma jinkixifx matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni”.

    270

    Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni abbużat mill- poter tagħha, għandu jiġi mfakkar li att huwa vvizzjat minn abbuż ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indiċi oġġettivi, rilevanti u koerenti, li jkun ittieħed bl-għan esklużiv, jew ta’ l-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra minbarra dawk iddikjarati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni, C-186/02 P u C-188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    271

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi biss il-prattiki tat-tariffi tar-rikorrenti u mhux id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet Ġermaniżi. Anki jekk ir-RegTp kisret norma Komunitarja u anki jekk il-Kummissjoni setgħet b’hekk tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali eventwalitajiet b’ebda mod m’huma ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement tikkonstata li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 82 KE, dispożizzjoni li ma tirrigwardax lill-Istati Membri, iżda biss lill-operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni għalhekk ma wettqet ebda abbuż ta’ poter meta għamlet din il-konstatazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 82 KE.

    272

    Għalhekk l-aħħar motiv lanqas ma jista’ jintlaqa’.

    II — Fuq it-talbiet sussidjarji intiżi għat-tnaqqis tal-multa imposta

    273

    Ir-rikorrenti tressaq sitt motivi in sostenn tat-talbiet sussidjarji tagħha. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u t-tieni wieħed fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE. It-tielet motiv jirrigwarda n-nuqqas ta’ negliġenza u ta’ nuqqas intenzjonali min-naħa tar-rikorrenti u r-raba’ l-kunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-regolazzjoni tat-tariffi fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa. Il-ħames motiv jirrigwarda l-kalkolu tad-dewmien tal-ksur u s-sitt wieħed jirrigwarda n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti.

    A — Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

    1. L-argumenti tal-partijiet

    274

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17, dwar id-drittijiet tad-difiża, billi naqset milli tagħmel, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tat-2 ta’ Mejju 2002 u fl-ittra addizzjonali tagħha tal-21 ta’ Frar 2003, analiżi fil-fatt u fid-dritt tal-kwistjoni jekk il-ksur allegatament imwettaq kienx “intenzjonali jew b’negliġenza” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 53; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 311). Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tiddefendi ruħha utilment, ir-rikorrenti kien imissha ġiet informata, matul il-proċedura amministrattiva, bil-fatti li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni akkużatha b’tali nuqqas jew negliġenza.

    275

    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    276

    Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jippreċiża, fl-ewwel paragrafu tiegħu, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi (kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà). Fost dawn il-kundizzjonijiet, hemm dik tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur ikkonstatat (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 274 aktar ’il fuq, punt 53).

    277

    Għandu jiġi mfakkar it-tieni nett li l-Kummissjoni għandha, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, tesponi evalwazzjoni qasira u provviżorja fuq it-tul ta’ żmien tal-ksur allegat, fuq il-gravità tiegħu u fuq il-kwistjoni jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonali jew b’negliġenza fiċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami. Madankollu, in-natura adegwata ta’ din l-evalwazzjoni provviżorja, intiża li tpoġġi lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet f’pożizzjoni li jiddefendu ruħhom, għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem ta’ l-att in kwistjoni, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tat-totalità tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw is-suġġett in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, Ġabra p. II-2325, punt 146).

    278

    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (punti 95 sa 140), il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bil-fatt li hija kienet tikkunsidra li l-prattika tat-tariffi tagħha, u b’mod partikolari l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet li tirriżulta mid-differenza negattiva, jew insuffiċjenti, bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji tagħha u l-prezzijiet bl-imnut tagħha, kisret l-Artikolu 82 KE. Barra minn dan, il-Kummissjoni eżaminat, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (punti 141 sa 152), il-marġni ta’ flessibbiltà li r-rikorrenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha fl-iffissar tat-tariffi tagħha u b’dan il-mod ittrattat il-kwistjoni tat-tort tar-rikorrenti fir-rigward ta’ l-imġiba kkritikata.

    279

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-informazzjoni pprovduta fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kienet suffiċjentement preċiża. Barra minn dan, billi l-ksur imwettaq b’negliġenza mhuwiex, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, inqas gravi mill-ksur imwettaq intenzjonalment (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 274 aktar ’il fuq, punt 55), ir-rikorrenti ma kellhiex għalfejn tirċievi indikazzjonijiet aktar preċiżi fuq it-tort tagħha sabiex setgħet teżerċita utilment id-drittijiet tad-difiża tagħha.

