Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0821

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċellerazzjoni tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża

COM/2025/821 final

Strasburgu, 17.6.2025

COM(2025) 821 final

2025/0172(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-aċċellerazzjoni tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja enfasizzat il-ħtieġa ta’ suq imsaħħaħ fl-UE kollha għall-prodotti tad-difiża, li jkun kapaċi jappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri fid-dawl tat-theddid emerġenti għas-sigurtà. Il-kunflitt li għaddej kixef il-vulnerabbiltajiet fix-xenarju tad-difiża Ewropew, filwaqt li enfasizza l-importanza ta’ bażi industrijali tad-difiża koeżiva u reżiljenti. Suq tad-difiża tal-UE li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-kapaċitajiet, it-teknoloġiji u l-prodotti tad-difiża neċessarji biex jirreaġixxu b’mod effettiv għall-isfidi attwali u futuri għas-sigurtà.

L-impatt tax-xenarju ġeopolitiku li qed jinbidel fuq is-suq tad-difiża tal-UE kien sinifikanti, bi tfixkil fil-ktajjen tal-provvista, żieda fid-domanda għall-prodotti tad-difiża u ħtieġa dejjem akbar għal soluzzjonijiet interoperabbli u innovattivi. Madankollu, il-leġiżlazzjoni eżistenti li għandha impatt fuq is-suq tad-difiża tal-UE mhijiex adattata għall-isfidi attwali, u dan ixekkel il-kapaċità tal-Istati Membri li jirreaġixxu għat-theddid emerġenti malajr u b’mod effettiv. Il-qafas eżistenti, żviluppat fi żmien ta’ paċi, spiss idum biex jirreaġixxi għall-ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri, u jonqos milli jipprovdi l-inċentivi neċessarji għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża, b’mod partikolari biex jiffaċilita l-investimenti fid-difiża ta’ mill-inqas EUR 800 biljun matul l-4 snin li ġejjin, kif indikat fil-White Paper Konġunta dwar il-prontezza tad-difiża 1 .

B’reazzjoni għal dawn l-isfidi, l-UE jeħtiġilha tieħu passi biex issaħħaħ is-suq tal-prodotti tad-difiża fl-UE kollha, filwaqt li tippromwovi bażi industrijali tad-difiża aktar integrata u kompetittiva. Bil-ħolqien ta’ suq tad-difiża tal-UE aktar sod u reżiljenti, u bl-iżvilupp tal-infrastruttura neċessarja, l-UE tista’ tappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri, tippromwovi l-awtonomija strateġika Ewropea u tikkontribwixxi għal ambjent tas-sigurtà Ewropew aktar stabbli u sigur.

Din il-proposta hija parti mill-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża. Minbarra s-simplifikazzjoni tar-regolament eżistenti li tinsab fl-atti l-oħra, din il-proposta tippreżenta l-istabbiliment ta’ proċedura rapida intiża għall-għoti tal-permessi relatat mal-prontezza tad-difiża.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Il-proposta għandha l-għan li tadatta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-suq tad-difiża fl-UE kollha għax-xenarju tas-sigurtà attwali, billi tintroduċi aġġustamenti mmirati li jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, inaqqsu l-burokrazija żejda u jipprovdu soluzzjonijiet aktar flessibbli. Billi tissimplifika l-proċeduri u tnaqqas l-ostakli burokratiċi, il-proposta hi maħsuba biex toħloq suq tad-difiża tal-UE aktar aġli u reattiv, mgħammar aħjar biex jappoġġa l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri, u biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ industrija tad-difiża Ewropea kompetittiva u innovattiva.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tikkontribwixxi għall-objettivi tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tad-difiża innovattivi u sostenibbli. Il-proċedura rapida tal-għoti tal-permessi stabbilita b’din il-proposta se tiffaċilita l-varar rapidu ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża u l-investimenti mistennija fid-difiża ta’ mill-inqas EUR 800 biljun matul l-4 snin li ġejjin, filwaqt li tiżgura li l-industrija tad-difiża tal-UE tkun tista’ tirreaġixxi malajr għall-isfidi emerġenti għas-sigurtà u tikkontribwixxi għall-ħarsien taċ-ċittadini Ewropej. Permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi, din il-proposta se tgħin ukoll biex jitnaqqsu l-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi għall-kumpaniji tad-difiża, u tippermettilhom jiffukaw fuq l-ilħuq tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-UE li jiżviluppaw teknoloġiji mill-aktar avvanzati u joħolqu impjiegi b’livell għoli ta’ ħiliet.

Il-miżuri proposti se jikkontribwixxu wkoll għar-reżiljenza u għall-awtonomija strateġika tal-UE billi jiżguraw is-sigurtà tal-provvista ta’ teknoloġiji ewlenin relatati mad-difiża, li hija kruċjali kemm għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE kif ukoll għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika. Billi tippromwovi l-iżvilupp ta’ industrija tad-difiża b’saħħitha u innovattiva, din il-proposta se tgħin biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq fornituri minn pajjiżi terzi u biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-isfidi emerġenti għas-sigurtà.

