Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0272

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (GOVSATCOM u Konnettività Sigura)

COM/2026/272 final

Brussell, 5.6.2026

COM(2026) 272 final

2026/0141(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(GOVSATCOM u Konnettività Sigura)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘‘il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Dan jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fi 30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim ŻEE.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbutin mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni miftiehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 għall-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (Konnettività Sigura) 1 .

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kwalunkwe parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li titħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja korrispondenti. Il-ħlas jista’ madankollu jseħħ ladarba l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat u wara li s-sejħa għal fondi tal-UE stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea tkun ippreżentata lill-Istati taż-ŻEE-EFTA.

L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-pożizzjoni, ladarba adottata, għandha tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jestendi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA miftehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 għall-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u jintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027, li jmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 2 . Għalhekk il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-Istati taż-ŻEE-EFTA għandhom jikkontribwixxu wkoll finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmija hawn fuq.

L-abbozz anness tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa verżjoni riveduta tal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Frar 2025 u adottata mill-Kunsill bħala pożizzjoni tal-Unjoni fl-11 ta’ Marzu 2025 bil-ħsieb tal-adozzjoni fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tal-14 ta’ Marzu 2025.

Qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tal-14 ta’ Marzu 2025, l-Istati taż-ŻEE-EFTA neħħew din id-Deċiżjoni mil-lista ta’ adozzjoni minħabba l-preferenza tagħhom li jipposponu l-adozzjoni sal-konklużjoni tan-negozjati dwar ftehimiet speċifiċi relatati kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588

Peress li dawn in-negozjati ġew konklużi, l-Istati taż-ŻEE-EFTA huma lesti li jipproċedu bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Ir-reviżjonijiet kienu meħtieġa biex tiġi aġġornata d-data dwar l-impenji, il-pagamenti, il-pagamenti parzjali u s-snin applikabbli.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f' isem l-Unjoni f' sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.’’

Il-kunċett ta’ ‘‘atti li jkollhom effetti legali’’ jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt testendi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA miftiehma mill-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 lill-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u testendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (Konnettività Sigura), huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-att li huwa inkorporat. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 189(2) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 189(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2026/0141 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(GOVSATCOM u Konnettività Sigura)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 189(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

(3)Huwa xieraq li jiġu estiżi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA miftiehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 lill-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni u li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(4)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat kif xieraq.

(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027, ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(5)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027, ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.
Top

Brussell, 5.6.2026

COM(2026) 272 final

ANNESS

ta'

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(GOVSATCOM u Konnettività Sigura)


ANNESS

ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Il-Partijiet Kontraenti jirrikonoxxu l-kooperazzjoni formali eżistenti fil-Programm Spazjali tal-Unjoni. Huma jixtiequ jibnu fuq din is-sħubija b’saħħitha u jestendu l-kooperazzjoni għall-komponent ta’ GOVSATCOM tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Programm għal Konnettività Sigura stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(2)Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni miftiehma mill-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 319/2021 tad-29 ta’ Ottubru 2021 għall-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) tal-Programm Spazjali tal-Unjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, soġġett għall-ftehimiet speċifiċi konklużi f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588 u skont il-kundizzjonijiet tagħhom.

(3)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 1 soġġett għall-ftehimiet speċifiċi konklużi f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 u l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588 u skont il-kundizzjonijiet tagħhom.

(4)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(5)Jenħtieġ li jitqiesu l-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-EFTA, rispettivament, dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata.

(6)Prinċipji ta’ kooperazzjoni addizzjonali jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jiġu mifthiema bejn il-Partijiet Kontraenti biex jirregolaw żoni speċifiċi li mhumiex koperti minn din id-Deċiżjoni.

(7)Il-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-komponent ta’ GOVSATCOM u fil-Programm għal Konnettività Sigura abbażi tal-Ftehim ŻEE hija ta’ interess reċiproku għall-Partijiet Kontraenti.

(8)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Iżlanda u tan-Norveġja fil-kumitati tal-programm, fil-gruppi ta’ ħidma u f’attivitajiet oħra li jirriżultaw mill-komponent ta’ GOVSATCOM u mill-Programm għal Konnettività Sigura tibda soġġetta għall-ftehimiet speċifiċi konklużi f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 u mal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588 u skont il-kundizzjonijiet tagħhom.