    280

    F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti effettivament eżerċitat id-drittijiet tad-difiża tagħha fuq dan il-punt in kwantu, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, hija kkontestat it-tort tagħha billi rreferiet għar-regolazzjoni nazzjonali tat-tariffi tagħha.

    281

    L-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

    B — Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

    1. L-argumenti tal-partijiet

    282

    Ir-rikorrenti tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata għandha tesponi l-motivi għalxiex il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-impożizzjoni ta’ multa huma ssodisfati (sentenza Remia et vs Il-Kummissjoni, punt 185 aktar ’il fuq, punt 26; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 43, u tad-29 ta’ Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-7/92, Ġabra p. II-669, punt 30). Id-deċiżjoni kkontestata, li ma fiha ebda motiv dwar in-negliġenza tar-rikorrenti jew in-natura intenzjonali tal-ksur, tikser l-Artikolu 253 KE, b’tali mod li l-multa għandha tiġi annullata.

    283

    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    284

    Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din ta’ l-aħħar tikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ l-att ikkontestat. F’din il-perspettiva, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 35).

    285

    Mhuwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti kollha, in kwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 284 aktar ’il fuq, punt 36, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, Ġabra p. I-7601, punt 48).

    286

    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata (it-tieni ċitazzjoni) fiha referenza għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, fl-ewwel subparagrafu tagħha, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi (kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà). Fost dawn il-kundizzjonijiet tinsab dik tan-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 274 aktar ’il fuq, punt 53).

    287

    Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi fid-dettall, fil-premessi 102 sa 162 u 176 sa 183, il-motivi għalxiex hija tqis li l-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti hija abbużiva fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE u, fil-premessi 163 sa 175, il-motivi għalxiex ir-rikorrenti għandha tiġi meqjusa bħala responsabbli tal-ksur ikkonstatat, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhom japprovaw it-tariffi tagħha.

    288

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement immotivata fir-rigward ta’ l-applikazzjoni fil-każ in eżami tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà previsti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17.

    289

    Dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

    C — Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ negliġenza jew ta’ nuqqas intenzjonali minn naħa tar-rikorrenti

    1. L-argumenti tal-partijiet

    290

    Ir-rikorrenti ssostni li hija la kienet negliġenti u lanqas ma wettqet nuqqas intenzjonali.

    291

    L-ewwel nett, hija tfakkar li t-tariffi tagħha għas-servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut tagħha kienu kollha s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni mill-BMPT, u wara mir-RegTP. Ir-rikorrenti setgħet għalhekk leġittimament tassumi li dawn it-tariffi kienu legali. Hija tenfasizza li r-RegTP hija awtorità ta’ Stat newtrali u indipendenti. Kienet ir-RegTP, u mhux ir-rikorrenti, li kellha tivverifika jekk il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut kinux konformi ma’ l-Artikolu 82 KE. Barra minn dan, l-Oberlandesgericht Düsseldorf, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Jannar 2002, iddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx responsabbli għat-tariffi ffissati mir-RegTP.

    292

    It-tieni nett, ir-rikorrenti ġiet informata minn aġenti tal-Kummissjoni, matul laqgħa tas-17 ta’ April 2000, li l-proċedura kontriha ma kinitx ser titkompla, billi l-Kummissjoni kienet bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija żżid li l-Kummissjoni ma għamlet ebda miżura ta’ investigazzjoni bejn Jannar 2000 u Ġunju 2001, jiġifieri matul bejn wieħed u ieħor sena u nofs. Minn din l-imġiba tal-Kummissjoni r-rikorrenti kienet ġustament ħadet l-impressjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex bażi suffiċjenti sabiex takkużaha b’abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, f’kull każ għall-perijodu bejn Jannar 2000 u Ġunju 2001. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti żżid li mill-ftuħ tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, mis-sospensjoni tal-proċedura ta’ abbuż u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni matul il-laqgħa tas-17 ta’ April 2000 hija kienet iddeduċiet li din ta’ l-aħħar kienet abbandunat l-ilment relattiv għall-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE.

