IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.2.2026
COM(2026) 10 final
2026/0037(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Awstrija – EGF/2025/005 AT/KTM
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
2.Fil-15 ta’ Settembru 2025, l-Awstrija ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2025/005 AT/KTM għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji f’KTM fl-Awstrija.
3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
|
L-applikazzjoni tal-FEG
|
EGF/2025/005 AT/KTM
|
|
Stat Membru
|
L-Awstrija
|
|
Reġjun(i) ikkonċernat(i) (livell NUTS 2)
|
L-Awstrija ta’ Fuq (AT31)
|
|
Data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni
|
Il-15 ta’ Settembru 2025
|
|
Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni
|
Il-15 ta’ Settembru 2025
|
|
Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali
|
It-28 ta’ Ottubru 2025
|
|
Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali
|
It-18 ta’ Novembru 2025
|
|
Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni
|
Is-6 ta’ Frar 2026
|
|
Kriterju ta’ intervent
|
L-Artikolu 4(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691
|
Intrapriża primarja
|
KTM (KTM Gruppe)
|
|
Settur(i) tal-attività ekonomika
(Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2)
|
Diviżjoni 30 (Manifattura ta’ tagħmir ieħor tat-trasport)
|
|
Perjodu ta’ referenza (4 xhur):
|
Bejn il-25 ta’ Frar 2025 u l-25 ta’ Ġunju 2025
|
|
Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)
|
233
|
|
Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)
|
1 255
|
|
Għadd totali ta’ sensji (a + b)
|
1 488
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli
|
1 488
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira
|
420
|
|
Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)
|
2 895 120
|
|
Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG (EUR)
|
115 920
|
|
Baġit totali (EUR)
|
3 011 040
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)
|
1 806 624
|
VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI
Proċedura
4.L-Awstrija ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2025/005 AT/KTM fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stipulati fl-Artikolu 4 (2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691, fil-15 ta’ Settembru 2025. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data. Il-Kummissjoni kellha f’idejha t-traduzzjoni tal-applikazzjoni fl-14 ta’ Ottubru 2025 u talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Awstrija sat-28 ta’ Ottubru 2025. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta li fiha l-Kummissjoni trid tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tiskadi fis-6 ta’ Frar 2026.
Eliġibbiltà tal-applikazzjoni
Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati
5.L-applikazzjoni relatata ma’ 233 ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom waqfet f’KTM (KTM Gruppe) fis-settur ekonomiku klassifikat taħt id-Diviżjoni 30 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ tagħmir ieħor tat-trasport). Is-sensji mogħtija mill-intrapriża jinsabu fir-reġjun NUTS 2 tal-Awstrija ta’ Fuq (AT31).
Kriterji ta’ intervent
6.L-Awstrija ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjati fuq perjodu referenzjarju ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati minn fornituri u produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.
7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni jibda mill-25 ta’ Frar 2025 sal-25 ta’ Ġunju 2025.
8.Matul il-perjodu referenzjarju kien hemm 233 ħaddiem issensjati f’KTM.
Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien ta’ attività
9.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-233 ħaddiem issensjati matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew l-iskadenza tiegħu.
Benefiċjarji eliġibbli
10.Minbarra l-ħaddiema diġà msemmija, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 1 255 ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom waqfet qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ 4 xhur. Dawn il-ħaddiema kollha waqqfu l-attività tagħhom fis-6 xhur ta’ qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza fil-25 ta’ Frar 2025 u/jew bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-jum ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta, skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-event li wassal għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
11.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa 1 488.
Deskrizzjoni tal-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività
12.L-eventi li wasslu għal dawn is-sensji huma l-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ KTM Gruppe.
13.KTM kienet l-akbar impriża sussidjarja ta’ Pierer Mobility AG (90 % tal-fatturat ta’ Pierer). Bħala produttur tal-muturi, KTM żviluppa biex sar l-akbar produttur tal-muturi fl-Unjoni Ewropea (mill-2012). KTM għandha s-sede f’Mattighofen fid-distritt ta’ Braunau fl-Awstrija ta’ Fuq.
