IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 17.6.2025
COM(2025) 822 final
2025/0176(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1907/2006, (KE) Nru 1272/2008, (UE) Nru 528/2012, (UE) 2019/1021 u (UE) 2021/697 fir-rigward tal-prontezza tad-difiża u l-iffaċilitar tal-investimenti fid-difiża u tal-kundizzjonijiet għall-industrija tad-difiża
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja enfasizzat il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB, European Defence Technological and Industrial Base) sabiex tappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri fid-dawl ta’ theddid emerġenti għas-sigurtà. Il-kunflitt li għaddej kixef vulnerabbiltajiet fix-xenarju tad-difiża Ewropea, filwaqt li enfasizza l-importanza li jiżdiedu mingħajr dewmien il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-EDTIB u li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-innovazzjoni tagħha b’mod partikolari billi jiġu aċċellerati ċ-ċikli tal-innovazzjoni.
Kif ġie enfasizzat fil-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, “Il-bini mill-ġdid tad-difiża Ewropea jeħtieġ, bħala punt tat-tluq, investiment massiv fuq perjodu sostnut. Flimkien jeħtiġilna naċċelleraw il-ħidma fil-fergħat kollha biex inżidu b’mod urġenti l-prontezza tad-difiża Ewropea biex niżguraw li l-Ewropa jkollha pożizzjonament ta’ difiża Ewropea b’saħħitha u suffiċjenti sa mhux aktar tard mill-2030”.
Filwaqt li jitqies dan ta’ hawn fuq, u wara l-appell tal-Kunsill lill-Kummissjoni Ewropea biex taċċellera l-ħidma fil-fergħat kollha ħalli tiżdied b’mod deċiżiv il-prontezza tad-difiża tal-Ewropa 2030, l-għan ta’ din il-proposta hu li tagħmel il-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni aktar favorevoli biex jiżdiedu malajr il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża u tissaħħaħ l-innovazzjoni ħalli jintlaħqu l-livelli ta’ prontezza tad-difiża li jistgħu jiskoraġġixxu u jindirizzaw b’mod kredibbli kull riskju ta’ aggressjoni armata.
Il-proposta tqis id-diskrepanzi sinifikanti fl-investiment fid-difiża li akkumulaw matul dawn l-aħħar deċennji, u li jeħtieġu sforzi straordinarji biex terġa’ tinkiseb il-prontezza tad-difiża sal-2030. Tqis ukoll il-fatt li l-qafas regolatorju attwali mhuwiex adattat għal din il-ħtieġa u jeħtieġ jiġi adattat biex jinkiseb l-objettiv tal-prontezza tad-difiża 2030.
B’mod aktar speċifiku, il-proposta attwali tal-Kummissjoni tinvolvi l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni speċifika għad-difiża u l-Fond Ewropew għad-Difiża, kif ukoll f’leġiżlazzjoni mhux speċifika għad-difiża, biex jitneħħew l-ostakli regolatorji u jiġu ffaċilitati l-prontezza tad-difiża u t-tisħiħ fil-livell industrijali tal-UE.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Il-leġiżlazzjoni kollha affettwata minn din il-proposta fiha dispożizzjonijiet li huma maħsuba biex inaqqsu l-piż għall-Istati Membri u l-industrija jew jipprovdulhom assistenza biex iwettqu l-obbligi imposti fuqhom permezz tal-atti rilevanti, bil-għan li din il-leġiżlazzjoni ssir aktar faċli biex tiġi applikata u tkun inqas ta’ piż. Huwa meqjus meħtieġ li d-dispożizzjonijiet jiġu estiżi għas-suq tad-difiża fl-UE kollha biex jappoġġaw il-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri u jrawmu l-iżvilupp ta’ industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva u innovattiva.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti biex jissaħħaħ is-suq tad-difiża Ewropew huma mfassla biex jibnu fuq id-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika u jikkumplimentawhom, bil-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Ewropa u jappoġġaw il-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri.
Skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT, Regulatory Fitness and Performance Programme), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha tkun adegwata għall-użu tagħha, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, u timminimizza kemm jista’ jkun il-piżijiet filwaqt li xorta tikseb l-objettivi tagħha. Għalhekk, din il-proposta, li hija parti mill-programm REFIT, tnaqqas il-piżijiet bla bżonn għas-settur tad-difiża u tallinjahom mar-regoli attwalment applikabbli għall-proċeduri u l-iskemi differenti.