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki tal-UE fl-oqsma tas-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent peress li ma tnaqqasx l-istandards iżda għandha l-għan li taċċellera l-proċeduri. Il-proposta hija mingħajr preġudizzju għal-livell ta’ skrutinju previst mill-proċessi tal-permessi applikabbli.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 114 tat-TFUE. L-objettiv tal-miżuri proposti f’dan ir-regolament huwa li jippreservaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari s-Suq tad-Difiża fl-UE kollha. Fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku attwali, l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ iżidu malajr il-prontezza tad-difiża tagħhom. Biex jagħmlu dan, se jkunu meħtieġa investimenti fil-prontezza tad-difiża għall-funzjonament tas-Suq tad-Difiża fl-UE kollha (bħall-impjanti tal-manifattura u l-faċilitajiet tal-ittestjar, kif ukoll l-infrastruttura neċessarja). Tali proġetti ta’ żvilupp li għandhom l-għan li jżidu l-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri jew tal-UE, jirrikjedu l-għoti ta’ diversi permessi. Sitwazzjoni li fiha xi partijiet tas-suq intern jipprevedu proċess tal-għoti tal-permessi ferm iqsar tirriżulta f’riskju serju għall-operat bla xkiel tas-suq intern. Din il-proposta tiżgura li t-trattament tal-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża jkun rapidu u armonizzat fl-Istati Membri kollha.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri waħedhom, peress li l-problemi huma ta’ natura transfruntiera. L-industrija tad-difiża hija integrata u interkonnessa ħafna, fejn il-kumpaniji joperaw f’diversi Stati Membri u jiddependu fuq ktajjen tal-provvista kumplessi li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-azzjonijiet proposti jiffukaw fuq oqsma fejn hemm valur miżjud dimostrabbli fl-azzjoni fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala, il-veloċità u l-ambitu tal-isforzi meħtieġa. Billi tistabbilixxi proċedura rapida tal-għoti tal-permessi fil-livell tal-UE, il-proposta għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tad-difiża li joperaw fl-UE, filwaqt li tiżgura li jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr u jżidu l-produzzjoni industrijali tad-difiża b’mod effettiv. L-isforzi kollettivi tad-difiża tal-UE jeħtieġu approċċ ikkoordinat, u l-mekkaniżmu propost se jiffaċilita l-varar rapidu ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża.

Nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-trattament tal-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża jista’ jwassal għal ġirja regolatorja lejn l-aktar livell baxx jew biex ċerti partijiet tas-suq intern jiksbu vantaġġ kompetittiv. Dan ma jkunx mixtieq peress li jaffettwa is-sigurtà tal-provvista tal-prodotti tad-difiża b’mod negattiv, u potenzjalment jikkomprometti l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal theddid emerġenti għas-sigurtà. Il-mekkaniżmu propost ma jinfluwenzax il-bażi fattwali tal-għoti tal-permessi kkonċernati iżda pjuttost jistabbilixxi punt uniku ta’ kuntatt fl-Istati Membri u mod aktar aġli ta’ kif jiġu ttrattati l-applikazzjonijiet għall-permessi. Dan se jippermetti lill-kumpaniji tad-difiża jiksbu l-permessi rilevanti b’mod aktar effiċjenti, filwaqt li jiżgura li l-istandards ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza meħtieġa jiġu rrispettati.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma tmurx lil hinn mill-minimu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ddikjarati fil-livell Ewropew u minn dak li huwa neċessarju għal dak l-għan.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika bla preċedent, it-theddida sinifikanti għas-sigurtà tal-Unjoni u l-iskala bla preċedent tad-difiża fl-investimenti fl-4 snin li ġejjin, l-approċċ ta’ politika propost huwa proporzjonat għall-iskala u l-gravità tal-problemi li ġew identifikati. Il-proposta hija mfassla biex issaħħaħ il-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri permezz ta’ miżuri li jiżguraw funzjonament bla xkiel tas-suq tad-difiża fl-UE kollha fid-dawl taż-żieda massiva u urġenti tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tad-difiża.

Għażla tal-istrument

Il-Kummissjoni tipproponi Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan huwa l-aktar strument legali xieraq peress li huwa biss Regolament, bl-applikazzjoni uniformi, in-natura vinkolanti u l-applikabbiltà diretta tiegħu, li jista’ jipprovdi l-grad meħtieġ ta’ uniformità meħtieġ biex jiġi ffaċilitat il-varar ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

M/A

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kien komprensiv, u jinkludi stħarriġ pubbliku li kien miftuħ sat-22 ta’ April 2025, kif ukoll sensiela ta’ laqgħat immirati mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tan-negozju rilevanti mill-Unjoni u ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. Permezz ta’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, flimkien mal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, ġew identifikati ostakli u sfidi ewlenin fl-ambjent regolatorju tal-UE. Abbażi tal-kontribut siewi li ngħata u l-għarfien espert tal-Kummissjoni, il-proposti deskritti f’dan ir-Regolament għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet ewlenin u jtejbu l-effettività ġenerali tal-qafas regolatorju tal-UE.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

M/A

Valutazzjoni tal-impatt

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew appella lill-Kummissjoni biex taċċellera l-“ħidma fuq il-linji kollha biex tiżdied deċiżivament il-prontezza tal-Ewropa fir-rigward tad-difiża fil-ħames snin li ġejjin”. Barra minn hekk, fl-istess konklużjonijiet il-Kunsill Ewropew appella b’mod espliċitu lill-Kummissjoni biex tagħmel segwitu malajr b’simplifikazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża.

