Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0194

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026–2030)

COM/2026/194 final

Brussell, 12.5.2026

COM(2026) 194 final

2026/0108(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026–2030)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPA) bejn l-Unjoni Ewropea u s-Seychelles 1 daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Frar 2020 għal durata ta’ 6 snin u jiġġedded b’mod taċitu għal perjodi addizzjonali ta’ 6 snin.

Abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2025 2 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea dwar Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mar-Repubblika tas-Seychelles, u d-direttivi ta’ negozjati li jinsabu fih, il-Kummissjoni wettqet negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles (minn hawn ’il quddiem “is-Seychelles”). Wara dawk in-negozjati, fl-1 ta’ April 2026 ġie inizjalat Protokoll min-negozjaturi. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta’ 4 snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja stabbilita fl-Artikolu 19, jiġifieri d-data tal-iffirmar mill-Partijiet.

L-iskop tal-Protokoll il-ġdid huwa li jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet tas-Seychelles, f’konformità mal-parir xjentifiku u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd rilevanti, il-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC). Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd li ġejjin:

- 30 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża;

- tmien bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

L-objettiv tal-proposta hu li dawk l-opportunitajiet tas-sajd jiġu allokati fost l-Istati Membri.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

L-għan ewlieni tal-Protokoll il-ġdid tal-Ftehim hu li jipprovdi qafas aġġornat li jqis il-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u d-dimensjoni esterna. Dan se jgħin biex tinżamm u tissaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u s-Seychelles.

Il-Protokoll il-ġdid jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni. Huwa msejjes fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-IOTC.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Protokoll ġdid għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mas-Seychelles hu parti mill-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP), u jqis l-objettivi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistabbilixxi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, irid jadotta l-miżuri dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Sussidjarjetà

Il-proposta tagħmel parti mill-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 3(1), il-punt (d), tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta hi proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza legali, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni jwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif stabbilit fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2025, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll attwali tal-SFPA mas-Seychelles, kif ukoll evalwazzjoni ex ante ta’ tiġdid possibbli tal-Protokoll. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tal-persunal datat il-25 ta’ Ġunju 2025 3 .

Mill-evalwazzjoni ħareġ li s-setturi tas-sajd tal-Unjoni huma interessati ferm fis-sajd fis-Seychelles u li huwa fl-interess taż-żewġ Partijiet li jiġġedded il-Protokoll. Barra minn hekk, it-tiġdid tal-Protokoll jgħin biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u jikkontribwixxi għat-titjib tal-governanza tas-settur tas-sajd fir-reġjun.

Għall-Unjoni, huwa importanti li jinżamm strument li jippermetti kooperazzjoni settorjali profonda mas-Seychelles, li huwa attur strateġiku fil-livell subreġjonali minħabba ż-żona tas-sajd taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu u huwa alleat importanti fil-qafas tal-IOTC. Barra minn hekk, għall-flotta tal-UE dan ifisser li jinżamm l-aċċess għal żona importanti tas-sajd fejn ikunu jistgħu jintużaw strateġiji tal-qbid skont qafas legali internazzjonali pluriennali. Barra minn hekk, l-importanza tas-Seychelles f’termini tal-ipproċessar tat-tonn maqbud fl-Oċean Indjan u l-esportazzjonijiet konsegwenti ta’ prodotti tat-tonn lejn l-Unjoni jżidu r-rilevanza tal-Protokoll il-ġdid previst, kemm għall-industrija tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll għall-pajjiż sieħeb. Għall-awtoritajiet tas-Seychelles, l-għan hu li jitkomplew ir-relazzjonijiet mal-Unjoni, bil-ħsieb, fost l-oħrajn, li tissaħħaħ il-governanza tal-oċeani, u b’hekk jibbenefikaw mill-appoġġ settorjali ddedikat li jipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament pluriennali.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-industrija, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili, l-amministrazzjoni tas-sajd u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tas-Seychelles ġew ikkonsultati bħala parti mill-valutazzjoni.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni użat konsulent indipendenti għall-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mal-Artikolu 31(10) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jistabbilixxi l-Politika Komuni tas-Sajd.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli fih klawżola dwar il-konsegwenzi f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ir-Regolament propost ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din il-proċedura tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri relatati mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-implimentazzjoni tal-SFPA bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026–2030) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tiegħu. Ir-Regolament għandu jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.

2026/0108 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2026–2030)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, il-paragrafu 3, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea, Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles għal durata ta’ 4 snin (“il-Protokoll”).

(2)Dan il-Protokoll jissostitwixxi l-iktar protokoll reċenti li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles 4 , li ġie ffirmat fl-24 ta’ Frar 2020 għal durata ta’ 6 snin, u li skada fit-23 ta’ Frar 2026.

(3)Wara dawn in-negozjati, fl-1 ta’ April 2026 ġie inizjalat il-Protokoll il-ġdid.

(4)Fi […], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) […], [referenza f’qiegħ il-paġna] dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll il-ġdid, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(5)Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd previsti fil-Protokoll jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-iktar fis possibbli, minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ tali attivitajiet.

(7)L-Artikolu 19 tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll mid-data tal-iffirmar tiegħu sabiex jippermetti l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Protokoll”) għandhom jiġu allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża:

Spanja: 17-il bastiment

Franza: 12-il bastiment

l-Italja: bastiment wieħed

(b) bastimenti tas-sajd li jistadu bil-konz tal-wiċċ:

Spanja: żewġ bastimenti

Franza: erba’ bastimenti

il-Portugall: żewġ bastimenti

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Għandu jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     EUR-Lex – 22023A0322(01) – MT - EUR-Lex .
(2)     Ares(2025)5139411 .
(3)     eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025SC0136
(4)    Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles, ĠU L 60, 28.2.2020, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2020/272/oj
Top