14.F’Diċembru 2023, Pierer ħabbret id-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni taċ-Ċina u tal-Indja, u dan wassal għall-ewwel mewġa ta’ sensji li eliminaw 300 impjieg fil-pjanta ta’ Mattighofen. Prinċipalment kien minħabba l-kostijiet lavorattivi ħafna inqas f’dawn il-pajjiżi. Fatturi oħra inkludew il-prossimità għas-swieq tat-tkabbir, peress li d-domanda fl-Ewropa bdiet tonqos gradwalment, kif ukoll restrizzjonijiet lavorattivi anqas stretti, u b’hekk kienet possibbli aktar flessibbiltà biex jiġu aġġustati l-livelli tal-produzzjoni għall-iżviluppi tas-suq.
15.Matul l-2024, il-kumpanija esperjenzat kriżi kbira: il-bejgħ naqas b’29,4 %, u dan wassal għal inventorju eċċessiv (265 000 mutur fl-istokk) u telf ta’ EUR 1,1 biljun. Id-dejn ta’ KTM laħaq EUR 1,642 biljun. KTM bdiet tnaqqis kbir fil-kostijiet, inkluż is-sensji ta’ aktar minn 500 impjegat.
16.Minkejja l-isforzi biex il-produzzjoni tiġi rilokata fl-Indja, il-proċedimenti ta’ insolvenza kienu inevitabbli. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar bdew għal Pier, bl-abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar għal KTM u l-affiljati tagħha. Fid-29 ta’ Novembru 2024, KTM applika għall-insolvenza. KTM kellha l-ewwel waqfien mill-produzzjoni tagħha minn Diċembru 2024 sa Marzu 2025. Aktar minn 750 impjegat ieħor ingħataw is-sensja. Fil-25 ta’ Frar 2025, il-kredituri approvaw il-pjan ta’ ristrutturar li offrielhom kwota ta’ 30 % minn dak li kienu dovuti. Madankollu kien meħtieġ investitur li jakkwista lil KTM u jħallas il-kwota.
17.Waqt il-laqgħa tal-kredituri, il-proċedimenti ta’ insolvenza tal-Grupp KTM kienu l-akbar li qatt seħħew fl-Awstrija ta’ Fuq.
18.Fis-17 ta’ Marzu 2025, il-produzzjoni reġgħet bdiet bir-ritmu ta’ xift wieħed (minflok bil-kapaċità sħiħa tal-produzzjoni). Il-ħaddiema li kien fadal bdew jaħdmu inqas ħinijiet u b’inqas paga biex jgħinu fil-ġestjoni tal-kostijiet. Kien inevitabbli li jingħataw iktar sensji. Fit-28 ta’ April 2025, il-produzzjoni kellha tieqaf mill-ġdid minħabba n-nuqqas kontinwu fil-provvista tal-partijiet u tal-komponenti.
19.Fl-aħħar instab investitur. Bajaj Auto International Holdings B.V. ipprovdiet ir-riżorsi meħtieġa biex tiżgura l-kontinwità ta’ KTM fit-22 ta’ Mejju 2025. Il-pagament tal-kwota miftiehma lill-kredituri warrab it-theddida tal-falliment ta’ KTM u r-riskju li l-kumpanija tagħlaq darba għal dejjem. Il-produzzjoni setgħet terġa’ tibda fit-28 ta’ Lulju 2025, filwaqt li tkomplew il-miżuri ta’ awsterità u l-enfasi fuq il-kosteffiċjenza.
Impatt mistenni tas-sensji rigward l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi
20.L-insolvenza ta’ KTM laqtet ħażin lir-reġjun madwar is-sede ta’ Mattighofen. Il-kumpanija timpjega aktar minn 4 000 ħaddiem direttament fl-Awstrija ta’ Fuq, u għalhekk mhix biss impjegatur sinifikanti iżda hi wkoll il-pedament ekonomiku ta’ ħafna fornituri u ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi. L-ekonomija reġjonali ntlaqtet ħażin mill-insolvenza u dan wassal għal tfixkil serju.
21.B’konsegwenza ta’ dan, il-qgħad fid-distrett ta’ Braunau żdied b’39,8 % f’Ottubru 2024 u b’37,1 % f’Novembru 2024 meta mqabbel mal-istess xhur tas-snin preċedenti.