    293

    It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li, fin-nuqqas ta’ ġurisprudenza Komunitarja u ta’ prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, hija qatt ma ddubitat mill-korrettezza ta’ l-evalwazzjoni magħmula mir-RegTP. Barra minn dan, minħabba l-prassi amministrattiva tar-RegTP, li eżaminat diversi drabi l-problematika tal-pressjoni fuq il-marġni, ir-rikorrenti setgħet tassumi li l-Kummissjoni kienet ser tasal finalment għall-istess konklużjoni bħar-RegTP.

    294

    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti II jitolbu li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    295

    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza u jekk jistax, għalhekk, jiġi ppenalizzat b’multa, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ġie deċiż li din il-kundizzjoni hija ssodisfata meta l-impriża kkonċernata ma tistax tinjora n-natura anti-kompetittiva ta’ l-imġiba tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T-65/89, Ġabra p. II-389, punt 165, u tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 238).

    296

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora li, minkejja d-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tar-RegTP, hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha marġni reali ta’ flessibbiltà sabiex tiffissa l-prezzijiet bl-imnut tagħha u, għaldaqstant, sabiex tnaqqas l-effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha. Barra minn dan, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora li din il-pressjoni fuq il-marġni rriżultat f’restrizzjonijiet gravi għall-kompetizzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-pożizzjoni monopolistika tagħha fuq is-suq tas-servizzi intermedjarji u tal-pożizzjoni kważi monopolistika fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati (deċiżjoni kkontestata, premessi 97 sa 100).

    297

    Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timponi multi huma ssodisfati (digriet SPO et vs Il-Kummissjoni, punt 274 aktar ’il fuq, punt 53).

    298

    Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li l-ftuħ ta’ proċedura prekontenzjuża kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jeffettwa b’ebda mod il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora, minn naħa, li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha marġni reali ta’ flessibbiltà sabiex tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-prattika tagħha tat-tariffi ostakolat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għal-linja lokali, suq fejn il-livell ta’ kompetizzjoni kien diġà limitat, minħabba b’mod partikolari l-preżenza tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 226 aktar ’il fuq, punt 91).

    299

    Fl-aħħar, l-argument ibbażat fuq l-eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet mir-RegTP għandu jiġi miċħud għall-motivi exposti fil-punti 267 sa 269 iktar ’il fuq.

    300

    It-tielet motiv għandu għalhekk jiġi miċħud ukoll.

    D — Fuq ir-raba’ u s-sitt motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-kunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-regolazzjoni tat-tariffi fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa u tal-kunsiderazzjoni insuffiċjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti

    1. L-argumenti tal-partijiet

    301

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkwalifika ġustament l-allegat ksur bħala gravi. Il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti għall-ksur kienet żgħira in kwantu t-tariffi kkontestati kienu ġew iffissati mir-RegTP. Il-ksur jista’ għalhekk, skond il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), jiġi kkwalifikat, l-aktar l-aktar, bħala li mhuwiex serju ħafna. Ir-rikorrenti tenfasizza li, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2002, ir-RegTP kienet saħansitra ċaħdet talba tar-rikorrenti intiża għaż-żieda tat-tariffi bl-imnut tagħha lil hinn mill-massimu ffissat, minkejja li in sostenn ta’ din it-talba, sabiex tiġġustifika l-qbiż tal-massimu previst, ir-rikorrenti kienet invokat il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni.

    302

    It-tnaqqis ta’ 10 % ta’ l-ammont bażiku tal-multa, mogħti sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni r-regolazzjoni tat-tariffi tar-RegTP, huwa għalhekk insuffiċjenti. Id-deċiżjonijiet tar-RegTP ippermettew li jiġi ġġustifikat “dubju raġonevoli min-naħa ta’ l-impriża dwar jekk il-kondotta restrittiva tikkostitwixxix verament ksur”, fis-sens tal-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tirreferi, barra minn dan, għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/892/KE, tal-25 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (COMP/C-1/36.915 — Deutsche Post AG — Interċezzjoni tal-posta transkonfinali) (ĠU L 331, p. 40 iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Deutsche Post”), li fiha l-Kummissjoni imponiet multa simbolika biss, fid-dawl tal-fatt li l-kumpannija kkonċernata ġabet ruħha b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi u li ma kinitx teżisti ġurisprudenza Komunitarja li tirrigwarda s-servizzi tal-posta transkonfinali.

