IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.12.2025
COM(2025) 780 final
2025/0417(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-produzzjoni, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni u ċerti regoli dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2025) 424 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-biedja organika hija element ewlieni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-Unjoni Ewropea. Is-sehem tal-art ikkultivata b’mod organiku ilu jikber b’mod kostanti għal rata ta’ 11 % illum il-ġurnata. Il-konsumaturi jixtru dejjem aktar ikel organiku, li jingħaraf permezz ta’ logo tal-UE u tikketta komuni. Il-produzzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi huma rregolati mir-Regolament (UE) 2018/848, applikabbli minn Jannar 2022, u mir-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Dawn ir-regolamenti jistabbilixxu r-regoli dettaljati li jsejsu l-produzzjoni organika.
Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-240/23, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikoli 30(2) u 33(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, tal-kuntest u tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni li dawk id-dispożizzjonijiet jagħmlu parti minnha, la t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika u lanqas il-logo tal-produzzjoni organika tal-UE ma jistgħu jintużaw minn prodotti li jikkonformaw biss mal-istandards li huma sempliċement ekwivalenti għar-regoli dwar il-produzzjoni fir-Regolament (UE) 2018/848. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru prodotti minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kunfidenza tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni.
Barra minn hekk, minħabba li r-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026 u minħabba li l-iskambji tekniċi ma’ dawk il-pajjiżi terzi bl-għan li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi għadhom għaddejjin, huwa meħtieġ u urġenti li dawk il-pajjiżi terzi jkomplu jiġu rikonoxxuti sal-31 ta’ Diċembru 2036 biex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ ta’ prodotti organiċi.
Fl-aħħar nett, filwaqt li r-Regolament (UE) 2018/848 jipprovdi bażi soda għal settur organiku affidabbli u li qed jikber fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jsiru aġġustamenti mmirati għal ċerti regoli dwar il-produzzjoni biex jinħoloq qafas regolatorju aktar effiċjenti, effettiv u faċli għall-utent.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Dan ir-regolament propost jemenda r-regoli kurrenti biex jiġu ffaċilitati l-produzzjoni organika, it-tikkettar, il-kontrolli u l-kummerċ madwar l-Unjoni u f’pajjiżi terzi. Se jiżgura wkoll li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru prodotti organiċi importati minn pajjiżi terzi.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta temenda d-dispożizzjonijiet eżistenti tar-Regolament (UE) 2018/848, mingħajr ma tbiddel l-essenza tagħhom. Billi dawk id-dispożizzjonijiet eżistenti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, il-proposta hija konsistenti wkoll ma’ dawk il-politiki.
Il-proposta tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati fir-rigward ta’ prodotti organiċi importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkollhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika. Din testendi wkoll d-data ta’ skadenza għall-iskadenza tar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007. Fl-aħħar nett, fit-tnaqqis tal-kumplessitajiet fil-piż regolatorju fuq l-operaturi organiċi, din il-proposta tista’ tiffaċilita l-investimenti u twassal għall-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ impjieg fis-settur organiku, kif ukoll l-iżvilupp ulterjuri ta’ prattiki agrikoli bi standards ambjentali għoljin.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Din il-proposta temenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848. Dak ir-Regolament ġie adottat fil-livell tal-UE u huwa applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Il-proposta tneħħi l-piżijiet fuq l-Istati Membri, fuq l-operaturi fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi u tevita t-tfixkil tal-kummerċ ta’ prodotti organiċi, billi: (i) tippermetti l-użu tal-prodotti u s-sustanzi disponibbli fis-suq għat-tindif u d-diżinfezzjoni għall-użu fl-ipproċessar u l-ħżin; (ii) tiżgura li l-konsumaturi jiksbu informazzjoni xierqa meta jixtru prodotti li jkollhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika; (iii) tadatta l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ operaturi iżgħar li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr għalf mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848; (iv) tadatta r-rekwiżiti għall-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi; (v) tipposponi l-iskadenza tar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ekwivalenti; u (vi) tadatta r-regoli dwar il-produzzjoni tal-bhejjem.