22.F’Marzu 2025, dan wassal għall-akbar rata ta’ qgħad li qatt ġiet irreġistrata fid-distrett ta’ Braunau li rrappreżentat l-ogħla livell ta’ qgħad fid-distretti tas-suq tax-xogħol kollha fl-Awstrija. Il-qgħad baqa’ kostantement għoli fl-2025.
Applikazzjoni tal-Qafas tal-UE dwar il-Kwalità għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)
23.L-Awstrija ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar. Fl-Awstrija, il-kumpaniji li jagħtu s-sensji mhumiex meħtieġa bil-liġi jew bi ftehim kollettiv, li jistabbilixxu programm għall-impjiegi jew jipparteċipaw f’wieħed, jew jistabbilixxu miżuri oħra biex jappoġġaw lill-ħaddiema milquta. Madankollu, l-intrapriża kkonċernata tista’ b’mod volontarju tikkofinanzja fondazzjoni tax-xogħol responsabbli għall-miżuri fi programm għall-impjiegi.
24.KTM AG kienet għaddejja bi proċedimenti ta’ insolvenza waqt il-perjodu inkwistjoni u għalhekk ma setgħetx tikkontribwixxi għal fondazzjoni għax-xogħol.
25.Rigward l-attivitajiet meħuda biex jassistu lill-ħaddiema ssensjati, l-Awstrija rrapportat li wara n-notifika tal-applikazzjoni għall-insolvenza ta’ KTM, is-Servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Awstrija ta’ Fuq minnufih beda jipprovdi pariri lill-ħaddiema milquta, u flimkien mal-Provinċja tal-Awstrija ta’ Fuq, iddeċieda li b’mod volontarju jistabbilixxi u jiffinanzja minn qabel fondazzjoni għall-insolvenza u japplika għall-assistenza mill-FEG.
Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni
26.L-Awstrija kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhumiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.
27.Il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali oħrajn.
Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali jew mal-awtoritajiet lokali u reġjonali
28.L-Awstrija indikat li l-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-petizzjoni għall-insolvenza ta’ KTM ġiet irreġistrata fid-29 ta’ Novembru 2024. Fil-5 ta’ Diċembru 2024 saret l-ewwel laqgħa ta’ koordinazzjoni mar-rappreżentanti tal-Provinċja tal-Awstrija ta’ Fuq u s-sħab soċjali rigward l-istabbiliment ta’ fondazzjoni għall-insolvenza.
29.Bħala parti mill-proċedura ta’ rikonoxximent tal-fondazzjoni għall-insolvenza mwettqa mis-Servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Awstrija ta’ Fuq, ġew ikkonsultati s-sħab soċjali, bħala r-rappreżentanti tal-ekonomija lokali, u l-ħaddiema. L-atturi kollha approvaw l-istabbiliment ta’ fondazzjoni għall-insolvenza. Imbagħad is-sħab soċjali ġew informati bl-applikazzjoni għall-FEG mis-Servizz għas-suq tax-xogħol tal-Awstrija ta’ Fuq.
30.Il-parteċipazzjoni fil-fondazzjoni għall-insolvenza hi volontarja għall-ħaddiema milquta. Il-miżuri maħsuba għal dawk li jeħtieġu assistenza komprensiva u fil-fond.
Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti
Benefiċjarji fil-mira
31.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa 420. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell ta’ edukazzjoni hija kif ġej:
|
Kategorija
|
Għadd ta’
benefiċjarji mistennija
|
|
Ġeneru:
|
Irġiel:
|
279
|
(66,4 %)
|
|
|
Nisa:
|
141
|
(33,6 %)
|
|
|
Persuni mhux binarji
|
0
|
(0 %)
|
|
Grupp ta’ età:
|
Taħt it-30 sena:
|
67
|
(16 %)
|
|
|
30–54 sena:
|
311
|
(15 %)
|
|
|
Iktar minn 54 sena:
|
42
|
(10 %)
|
|
Livell edukattiv
|
Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas
|
90
|
(21,4 %)
|
|
|
Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew postsekondarja
|
173
|
(41,2 %)
|
|
|
Edukazzjoni terzjarja
|
157
|
(37,4 %)
|
Miżuri proposti
32.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett koordinat personalizzat li jrid jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:
–Ġestjoni tal-każijiet: Din il-miżura għandha l-għan li toffri appoġġ individwalizzat ħafna billi l-parteċipanti jiġu akkumpanjati fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni individwali tagħhom u d-dokumentazzjoni u l-valutazzjoni tal-perkorsi tat-taħriġ individwali tagħhom.