Il-proposta attwali, li tiffoka fuq il-ħtiġijiet tal-prontezza tad-difiża fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, tagħmel il-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u inqas ta’ piż għall-intrapriżi u għall-awtoritajiet pubbliċi.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
Il-proposta temenda Regolamenti eżistenti tal-UE. Għalhekk, il-bażi legali għall-proposta hija l-istess bħall-bażi legali tar-regolamenti emendati. Sal-punt li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u r-Regolament (KE) Nru 528/2012, il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 114 tat-TFUE. Sal-punt li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021, il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE. Sal-punt li dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (UE) 2021/697, il-bażi legali xierqa, sa fejn huma kkonċernati dawk l-emendi, hija l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(4), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-obbligi, l-eżenzjonijiet jew id-derogi li huma imposti direttament u indirettament mid-dritt tal-Unjoni jistgħu għalhekk jiġu emendati biss fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri, l-industrija u l-Kummissjoni se jibbenefikaw mill-bidliet proposti bl-objettiv li jiżguraw il-preparatezza u s-simplifikazzjoni tad-difiża.
•Proporzjonalità
L-estensjoni tad-dispożizzjonijiet jew l-introduzzjoni ta’ eżenzjonijiet speċifiċi f’leġiżlazzjoni differenti tal-UE għall-qasam tad-difiża tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għall-obbligi eżistenti biex jiġu ċċarati u speċifikati l-ħtiġijiet tal-prontezza tad-difiża għall-Istati Membri u li minn hawn’ il quddiem għandhom jagħtu l-istess trattament bħal oqsma oħra mmirati f’dawk id-dispożizzjonijiet, dejjem bis-salvagwardji xierqa. Għalhekk, il-proposta hija limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-prontezza tad-difiża tibbenefika mill-istess qafas legali fid-diversi oqsma tal-UE.
Il-miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet.
•Għażla tal-istrument
Dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni fihom dispożizzjonijiet li jqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet dejjem akbar tas-settur tad-difiża u jiżguraw li r-rekwiżiti jevitaw li jimponu piż bla bżonn fuq il-prontezza tad-difiża, il-produzzjoni u l-proċessi tal-katina tal-provvista. L-għan ta’ din il-proposta hu li fl-aħħar mill-aħħar din il-leġiżlazzjoni ssir aktar faċli biex tiġi applikata u tkun inqas ta’ piż.
Għalhekk, fl-interess tal-effiċjenza, jidher li l-aktar soluzzjoni xierqa hija proposta konġunta għad-diversi dispożizzjonijiet rilevanti applikabbli għad-difiża fil-forma tal-proposta tal-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża. B’mod partikolari, l-għażla ta’ Regolament għal din il-proposta hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jintuża l-istess strument legali bħall-atti legali li għandhom jiġu emendati.
L-emendi mmirati jikkonċernaw biss elementi applikabbli li issa se jiġu estiżi għal finijiet tad-difiża u għalhekk, huma xierqa li jiġu inklużi fi proposta waħda.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
M/A
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kien komprensiv, u jinkludi stħarriġ pubbliku li kien miftuħ sat-22 ta’ April 2025, kif ukoll sensiela ta’ laqgħat immirati mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti mill-Unjoni u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. B’mod aktar speċifiku, wara konsultazzjoni pubblika miftuħa f’April 2025 u l-konsultazzjonijiet estensivi fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim tal-Fond Ewropew għad-Difiża, is-servizzi tal-Kummissjoni ġabru data, evidenza u suġġerimenti mill-Istati Membri, mill-industrija u minn partijiet ikkonċernati oħra dwar l-ostakli legali, regolatorji u amministrattivi li jirrestrinġu l-kapaċità tal-industrija tad-difiża Ewropea li żżid il-produzzjoni b’aġilità msaħħa u tikseb il-prontezza tad-difiża sal-2030. L-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża jippreżenta kemm miżuri immedjati kif ukoll korrettivi u soluzzjonijiet strateġiċi fit-tul biex jiġu indirizzati dawn l-impedimenti.
Ħafna partijiet ikkonċernati, Stati Membri kif ukoll atturi industrijali, ikkummentaw dwar ir-regolamenti dwar is-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari r-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH, Registration, Evaluation, Authorisation and Restriction of Chemicals Regulation). It-tħassib ewlieni tagħhom kien li l-kunsiderazzjonijiet tad-difiża u tas-sigurtà ma tqisux fi stadji bikrija fil-proċessi differenti, filwaqt li semmew pereżempju d-diskussjoni li għaddejja dwar is-sustanzi perfluworoalkilati u polifluworoalkilati (PFAS, per- and polyfluoroalkyl substances). Diversi partijiet ikkonċernati qiesu wkoll il-possibbiltà li l-Istati Membri jippermettu eżenzjonijiet nazzjonali fl-interess tad-difiża (l-Artikolu 2(3) tar-Regolament REACH) bħala waħda ristretta wisq. Barra minn hekk, issemma wkoll li l-eżenzjonijiet tad-difiża kienu fformulati b’mod differenti f’atti leġiżlattivi differenti, u dan ħoloq nuqqas ta’ ċarezza legali.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-miżuri proposti ġew identifikati permezz ta’ rieżami intern tal-leġiżlazzjoni eżistenti u huma bbażati fuq l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tal-ħtiġijiet tal-kapaċitajiet tal-prontezza tad-difiża li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, se jibqa’ għaddej l-iskrutinju ta’ dan il-piż u tal-impatt tiegħu fuq il-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura tal-proposta, li hija mfassla biex tappoġġa l-adattament malajr tal-industrija tad-difiża Ewropea għall-ambjent ġeopolitiku instabbli l-ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
Barra minn hekk, fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew appella lill-Kummissjoni biex taċċellera l-“ħidma fuq il-linji kollha biex tiżdied deċiżivament il-prontezza tal-Ewropa fir-rigward tad-difiża fil-ħames snin li ġejjin”. Barra minn hekk, fl-istess konklużjonijiet il-Kunsill Ewropew appella b’mod espliċitu lill-Kummissjoni biex tagħmel segwitu malajr b’simplifikazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża.