L-emendi jżommu l-grad ta’ armonizzazzjoni diġà miksub mir-Regolament (UE) 2018/848 u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi fis-settur organiku. Għalhekk huwa meqjus li dawn ma jistgħux jiġu implimentati mill-Istati Membri waħedhom.
•Proporzjonalità
Il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2018/848 biss sa fejn ikun strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dak ir-Regolament, filwaqt li tiżgura li l-emendi jibqgħu fil-mira u fil-limitu ta’ dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Dan inaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-operaturi, u jżid elementi ġodda biss sal-punt strettament meħtieġ biex ir-Regolament (UE) 2018/848 jiġi aġġustat għall-objettivi deskritti hawn fuq.
Il-proposta temenda aspetti speċifiċi ta’ għadd limitat ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament (UE) 2018/848: (i) tippermetti lill-operaturi jużaw il-prodotti u s-sustanzi disponibbli fis-suq għat-tindif u għad-diżinfezzjoni għall-użu fl-ipproċessar u l-ħżin. Din l-emenda ma tibdilx l-objettivi segwiti mir-Regolament (UE) 2018/848 u taġġusta biss id-dispożizzjonijiet għall-ħtiġijiet tas-settur u għal dawn l-objettivi; (ii) tadatta r-regoli dwar it-tikkettar ta’ prodotti organiċi importati minn pajjiżi terzi. Din l-emenda tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru prodotti minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kunfidenza tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni; (iii) tadatta l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ operaturi iżgħar li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr għalf mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848. Din l-emenda tiffaċilita l-eżenzjoni ta’ operaturi iżgħar u għalhekk tiffaċilita l-ilħuq tal-objettiv tar-Regolament (UE) 2018/848 li jiġu mħeġġa kanali ta’ distribuzzjoni qosra u produzzjoni lokali fid-diversi żoni tal-Unjoni; (iv) tadatta u tissimplifika r-rekwiżiti għall-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi. Din l-emenda tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti u l-iżvilupp tal-biedja organika f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848; (v) tipposponi l-iskadenza tar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi ekwivalenti. Din l-emenda tevita kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ ta’ prodotti organiċi u tiżgura tranżizzjoni bla xkiel għall-iskema ta’ rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ ftehimiet internazzjonali; u (vi) tadatta r-regoli dwar il-produzzjoni għall-bhejjem. Din l-emenda, li għandha l-għan li tissimplifika r-regoli kurrenti u li tadattahom għall-ħtiġijiet tal-operaturi, hija proporzjonata sa fejn l-elementi l-ġodda miżjuda mal-qafas leġiżlattiv organiku tal-UE (bħall-perjodu ta’ konverżjoni speċifiku u l-età minima għall-iskarnar tas-summien) huma limitati sal-punt strettament meħtieġ biex id-dispożizzjonijiet eżistenti jiġu aġġustati għall-objettivi deskritti hawn fuq.
•Għażla tal-istrument
Ir-regoli li jeħtieġ li jiġu emendati huma stabbiliti f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għalhekk, l-istrument magħżul irid ikun ukoll Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ma twettqet l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità fuq ir-Regolament (UE) 2018/848. Madankollu, minn Jannar 2022 u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/848, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tar-regolament.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni regolarment tiskambja informazzjoni mal-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Produzzjoni Organika (GREX, Group of Experts) u mal-partijiet ikkonċernati, permezz tal-Grupp ta’ Djalogu Ċivili dwar il-biedja organika (CDG, Civil Dialogue Group). F’dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni tiġbor fehmiet dwar diversi aspetti relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 u r-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.
Fl-2024, il-pjattaforma Fit for Future, il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli stabbilit biex jgħin lill-Kummissjoni tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti u tnaqqas il-piż amministrattiv, ħarġet opinjoni dwar kif ir-Regolament (UE) 2018/848 u r-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu jistgħu jiġu ssimplifikati. L-opinjoni ġiet diskussa fil-Kunsill AGRIFISH tas-27 ta’ Jannar 2025.
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-GREX u lis-CDG fl-ewwel nofs tal-2025 biex issegwi l-opinjoni ta’ dik il-pjattaforma. Ġie konkluż li xi elementi tar-Regolament (UE) 2018/848 u r-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu jistgħu jiġu ssimplifikati.