    303

    Meta ffissat il-multa, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat ukoll ċirkustanzi attenwanti oħra, jiġifieri, minn naħa, in-nuqqas ta’ restrizzjoni gravi għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-fatt li t-tariffi bl-imnut mhux għoljin ħafna tar-rikorrenti għandhom funzjoni soċjali.

    304

    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tiġbed l-attenzjoni fuq is-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf tas-16 ta’ Jannar 2002. Hija tosserva li din il-qorti ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ tariffi ffissati mir-RegTP ma tistax tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mir-rikorrenti u li s-sempliċi preżentazzjoni ta’ talba dwar it-tariffi mir-rikorrenti mhijiex biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Skond dik l-istess qorti, skond id-dritt tal-kompetizzjoni, ebda obbligu m’huwa impost fuq ir-rikorrenti li tissottometti talbiet oħra. L-aktar l-aktar, setgħet tiġi imposta fuqha multa simpolika, peress li mhux biss it-tariffi huma parzjalment konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi (deċiżjoni Deutsche Post, premessa 193), iżda wkoll ġew iffissati b’mod imperattiv mir-RegTP.

    305

    Il-Kummissjoni u l-parti intervenjenti II jitolbu ċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    306

    Fil-premessi 206 u 207 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat bħala gravi, u mhux bħala gravi ħafna, il-ksur, safejn dan jirrigwarda l-perijodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, minħabba, minn naħa, li l-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni bbażat fuq l-approċċ imwieżen kien ġdid u ma kienx għadu kien is-suġġett ta’ deċiżjoni formali u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma kinitx waqfet milli tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni ta’ l-inqas mill-1999.

    307

    Għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sa Mejju 2003, il-Kummissjoni kkunsidrat il-ksur bħala mhux gravi ħafna (deċiżjoni kkontestata, premessa 207), peress li “l-possibbiltà legali tar-[rikorrenti] li tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet kienet limitata għal żieda fil-prezz tat-T-DSL” (deċiżjoni kkontestata, premessa 206). Hija, barra minn dan, irrinunzjat, għal dan l-istess perijodu, għal kull żieda fil-multa skond it-tul tal-ksur, “fid-dawl tar-restrizzjonijiet regolatorji li limitaw il-marġni ta’ flessibbiltà li [r-rikorrenti] kellha għad-dispożizzjoni tagħha biex taġġusta t-tariffi” (deċiżjoni kkontestata, premessa 211).

    308

    Fil-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li “l-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji tar-[rikorrenti] in kwistjoni huma prezzijiet li, mill-bidu ta’ l-1998, kienu u għadhom suġġetti għal regolazzjoni settorjali fuq livell nazzjonali.”

    309

    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni imponiet, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, multa ta’ EUR 12.6 miljuni fuq ir-rikorrenti. Hija ddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu ta’ kalkolu li hija kienet imponiet fuqha nfisha fil-linji gwida. B’hekk, skond it-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, l-ammont ikkunsidrat għall-gravità tal-ksur kien iffissat għal EUR 10 miljuni (deċiżjoni kkontestata, premessa 207). B’applikazzjoni ta’ l-ewwel paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida, dan l-ammont ġie miżjud b’40 % billi ttieħed in kunsiderazzjoni t-tul tal-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001, li jirriżulta f’ammont bażiku ta’ EUR 14-il miljun (deċiżjoni kkontestata, premessa 211). Dan l-ammont ġie sussegwentement imnaqqas b’10 % sabiex jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi attenwanti, skond il-punt 3 tal-linji gwida.

    310

    Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tikkwalifika bħala gravi l-ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 (deċiżjoni kkontestata, premessa 207). Fil-fatt, il-prattika tat-tariffi kkritikata ssaħħaħ il-barrieri għad-dħul fuq is-swieq reċentement liberalizzati u tqiegħed b’hekk fil-perikolu l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. Għal dan il-għan, għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A) jikkwalifikaw l-imġiba ta’ esklużjoni minn impriża f’pożizzjoni dominanti bħala ksur gravi, saħansitra bħala ksur gravi ħafna meta tkun involuta impriża f’sitwazzjoni ta’ kważi-monopolju.