Għalhekk, ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni tal-impatt fil-perjodu ta’ żmien disponibbli biex jiġu ppreżentati l-proposti inklużi fl-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża. Fi żmien 3 xhur mill-adozzjoni ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni se tippreżenta Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal biex tiġġustifika fid-dettall din l-azzjoni leġiżlattiva tal-UE u tispjega l-adegwatezza tagħha biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika identifikati f’konformità mar-regoli rilevanti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.
Il-proposta tikkonċerna bidliet immirati għal-leġiżlazzjoni. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet jipprevedu implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt. Il-Komunikazzjoni mehmuża teżamina l-elementi dwar l-impatt ta’ dawn il-miżuri, inklużi r-riżultati ta’ stħarriġ pubbliku tal-UE mwettaq f’dan il-kuntest.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din hija proposta REFIT, li l-għan tagħha hu li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għall-partijiet ikkonċernati.
•Drittijiet fundamentali
M/A
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
M/A
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
M/A
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1907/2006 (REACH):
Il-Kummissjoni tinnota li l-possibbiltà eżistenti għall-Istati Membri li jippermettu, meta meħtieġ, eżenzjonijiet għal ċerti sustanzi f’każijiet speċifiċi fl-interessi tad-difiża (l-Artikolu 2(3)) intużat b’mod restrittiv, u li ma jikkorrispondix mal-ħtiġijiet tal-industrija tad-difiża li tiżviluppa, tipproduċi u żżomm materjal tad-difiża. Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan huwa dovut kemm għal-limitazzjoni tal-eżenzjoni għal każijiet speċifiċi, kif ukoll għal interpretazzjoni restrittiva mill-Istati Membri, b’segwitu għall-Kodiċi ta’ Kondotta dwar l-eżenzjonijiet tad-Difiża tar-REACH maqbul mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA, European Defence Agency).
Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikolu 2(3) tar-Regolament REACH sabiex ma jkunx applikabbli biss għal każijiet speċifiċi għal ċerti sustanzi.
Fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1272/2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (CLP, Classification, Labelling and Packaging)
Sabiex tiġi żgurata eżenzjoni koerenti fil-leġiżlazzjonijiet dwar is-sustanzi kimiċi, il-Kummissjoni tipproponi li l-istess eżenzjoni għad-difiża, kif proposta għall-emenda tar-Regolament REACH, għandha tiġi introdotta wkoll fir-Regolament (UE) Nru 1272/2008.
Fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar il-Prodotti Bijoċidali
Sabiex tiġi żgurata eżenzjoni koerenti fil-leġiżlazzjonijiet rilevanti kollha, il-Kummissjoni tipproponi li l-formulazzjoni simili, kif proposta għall-emenda tar-Regolament REACH, għandha tiġi introdotta wkoll fir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali.
Fir-rigward tar-Regolament (UE) 2019/1021 dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti:
Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u l-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes Parti ma tistax tagħti eżenzjonijiet ladarba tkun ġiet adottata deċiżjoni skont il-Konvenzjoni biex tiġi elenkata sustanza kimika fl-Anness A, B jew C tal-Konvenzjoni lil hinn minn dawk mogħtija skont il-Konvenzjoni, sakemm il-Parti ma taċċettax dak l-elenkar; għalhekk, il-ħtiġijiet tal-prontezza tad-difiża għandhom jiġu indirizzati fl-istadji preparatorji tal-UE qabel ma jiġu stabbiliti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fil-livell internazzjonali fil-Konvenzjoni; għal din ir-raġuni, hu importanti li l-informazzjoni rilevanti tinġabar, tiġi vvalutata u ppreżentata għall-fini tal-istadju ta’ evalwazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju fil-proċess tal-elenkar ta’ sustanza fi ħdan il-Konvenzjoni. Dan għaliex huwa f’dak l-istadju li l-Kumitat ta’ Rieżami tal-Pollutanti Organiċi Persistenti jista’ jqis eżenzjonijiet potenzjali minn miżuri ta’ kontroll possibbli għal dik is-sustanza.