Barra minn hekk, fl-24 ta’ Settembru 2025, saret laqgħa kkombinata tal-GREX-CDG biex jiġi diskuss kif ir-Regolament (UE) 2018/848 jista’ jiġi ssimplifikat mingħajr ma jitnaqqsu l-objettivi, il-prinċipji u l-istandards tiegħu.
Fl-10 ta’ Novembru 2025 sar Djalogu ta’ Implimentazzjoni dwar il-politika organika, immexxi mill-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Ikel u li attendew għalih diversi operaturi organiċi agroalimentari u partijiet ikkonċernati oħra. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-esperjenza tagħhom dwar ir-regoli tal-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u kif ċerti aspetti tar-Regolament (UE) 2018/848 u r-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu jistgħu jiġu ssimplifikati.
Fl-aħħar nett, saret Sejħa għal evidenza mill-21 ta’ Ottubru sat-18 ta’ Novembru 2025. Waslu total ta’ 720 sottomissjoni minn ċittadini tal-UE (44,9 %), kumpaniji/negozji (31,3 %), assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (11 %), Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs, Non-Governmental Organisations) (2,8 %), awtoritajiet pubbliċi (1,5 %), trade unions (1,3 %), u oħrajn (7,4 %). Il-feedback kien jikkonċerna emendi possibbli tar-Regolament (UE) 2018/848 u tar-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni regolarment tiskambja fehmiet mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 u tar-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, inkluż il-ġbir ta’ feedback dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret evidenza permezz tal-konsultazzjonijiet immirati msemmija hawn fuq. L-għarfien espert miġbur permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet kollha jikkostitwixxi l-għarfien espert li l-Kummissjoni bbażat fuqu għal din l-inizjattiva.
•Valutazzjoni tal-impatt
Fid-dawl tal-ħtieġa li b’mod urġenti: (i) tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati meta jixtru prodotti minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, kif ukoll biex tiġi żgurata l-kunfidenza tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni; (ii) tevita kull tfixkil fil-kummerċ tal-prodotti organiċi ma’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti; (iii) tindirizza, b’mod immirat, l-isfidi li jiffaċċja s-settur organiku, tneħħi l-piżijiet u ttejjeb il-kompetittività, ma tista’ ssir l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
Madankollu, l-emendi proposti tar-Regolament (UE) 2018/848 ġew żviluppati abbażi tal-evidenza miġbura permezz ta’ konsultazzjonijiet deskritti fit-taqsima “Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati” hawn fuq. L-emendi proposti huma mmirati u mhux se jibdlu l-objettivi ġenerali tal-politika.
L-impatt sħiħ tal-proposta se jiddependi fuq l-aderenza mal-miżuri proposti mill-operaturi organiċi. Lil hinn mit-tnaqqis tal-kostijiet monetarji, it-tneħħija tal-ostakli għall-operaturi fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi hija mistennija tistimula ż-żamma u l-adozzjoni tal-biedja organika, u b’hekk ittejjeb il-benefiċċji ambjentali u soċjali tagħha.
Il-Kummissjoni se tippreżenta t-tnaqqis tal-piż, inkluża valutazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji u kif tqies il-kontribut mill-konsultazzjonijiet, f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal analitiku li għandu jiġi ppubblikat flimkien ma’ din il-proposta.
Minħabba li l-miżuri proposti huma mistennija li ma jirriżultaw fl-ebda żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din il-proposta hija konsistenti mal-objettiv tan-newtralità klimatika stabbilit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima), kif ukoll mal-miri klimatiċi tal-Unjoni għall-2030 u għall-2040. Barra minn hekk, peress li l-prattiki tal-biedja organika jistgħu jsaħħu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, il-miżuri proposti jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE fl-adattament għat-tibdil fil-klima, previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/1119.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Diversi elementi fil-proposta jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni, inaqqsu l-burokrazija u l-piż amministrattiv għall-operaturi organiċi u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri (i) jippermettu l-użu tal-prodotti u s-sustanzi disponibbli fis-suq għat-tindif u d-diżinfezzjoni għall-użu fl-ipproċessar u l-ħżin; (ii) jadattaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ operaturi iżgħar li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr għalf mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848; (iii) jadattaw ir-rekwiżiti għall-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi; u (iv) jadattaw ir-regoli dwar il-produzzjoni tal-bhejjem. Barra minn hekk, huma ta’ benefiċċju għall-amministrazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-adattament tal-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ operaturi iżgħar li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr għalf mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848.