–Gwida għall-karriera – orjentazzjoni tal-karriera: Din il-miżura tiġi qabel il-pjan ta’ azzjoni individwali u sservi prinċipalment biex tiċċara l-prospetti tal-karriera abbażi tal-interessi, l-aspetti b’saħħithom u n-nuqqasijiet tal-parteċipanti. Biex jiġi stabbilit pjan ta’ azzjoni, jiġu identifikati l-objettivi għat-taħriġ individwali kif ukoll diskussi l-possibilitajiet ta’ taħriġ. Dan hu bbażat fuq riċerka bir-reqqa tax-xejriet tas-suq tax-xogħol u l-opportunitajiet tax-xogħol prospettivi.
–Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: Waqt it-tfassil tal-pjan ta’ azzjoni, tingħata attenzjoni partikolari għat-titjib tal-ħiliet vokazzjonali. Għalhekk, il-parteċipanti jistgħu jsegwu l-korsijiet ta’ taħriġ u taħriġ mill-ġdid skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u l-parteċipanti jkunu jistgħu jsibu xogħol ġdid u sostenibbli malajr kemm jista’ jkun.
–Tiftix proattiv għal xogħol: Din il-miżura tinkludi l-assistenza fit-tħejjija ta’ applikazzjonijiet konvinċenti, l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ tiftix u strateġiji individwali u relatati max-xogħol, il-promozzjoni tal-inizjattiva u l-motivazzjoni, l-indirizzar ta’ rifjut, it-tisħiħ tar-reżiljenza, eċċ.
–Allowance għat-taħriġ – sussidju relatat mat-taħriġ: Kull min jipparteċipa fil-programm se jingħata allowance għat-taħriġ biex ikopri l-ispejjeż addizzjonali relatati mat-taħriġ b’rabta mal-parteċipazzjoni fil-miżuri ta’ taħriġ.
33.Il-gwida għall-karriera kif ukoll il-miżuri għat-taħriġ u għat-taħriġ mill-ġdid jgħinu fit-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691. Fil-kuntest tal-gwida għall-karriera, tingħata attenzjoni partikolari lill-importanza tal-prospetti tal-karriera fl-impjiegi ekoloġiċi (impjiegi fis-setturi bħall-enerġija rinnovabbli, il-kostruzzjoni sostenibbli u r-rinnovazzjoni, u l-ġestjoni tal-ilma u tal-ilma mormi). Fil-miżuri ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid, meta jitfasslu l-pjanijiet ta’ azzjoni individwali, issir enfasi fuq il-ħiliet diġitali, b’mod partikolari għal dawk il-parteċipanti mingħajr għarfien preċedenti jew b’għarfien bażiku ħafna.
34.L-azzjonijiet proposti u deskritti hawnhekk, huma magħmula minn miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.
35.L-Awstrija tat l-informazzjoni meħtieġa dwar il-miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, l-Awstrija kkonfermat li dawn il-miżuri mhumiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.
Baġit stmat
36.Il-kostijiet totali stmati huma EUR 3 011 040, li jinkludu nefqa ta’ EUR 2 895 120 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 115 920 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.
37.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija EUR 1 806 624 (60 % tal-kostijiet totali).