Ma jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni dwar l-użu ta’ sustanzi kimiċi tista’ tkun sensittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ rapportar inkorporati fl-Artikolu 13 (1) tar-Regolament (UE) 2019/1021 għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tal-UE.
Fir-rigward tar-Regolament (UE) 2021/697 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża
Il-bidliet proposti għar-Regolament (UE) 2021/697 għandhom l-għan li:
–jiċċaraw u jissimplifikaw il-kriterji tal-għoti, jintroduċu l-possibbiltà li jintgħażlu biss l-aktar kriterji tal-għoti rilevanti, u jimplimentaw l-EDF permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali;
–jiċċaraw ir-regoli applikabbli għall-għotjiet diretti;
–jiffaċilitaw l-użu ta’ ġestjoni indiretta;
–jissimplifikaw l-akkwist pubbliku prekummerċjali u d-drittijiet ta’ aċċess tal-Istati Membri kofinanzjaturi għar-riżultati tal-proġetti ta’ żvilupp;
–jagħmlu l-kostijiet għall-attivitajiet tal-ittestjar imwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni (eż. l-Ukrajna) eliġibbli għall-finanzjament.
2025/0176 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1907/2006, (KE) Nru 1272/2008, (UE) Nru 528/2012, (UE) 2019/1021 u (UE) 2021/697 fir-rigward tal-prontezza tad-difiża u l-iffaċilitar tal-investimenti fid-difiża u tal-kundizzjonijiet għall-industrija tad-difiża
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(4), l-Artikolu 183, l-Artikolu 188, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fid-difiża mill-Istati Membri, jeħtieġ jitneħħew il-piżijiet regolatorji għall-prontezza tad-difiża. Maż-żmien, din il-faċilitazzjoni se tappoġġa t-tkabbir tal-industrija tad-difiża u se tikkontribwixxi biex tappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri.
(2)Filwaqt li diversi strumenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa biex l-Istati Membri jieħdu azzjonijiet ħalli jiffaċilitaw iż-żieda tal-industrija tad-difiża, il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali spiss ixekklu l-prontezza tad-difiża. Dan huwa, pereżempju, il-każ meta l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jużaw eżenzjonijiet mir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill meta meħtieġ fl-interess tad-difiża, inkluż għall-prontezza tad-difiża.
(3)Jenħtieġ li l-qafas legali stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jiġi adattat għall-objettiv tal-prontezza tad-difiża. Il-flessibbiltà u l-aġilità huma meħtieġa biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tas-sigurtà nazzjonali u tal-Unjoni, li jirriflettu s-sitwazzjoni ġeopolitika li marret għall-agħar. Fl-istess ħin, huwa fundamentali li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Hemm indikazzjonijiet li l-implimentazzjonijiet nazzjonali tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 f’xi Stati Membri ma jqisux bis-sħiħ il-flessibbiltà pprovduta minn dak ir-Regolament. L-eżenzjoni attwali tad-difiża tista’ tittejjeb biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u b’hekk tippermetti azzjonijiet aktar rapidi. Għalhekk jixraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet tad-difiża nazzjonali eżistenti fir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jitwessa’, filwaqt li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jawtorizzaw eżenzjonijiet usa’ kif meħtieġ, filwaqt li tinżamm ir-responsabbiltà fundamentali biex il-ħtiġijiet tad-difiża u tas-sigurtà jiġu bbilanċjati mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.
(4)Jenħtieġ li jsiru bidliet simili f’atti legali oħra relatati mas-sustanzi kimiċi li jipprevedu eżenzjoni nazzjonali ekwivalenti, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi żgurat ambjent regolatorju koerenti għall-prontezza tad-difiża.
(5)Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes u l-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes. Parti ma tistax tagħti eżenzjonijiet ladarba tkun ġiet adottata deċiżjoni skont il-Konvenzjoni biex tiġi elenkata sustanza kimika fl-Anness A, B jew C tal-Konvenzjoni lil hinn minn dawk mogħtija skont il-Konvenzjoni, sakemm il-Parti ma taċċettax dak l-elenkar; għalhekk, jenħtieġ li l-ħtiġijiet tal-prontezza tad-difiża jiġu indirizzati fl-istadji preparatorji tal-UE qabel ma jiġu stabbiliti projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fil-livell internazzjonali fil-Konvenzjoni. Għal din ir-raġuni, hu importanti li l-informazzjoni rilevanti tinġabar, tiġi vvalutata u ppreżentata għall-fini tal-istadju ta’ evalwazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju fil-proċess tal-elenkar ta’ sustanza fi ħdan il-Konvenzjoni, għaliex huwa f’dak l-istadju li l-Kumitat ta’ Rieżami tal-Pollutanti Organiċi Persistenti jista’ jqis eżenzjonijiet potenzjali minn miżuri ta’ kontroll possibbli għal dik is-sustanza.
