Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CJ0168

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-10 ta' Ġunju 2004.
    Rudolf Kronhofer vs Marianne Maier et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
    Konvenzjoni ta' Brussell - Artikolu 5 (3) - Kompetenza f' materja ta' delitt jew kważi-delitt- Post fejn l-avveniment dannuż seħħ - Dannu lill-beni mġarrab fil-każ ta' investimenti ta' kapital fi Stat Kontraenti ieħor.
    Kawża C-168/02.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:364

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

    10 ta' Ġunju 2004(1)

    "Konvenzjoni ta' Brussell – Artikolu 5 (3) – Kompetenza f' materja ta' delitt jew kważi-delitt– Post fejn l-avveniment dannuż seħħ – Dannu lill-beni mġarrab fil-każ ta' investimenti ta' kapital fi Stat Kontraenti ieħor"

    Fil-kawża C-168/02

    li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fl-oqsma ċivili u kummerċjali, mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) u bil-għan li tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-Qorti bejn

    Rudolf Kronhofer

    u

    Marianne Maier,

    Christian Möller,

    Wirich Hofius,

    Zeki Karan,

    Deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, hawn fuq imsemmija (ĠU, 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p.1, et – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p.1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' l-Ispanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L285, p.1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C15,p.1),

     

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla  J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J.-P. Puissochet u R. Schintgen u N. Colneric, Imhallfin

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Registratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub  :

    -għal R. Kronhofer,  minn M. Brandauer, Rechtsanwalt,

    -għal M. Maier, minn M. Scherbantie, Rechtsanwältin,

    -għal Z. Karan, minn C. Ender, Rechtsanwalt,

    -għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    -għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent,

    -għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn T. Ward, barrister,

    -għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn  A.-M Rouchaud u  W. Bogensberger, bħala aġenti,

    wara li rat ir-rapport tas-seduta,

    wara li semgħet is-sottomissjonijiet orali  ta' R. Kronhofer, irrapreżentat minn M. Brandauer u R. Bickel Rechtsanwälte, ta' Z. Karan, irrapreżentat minn C. Ender, u tal-Kummissjoni, irrapreżentata minn  A.-M Rouchaud u W. Bogensberger,  fis-seduta 20 ta' Novembru 2003,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta' Jannar 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Bid-digriet tad-9 ta' April 2002, li wasal lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Mejju 2002, l'Oberster Gerichtshof talbet, skond il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 fuq l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fl-oqsma ċivili u kummerċjali, għal deċiżjoni preliminari fuq l-Artikolu 5(3) ta' din il-Konvenzjoni, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p.1, et – test emendat – p. 77), mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p.1), mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' l-Ispanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L285, p.1) u mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C15, p.1; iktar 'il quddiem il-Konvenzjoni).

    2       Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża miftuħa minn R. Kronhofer, domiċiljat fl-Awstrija kontra M. Maier, C. Möller, W. Hofius u Z. Karan (minn hawn 'il quddiem il-"konvenuti"), domiċiljati fil-Ġermanja, intiża sabiex R. Kronhofer jikseb rkupru ta' danni għal telf patrimonjali li huwa jippretendi li ġarrab minħabba l-imġieba kolpuża tal-konvenuti fil-kawża prinċipali bħala diretturi jew konsultenti finanzjarji tal-kumpannija Protectas Vermögensverwaltungs GmbH (iktar 'il quddiem imsejħa 'Protectas') li għandha l-uffiċċju reġistrat fil-Ġermanja.

     Il-kuntest legali

    3       L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni jipprevedi:

    "Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-persuni domiċiljati fit-territorju ta' Stat Kontraenti għandhom, minkejja n-nazzjonalità tagħhom, ikunu mħarrka fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat."

    4       Taħt il-punt 3 ta' l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni:

    Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat Kontraenti jista' jiġi mħarrek, fi Stat Kontraenti ieħor:

    [...]

    3)      f'materja ta' delitt jew kważi-delitt, quddiem il-qorti tal-post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ"

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    5       R. Kronhofer ħarrek lill-konvenuti fil-kawża prinċipali quddiem il-Landesgericht Feldkirch (Awstrija) fil-kuntest ta' rikors sabiex jikseb kumpens għat-telf tal-beni li huwa jippretendi li ġarrab minħabba l-imġieba kolpuża tagħhom.

    6       Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu ħeġġuh, permess ta' telefonata, biex jikkonkludi kuntratt ta' dritt ta' xiri fuq ishma, mingħajr ma avżawh bir-riskji ta' tali tranżazzjoni. Minħabba f'hekk, R. Kronhofer trasferixxa, f'Novembru u f'Diċembru ta' l-1997, l-ammont globali ta' 82 500 USD f'kont ta' investimenti ma' Protectas fil-Ġermanja li mbagħad beda jintuża biex jittieħdu drittijiet ta' xiri altament spekulattivi fil-Borża ta' Londra. Din it-tranżazzjoni wasslet għat-telf ta' parti mis-somma trasferita u R. Kronhofer kiseb biss rimborż parzjali tal-kapital li huwa kien investa.