    311

    Fir-rigward ta’ l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tat-tariffi tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, fid-determinazzjoni tal-grad tal-penali, l-imġiba ta’ l-impriża kkonċernata tista’ tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanza attenwanti kkostitwita mill-kuntest legali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 89 aktar ’il fuq, punt 620, u CIF, punt 86 aktar ’il fuq, punt 57).

    312

    Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li t-tnaqqis fil-multa ta’ 10 % li ngħata sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni tal-fatt li “l-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji [tar-rikorrenti] […] huma […] suġġettu għal regolazzjoni settorjali fuq livell nazzjonali” (deċiżjoni kkontestata, punt 212) huwa relatat ma’ l-intervent tar-RegTP fl-iffissar tal-prezzijiet tar-rikorrenti u maċ-ċirkustanza li din l-awtorità nazzjonali, għal diversi drabi matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata, eżaminat il-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni li tirriżulta mill-prattika tat-tariffi tar-rikorrenti.

    313

    Fir-rigward tal-marġni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 580), għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ħadet debitament in kunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punt preċedenti billi naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’10 %.

    314

    Fir-rigward ta’ l-allegata funzjoni soċjali ssodisfata mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 86(2) KE, l-impriżi responsabbli biex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari r-regoli ta’ kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq, de jure jew de facto, tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dawn l-impriżi. Anki jekk jitqies li r-rikorrenti ngħatat ir-responsabbiltà li topera servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti b’ebda mod ma turi għaliex il-prattika tat-tariffi li ġiet ikkritikata fid-deċiżjoni kkontestata kienet neċessarja għat-twettiq ta’ din il-funzjoni. Dan l-argument għalhekk ma jistax jintlaqa’.

    315

    Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għad-deċiżjoni Deutsche Post u tikkunsidra li, bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti f’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kien imissha imponiet fuqha multa simbolika.

    316

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li, skond ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja ta’ kompetizzjoni. L-applikazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni tirrikjedi, fil-fatt, li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell tal-multi skond il-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara s-sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 313 aktar ’il fuq, punt 376, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    317

    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija fundamentalment differenti mis-sitwazzjoni ta’ l-impriża kkonċernata fid-deċiżjoni Deutsche Post.

    318

    Fil-fatt, mill-premessi 192 u 193 tad-deċiżjoni Deutsche Post, li tirrigwarda abbuż relattiv għall-ipproċessar tal-posta transkonfinali, jirriżulta li l-Kummissjoni qieset adegwat li timponi biss multa simbolika fuq l-impriża kkonċernata minn din id-deċiżjoni għal tliet motivi: l-ewwel, l-impriża kkonċernata kienet ġabet ruħha b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi; it-tieni, ma kienx hemm ġurisprudenza Komunitarja li tirrigwarda speċifikament is-servizzi ta’ posta transkonfinali kkonċernati, u t-tielet, l-impriża kkonċernata kienet ħadet ir-responsabbiltà li tistabbilixxi proċedura għall-ipproċessar tal-posta transkonfinali li kellha tevita d-diffikultajiet prattiċi u, jekk ikun il-każ, li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ ostakoli futuri għal-kompetizzjoni libera.