(6)Ma jistax jiġi eskluż li l-informazzjoni dwar l-użu ta’ sustanzi kimiċi jkun fiha informazzjoni sensittiva li jeħtieġ tiġi protetta. Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri, filwaqt li jitqies id-dritt internazzjonali, jitħallew jagħmlu eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ rapportar previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021 għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi tad-difiża u tas-sigurtà nazzjonali jew tal-Unjoni, għall-fini tal-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva.
(7)Ir-rapport dwar l-evalwazzjoni interim tal-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF, European Defence Fund), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ikkonferma l-effettività u r-rilevanza ġenerali tiegħu, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati aktar il-proċeduri u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fejn possibbli u li jiġu introdotti l-kjarifika, is-simplifikazzjoni u l-flessibbiltà f’ dak ir-Regolament sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-EDF. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/697 jiġi emendat, filwaqt li jitqiesu l-esperjenza miksuba mill-2021 ’l hawn u r-rispons riċevut matul il-konsultazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim tal-EDF.
(8)Il-qafas legali attwali għall-implimentazzjoni tal-EDF jillimita l-użu tal-ġestjoni indiretta għal każijiet eċċezzjonali. Madankollu, biex jiġu ffaċilitati ċikli tal-innovazzjoni aktar rapidi u aktar effiċjenti, li jippermettu lill-EDF jirreaġixxi b’mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet emerġenti tad-difiża u l-avvanzi teknoloġiċi u għal implimentazzjoni aktar kosteffiċjenti tal-EDF, jista’ jkun meħtieġ użu aktar flessibbli tal-ġestjoni indiretta. Għalhekk, jeħtieġ tiġi introdotta l-possibbiltà li l-ġestjoni indiretta tintuża b’mod aktar flessibbli, filwaqt li jiġi żgurat li jinżammu l-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, tat-trasparenza u tar-responsabbiltà, u li l-użu tal-ġestjoni indiretta jkun soġġett għal monitoraġġ u evalwazzjoni rigorużi biex jiġi ggarantit l-aħjar użu tal-fondi tal-Unjoni.
(9)Ir-rekwiżit li l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, u r-riżorsi kollha użati għall-proġetti ffinanzjati mill-EDF ikunu jinsabu fl-Unjoni u fit-territorju tal-pajjiżi assoċjati sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament, jillimita l-potenzjal tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea li tibbenefika minn opportunitajiet tal-ittestjar li joffru vantaġġi uniċi. Sabiex tiġi indirizzata din il-limitazzjoni, jeħtieġ li l-kostijiet biex jitwettqu l-attivitajiet tal-ittestjar f’pajjiżi terzi, bħall-Ukrajna, ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-EDF. L-ittestjar fl-Ukrajna jipprovdi possibbiltajiet li mhumiex faċilment disponibbli fl-Unjoni, bħal riżultati disponibbli malajr, ittestjar ta’ 24 siegħa u ttestjar fil-kamp tal-battalja, li jistgħu jtejbu b’mod sinifikanti l-iżvilupp u l-validazzjoni tat-teknoloġiji u tal-prodotti tad-difiża. Barra minn hekk, l-ittestjar fl-Ukrajna jista’ jiffaċilita l-inkorporazzjoni ta’ esperjenza reali dwar il-gwerra moderna fl-iżvilupp ulterjuri ta’ teknoloġiji u ta’ prodotti tad-difiża, u b’hekk jiġi żgurat vantaġġ tekniku u strateġiku għall-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea. Billi jippermetti li l-kostijiet tal-ittestjar tal-attivitajiet imwettqa barra mit-territorju tal-Unjoni jkunu eliġibbli għall-finanzjament, l-EDF ikun jista’ jappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tad-difiża aktar effettivi u innovattivi, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni.
(10)L-evalwazzjoni interim tal-EDF uriet li l-kriterji attwali tal-għoti għall-evalwazzjoni tal-proposti skont dak il-Fond huma kumplessi żżejjed, mhux ċari, u diffiċli biex jiġu applikati fil-prattika. Dan ħoloq piżijiet amministrattivi u inċertezzi bla bżonn għall-Kummissjoni u għall-applikanti, u fl-aħħar mill-aħħar xekkel l-implimentazzjoni effiċjenti tal-EDF. Jeħtieġ jiġu ssimplifikati l-kriterji tal-għoti u tiġi introdotta aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tagħhom sabiex l-evalwazzjoni ssir aktar effiċjenti, trasparenti u effettiva. Il-possibbiltà li jintgħażel subsett rilevanti ta’ kriterji tal-għoti skont l-objettivi speċifiċi tas-sejħiet għal proposti tippermetti evalwazzjoni mfassla apposta u ffukata biex b’hekk ikun hemm allinjament aħjar mal-prijoritajiet u l-objettivi tal-EDF.