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, li hija mfassla biex tappoġġa l-adattament rapidu tal-industrija tad-difiża Ewropea għall-ambjent ġeopolitiku l-ġdid u tgħin pajjiż li ilu fi gwerra mill-bidu tal-2023, ma kienx possibbli li titwettaq valutazzjoni tal-impatt qabel l-adozzjoni tal-Omnibus dwar il-Prontezza tad-Difiża. Fi żmien 3 xhur mill-adozzjoni ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni se tippreżenta Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal biex tiġġustifika fid-dettall din l-azzjoni leġiżlattiva u tispjega l-adegwatezza tagħha biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika identifikati f’konformità mar-regoli rilevanti ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.

Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatt sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, il-Komunikazzjoni mehmuża teżamina l-elementi dwar l-impatt ta’ tali miżuri, inkluż l-analiżi tar-riżultati ta’ stħarriġ pubbliku tal-UE mwettaq f’dan il-kuntest.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Huwa mistenni li l-proposta biex jiġi stabbilit punt uniku ta’ kuntatt għall-proċedimenti relatati mal-permessi għas-settur tad-difiża, flimkien ma’ proċedura rapida tal-għoti tal-permessi, ikollha impatt pożittiv fuq il-minimizzazzjoni tal-kostijiet tal-konformità għall-SMEs, għall-kumpaniji kbar u għal partijiet ikkonċernati oħra fis-settur tad-difiża. Bl-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ kuntatt fl-Istati Membri, il-kumpaniji mhux se jibqgħalhom bżonn jinnavigaw diversi awtoritajiet u korpi amministrattivi biex jiksbu l-permessi, u b’hekk jitnaqqsu l-ħin u r-riżorsi li jintefqu fuq kompiti amministrattivi. Din is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi se tnaqqas l-inċertezza b’mod sinifikanti, u b’hekk toffri ċertezza u prevedibbiltà akbar lill-kumpaniji tad-difiża, u b’hekk tippermettilhom jippjanaw l-attivitajiet ta’ prontezza tad-difiża tagħhom b’aktar fiduċja.

Il-proċedura rapida, li tippreżumi li ngħata permess jekk ma tasal l-ebda tweġiba sal-iskadenza stabbilita, se taċċellera wkoll il-proċess tal-ħruġ tal-permessi, filwaqt li tippermetti lill-kumpaniji tad-difiża jibdew il-proġetti tagħhom qabel, tnaqqas id-dewmien u timminimizza l-kostijiet assoċjati. Dan il-proċess simplifikat se jsaħħaħ il-kompetittività tas-settur tad-difiża tal-UE, b’mod partikolari għall-SMEs, li se jkunu jistgħu jirreaġixxu aktar malajr għall-kundizzjonijiet tas-suq u l-ħtiġijiet tal-klijenti li qed jinbidlu. Proċess tal-ħruġ tal-permessi aktar effiċjenti u prevedibbli se jagħmel is-settur tad-difiża tal-UE aktar attraenti għall-investituri, kemm domestiċi kif ukoll barranin, u dan jista’ jwassal għal aktar investiment u tkabbir fis-settur.

Dan se jiffaċilita l-kummerċ fis-settur tad-difiża, b’mod partikolari għall-SMEs, li se jkunu jistgħu jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom b’mod aktar faċli, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-kummerċ internazzjonali. L-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ kuntatt u ta’ proċedura rapida se jiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji tad-difiża tal-UE u s-sħab internazzjonali tagħhom, jippromwovi l-iżvilupp ta’ proġetti konġunti u kollaborazzjonijiet, filwaqt li jiżgura l-konformità ma’ ftehimiet internazzjonali u rekwiżiti proporzjonati biex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-SMEs u partijiet ikkonċernati oħra.