Għalhekk, dawn l-elementi jadattaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848 għall-ħtiġijiet prattiċi tal-operaturi, jippreżervaw l-objettivi u l-prinċipji ta’ dak ir-Regolament, iżommu l-istandards għoljin tiegħu u jevitaw approċċi “kulħadd f’keffa waħda” li jistgħu jkunu ta’ piż biex jiġu implimentati u anqas effettivi.
B’mod partikolari, dawn l-elementi jistgħu jinvolvu ffrankar tal-kostijiet amministrattivi dirett annwali għal total ta’ EUR 47,8 miljun, li minnhom EUR 45,9 miljun għan-negozji u EUR 1,9 miljun għall-amministrazzjonijiet. Barra minn hekk, dawn l-elementi jistgħu jinvolvu ffrankar dirett tal-kostijiet ta’ aġġustament ta’ darba għan-negozji ta’ EUR 109,2 miljun u ffrankar dirett tal-kostijiet ta’ aġġustament annwali ta’ EUR 90,2 miljun.
Wara l-valutazzjoni diġitali, il-proposta kurrenti ma tinkludi l-ebda rekwiżit ta’ rilevanza diġitali. Il-mezzi diġitali jew l-iskambju ta’ data ma jaqgħux fl-ambitu ta’ din il-proposta.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-osservatorji tas-suq stabbiliti mill-Kummissjoni jissorveljaw kontinwament il-provvista u d-domanda ta’ prodotti organiċi, kif ukoll il-prezzijiet tagħhom, fis-suq tal-Unjoni. Dawn se jkomplu jipprovdu informazzjoni intuwittiva dwar l-iżviluppi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 u tar-Regolamenti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu fil-qafas tal-laqgħat regolari tagħha mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura s-superviżjoni xierqa tagħhom kif previst fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2018/848.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Fil-Kawża C-240/23 Herbaria Kräuterparadies II, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iddeċidiet li r-Regolament (UE) 2018/848 irid jiġi interpretat bħala li jfisser li prodott importat minn pajjiż terz li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tiegħu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, jew permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi jew meta l-pajjiżi terzi ġew rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, jista’ ma jkollux fuq it-tikkettar tiegħu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u lanqas, fil-prinċipju, it-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika. Il-QĠUE ddeċidiet ukoll li l-użu ta’ logo tal-produzzjoni organika tal-pajjiż terz li minnu jiġi l-prodott jenħtieġ li jkun permess fuq il-prodott, anke meta dak il-logo jkun fih termini identiċi għal dawk li jirreferu għall-produzzjoni organika, skont it-tifsira tal-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament (UE) 2018/848 u l-Anness IV tiegħu.
L-użu, għal prodott importat minn pajjiż terz li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tiegħu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, tal-logo tal-produzzjoni organika ta’ pajjiż terz ma huwiex suxxettibbli li jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern tal-prodotti organiċi jew li jwassal għal ambigwità li tista’ twassal biex il-konsumaturi jiġu mqarrqa. Dan għaliex logo bħal dan la jqiegħed il-prodott ikkonċernat fl-istess livell bħall-prodotti organiċi tal-Unjoni mil-lat tal-kompetizzjoni u lanqas ma jista’ jagħti l-impressjoni li l-prodott ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848.
It-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, inklużi d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, jintużaw kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott u l-ingredjenti tiegħu ġew prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika applikabbli. Dan huwa wkoll il-każ fil-linji gwida Codex Alimentarius CAC/GL 32, meta termini li jirreferu għall-metodi ta’ produzzjoni organika bħal “organika”, “bijoloġika”, “ekoloġika” jew kliem ta’ intenzjoni simili inklużi d-diminuttivi jintużaw biex jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ġew prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika. Barra minn hekk, ċerti regoli dwar il-produzzjoni organika f’pajjiżi terzi jirrikjedu li t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika jintużaw għall-prodotti u l-prodott tal-ingredjenti tagħhom li jkunu ġew prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika applikabbli.