(11)L-implimentazzjoni tal-EDF ġiet imxekkla minħabba r-rekwiżit li jiġu adottati programmi ta’ ħidma annwali, u dan wassal għal proċeduri kumplessi, li jagħmluha diffiċli biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà u l-kontinwità tal-azzjonijiet appoġġati mill-EDF. Sabiex tiġi indirizzata dik il-kwistjoni u tiġi pprovduta aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-EDF, jeħtieġ tiġi introdotta l-possibbiltà li l-EDF jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali jew pluriennali. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tippjana u tikkoordina aħjar l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp fid-difiża, filwaqt li jippermetti wkoll użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u sinerġiji mtejba bejn il-proġetti u l-inizjattivi differenti. Billi jippermetti programmi ta’ ħidma pluriennali, il-Fond ikun jista’ jappoġġa aħjar il-proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp fit-tul, irawwem il-kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati, u fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni.
(12)Sabiex ikomplu jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-EDF, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tingħata l-flessibbiltà meħtieġa biex tiġġestixxi l-programm b’mod li jottimizza l-użu tar-riżorsi u jimminimizza l-piżijiet amministrattivi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għal għotjiet diretti, u dan jippermetti proċedura aktar simplifikata u mħaffa f’ċerti ċirkostanzi. Jenħtieġ li jiġu ffaċilitati l-kontinwità tal-isforzi u l-implimentazzjoni effiċjenti ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp fid-difiża, filwaqt li jitħarsu l-prinċipji tat-trasparenza, tal-ekwità u tat-trattament ugwali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirreaġixxi aħjar għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-settur tad-difiża, li titrawwem il-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati u li jittejjeb l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tad-difiża innovattivi u effettivi, biex b’hekk jissaħħu s-sigurtà tal-Unjoni u l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Istati Membri.
(13)L-EDF għandu l-potenzjal li jagħti spinta lill-iżvilupp ta’ teknoloġiji u ta’ soluzzjonijiet innovattivi tad-difiża permezz tal-akkwist pubbliku prekummerċjali. Madankollu, il-qafas legali attwali huwa kumpless wisq u mhux ċar fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-akkwist pubbliku prekummerċjali skont l-EDF, u b’hekk ixekkel l-użu effettiv tiegħu. Il-kundizzjonijiet għall-akkwist pubbliku prekummerċjali jeħtieġ jiġu ssimplifikati u ċċarati, peress li d-dispożizzjonijiet attwali jippromwovu l-għoti ta’ kuntratti multipli fl-istess proċedura (l-akkwist minn diversi sorsi), li mhux dejjem tkun xierqa għas-settur tad-difiża. It-tneħħija ta’ din ir-restrizzjoni se tipprovdi qafas tal-akkwist pubbliku prekummerċjali aktar ċar u aktar effettiv, li jippermetti lill-EDF jappoġġa aħjar l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi, inaqqas id-diskrepanza bejn ir-riċerka u l-użu fis-suq, u jipprovdi inċentiv qawwi għall-Istati Membri biex jinvestu fir-riċerka u l-iżvilupp fid-difiża.
(14)Il-qafas legali attwali għall-EDF ma pprovdiex biżżejjed drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati tal-proġetti ta’ żvilupp lill-Istati Membri, b’mod partikolari għal dawk il-kofinanzjaturi ta’ dawn il-proġetti. Sabiex jittaffa dak it-tħassib u jiġi promoss approċċ aktar kollaborattiv u kooperattiv għar-riċerka u l-iżvilupp fid-difiża, jeħtieġ li l-Istati Membri kofinanzjaturi jingħataw id-dritt ta’ aċċess għar-riżultati tal-proġetti ta’ żvilupp b’termini ġusti. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet biex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet ta’ aċċess jiġu definiti fir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-riċevituri u l-awtoritajiet nazzjonali kofinanzjaturi tal-azzjoni. Dan se jissimplifika l-proċess tan-negozjati bejn l-Istati Membri u l-industrija u jnaqqas iż-żmien għall-għoti, u b’hekk jippromwovi kollaborazzjoni aktar simplifikata fir-riċerka u l-iżvilupp fid-difiża.
(15)Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-bidliet fir-Regolament (UE) 2021/697, l-emendi ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw b’mod retroattiv. Filwaqt li xi dispożizzjonijiet, bħal dawk relatati mal-kriterji tal-għoti ma jistgħux jiġu applikati b’mod retroattiv minħabba n-natura tagħhom stess, oħrajn, bħal dawk relatati mar-rati ta’ finanzjament jew mal-ittestjar barra mit-territorju tal-Unjoni, jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proġetti ffinanzjati skont l-EDF. Sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintefqu bl-aktar mod effettiv possibbli, jenħtieġ li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025.