    319

    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-unika sentenza tal-qrati Ġermaniżi li għaliha tirreferi r-rikorrenti hija s-sentenza ta’ l-Oberlandesgericht Düsseldorf, li ngħatat fis-16 ta’ Jannar 2002, jiġifieri matul il-perijodu li matulu l-ksur ġie kkwalifikat bħala mhux gravi ħafna mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 207). F’kull każ, din is-sentenza ġiet annullata permezz tas-sentenza tal-Bundesgerichtshof ta’ l-10 ta’ Frar 2004. It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 106 u 206) jirriżulta li l-Kummissjoni applikat l-istess prinċipji bħal dawk li fuqhom kienet ibbażata d-deċiżjoni Napier Brown — British Sugar ta’ l-1988. Issa, fil-komunikazzjoni tat-22 ta’ Awwissu 1998 dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni għall-ftehim ta’ aċċess fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet — Kuntest ġenerali, swieq ikkonċernati u prinċipji (punti 117 sa 119), il-Kummissjoni kienet diġà ħabret li hija kienet qed tikkunsidra tapplika l-prinċipji tad-deċiżjoni Napier Brown — British Sugar fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet. L-uniku element ġdid tad-deċiżjoni kkontestata huwa l-“approċċ imwieżen li kellu jiġi użat, [in kwantu] fil-Ġermanja kienet ġiet iffissata tariffa bl-ingrossa waħda biss għad-disassoċjazzjoni tal-linja lokali, filwaqt li t-tariffi għas-servizzi bl-imnut korrispondenti jvarjaw bejn linji analogi, linji ta’ l-ISDN u l-linji ta’ l-ADSL” (deċiżjoni kkontestata, premessa 206). Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li dan l-approċċ kien ġdid għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-ksur bħala gravi, u mhux bħala gravi ħafna, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001 (deċiżjoni kkontestata, premessa 206). Fl-aħħar, it-tielet nett, ir-rikorrenti, f’din il-kawża, ma kienet assumiet ebda responsabbiltà sabiex tevita kull ksur fil-futur.

    320

    Peress li t-tliet kriterji msemmija fid-deċiżjoni Deutsche Post mhumiex issodisfati f’dan il-każ, l-argument ibbażat fuq is-soluzzjoni adottata f’din id-deċiżjoni ma jistax jiġi aċċettat.

    321

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

    E — Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni ħażina tat-tul tal-ksur

    1. L-argumenti tal-partijiet

    322

    Ir-rikorrenti tfakkar li l-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-multa minħabba l-allegata gravità tal-ksur matul il-perijodu bejn l-1998 sa l-2001. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 208), il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li kien biss fl-1999 li r-rikorrenti saret taf bl-istruttura abbużiva tat-tariffi tagħha.

    323

    Ir-rikorrenti tallega li hija kienet ġiet informata, matul il-laqgħa tas-17 ta’ April 2000, minn aġenti tal-Kummissjoni, li din ta’ l-aħħar kellha tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Minħabba din l-informazzjoni u t-tul tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni stess kienet saħħet il-konvinzjoni tar-rikorrenti li t-tariffi tagħha ma kinux jiksru l-Artikolu 82 KE u kienet għalhekk ikkontribwixxiet għat-titwil tal-perijodu tal-ksur. Dan il-perijodu m’għandux għalhekk jittieħed in kunsiderazzjoni fit-totalità tiegħu għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto chemioterapico italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 51).

    324

    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    325

    Safejn, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqiegħed in kwistjoni l-kalkolu tat-tul tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-talbiet sussidjarji tar-rikors, ir-rikorrenti titlob mhux biss it-tnaqqis tal-multa, iżda wkoll l-annullament parzjali ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punti 210 sa 214).

    326

    Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-motiv, għandu jiġi mfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-ilmenti mressqa mill-kompetituri tar-rikorrenti fl-1999. Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet għalhekk taf minn dak iż-żmien “li kien hemm ilmenti fil-konfront tagħha fis-sens li kellha struttura tat-tariffi probabbilment abbużiva għall-aċċess għal-linja lokali” (deċiżjoni kkontestata, premessa 208).

    327

    Il-fatt li kien biss fl-1999 li r-rikorrenti saret taf bl-ilmenti magħmula fil-konfront tagħha, fis-sens li tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha, m’għandu ebda impatt fuq ir-realtà tan-natura illegali ta’ l-imġiba tagħha mill-1 ta’ Jannar 1998. Fil-fatt, il-kunċett ta’ abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE huwa kunċett oġġettiv (sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 226 aktar ’il fuq, punt 91; AKZO vs Il-Kummissjoni, punt 189 aktar ’il fuq, punt 69, u digriet Piau vs Il-Kummissjoni, punt 233 aktar ’il fuq, punt 37; sentenza Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, punt 122 aktar ’il fuq, punt 111). L-għarfien suġġettiv tan-natura abbużiva ta’ l-imġiba tagħha mill-impriża f’pożizzjoni dominanti ma jikkostitwixxix għalhekk kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

    328

    L-ewwel argument għandu għalhekk jiġi miċħud.