Mhux kull pajjiż terz li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tiegħu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni għandu l-logo tal-produzzjoni organika tiegħu stess. Konsegwentement, jekk il-prodotti minn pajjiżi terzi bħal dawn ma jkunux jistgħu jinkludu termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, dan iċaħħad lill-operaturi f’dawk il-pajjiżi terzi mill-possibbiltà li jindikaw l-istatus organiku ta’ prodotti bħal dawn u jissuġġerixxi lill-konsumaturi fl-Unjoni li dawk il-prodotti joriġinaw mill-produzzjoni organika u huma prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Dan ikun diffiċli wkoll li jiġi rrikonċiljat mal-linji gwida Codex Alimentarius CAC/GL 32 minħabba li ma jkunx possibbli li ssir referenza għal metodi ta’ produzzjoni organika fit-tikkettar ta’ prodotti bħal dawn minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet korrispondenti kollha stabbiliti f’dawn il-linji gwida.
Ir-rikonoxximent tas-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi ta’ pajjiż terz bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni jfisser li sistema bħal din tkun ġiet ivvalutata bħala li tissodisfa l-istess objettivi u prinċipji bħal dawk tal-Unjoni billi tapplika regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ assigurazzjoni tal-konformità, anke jekk dik tinkiseb permezz ta’ mezzi differenti.
Id-differenzi bejn ir-regoli applikati fis-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti u dawk applikati fl-Unjoni huma intrinsiċi għar-reġim ta’ ekwivalenza. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza mill-Kummissjoni wriet li filwaqt li xi wħud minn dawk id-differenzi huma limitati u ma jirriżultawx f’karatteristiċi tal-prodott, differenzi oħra jinvolvu regoli dwar il-produzzjoni organika li għandhom rwol importanti fl-istruttura tal-produzzjoni organika fl-Unjoni u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv li jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti organiċi filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni. Dawk ir-regoli jinkludu l-ħamrija ħajja, l-istandards tal-benesseri tal-annimali u l-ipproċessar tal-ikel bl-użu ta’ inputs artifiċjali minimi.
Stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f’Ġunju u f’Lulju 2024 u bit-titolu “Europeans, Agriculture and the CAP” indika li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa l-logo tal-prodotti tal-ikel li l-Ewropej huma l-aktar konxji minnu. Huwa essenzjali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi minħabba li jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jidentifikaw prodotti organiċi u jgħin lill-produtturi biex iqegħduhom fis-suq madwar l-Unjoni.
Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw ma’ regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni, u sabiex iwieġbu għall-aspettattivi tal-konsumatur li l-prodotti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni jissodisfaw standards għoljin daqs dawk tal-Unjoni, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun permess fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti importati minn dawk il-pajjiżi terzi, dment li, minbarra dawk ir-regoli ekwivalenti, dawk il-prodotti jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll.
Sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, tali rekwiżiti addizzjonali jenħtieġ li jikkorrispondu għar-regoli dwar il-produzzjoni u l-kontroll li għandhom rwol importanti fl-istruttura tal-produzzjoni organika fl-Unjoni u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv li jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti organiċi filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern.
Fejn ikun hemm bidliet fir-regoli dwar il-produzzjoni fl-UE jew f’pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni organika tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati ċerti atti tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda jew tal-emendar tar-rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll li l-prodotti importati minn dawk il-pajjiżi terzi jridu jikkonformaw magħhom sabiex jużaw il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea.
L-operaturi fl-Unjoni li jipproduċu ikel u għalf organiċi jibbażaw fuq l-użu ta’ ingredjenti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni. Ingredjenti bħal dawn jintużaw fi proporzjonijiet varjabbli matul l-ipproċessar ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni u huma meħtieġa għal varjetà kbira ta’ prodotti organiċi pproċessati fl-Unjoni.
L-operazzjonijiet tal-ipproċessar fl-Unjoni, meta jintużaw dawk l-ingredjenti, iseħħu f’konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848. L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għalhekk jenħtieġ li jkun permess minn prodotti pproċessati fl-Unjoni u li jkun fihom ingredjenti organiċi jew li ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni u meta dawk l-ingredjenti jammontaw għal 5 % jew anqas tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott (skont il-piż għall-ikel u b’mod ġenerali għall-għalf).