    7       Il-kompetenza tal-Landesgericht Feldkirch kienet tirriżulta mill-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni bħala l-Qorti tal-post fejn seħħ l-avveniment dannuż, f'dan il-każ id-domiċilju ta' R. Kronhofer.

    8       Meta r-rikors ma ġiex aċċettat, R. Kronhofer appella minn din id-deċiżjoni lill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija) li ddikjarat illi ma kinitx kompetenti peress li l-qorti tal-post tad-domiċilju mhijiex "il-qorti tal-post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" għaliex la l-post fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu u lanqas il-post fejn kien imġarrab id-dannu ma kienu f'Awstrija.

    9       Permezz ta' rikors ta' "Revision" ""l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet illi l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma stabbilixietx jekk il-frażi "il-post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" għandhiex tiġi interpretata b'mod estensiv li tinkludi, fil-każ ta' dannu purament patrimonjali li affettwa parti mill-beni tal-vittma investiti fi Stat Kontraenti ieħor, anki l-post tad-domiċilju u allura l-post fejn il-beni tiegħu huma ċentralizzati.

    10     Peress illi biex ikun hemm soluzzjoni għall-kawża hija neċessarja l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet illi tissospendi l-kawża u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    "Il-frażi "il-post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni … għandha tkun interpretata b'tali mod illi fil-każ ta' dannu purament partimonjali li jirriżulta minn investiment ta' partijiet tal-beni tal-persuna li ġarbet dannu, tinkludi wkoll il-post fejn jinstab id-domiċilju ta' din il-persuna jekk l-investiment sar fi Stat Membru ieħor tal-Komunità?"

     Fuq it-talba preliminari

    11     Bid-domanda tagħha, essenzjament, jekk il-punt 3 ta' l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni għandhiex tiġi interpretata b'tali mod li l-frażi "post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" tista' tirreferi għall-post tad-domiċilju tar-rikorrent fejn "il-beni tiegħu huma ċentralizzati", għar-raġuni unika li huwa ġarrab dannu ekonomiku hemmhekk li wassal għat-telf ta' partijiet mill-beni investiti tiegħu li seħħ u nġarab fi Stat Kontraenti ieħor.

    12     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta' regoli komuni għall-attribuzzjoni tal-kompetenzi prevista fit-Titolu 11 tal-Konvenzjoni, hija bbażata fuq il-prinċipju mniżżel fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2, li jipprevedi li persuni domiċiljati fit-territorju ta' Stat Kontraenti għandhom jiġu mħarrkin fil-qrati ta' dak l-Istat, indipendentament min-nazzjonalità tal-partijiet.

    13     Huwa biss b'deroga għal dan il-prinċipju fundamentali tal-kompetenza tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut li s-sezzjoni 2 tat-Titolu II tal-konvenzjoni jipprevedi ċertu numru ta' regoli għal kompetenzi speċjali, bħal dawk imniżżlin fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni.

    14     Dawn ir-regoli tal-kompetenzi speċjali għandhom jiġu interpretati b'mod restrittiv, ma jħallux għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-każijiet previsti b'mod espliċitu mill-Konvenzjoni (ara s-sentenzi tas-27 ta' Settembru Kalfelis, 189/87, Rec. P.5565, paragrafu 19 u tal-15 Jannar 2004. Blijdenstein, li għadha ma ġietx ippublikata, paragrafu 25)

    15     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-regola mniżżla fil-punt 3 ta' l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni hija bbażata fuq l-eżistenza ta' rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati oħra barra minn dawk tad-domiċilju tal-konvenut, li tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-kompetenza lil dawn il-qrati għal raġunijiet ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u t-tmexxija utli tal-proċedura (ara, inter alia, is-sentenzi tat-30 ta' Novembru 1976, Bier "Mines de potasse d’Alsace" 21/76, Rec. P. 1735, paragrafu 11, u tal-1 ta' Ottubru 2002 Henkel C-167/00, Rec. p. I-8111, paragrafu 46)

    16     Il-Qorti wkoll iddeċidiet li fil-każ li l-post fejn l-avveniment li jagħti lok għar-responsabbiltà ta' delitt jew kważi-delitt seħħ u l-post fejn l-avveniment irriżulta f'dannu mhumiex identiċi, il-frażi "post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ", fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni għandha tinftiehem illi tkopri l-post fejn seħħ id-dannu u l-post fejn seħħ l-avveniment li kkawża d-dannu, sabiex il-konvenut ikun jista' jiġi mħarrek, bl-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta' wieħed jew l-ieħor minn dawn il-postijiet. (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' Mines de potasse d'Alsace, diġà msemmija, paragrafi 24 u 25, u tal-5 ta' Frar 2004, DFDS Torline, C-18/02, li għadha ma ġietx ippubblikata, paragrafu 40).

