Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0855

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil Spanja b'rabta mal-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja fi Spanja f’Ottubru 2024 u lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024 u miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025

COM/2025/855 final

Brussell, 3.10.2025

COM(2025) 855 final

2025/0318(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil Spanja b'rabta mal-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja fi Spanja f’Ottubru 2024 u lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024 u miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-proposta

Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-FSUE”) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament FSUE”) għal ammont ta’ EUR 1 057 018 077 biex tingħata assistenza lil Spanja wara l-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja f’Ottubru 2024 u lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024 u miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025.

Din il-mobilizzazzjoni hija akkumpanjata mid-Deċiżjoni DEC16/2025 li tipproponi t-trasferiment tal-ammont ta’ EUR 927 926 981 mir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-ESR”, European Solidarity Reserve) il-linja ta’ riżerva għal-linja baġitarja operazzjonali tal-FSUE, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll ta’ pagament.

2.Informazzjoni u kundizzjonijiet

2.1Spanja – diżastru naturali maġġuri: għargħar ta’ Ottubru 2024

(1)Fl-20 ta’ Jannar 2025, Spanja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja ta’Ottubru 2024. Fl-14 ta’ Awwissu 2025, Spanja ppreżentat kjarifiki addizzjonali rigward id-data u l-informazzjoni pprovduti fl-applikazzjoni tal-FSUE.

(2)Spanja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-28 ta’ Ottubru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Spanjoli stmaw il-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru għal EUR 20,28 biljun. Il-Kummissjoni aċċettat ammont ta’ EUR 18,08 biljun bħala ħsara diretta totali plawżibbli. Dan l-ammont jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għal Spanja ta’ 0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tagħha, li fl-2025 kien ta’ EUR 3,96 biljun 2 . Għaldaqstant, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Spanja talbet il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal pagament antiċipat mill-FSUE ġew issodisfati. Għalhekk, ingħata pagament antiċipat ta’ EUR 100 000 000 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2025) 1798 tal-20 ta’ Marzu 2025. Il-pagament antiċipat tħallas lil Spanja fit-8 ta’ April 2025.

(7)Bejn it-28 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Novembru 2024, maltempata li ġabet xita qawwija laqtet ir-reġjun kollu ta’ Valencia fi Spanja li wassal għal għargħar qawwi. Id-diżastru affettwa 2 600 dar u żona ta’ aktar minn 500 kilometru kwadru. Eluf ta’ unitajiet domestiċi tħallew mingħajr elettriku, ilma tax-xorb u servizz tat-telefon, u l-infrastruttura u l-oġġetti pubbliċi ġarbu ħsara sinifikanti. Intlaqtu aktar minn 170 stabbiliment edukattiv u aktar minn 50 istituzzjoni tas-saħħa. L-għargħar ikkawża 232 fatalità.

(8)L-awtoritajiet Spanjoli talbu għall-għajnuna permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Diversi Stati Membri tal-UE esprimew ir-rieda tagħhom li joffru appoġġ. Spanja aċċettat l-offerti minn Franza u mill-Portugall li malajr ipprovdew makkinarju u vetturi speċjalizzati għall-ġestjoni tal-iskart. Żewġ Uffiċjali ta’ Kollegament tal-UE ġew skjerati biex jikkoordinaw dan l-appoġġ fuq il-post.

(9)Spanja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament EUSF laħaq l-EUR 4,39 biljun u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma, d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa, u l-edukazzjoni li jammonta għal EUR 3,51 biljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru li jammonta għal EUR 561 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 326 miljun.

(10)Fi Spanja, it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/60/KE 3 saret permezz tad-Digriet Irjali 903/2010 tad-9 ta’ Lulju 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju ta’ għargħar.

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, Spanja ma kenitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

2.2Franza - diżastru naturali reġjonali: iċ-ċiklun f’Mayotte f’Diċembru 2024

(1)Fis-7 ta’ Marzu 2025, Franza ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru wara l-ħsara kkawżata miċ-ċiklun Chido fil-gżira ta’ Mayotte, Franza f’Diċembru 2024.

(2)Franza applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fl-14 ta’ Diċembru 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Franċiżi ippreżentaw l-applikazzjoni taħt il-kriterju “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, li huwa kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) jew il-1 % tal-PDG reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi. L-awtoritajiet Franċiżi stmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru kienet ta’ EUR 3,8 biljun. Il-Kummissjoni aċċettat ammont ta’ EUR 3,6 biljun bħala ħsara diretta totali plawżibbli. Dan l-ammont jaqbeż il-limitu applikabbli indikat għal “diżastru reġjonali”, li huwa ta’ EUR 33,47 miljun għal Mayotte fl-2025 4 .