Drittijiet fundamentali

M/A

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Fuq talba minn Stat Membru, l-assistenza għall-bini tal-kapaċità b’appoġġ għall-istabbiliment jew l-operat ta’ punt uniku ta’ kuntatt se tkun eliġibbli għall-finanzjament fil-qafas tal-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP, European Defence Industry Programme) meta jiġi adottat u fi ħdan il-pakkett maqbul tal-programm. L-appoġġ għall-bini tal-kapaċità skont din il-proposta jaqa’ fl-ambitu tal-azzjonijiet ta’ appoġġ fil-qafas tal-EDIP. Minħabba l-implikazzjonijiet baġitarji limitati, mhu se titħejja l-ebda dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

M/A

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċessi simplifikati tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża. Il-proġetti kollha tal-prontezza tad-difiża se jibbenefikaw mill-fatt li l-Istati Membri se jaħtru awtorità nazzjonali kompetenti li taġixxi bħala punt uniku ta’ kuntatt, responsabbli mill-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-għoti tal-permessi, li tipprovdi gwida lill-operaturi ekonomiċi, tiżgura li l-informazzjoni tkun aċċessibbli għall-pubbliku u li d-dokumenti kollha jkunu jistgħu jiġu sottomessi b’mod diġitali. Ir-Regolament jistabbilixxi skedi ta’ żmien dettaljati għall-proċeduri tal-għoti tal-permessi. Il-proposta hi konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għoti tal-permessi.

2025/0172 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-aċċellerazzjoni tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni qed tiffaċċja theddida akuta u dejjem akbar, kif enfasizzat fil-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 3 , marbuta mar-ritorn tal-kunflitt fuq skala sħiħa fl-Ewropa. B’reazzjoni għal din l-isfida li qed teskala, huwa essenzjali li l-Unjoni tieħu azzjoni deċiżiva biex issaħħaħ il-prontezza tad-difiża tagħha. Hemm sens ta’ urġenza biex tiżdied il-prontezza tad-difiża Ewropea ħalli jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha pożizzjonament tad-difiża Ewropew b’saħħtu u suffiċjenti sa mhux aktar tard mill-2030. Abbażi tal-projezzjonijiet tal-adozzjoni gradwali tal-istrumenti proposti skont il-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030, l-investiment fid-difiża jista’ jilħaq mill-inqas it-EUR 800 biljun matul l-4 snin li ġejjin. Aspett kruċjali ta’ dan l-isforz huwa l-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tad-difiża tal-Unjoni, li tippermettilha tirreaġixxi għat-theddid emerġenti għas-sigurtà b’mod effettiv. Sabiex jinkiseb dak l-għan, is-simplifikazzjoni regolatorja u l-armonizzazzjoni huma essenzjali. Billi tissimplifika u tallinja l-oqfsa regolatorji, l-Unjoni tista’ toħloq ambjent aktar favorevoli għall-industriji tad-difiża biex joperaw, iwettqu innovazzjonijiet, u jipproduċu l-kapaċitajiet meħtieġa ħalli jiżguraw l-prontezza Ewropea fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża.

(2)F’dan il-kuntest, il-prontezza tad-difiża jenħtieġ li tinftiehem bħala l-kapaċità tal-Istati Membri li jantiċipaw u jipprevjenu kriżijiet relatati mad-difiża u jirreaġixxu għalihom, kif imsemmi fid-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 permezz ta’ approċċ proattiv u kkoordinat. Dan jinkludi l-iżgurar tad-disponibbiltà tal-kapaċità industrijali tad-difiża meħtieġa biex jinkisbu u jinżammu r-riżorsi, il-kapaċitajiet u l-infrastruttura meħtieġa bl-għan li jkun hemm rispons effettiv għal kriżijiet bħal dawn.

(3)L-istabbiliment jew l-estensjoni ta’ faċilitajiet, infrastruttura u t-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-prontezza tad-difiża spiss jirrikjedu applikazzjoni għal diversi permessi u approvazzjonijiet rilevanti. Il-proċessi eżistenti tal-għoti tal-permessi għall-valutazzjonijiet f’diversi oqsma spiss ikunu twal u kkumplikati. Attwalment, f’dawk il-proċeduri ma hemmx dispożizzjonijiet għall-Unjoni kollha fil-każ tal-proċessi rapidi speċifiċi għall-attivitajiet tal-prontezza tad-difiża, u dan jimpedixxi ż-żieda fil-produzzjoni tad-difiża u l-infrastruttura relatata f’waqtha, u l-attivitajiet tal-prontezza tad-difiża u l-investimenti li huma kruċjali biex jiġu ssodisfati d-domandi emerġenti tas-sigurtà.

(4)Il-proċess nazzjonali tal-għoti tal-permessi jiżgura li l-proġetti tal-prontezza tad-difiża jkunu sikuri, siguri u konformi mar-rekwiżiti ambjentali u soċjali, u ma’ rekwiżiti oħra tas-sikurezza. Il-liġi ambjentali tal-Unjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet komuni għall-kontenut tal-proċess nazzjonali tal-għoti tal-permessi, u b’hekk tiżgura livell għoli ta’ ħarsien ambjentali u tippermetti l-isfruttament sostenibbli tal-potenzjal tal-Unjoni tul il-katina tal-valur tal-materja prima.

(5)Fl-istess ħin, l-imprevedibbiltà, il-kumplessità u, spiss, it-tul eċċessiv tal-proċessi nazzjonali tal-għoti tal-permessi jikkompromettu s-sigurtà tal-investiment meħtieġa għat-tisħiħ effettiv tal-prontezza tad-difiża tal-Istati Membri. L-istruttura u t-tul ta’ proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti rilevanti jistgħu jvarjaw ħafna wkoll bejn l-Istati Membri. Għalhekk, biex tiġi żgurata u titħaffef l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw proċessi tal-għoti tal-permessi simplifikati u prevedibbli għal proġetti tal-prontezza tad-difiża.