    17     Mid-digriet tar-rinviju joħroġ illi l-Oberster Gerichtshof tikkunsidra li, fil-kawża prinċipali, il-post fejn id-dannu seħħ kif ukoll il-post l-avveniment kawżali kien il-Ġermanja. Il-karatteristika partikolari ta' dan il-każ hija li d-dannu finanzjarju li qed jiġi allegat li kien imġarrab mir-rikorrent fi Stat Kontraenti ieħor produċa effett simultanju fuq il-beni kollu tiegħu.

    18     Hekk kif jirrileva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, f'każ bħal dan, m'hemm xejn li jiġġustifika l-attribuzzjoni ta' kompetenza lill-qrati fi Stat Kontraenti ieħor ħlief dik li fit-territorju tagħha ġara l-avveniment li rriżulta f'dannu u fejn id-dannu kien imġarrab jiġifieri l-elementi kostitutturi kollha tar-responsabbiltà. Li tagħti l-kompetenza b'dan il-mod ma jolqotx xi bżonn oġġettiv fir-rigward ta' evidenza jew it-tmexxija tal-proċeduri.

    19     Kif iddeċidiet il-Qorti, il-kunċett "post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" ma jistax jiġi interpretat b'mod wiesgħa b'tali mod li jinkludi l-postijiet kollha fejn seta' kien hemm konsegwenzi avversi ta' avveniment illi kkawża dannu li kien effettivament seħħ f'post ieħor (ara s-sentenza tad-19 ta' Settembru 1995, Marinari ECR I2719, paragrafu 14)

    20     F'sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, din l-interpretazzjoni tqiegħed id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti dependenti fuq ċirkustanzi inċerti, bħall-post fejn "il-beni huma ċentralizzati" tal-vittma u għalhekk imur kontra l-infurzar tal-protezzjoni legali ta' persuni stabbiliti fil-Komunità li, billi jippremetti lir-rikorrent ikun jista' jidentifika faċilment il-qorti fejn huwa jista' jħarrek u lill-konvenut jipprevedi b'mod raġonevoli l-qorti fejn jista' jiġi mħarrek, tikkostitwixxi waħda mill-għanijiet tal-Konvenzjoni (ara s-senetenzi tad-19 ta' Frar 2002, Besix, C-256/00, Rec. p. I-1699, paragrafi 25 u 26, u DFDS Torline, diġà msemmija, paragrafu 36). Barra minn dan, hija tkun obbligata li tirrikonoxxi iktar frekwentement il-kompetenza ta' qrati fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat, kompetenza li għaliha, kif innotat il-Qorti fil-paragrafu 14 ta' din is-sentenza, il-Konvenzjoni ma tidhirx favur tagħha ħlief fil-każijiet espressament provduti.

    21     Minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun illi l-punt 3 ta' l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-frażi "post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" ma tirreferix għal post fejn ir-rikorrent huwa domiċiljat jew fejn "il-beni tiegħu huma ċentralizzati", minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta fit-telf ta' partijiet mill-beni tiegħu li sar u kien imġarrab fi Stat Kontraenti ieħor.

     Fuq l-ispejjeż

    22     Il-ħlas ta' l-ispejjeż ulterjuri sostenuti mill-gvernijiet ta' l-Awstrija, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux ikunu suġġett ta' ħlas lura. Peress li dawn il-proċeduri għandhom, għall-partijiet fil-kawża prinċipali, natura ta' kawża mressqa quddiem qorti tar-rinviju, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

    Għal dawn ir-raġunijiet,

    IL-QORTI TAL-GUSTIZZJA  (it-Tieni Awla)

    fuq id-domanda mressqa quddiemha mill-Oberster Gerichtshof, permezz tad-digriet tad-9 ta’ April 2002, taqta' u tgħid

    Il—punt 3 ta' l-Artikolu 5, tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fl-oqsma ċivili u kummerċjali, kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, mill-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, mill-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Renju ta' l-Ispanja u tar-Repubblika Portugiża u mill-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja għandu jiġi interpretat fis-sensilli l-frażi "post fejn l-avveniment dannuż ikun seħħ" ma tipprevedix il-post tad-domiċilju tar-rikorrent fejn " il-beni tiegħu huma ċentralizzati" minħabba r-raġuni unika li huwa ġarrab dannu finanzjarju hemmhekk li rriżulta fit-telf ta' parti mill-beni tiegħu li sar u kien imġarrab fi Stat Kontraenti ieħor.

    Timmermans

    Cunha Rodrigues

    Puissochet

    Schintgen

     

    Colneric

    Moqrija f'Qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, l-10 ta' Ġunju 2004.

    Registratur

     

    Il-President **

    R. Grass

     

    C. W. A. Timmermans


    1 Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Top