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Franza talbet il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal pagament antiċipat mill-FSUE ġew issodisfati. Għalhekk, ingħata pagament antiċipat ta’ EUR 23 782 012 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2025) 3192 tal-20 ta’ Mejju 2025. Il-pagament antiċipat tħallas lil Franza fl-4 ta’ Ġunju 2025.

(7)Fl-14 ta’ Diċembru 2024, għajn ta’ ċiklun imsejjaħ Chido laqtet lill-gżira ta’ Mayotte, Franza. Il-buffuri tar-riħ taċ-ċiklun qabżu l-180 kilometru fis-siegħa fit-territorju kollu. Iċ-ċiklun ġab miegħu wkoll xita qawwija fuq il-gżira, b’total stmat ta’ 100 sa 150 mm ta’ xita fi 12-il siegħa. Ix-xita qawwija u l-irjieħ qawwija ġew ikkombinati ma’ mewġ perikoluż ta’ għoli bejn 5 u 9 metri. Sussegwentement, l-abitazzjonijiet kollha nqerdu. Il-grilja tal-elettriku u n-network tal-ilma ngħalqu kompletament u diversi mezzi ta’ qsim bejn iż-żewġ gżejjer ta’ Mayotte ġew affettwati b’mod sever. It-trasport pubbliku u s-servizzi tat-trasport fl-iskejjel kellhom jiġu sospiżi temporanjament jew inaqqsu b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tagħhom. Iċ-ċiklun ikkawża mill-inqas 39 fatalità.

(8)L-awtoritajiet Franċiżi talbu għall-għajnuna permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Il-ħtiġijiet kienu jinkludu tined, sodod tal-kampijiet, sleeping bags, kits tal-iġjene u tagħmir għall-komunikazzjoni u t-trażmissjoni. Ingħatat assistenza mill-Belġju, mill-Ġermanja, mill-Italja u mill-Iżvezja.

(9)Franza stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE kien jilħaq l-EUR 1 256,8 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni li jammonta għal EUR 883,1 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost li jikkonċerna l-kost tas-servizzi ta’ salvataġġ jammonta għal EUR 323,5 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 50,2 miljun.

(10)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni Franza ma kinitx suġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

2.3Franza - diżastru naturali reġjonali: iċ-ċiklun f’Réunion fi Frar 2025

(1)Fit-23 ta’ Mejju 2025, Franza ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u rkupru wara l-ħsara kkawżata miċ-ċiklun Garance fil-gżira ta’ Réunion, fi Franza fi Frar 2025.

(2)Franza applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-28 ta’ Frar 2025. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għaldaqstant jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Franċiżi ippreżentaw l-applikazzjoni taħt il-kriterju “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, li huwa kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) jew il-1 % tal-PDG reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi. L-awtoritajiet Franċiżi stmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru kienet ta’ EUR 849,45 miljun. Dan l-ammont jaqbeż il-limitu applikabbli indikat għal “diżastru reġjonali”, li huwa ta’ EUR 216,68 miljun għar-Réunion għall-2025.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi li fuqha jsir il-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Franza talbet il-ħlas ta’ pagament antiċipat skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE. Abbażi tal-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għal pagament antiċipat mill-FSUE ġew issodisfati. Għalhekk, ingħata pagament antiċipat ta’ EUR 5 309 084 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2025) 5615 tal-5 ta’ Awwissu 2025. Il-pagament antiċipat tħallas lil Franza fis-26 ta’ Awwissu 2025.

(7)Fit-28 ta’ Frar 2025, ċiklun bl-isem ta’ Garance laqat lill-gżira ta’ Réunion, Franza. L-irjieħ ċikloniċi f’xi żoni laħqu veloċità ta’ 215-il kilometru fis-siegħa u ġabu magħhom xita qawwija u kundizzjonijiet tal-baħar perikolużi. Sussegwentement, in-network tat-toroq intlaqat ħafna, u affettwaw lill-ekonomija b’mod qawwi. Is-settur agrikolu, speċjalment is-settur tal-kannamieli, kif ukoll il-kumpaniji li jiddependu mit-turiżmu ġarbu ħsarat kbar minħabba ċ-ċiklun. Biex jgħinu lill-popolazzjoni milquta, infetħu 123 ċentru ta’ akkomodazzjoni biex in-nies ifittxu l-kenn. Iċ-ċiklun ikkawża mill-inqas 5 fatalitajiet.