(16)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1907/2006, (KE) Nru 1272/2008, (UE) Nru 528/2012, (UE) 2019/1021 u (UE) 2021/697 jiġu emendati kif xieraq,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. L-Istati Membru jistgħu jippermettu eżenzjonijiet minn dan ir-Regolament għal sustanzi waħedhom, f’taħlita jew f’oġġett, meta meħtieġ fl-interessi tad-difiża.”.
Artikolu 2
Emendi tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008
Fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. L-Istati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet minn dan ir-Regolament għal sustanzi, taħlitiet, u oġġetti msemmija fit-Taqsima 2.1 tal-Anness I, meta meħtieġ fl-interessi tad-difiża.”;
Artikolu 3
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 528/2012
Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“8. L-Istati Membru jistgħu jippermettu eżenzjonijiet minn dan ir-Regolament għal prodotti bijoċidali, waħedhom jew f’oġġett ittrattat, meta meħtieġ fl-interessi tad-difiża.”;
Artikolu 4
Emendi tar-Regolament (UE) Nru 2019/1021
Ir-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 2, jiżdied il-punt (14) li ġej:
“(14) ‘prontezza tad-difiża’ tfisser l-istat ta’ preparatezza ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri biex jirreaġixxu għal kriżi ddefinita fl-Artikolu1, il-punt (10), tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, li tkun relatata mad-difiża”;
_________
* Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).”;
(2)fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-paragrafu (4a) li ġej:
“4a. Meta jiġbru, jivvalutaw u jippreżentaw informazzjoni għall-fini tal-evalwazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 8(7) u fl-Artikolu 8(8) tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq il-prontezza u l-ispeċifiċitajiet tad-difiża tas-settur tad-difiża, inkluż l-impatti fuq il-ktajjen tal-provvista tal-produzzjoni tad-difiża;
(3)fl-Artikolu 13(1), jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Meta meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu eżenzjonijiet minn dan l-Artikolu għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi nazzjonali u tad-difiża, għall-fini tal-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva dment li dawn l-eżenzjonijiet ma jimminawx il-konformità tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, meta rilevanti, mal-obbligi ta’ rapportar tagħhom skont il-Konvenzjoni ”.
Artikolu 5
Emendi tar-Regolament (UE) 2021/697
Ir-Regolament (UE) 2021/697 huwa emendat kif ġej:
(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)jiddaħħal il-punt (6a) li ġej:
“(6a) ‘SMEs transfruntiera’ tfisser SMEs li huma stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati għajr dawk fejn huma stabbiliti l-entitajiet ġuridiċi li jikkooperaw f’konsorzju li mhumiex SMEs jew kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja;”;
(b)il-punt (17) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(17) ‘akkwist pubbliku prekummerċjali’ tfisser l-akkwist ta’ servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp li jinvolvu l-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq fejn hemm separazzjoni ċara tas-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp akkwistati mill-użu ta’ volumi kummerċjali ta’ prodotti finali;”;
(2)fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:
“6. L-impenji baġitarji marbuta mal-Programm u li jkopru l-attivitajiet li jkunu estiżi fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’pagamenti akkont annwali.”;
(3)fl-Artikolu 8(2), titħassar it-tieni sentenza.
(4)fl-Artikolu 9(2), jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej:
“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-infrastrutturi, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li jintużaw mir-riċevituri u mis-sottokuntratturi involuti fl-azzjoni għall-ittestjar ta’ prodott, komponent tanġibbli jew intanġibbli jew teknoloġija tad-difiża, kif imsemmi fl-Artikolu 10(3), il-punt (f), jistgħu jkunu jinsabu jew jinżammu barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi assoċjati, kif stabbilit mill-programm ta’ ħidma. Dan ma għandux imur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u għandu jkun konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 u jikkonforma mal-Artikoli 20 u 23.”;
(5)fl-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“F’ċerti ċirkostanzi li jkunu debitament sostanzjati, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jingħata wkoll mingħajr sejħa għal proposti f’konformità mal-Artikolu 198 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, inkluż fil-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e), ta’ dak l-Artikolu.”;
________
* Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj
).’;
(6)L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 12
Kriterji tal-għoti
1.F’konformità mal-Artikolu 203 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, kull proposta għandha tiġi vvalutata abbażi ta’ kriterju wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin kif stabbilit fil-programm ta’ ħidma:
(a)il-kontribut tagħha għall-eċċellenza fil-qasam tad-difiża, b’mod partikolari billi jintwera li r-riżultati mistennija tal-azzjoni proposta jippreżentaw vantaġġi sinifikanti fuq il-prodotti jew it-teknoloġiji eżistenti tad-difiża;
(b)il-kontribut tagħha għall-innovazzjoni jew il-potenzjal rivoluzzjonarju tal-industrija tad-difiża Ewropea, b’mod partikolari billi jintwera li l-azzjoni proposta tinkludi kunċetti u approċċi innovattivi jew ġodda li qatt ma kienu ġew applikati fis-settur tad-difiża.