(6)Filwaqt li ċerti Stati Membri ħadu jew aktarx se jieħdu miżuri biex jaċċelleraw il-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-industrija tad-difiża, dan jista’ jsir b’modi differenti li jirriżultaw f’ostakli għall-funzjonament tas-suq intern fis-settur tad-difiża. Leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti rigward il-proċess tal-ippjanar tal-għoti tal-permessi tal-proġetti tad-difiża ħolqot konġestjonijiet fil-ktajjen tal-provvista tal-prodotti tad-difiża rilevanti Ewropej. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, jeħtieġ jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-aċċellerazzjoni tal-proċessi tal-għoti tal-permessi.

(7)Filwaqt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jipprovdu gwida u oqfsa, ir-responsabbiltà għall-awtorizzazzjoni u l-iffaċilitar tal-proċessi rapidi tal-għoti tal-permessi hija primarjament f’idejn l-Istati Membri. L-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimplimentaw bidliet li jaqdu x-xenarji amministrattivi u regolatorji speċifiċi tagħhom.

(8)Hemm ħtieġa urġenti li jitnaqqsu l-kumplessità u d-durata tal-proċessi tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża. Billi tistabbilixxi oqfsa nazzjonali tal-għoti tal-permessi li jagħtu prijorità lil dawn il-proġetti u jiżguraw l-ipproċessar rapidu tagħhom, l-Unjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċità tal-produzzjoni u l-prontezza tad-difiża tagħha sa mhux aktar tard mill-2030.

(9)Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, l-industrija tad-difiża jenħtieġ li tibbenefika mir-regoli li wrew li huma effettivi fis-simplifikazzjoni tal-proċessi tal-għoti tal-permessi industrijali. L-għan huwa li jitnaqqsu l-iskadenzi għall-għoti tal-permessi għall-attivitajiet tal-industrija tad-difiża, inkluż il-kostruzzjoni ta’ impjanti ġodda u l-infrastruttura relatata, l-espansjoni tal-faċilitajiet eżistenti, l-istabbiliment ta’ siti tal-ittestjar, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni filwaqt li jintużaw u jitwessgħu d-dispożizzjonijiet applikabbli eżistenti.

(10)Il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż pereżempju fir-rigward tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, l-arja, l-ekosistemi, il-ħabitats, il-protezzjoni arkeoloġika, tal-bijodiversità u tal-għasafar, huma parti integrali mill-proċedura tal-għoti tal-permessi, anke għas-settur tad-difiża. Tali regoli huma salvagwardja essenzjali biex jiġi żgurat li l-impatti negattivi jiġu evitati jew imminimizzati. Madankollu, biex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża jkunu prevedibbli u f’waqthom, jenħtieġ li jinħataf kwalunkwe potenzjal biex jiġu ssimplifikati l-valutazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa filwaqt li ma jitnaqqasx il-livell, pereżempju, tal-ħarsien tal-ambjent. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet meħtieġa jinġabru biex tiġi evitata d-duplikazzjoni bla bżonn.

(11)Biex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar effiċjenti u f’waqtu tal-applikazzjonijiet għall-għoti tal-permessi amministrattivi relatati mal-attivitajiet ta’ prontezza tad-difiża u ż-żieda fil-produzzjoni tad-difiża, l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimplimentaw proċeduri rapidi. Jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet jipprovdu l-aktar trattament legali rapidu possibbli għal tali applikazzjonijiet, u b’hekk jagħtu lok għal reazzjonijiet f’waqthom għall-ħtiġijiet tal-prontezza tad-difiża.

(12)L-istabbiliment ta’ punt uniku ta’ kuntatt għall-applikazzjonijiet tal-industrija fir-rigward tal-permessi relatati mal-attivitajiet tad-difiża huwa maħsub biex jissimplifika l-komunikazzjoni, inaqqas il-piżijiet amministrattivi u jkompli jħaffef il-proċess tal-għoti tal-permessi bi skadenzi ċari u legalment vinkolanti, u b’hekk jipprovdi perkors effiċjenti għall-applikazzjonijiet industrijali relatati mad-difiża. Barra minn hekk, se jipprovdi ċertezza lill-investituri billi jiżgura t-trattament rapidu tal-applikazzjonijiet għall-permessi u jillimita r-riskji għall-investimenti relatati ma’ proċeduri twal.