(8)L-awtoritajiet Franċiżi ma talbux l-assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili.

(9)Franza stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE kien jilħaq l-EUR 125,38 miljun, u ppreżentat il-kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna r-restawr tal-funzjonament tal-infrastruttura u l-impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u d-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, is-saħħa u l-edukazzjoni li jammonta għal EUR 84,97 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru u jammonta għal EUR 21,98 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva li jammonta għal EUR 11,55 miljun. Ir-raba’ l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ li jammontaw għal EUR 6,88 miljun.

(10)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni Franza ma kinitx suġġetta għal proċedimenti ta’ ksur fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

2.4Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq u wara l-valutazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diżastri msemmija fl-applikazzjonijiet ippreżentati minn Spanja u Franza jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament FSUE għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.

3.Finanzjament

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021–2027 5 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament QFP”), jipprevedi l-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR, Solidarity and Emergency Aid Reserve). Il-punt 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 6 (IIA) kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, jistabbilixxi l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tas-SEAR.

Billi s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ewlenija għall-ħolqien tal-FSUE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna jenħtieġ li tkun progressiva. Konsegwentement, il-porzjon tal-ħsara li jaqbeż il-livell limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont, ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE) jenħtieġ li jwassal għal intensità ta’ għajnuna ogħla mill-porzjon tal-ħsara taħt il-livell limitu. Dan ifisser li l-ammont ta’ għajnuna għal pajjiż milqut minn diżastru li jikkonforma mal-kundizzjonijiet għal “diżastru naturali maġġuri” jiġi kkalkulat billi jingħaddu żewġ ammonti: 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-livell limitu u 6 % għall-parti tal-ħsara diretta totali ’l fuq mil-livell limitu.

Ir-rata applikata għad-definizzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna għal “diżastri naturali reġjonali”, li tibqa’ taħt il-livell limitu nazzjonali, hija ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali. Il-kontribuzzjoni FSUE ma tistax taqbeż il-kost totali stmat tal-operazzjonijiet eliġibbli.

Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar l-FSUE u ġiet aċċettata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi lill-awtorità baġitarja biex timmobilizza l-ammonti li ġejjin:

Pajjiż/
Dizastru

Ħsara diretta totali

Livell limitu applikat għal diżastru

2,5 % tal-ħsara diretta totali (sal-livell limitu tad-diżastri maġġuri)

6 % tal-ħsara diretta totali sal-livell limitu tad-diżastri maġġuri

Ammont totali tal-għajnuna proposta

Pagament antiċipat imħallas

Bilanċ li jrid jitħallas

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

(EUR)

Spanja — għargħar

18 078 315 857

3 958 436 000

98 960 900

847 192 791

946 153 691

100 000 000

846 153 691

(diżastru maġġuri)

Franza (Mayotte) — ċiklun

3 585 122 000

33 470 000

89 628 050

Mhux Applikabbli

89 628 050

23 782 012

65 846 038

(diżastru reġjonali)

Franza (Réunion) — ċiklun

849 453 473

216 680 000

21 236 336

Mhux Applikabbli

21 236 336

5 309 084

15 927 252

(diżastru reġjonali)

TOTAL

1 057 018 077

129 091 096

927 926 981

Ir-Regolament tal-Kunsill 2024/765 7 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 qasam ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR) f’żewġ strumenti separati: ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza. Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea b’ammont annwali ta’ EUR 1 016 miljun (fi prezzijiet tal-2018, li jikkorrispondi għal EUR 1,167,064,638 miljun fi prezzijiet tal-2025) se tintuża għal assistenza b’rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza koperti mill-FSUE.