Fejn dawk l-ingredjenti jammontaw għal aktar minn 5 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott (skont il-piż għall-ikel u b’mod ġenerali għall-għalf), u sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn il-prodotti pproċessati li fihom ingredjenti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni, u sabiex iwieġbu għall-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li dak il-logo ikun permess fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti pproċessati li jkun fihom ingredjenti importati minn dawk il-pajjiżi terzi, dment li, minbarra dawk ir-regoli ekwivalenti, dawk l-ingredjenti jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju għall-ikel organiku kollu ppakkjat bil-lest li huwa prodott fl-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li minn dak l-obbligu jiġi eskluż ikel ippakkjat bil-lest prodott fl-Unjoni b’ingredjenti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni u meta dawk l-ingredjenti jammontaw għal aktar minn 5 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott skont il-piż u ma jikkonformawx ma’ ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll.
Ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Fit-28 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 bl-għan li jiġu konklużi ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed twettaq skambji tekniċi ma’ dawk il-pajjiżi terzi. Dawk l-iskambji juru livelli differenti ta’ progress minħabba d-diversità tal-oqfsa u tal-kumplessitajiet legali u regolatorji marbuta ma’ perċezzjonijiet tal-konsumaturi differenti tal-produzzjoni organika minn sistema ta’ produzzjoni organika waħda għall-oħra. Għalhekk huwa meħtieġ u urġenti li dawk il-pajjiżi terzi jkomplu jiġu rikonoxxuti sal-31 ta’ Diċembru 2036 biex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ ta’ prodotti organiċi.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin għall-użu fil-produzzjoni organika jenħtieġ li jiġu awtorizzati u inklużi f’listi restrittivi mill-Kummissjoni. Madankollu, hemm għadd ta’ sfidi assoċjati mal-istabbiliment ta’ listi bħal dawn. Dawk l-isfidi ġew ikkonfermati minn diversi rapporti mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP, Expert Group for Technical Advice on Organic Production). L-ewwel nett, hemm għadd kbir ta’ prodotti u sustanzi għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin attwalment disponibbli fis-suq tal-Unjoni. It-tieni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ prodotti organiċi jseħħu f’ħafna tipi differenti ta’ stabbilimenti u jinvolvu l-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ tagħmir, ta’ makkinarju u ta’ binjiet. It-tielet, it-tagħmir u l-makkinarju għall-ipproċessar u għall-ħżin iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-manifatturi sabiex jiġu żgurati l-manutenzjoni u t-tħaddim xierqa tagħhom. Bl-għan li l-operaturi organiċi jkunu jistgħu jużaw prodotti u sustanzi għat-tindif u għad-diżinfettanti disponibbli fis-suq, ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tawtorizza prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin għall-użu fil-produzzjoni organika u li dawn jiġu inklużi f’listi restrittivi jenħtieġ li jitħassar.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jagħti d-dritt lill-Istati Membri li jeżentaw lil operaturi iżgħar li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr għalf mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/848. Madankollu, il-kundizzjonijiet kurrenti jistgħu jaġixxu bħala ostaklu għat-tkabbir. Barra minn hekk, iż-żieda fil-kostijiet li esperjenzaw operaturi iżgħar mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/848 żiedet il-fatturat tagħhom fir-rigward ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr l-għalf. Dan ħoloq ostaklu għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mal-fatturat tagħhom sabiex jiġu eżentati mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1). Għalhekk, dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jitneħħew. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kundizzjoni relatata mal-bejgħ annwali tiġi riveduta ’l fuq sabiex l-operaturi ż-żgħar ma jiġux imfixkla milli jiġu eżentati mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1).