(13)Biex tiġi aċċellerata l-kisba tal-kapaċità operazzjonali sħiħa tal-punti uniċi ta’ kuntatt, jenħtieġ li sa fejn ikun possibbli, l-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-komplementarjetà possibbli mal-punti uniċi ta’ kuntatt eżistenti, pereżempju dawk stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 jew ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(14)Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ amministrattiv meħtieġ għal proġetti tal-prontezza tad-difiża li jinsabu fit-territorju tagħhom, biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u lill-intrapriżi b’kapitalizzazzjoni medja involuti f’dawk il-proġetti, billi jipprovdu assistenza rigward il-konformità mal-obbligi amministrattivi u ta’ rapportar applikabbli, jinformaw lill-pubbliku biex tiżdied l-aċċettazzjoni tal-proġetti u jiggwidaw lill-promoturi tal-proġetti fil-proċess tal-għoti tal-permessi.

(15)Il-Kummissjoni tista’ toffri appoġġ għall-bini tal-kapaċità lill-punt uniku ta’ kuntatt, inkluż assistenza teknika, taħriġ, monitoraġġ u evalwazzjoni, bl-għan li jiġu żviluppati u msaħħa l-kapaċitajiet, il-proċessi u r-riżorsi li l-punti uniċi ta’ kuntatt jeħtieġ jiżviluppaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Tali appoġġ jista’ jintalab mill-Istati Membri u se jaqa’ fl-ambitu tal-azzjonijiet ta’ appoġġ fil-qafas tal-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea [għandha tiżdied referenza ladarba jiġi adottat l-EDIP]. 

(16)Biex tiġi żgurata ċ-ċarezza dwar l-istatus tal-għoti tal-permessi ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża u tiġi limitata l-effettività ta’ litigazzjoni abbużiva potenzjali, filwaqt li ma jiġix kompromess rieżami ġudizzjarju effettiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe tilwima dwar il-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża tissolva mingħajr dewmien. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-promoturi tal-proġetti jkollhom aċċess għal proċeduri sempliċi dwar is-soluzzjoni tat-tilwim u li l-proġetti tal-prontezza tad-difiża jkunu soġġetti għal trattament urġenti fil-proċeduri amministrattivi, ġudizzjarji u tas-soluzzjoni tat-tilwim kollha relatati mal-proġetti sa fejn id-dritt nazzjonali jipprevedi tali proċeduri ta’ urġenza.

(17)Biex il-promoturi tal-proġetti u investituri oħra jingħataw is-sigurtà u ċ-ċarezza meħtieġa ħalli jżidu l-iżvilupp ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċess tal-għoti tal-permessi relatat ma’ tali proġetti ma jaqbiżx il-limiti taż-żmien stabbiliti.

(18)Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, fejn rilevanti.

(19)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“proġett tal-prontezza tad-difiża” tfisser sett ta’ attivitajiet, investimenti u miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-prontezza tad-difiża ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-industrija tad-difiża;

(2)“industrija tad-difiża” tfisser l-impriżi kollha involuti fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fil-manifattura ta’ prodotti relatati mad-difiża kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 ;

(3)“prontezza tad-difiża” tfisser l-istat ta’ preparatezza ta’ Stat Membru jew ta’ diversi Stati Membri biex jirreaġixxu għal kriżi ddefinita fl-Artikolu 1(10) tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , li tkun relatata mad-difiża;

(4)“kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja” jew “mid-cap” tfisser kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 ;

(5)“intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja” tfisser intrapriżi kif definiti fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1099 10

(6)“proċess tal-għoti tal-permessi” tfisser proċess li jkopri l-permessi rilevanti kollha, inkluż il-permessi meħtieġa għall-bini, l-espansjoni, il-konverżjoni u t-tħaddim ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża u l-passi amministrattivi kollha meħtieġa mir-rikonoxximent li l-applikazzjoni hija kompluta san-notifika tad-deċiżjoni finali dwar dik l-applikazzjoni mill-punt uniku ta’ kuntatt ikkonċernat;

(7)“promotur ta’ proġett” tfisser kwalunkwe impriża jew konsorzju ta’ impriżi li jiżviluppaw proġett tal-prontezza tad-difiża;

(8)“intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju” jew “SMEs” tfisser intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 11 .

Artikolu 2
Punt uniku ta’ kuntatt

1.Sa …[3 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar awtorità waħda bħala punt uniku ta’ kuntatt fil-livell amministrattiv rilevanti.

2.Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jkun responsabbli li jiffaċilita u jikkoordina l-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża u li jipprovdi informazzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-proċessi amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 3, inkluż l-informazzjoni dwar meta applikazzjoni titqies kompluta f’konformità mal-Artikolu 5(6), lill-promotur tal-proġett.

3.Il-punt uniku ta’ kuntatt stabbilit jew maħtur skont il-paragrafu 1 għandu jkun il-punt waħdieni ta’ kuntatt għall-promotur tal-proġett fil-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġett tal-prontezza tad-difiża. Dan għandu jinnotifika lill-promotur tal-proġett bid-deċiżjoni finali f’dak il-proċess.

4.Il-promoturi tal-proġetti għandhom jitħallew jissottomettu kwalunkwe dokument rilevanti għall-proċess tal-għoti tal-permessi f’forma elettronika.