(c)il-kontribut tagħha għall-kompetittività tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea billi jinħolqu opportunitajiet ġodda għas-suq fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha u jiġi aċċellerat it-tkabbir ta’ kumpaniji fl-Unjoni kollha;
(d)il-kontribut tagħha għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq sorsi mhux tal-Unjoni u għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista;
(e)il-kontribut tagħha għall-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi assoċjati, b’mod partikolari mal-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja li jġibu valur miżjud sostanzjali għall-azzjoni, bħala riċevituri, sottokuntratturi involuti fl-azzjoni jew bħala entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista;
(f)il-kwalità u l-effiċjenza tagħha tal-implimentazzjoni tal-azzjoni;
(g)il-kontribut tagħha għaż-żieda fl-effiċjenza tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża, inkluż il-kosteffettività u l-potenzjal għal sinerġiji fil-proċessi tal-akkwist, tal-manutenzjoni u tar-rimi;
(h)il-kontribut tagħha għall-integrazzjoni ulterjuri tal-industrija tad-difiża Ewropea fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu konġunt, is-sjieda jew il-manutenzjoni tal-prodott jew tat-teknoloġija finali.
2.Il-programm ta’ ħidma għandu jistabbilixxi d-dettalji dwar il-proċeduri tal-għażla, u l-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti elenkati fil-paragrafu 1. Dan għandu jinkludi kwalunkwe ponderazzjoni tal-kriterji, il-limiti ta’ punteġġ u, meta rilevanti, ir-regoli għat-trattament ta’ proposti ex aequo, filwaqt li jitqiesu l-objettivi tas-sejħa għal proposti.”;
(7)L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-appoġġ mill-Fond ma għandux jaqbeż l-20 % tal-kostijiet eliġibbli għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), il-punt (e), mingħajr preġudizzju għal rati ta’ finanzjament ogħla li jistgħu japplikaw f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”;
(b)fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) attività tista’ tibbenefika minn rata ta’ finanzjament miżjuda, kif imsemmi f’dan il-punt, fejn mill-inqas 10 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-attività jiġu allokati lil SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista.
Ir-rata ta’ finanzjament tista’ tiżdied b’punti perċentwali ekwivalenti għall-perċentwal tal-kostijiet eliġibbli totali tal-attività allokata għall-SMEs stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati li fihom huma stabbiliti riċevituri li mhumiex SMEs jew kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista, sa ħames punti perċentwali addizzjonali.
Ir-rata ta’ finanzjament tista’ tiżdied b’punti perċentwali ekwivalenti għad-doppju tal-perċentwal tal-kostijiet eliġibbli totali tal-attività allokat għall-SMEs transfruntiera kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6a), li jipparteċipaw fl-attività bħala riċevituri, sottokuntratturi jew entitajiet ġuridiċi oħra fil-katina tal-provvista;”;
(8)fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Minkejja l-Artikolu 201 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, għandha tiġi vverifikata biss il-kapaċità finanzjarja ta’ koordinatur.”;
(9)fl-Artikolu 17(2), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) jistgħu jawtorizzaw, f’każijiet speċifiċi, l-għoti ta’ kuntratti multipli fl-istess proċedura (l-akkwist minn diversi sorsi)”;
(10)l-Artikolu 22 tħassar;
(11)L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“3. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika tagħhom dwar it-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ prodotti relatati mad-difiża. Fir-rigward tat-trasferimenti, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jużaw il-liċenzji ġenerali tat-trasferiment kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u jevitaw prekundizzjonijiet amministrattivi sproporzjonati biex jiżguraw l-implimentazzjoni bla xkiel tal-azzjonijiet.
4. Fir-rigward tar-riżultati ġġenerati mir-riċevituri permezz ta’ azzjonijiet ta’ żvilupp appoġġati mill-Fond u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun notifikata qabel kwalunkwe trasferiment ta’ sjieda lil pajjiż terz mhux assoċjat jew lil entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat, li jseħħ fi żmien 3 snin wara l-pagament finali tal-azzjoni. Jekk trasferiment ta’ sjieda bħal dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jew kontra l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, l-appoġġ mogħti mill-Fond għandu jiġi rimborżat.”;
_________________
* Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj).”;
(b)jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:
“6. Id-drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati tal-azzjonijiet ta’ żvilupp għandhom jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali kofinanzjaturi tal-azzjoni skont kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli li għandhom jiġu miftiehma mar-riċevituri li jiġġeneraw dawk ir-riżultati.
It-termini u l-kundizzjonijiet biex jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet ta’ aċċess għandhom jiġu definiti fir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-riċevituri u l-awtoritajiet nazzjonali kofinanzjaturi tal-azzjoni.”;
(12)fl-Artikolu 24, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Il-Fond għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali kif imsemmija fl-Artikolu 110(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, meta applikabbli, l-ammont ġenerali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit.”.
Artikolu 6
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/697, kif emendati bir-Regolament preżenti, għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President