F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament FSUE u l-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament QFP emendat, 25 % tal-allokazzjoni annwali tal-FSUE (jiġifieri EUR 291,766,160 għall-2025) trid issir disponibbli fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP, kull porzjon tal-ammont annwali mhux użat f’sena partikolari n jista’ jintuża sas-sena n+1. Għalhekk, l-ammont ta’ EUR 194,316,162 ġie riportat mill-2024.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 4a(4) tar-Regolament FSUE, l-ammont ta’ EUR 50 000 000 diġà tniżżel fil-baġit ġenerali tal-UE tal-2025 (f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament) għall-ħlas ta’ pagamenti antiċipati possibbli. Fl-2025, il-Kummissjoni diġà ħallset erba’ pagamenti antiċipati: EUR 10 663 587 lill-Awstrija fir-rigward tal-għargħar ta’ Settembru 2024; EUR 100 000 000 lil Spanja wara l-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja f’Ottubru 2024 8 ; EUR 23 782 012 lil Franza fir-rigward taċ-ċiklun f’Mayotte f’Diċembru 2024 u EUR 5 309 084 lil Franza fir-rigward taċ-ċiklun f’Réunion fi Frar 2025.

Fl-aħħar nett, f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2025/1525 9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2025, il-Fond se jipprovdi assistenza lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja, lill-Moldova u lill-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru u Ottubru 2024 għall-ammont totali ta’ EUR 280 740 903. Din il-mobilizzazzjoni diġà użat ammont ta’ EUR 270 077 316 mil-linja ta’ riżerva tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (“l-ESR”).

Għalhekk, l-allokazzjoni totali disponibbli (inkluż 25 % tal-allokazzjoni annwali li ssir disponibbli fl-1 ta’ Ottubru iżda eskluż l-ammont li għad irid jintuża għal pagamenti antiċipati possibbli sa tmiem is-sena) hija ta’ EUR 928 376 487, li hija biżżejjed biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ pagament ta’ din il-komunikazzjoni. Jifdal bilanċ ta’ EUR 23 172 314 biex ikopri kwalunkwe applikazzjoni ġdida għal pagamenti antiċipati u EUR 449 506 addizzjonali fuq il-linja ta’ riżerva.

Ammont disponibbli taħt l-FSUE fl-2025 (f’EUR):

 

Allokazzjoni totali annwali tal-FSUE għall-2025 (inkluż is-segment tal-1 ta’ Ottubru ta’ EUR 291 766 160)

1 167 064 638

Ammont riportat mill-2024 inklużi pagamenti antiċipati mhux użati (+)

194 316 162

Ammont diġà użat għall-pagamenti antiċipati (-)

139 754 683

Ammont diġà mmobilizzat fl-2025 (-)

270 077 316

Ammont totali disponibbli, li minnu:

951 548 801

Ammont disponibbli għad-Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni attwali

928 376 487

Ammont li għandu jintuża għal pagamenti antiċipati possibbli sa tmiem is-sena

23 172 314

Ammont propost skont id-Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni attwali (għandu jitħallas biss il-bilanċ)

927 926 981

2025/0318 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lil Spanja b'rabta mal-għargħar fir-Reġjun ta’ Valenzja fi Spanja f’Ottubru 2024 u lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024 u miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 10 u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 11 , u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali reġjonali jew minn emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika.

(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 12 .

(3)Fl-20 ta’ Jannar 2025, Spanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar ta’ Ottubru 2024.

(4)Fis-7 ta’ Marzu 2025, Franza ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024.

(5)Fit-23 ta’ Mejju 2025, Franza ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025.

(6)Dawn l-applikazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(7)Għalhekk il-Fond jenħtieġ li jiġi mobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lil Spanja u Franza.

(8)Sabiex jitnaqqas iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għal diżastri naturali:

(a)l-ammont ta’ EUR 946 153 691 għandu jingħata lil Spanja fir-rigward tal-għargħar ta’ Ottubru 2024;

(b)l-ammont ta’ EUR 89 628 050 għandu jiġi pprovdut lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Chido f’Mayotte f’Diċembru 2024;

(c)l-ammont ta’ EUR 21 236 336 għandu jiġi pprovdut lil Franza wara l-ħsarat ikkawżati miċ-ċiklun Garance f’Réunion fi Frar 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 13*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President        Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj).
(2)    L-applikazzjoni ġiet ippreżentata fl-2025 u għalhekk il-livell limitu applikabbli huwa l-livell limitu tal-2025.
(3)    Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar (id-Direttiva dwar l-Għargħar”) (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/60/oj).
(4)    L-applikazzjoni ġiet ippreżentata fl-2025 u għalhekk il-limitu applikabbli huwa l-limitu tal-2025.
(5)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(6)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).
(8)    Talba għal trasferiment tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Finanzjarju DEC 2/2025.
(9)    ĠU L, 2025/1525, 23.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1525/oj.
(10)    ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.
(11)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(12)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj).
(13) *    Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
Top