5.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe studju rilevanti mwettaq, jew permess jew awtorizzazzjoni rilevanti maħruġa, għal proġett speċifiku jitqiesu u li ma jkunu meħtieġa ebda studji, permessi jew awtorizzazzjonijiet doppji, sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punt uniku ta’ kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti kollha responsabbli għal kwalunkwe pass tul il-proċessi tal-għoti tal-permessi, inkluż il-passi proċedurali kollha, ikollhom biżżejjed persunal kwalifikat u riżorsi finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi suffiċjenti meħtieġa, inkluż, fejn xieraq, għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet, biex iwettqu b’mod effettiv il-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

7.L-awtoritajiet involuti fil-proċess tal-għoti tal-permessi u awtoritajiet oħra kkonċernati għandhom jispeċifikaw u jagħmlu disponibbli għall-punt uniku ta’ kuntatt ikkonċernat, ir-rekwiżiti u l-informazzjoni kollha mitluba minn promotur tal-proġett qabel ma jibda l-proċess tal-għoti tal-permessi.

8.Fuq talba minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tassisti lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru fil-bini tal-kapaċitajiet b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-istabbiliment jew fl-operat ta’ punt uniku ta’ kuntatt.

Artikolu 3
Aċċessibbiltà online tal-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess pubbliku għall-informazzjoni li ġejja dwar il-proċessi tal-għoti tal-permessi rilevanti għal proġetti tal-prontezza tad-difiża, online u b’mod ċentralizzat u faċilment aċċessibbli:

(a)il-punti uniċi ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)il-proċess tal-għoti tal-permessi, inkluż l-informazzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim li tikkonċerna l-proċess tal-għoti tal-permessi inkluż, fejn applikabbli, mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim, jekk tali proċeduri jkunu previsti mid-dritt nazzjonali;

(c)is-servizzi ta’ finanzjament u investiment;

(d)il-possibbiltajiet tal-finanzjament fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri;

(e)is-servizzi ta’ appoġġ għan-negozji, li jinkludu imma mhux limitati għad-dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva, il-liġijiet tat-taxxa lokali jew il-liġi tax-xogħol.

Artikolu 4
Aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ amministrattiv għal proġetti tal-prontezza tad-difiża li jinsabu fit-territorju tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-SMEs u lill-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja, inklużi l-intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja, involuti f’dawk il-proġetti, inkluż billi jipprovdu:

(a)assistenza fir-rigward tal-konformità mal-obbligi amministrattivi u ta’ rapportar applikabbli;

(b)assistenza lill-promoturi tal-proġetti biex jinfurmaw lill-pubbliku;

(c)assistenza lill-promoturi ta’ proġetti tul il-proċess tal-għoti tal-permessi, b’mod partikolari għall-SMEs u l-intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja.

Artikolu 5 
Durata tal-proċess tal-għoti tal-permessi

1.Il-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża, inkluż l-għoti tal-permess rilevanti, ma għandux jaqbeż [60] jum.

2.Meta proġett tal-prontezza tad-difiża jirrikjedi l-kostruzzjoni ta’ diversi faċilitajiet jew unitajiet f’sit wieħed, il-promotur tal-proġett u l-punt uniku ta’ kuntatt jistgħu jaqblu li l-proġett jinqasam f’diversi proġetti iżgħar għall-finijiet ta’ konformità mal-limiti ta’ żmien applikabbli.

3.F’każijiet eċċezzjonali, fejn in-natura, il-kumplessità, il-post jew id-daqs tal-proġett propost jirrikjedu dan, Stati Membru jista’ jestendi l-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 darba b’massimu ta’ 30 jum, qabel l-iskadenza tagħhom u fuq bażi ta’ każ b’każ.

4.Meta Stat Membru jidhirlu li l-proġett tal-prontezza tad-difiża jqajjem riskji eċċezzjonali għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jew tal-popolazzjoni ġenerali, u fejn ikun meħtieġ żmien addizzjonali biex jiġi stabbilit li ttieħdu miżuri li jindirizzaw riskji identifikabbli, dan jista’ jestendi l-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 b’60 jum, fi żmien 30 jum mill-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi.

5.Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 3 jew 4, il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jinforma lill-promotur tal-proġett bil-miktub bir-raġunijiet għall-estensjoni u bid-data meta d-deċiżjoni finali tkun mistennija bil-miktub.

6.Mhux aktar tard minn 15-il jum minn meta jirċievi l-applikazzjoni tal-għoti tal-permessi, il-punt uniku ta’ kuntatt ikkonċernat għandu jirrikonoxxi li l-applikazzjoni hija kompluta u jekk dan ir-Regolament japplikax jew, jekk il-promotur tal-proġett ma jkunx bagħat l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni, jitlob lill-promotur tal-proġett jissottometti applikazzjoni kompluta mingħajr dewmien żejjed, fejn jispeċifika liema informazzjoni tkun nieqsa. Jekk l-applikazzjoni sottomessa titqies li mhix kompluta għat-tieni darba, il-punt uniku ta’ kuntatt jista’, fi żmien [15]-il jum mit-tieni sottomissjoni, jagħmel it-tieni talba għal informazzjoni. Il-punt uniku ta’ kuntatt ma għandux jitlob informazzjoni f’oqsma mhux koperti fl-ewwel talba għal informazzjoni u għandu jkun intitolat biss jitlob aktar evidenza biex jimla l-informazzjoni nieqsa identifikata. Id-data tar-rikonoxximent mill-punt uniku ta’ kuntatt ta’ jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta għandha sservi bħala l-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi għal dik l-applikazzjoni partikolari.