    329

    L-argument tar-rikorrenti li l-multa kienet tkun anqas li kieku d-deċiżjoni ġiet adottata aktar kmieni lanqas ma jista’ jiġi aċċettat. Dan huwa, fil-fatt, argument purament ipotetiku. Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat li mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 211) jirriżulta li l-Kummissjoni rrinunzjat għal kull żieda fil-multa għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sa Mejju 2003.

    330

    It-tieni argument għalhekk ma jistax jiġi aċċettat u, għaldaqstant, l-aħħar motiv għandu jiġi mwarrab fit-totalità tiegħu. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    331

    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jiġi deċiż li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skond it-talbiet ta’ din ta’ l-aħħar.

    332

    B’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Deutsche Telekom AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

     

    3)

    Arcor AG & Co. KG, minn naħa, u Versatel NRW GmbH, EWE TEL GmbH, HanseNet Telekommunikation GmbH, Versatel Nord-Deutschland GmbH, NetCologne Gesellschaft für Telekommunikation mbH, Versatel Süd-Deutschland GmbH u Versatel West-Deutschland GmbH, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2008.

     

    Vilaras

    Martins Ribeiro

    Šváby

    Jürimäe

    Wahl

    E. Coulon

    Reġistratur

    M. Vilaras

    President

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    I — Servizzi intermedjarji

     

    II — Servizzi ta’ aċċess għall-abbonati

     

    A — Tariffi għal-linji ta’ abbonati analogi (T-Net) u diġitali narrowaband — ISDN (T-ISDN)

     

    B — Tariffi għal-linji ADSL (T-DSL)

     

    Il-proċedura amministrattiva

     

    Id-deċiżjoni kkontestata

     

    Il-proċedura

     

    It-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    I — Fuq it-talbiet prinċipali intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

     

    A — Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 82 KE

     

    1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ mġiba abbużiva minħabba l-marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti li kellha r-rikorrenti sabiex tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    i) Osservazzjonijiet preliminari

     

    ii) Id-deċiżjoni kkontestata

     

    iii) Fuq in-nuqqas ta’ mġiba abbużiva minħabba marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti tar-rikorrenti sabiex tevita l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tgħolli l-prezzijiet bl-imnut tagħha matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2001

     

    iv) Fuq l-ineżistenza ta’ mġiba abbużiva minħabba marġni ta’ flessibbiltà insuffiċjenti tar-rikorrenti sabiex tnaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet billi tgħolli t-tariffi bl-imnut tagħha ta’ aċċess ADSL mill-1 ta’ Jannar 2002

     

    2. Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-illegalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    i) Fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kellhiex tipprova li l-prezzijiet bl-imnut tar-rikorrenti kienu abbużivi fihom infushom

     

    ii) Fuq il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

     

    Id-deċiżjoni kkontestata

     

    Legalità tal-metodu użat mill-Kummissjoni

     

    — Osservazzjonijiet preliminari

     

    — Fuq l-allegata illegalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni fuq il-bażi tat-tariffi u ta’ l-ispejjeż ta’ l-impriża vertikalment integrata li tokkupa pożizzjoni dominanti, mingħajr ma ttieħdet in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni speċifika tal-kompetituri fis-suq

     

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat biss id-dħul mis-servizzi kollha ta’ aċċess billi eskludiet id-dħul minn servizzi oħra, b’mod partikolati d-dħul mill-komunikazzjonijiet

     

    — Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni għas-servizzi intermedjarji ġew inklużi fil-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

     

    3. Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq allegat żball ta’ kalkolu fil-konstatazzjoni ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    4. Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq l-assenza tal-pressjoni fis-suq fuq il-marġni tal-prezzijiet ikkonstatata

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    B — Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-natura difettuża tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    C — Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter u fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    II — Fuq it-talbiet sussidjarji intiżi għat-tnaqqis tal-multa imposta

     

    A — Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    B — Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 253 KE

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    C — Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ negliġenza jew ta’ nuqqas intenzjonali minn naħa tar-rikorrenti

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    D — Fuq ir-raba’ u s-sitt motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-kunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-regolazzjoni tat-tariffi fil-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa u tal-kunsiderazzjoni insuffiċjenti ta’ ċirkustanzi attenwanti

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    E — Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni ħażina tat-tul tal-ksur

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    ( 1 ) Data kunfidenzjali mħassra.

    Naar boven