(9)Abbażi tal-fatt li l-Iżlanda u n-Norveġja jsiru utenti tal-kapaċitajiet u tas-servizzi tal-komponent ta’ GOVSATCOM, l-Iżlanda u n-Norveġja se jikkontribwixxu finanzjarjament għall-baġit tal-UE għall-komponent ta’ GOVSATCOM għas-snin finanzjarji 2021 sal-2026.

(10)Abbażi tal-fatt li l-Iżlanda u n-Norveġja jsiru utenti tal-kapaċitajiet u tas-servizzi tal-Programm għal Konnettività Sigura, l-Iżlanda u n-Norveġja se jikkontribwixxu finanzjarjament għall-baġit tal-UE għall-Programm għal Konnettività Sigura għas-snin finanzjarji 2023, 2024, 2025 u 2026.

(11)Il-kontribuzzjonijiet huma ddeterminati f’dan il-waqt abbażi ta’ investimenti sinifikanti mwettqa fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni tal-programm. Dawn l-investimenti jikkonċernaw il-ħolqien ta’ infrastruttura li se tintuża mill-parteċipanti kollha tas-sistema, inklużi l-Iżlanda u n-Norveġja.

(12)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat biex tkun tista’ sseħħ din il-kooperazzjoni estiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Il-paragrafu 8e għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)fil-punt (a), il-kliem “il-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) u” għandhom jitħassru;

(b)il-punti (b) sa (o) għandhom jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-punt (c) sa (p);

(c)il-punt li ġej għandu jiżdied wara punt (a):

“(b)Stat tal-EFTA jista’ jipparteċipa fil-komponent tal-Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita (GOVSATCOM) soġġett għal ftehim speċifiku kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/696 u skont il-kundizzjonijiet tiegħu.”;

(d)it-test tal-punt (c) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim.

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (b) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim, wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmija taħt il-punt (b).

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, l-Iżlanda għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 147.492 (mija u seba’ u erbgħin elf erba’ mija u tnejn u disgħin) għas-snin finanzjarji 2021 sa 2026 għall-komponent ta’ GOVSATCOM. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ pagament wieħed, li għandu jiġi inkluż fis-sejħa għall-fondi għas-sena finanzjarja 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, in-Norveġja għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 2.447.865 (żewġ miljuni erba’ mija u sebgħa u erbgħin elf tmien mija u ħamsa u sittin) għas-snin finanzjarji 2021 sa 2026 għall-komponent ta’ GOVSATCOM. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ pagament wieħed, li għandu jiġi inkluż fis-sejħa għall-fondi għas-sena finanzjarja 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.”;

(e)fil-punt (d), il-kelma “(b)” għandha tiġi sostitwita bil-kelma “(c)”;

(f)it-test tal-punt (o) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.”

2.Dan li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 8e:

“8f.(a)L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill- att tal-Unjoni li ġej:

-32023 R 0588: Ir-Regolament (UE) 2023/588 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattament li ġej:

(i)Fl-Artikolu 5(5), il-kliem “jew mit-territorju ta’ Stat tal-EFTA parteċipanti” għandu jiddaħħal wara l-kliem “pajjiż terz”.

(b)Stat tal-EFTA jista’ jipparteċipa fil-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura, soġġett għal ftehim speċifiku kif imsemmi fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2023/588 u skont il-kundizzjonijiet tiegħu.

(c)L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim, wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi taħt il-punt (b).

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, l-Iżlanda għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 1.173.139 (miljun mija u tlieta u sebgħin elf mija u disgħa u tletin) għas-snin finanzjarji 2023, 2024, 2025 u 2026. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ pagament wieħed, li għandu jiġi inkluż fis-sejħa għall-fondi għas-snin finanzjarji 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 82(1)(c) u (2) tal-Ftehim ŻEE u kif miftiehem f’konformità mal-paragrafi 8 u 9 tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 32 tal-Ftehim ŻEE, in-Norveġja għandha, wara l-konklużjoni ta’ ftehim imsemmi taħt (b), tikkontribwixxi l-ammont ta’ EUR 19.801.544 (dsatax-il miljun tmien mitt elf u wieħed ħames mija u erbgħa u erbgħin) għas-snin finanzjarji 2023, 2024, 2025 u 2026. Dan l-ammont għandu jieħu l-forma ta’ pagament wieħed, li għandu jiġi inkluż fis-sejħa għall-fondi għas-sena finanzjarja 2027, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Protokoll 32.

(d)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 2*.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   […]

   Is-Segretarji

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   […]

(1)    ĠU L 79, 17.3.2023, p. 1.
(2) *    [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.
Top