7.Il-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan l-Artikolu għal kwalunkwe wieħed mill-proċessi tal-għoti tal-permessi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitu taż-żmien iqsar stabbilit mill-Istati Membri.

8.Meta l-punt uniku ta’ kuntatt ma jinfurmax lill-promotur tal-proġett dwar l-eżitu tal-proċess tal-għoti tal-permessi fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 1 u estiż, fejn applikabbli, f’konformità mal-paragrafu 3 u 4, il-permessi koperti mill-applikazzjoni għandhom jitqiesu li ngħataw. Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jagħti minnufih konferma bil-miktub lill-promotur tal-proġett, li tindika li l-permessi ngħataw b’mod impliċitu abbażi tal-applikazzjoni sottomessa.

Artikolu 6
Ippjanar

1.L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli għat-tħejjija tal-pjanijiet, inkluż it-tqassim f’żoni, il-pjanijiet spazjali u l-pjanijiet tal-użu tal-art, għandhom jinkludu f’tali pjanijiet, meta xieraq, dispożizzjonijiet għall-iżvilupp tal-attivitajiet u l-proġetti tal-prontezza tad-difiża, kif ukoll l-infrastruttura meħtieġa. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rilevanti kollha dwar l-ippjanar spazjali tkun disponibbli online f’konformità mal-Artikolu 3.

2.Meta l-pjanijiet jinkludu dispożizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ proġetti tal-prontezza tad-difiża, u l-infrastruttura meħtieġa tagħhom, u jkunu soġġetti għal valutazzjoni skont id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 u skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 13 , dawk il-valutazzjonijiet għandhom jiġu kkombinati. Fejn applikabbli, il-valutazzjoni kkombinata għandha tindirizza wkoll l-impatt fuq il-korpi tal-ilma potenzjalment affettwati msemmija fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 . Meta jkun rilevanti, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jivvalutaw l-impatti tal-attivitajiet eżistenti u futuri fuq l-ambjent tal-baħar, inkluż l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/89/UE 15 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u dawk l-impatti għandhom ikunu koperti wkoll fil-valutazzjoni kkombinata. Il-fatt li l-valutazzjonijiet jiġu kkombinati skont dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa l-kontenut jew il-kwalità tagħhom. Il-valutazzjoni kkombinata għandha titwettaq fil-limiti taż-żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 7
Status ta’ prijorità tal-proġetti tal-prontezza tad-difiża

Il-proċeduri kollha għas-soluzzjoni tat-tilwim, il-litigazzjoni, l-appelli u r-rimedji ġudizzjarji kif ukoll il-proċedimenti amministrattivi kollha relatati mal-proġetti tal-prontezza tad-difiża quddiem kwalunkwe qorti, tribunal, korp jew bord nazzjonali, inkluż fir-rigward tal-medjazzjoni jew l-arbitraġġ, meta jkunu jeżistu fid-dritt nazzjonali, għandhom jiġu ttrattati bħala urġenti, jekk u sa fejn id-dritt nazzjonali dwar il-proċessi rilevanti tal-għoti tal-permessi jipprevedi tali proċeduri ta’ urġenza u dment li d-drittijiet applikabbli tad-difiża tal-individwi jew tal-komunitajiet lokali jiġu rrispettati. Fejn applikabbli, il-promoturi tal-proġetti tal-prontezza tad-difiża għandhom jipparteċipaw f’tali proċeduri ta’ urġenza.

Artikolu 8
Applikabbiltà tal-Konvenzjonijiet tal-UNECE

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju, fejn rilevanti, għall-obbligi skont il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE, United Nations Economic Commission for Europe) dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998, u skont il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali, iffirmata f’Espoo fil-25 ta’ Frar 1991, u l-Protokoll tagħha dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika, iffirmat f’Kiev fil-21 ta’ Mejju 2003.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika biss għall-applikazzjonijiet għall-permessi għal proġetti tal-prontezza tad-difiża sottomessi wara dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, JOIN(2025) 120 final, 19 ta’ Marzu 2025
(2)    Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, JOIN(2025) 120 final, 19 ta’ Marzu 2025.
(3)    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1724 u (UE) 2019/1020 (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1252/oj).
(6)    Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/43/oj).
(7)    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(8)    Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1099 tal-21 ta’ Mejju 2025 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar b’kapitalizzazzjoni medja (ĠU L, 2025/1099, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2025/1099/oj).
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji ( ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36 , ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).
(11)    Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/42/oj).
(12)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).
(13)    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/60/oj).
(14)    Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/89/oj).
Top