38.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/691, l-Awstrija speċifikat li l-prefinanzjament nazzjonali hu kondiviż b’mod ugwali mill-gvern tal-Awstrija ta’ Fuq u s-Servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Awstrija (Arbeitsmarktservice). Il-kofinanzjament jingħata mis-Servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Awstrija (Arbeitsmarktservice).
|
Miżuri
|
Għadd stmat ta’ parteċipanti
|
Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR)
|
Kostijiet totali stmati
(EUR)
|
|
Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Ġestjoni tal-każijiet
|
420
|
920
|
386 400
|
|
Gwida għall-karriera – orjentazzjoni tal-karriera (Berufsberatung – Berufsorientierung)
|
420
|
1 000
|
420 000
|
|
Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (Aus- und Weiterbildung)
|
300
|
3 436
|
1 030 800
|
|
Tiftix proattiv għal xogħol (Aktive Arbeitssuche)
|
120
|
500
|
60 000
|
|
Subtotal (a):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati
|
–
|
1 897 200
|
|
|
|
(65,53 %)
|
|
Benefiċċji u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Allowance għat-taħriġ – sussidju relatat mat-taħriġ (Ausbildungsbeihilfe – Ausbildungsbedingter Zuschuss)
|
420
|
2 376
|
997 920
|
|
Subtotal (b):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:
|
–
|
997 920
|
|
|
|
(34,47 %)
|
|
Attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691
|
|
1. Attivitajiet ta’ tħejjija
|
–
|
0
|
|
2. Ġestjoni
|
–
|
115 920
|
|
3. Informazzjoni u pubbliċità
|
–
|
0
|
|
4. Kontroll u rapportar
|
–
|
0
|
|
Subtotal (c):
Perċentwal tal-kostijiet totali:
|
–
|
115 920
|
|
|
|
(3,85 %)
|
|
Kostijiet totali (a + b + c):
|
–
|
3 011 040
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)
|
–
|
1 806 624
|
39.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali għall-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati. L-Awstrija kkonfermat li dawn il-miżuri huma kundizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.
Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa
40.L-Awstrija bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Marzu 2025. In-nefqa fuq il-miżuri għalhekk se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Marzu 2025 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
41.L-Awstrija bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta’ Marzu 2025. In-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kif ukoll dawk ta’ kontroll u rappurtar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Marzu 2025 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
42.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. L-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni li permezz ta’ ftehim amministrattiv bejn il-Ministeru Federali Awstrijak għax-xogħol, għall-affarijiet soċjali, għas-saħħa, għall-kura u għall-protezzjoni tal-konsumatur (unità IX/A/3) bħala l-awtorità maniġerjali Awstrijaka tal-FEG, u l-Awstrija ta’ Fuq, il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mid-Dipartiment tal-Awstrija ta’ Fuq għall-ekonomija u għar-riċerka. Il-funzjoni ta’ kontroll ta’ l-ewwel livell ġiet ikkuntrattata lil Public Management & Consulting GmbH, fi Vjenna. Il-funzjoni tal-awtorità tal-awditjar titwettaq mill-istess dipartiment fid-Direttorat tal-Awstrija ta’ Fuq għall-ippjanar reġjonali u għall-iżvilupp ekonomiku u rurali, li jaġixxi wkoll bħala l-awtorità tal-awditjar tal-Awstrija ta’ Fuq kemm għall-Fond Ewropew għall-iżvilupp rurali kif ukoll għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Għalhekk, l-awtorità tal-awditjar topera b’mod separat u indipendenti mid-Dipartiment għall-ekonomija u għar-riċerka biex tiġi żgurata s-separazzjoni adegwata tal-kompiti.
Impenji provduti mill-Istat Membru kkonċernat
43.L-Awstrija tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:
–il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,
–inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,
–kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat,
–il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Proposta baġitarja
44.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024.
45.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 1 806 624, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.
46.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
Atti relatati
47.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 806 624 għal-linja baġitarja rilevanti.
48.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li fiha deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi notifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
2026/0037 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Awstrija – EGF/2025/005 AT/KTM
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jħeġġeġ impjiegi deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal persuni b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ eventi kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal impjieg deċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.
(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765, u fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.
(3)Fil-15 ta’ Settembru 2025, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’KTM (KTM Gruppe) fl-Awstrija. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali provduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies li tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 806 624 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Awstrija.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien biex jiġi mobilizzat il-FEG, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja tal-2026, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 806 624 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [ id-data tal-adozzjoni tagħha ].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President