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi. L-evidenza fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet turi diffikultajiet sinifikanti fl-istabbiliment ta’ gruppi ta’ operaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-membri, b’mod partikolari l-fatturat annwali, u fir-rigward tal-personalità ġuridika tagħhom. Dawn id-diffikultajiet jipprevjenu lil operaturi iżgħar milli jsiru parti minn gruppi ta’ operaturi. F’pajjiżi terzi, ir-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tal-produtturi tista’ tirriżulta wkoll f’diffikultajiet fil-provvista lill-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw minnhom, bir-riskju konsegwenti ta’ tfixkil fil-kummerċ. Għalhekk, ir-rekwiżiti relatati mal-fatturat annwali tal-membri tal-gruppi ta’ operaturi jenħtieġ li jitneħħew. Barra minn hekk, ir-rekwiżit relatat mal-erjas massimi taż-żona eliġibbli tal-azjendi agrikoli tal-membri jenħtieġ li jiġi rivedut ’il fuq sabiex jippermetti l-integrazzjoni ta’ operaturi iżgħar fil-gruppi ta’ operaturi.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 ma jistabbilix xi perjodu ta’ konverżjoni speċifiku jew età minima għall-iskarnar tas-summien, li jfixkel il-produzzjoni tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli bħal dawn. Fl-Istati Membri meta bħalissa s-summien organiku jitrabba għall-produzzjoni tal-laħam, dan jiġi skarnat mill-età ta’ 42 jum, b’perjodu ta’ konverżjoni ta’ 5 ġimgħat. Dan jikkorrispondi għal ġimgħa anqas mill-età tal-iskarnar minima għal dawn l-ispeċijiet. Għalhekk, il-perjodu kurrenti ta’ konverżjoni ta’ 10 ġimgħat għat-tjur għall-produzzjoni tal-laħam ma huwiex xieraq għas-summien u jenħtieġ li jitqassar filwaqt li titqies l-età tagħhom waqt l-iskarnar. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita età minima ta’ 42 jum waqt l-iskarnar u perjodu ta’ konverżjoni ta’ 5 ġimgħat għas-summien għall-produzzjoni tal-laħam.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi regoli dwar it-trattamenti veterinarji. Dawk ir-regoli jipprevedu li, għall-annimali terrestri, il-perjodu ta’ stennija wara l-użu ta’ prodotti mediċinali allopatiċi sintetizzati kimikament kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa d-doppju tal-perjodu ta’ stennija normali u b’durata minima ta’ 48 siegħa. Dan ifisser li, anke jekk il-perjodu ta’ stennija normali applikabbli tal-prodott mediċinali veterinarju jkun ta’ żero jiem, il-perjodu ta’ stennija irid ikun minimu ta’ 48 siegħa. Għall-akkwakultura, dawk ir-regoli jipprevedu li l-perjodu ta’ stennija wara l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji jkun id-doppju tal-perjodu ta’ stennija normali, jew durata minima ta’ 48 siegħa jekk ma jiġi speċifikat l-ebda perjodu. Sabiex jiġi evitat piż għall-produzzjoni ta’ annimali terrestri, b’mod partikolari f’każijiet meta l-perjodu ta’ stennija speċifikat fil-prodott mediċinali veterinarju jkun ta’ żero jiem, id-dispożizzjonijiet għall-annimali terrestri u l-akkwakultura jenħtieġ għalhekk li jiġu allinjati.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jirrikjedi li t-tjur iridu jngħataw aċċess kontinwu għall-arja fil-beraħ matul il-jum minn età kemm jista’ jkun bikrija. Rekwiżit bħal dan jista’ jqiegħed f’riskju s-sikurezza ta’ għasafar żgħar u mingħajr rix fil-perjodu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tagħhom meta jkunu jeħtieġu, fost elementi oħra, temperaturi stabbli biex jiżviluppaw l-imġiba tagħhom tal-għalf u tax-xorb, l-immunizzazzjoni tagħhom kontra l-infezzjonijiet, u l-kenn minn kwalunkwe predatur. Għalhekk, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġu emendati biex jirrikjedu aċċess għal żoni fil-beraħ biss għal għasafar li għandhom biżżejjed rix biex jirregolaw it-temperatura tal-ġisem tagħhom meta jiġu esposti għal kundizzjonijiet klimatiċi ta’ barra.
Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-erja totali taż-żona utilizzabbli għat-tismin tat-tjur fl-akkomodazzjonijiet tat-tjur ta’ kwalunwke unità tal-produzzjoni ma tridx taqbeż l-1 600 m2. Dan jillimita l-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni organika tat-tjur tas-simna billi jillimita d-daqs ta’ kwalunkwe akkomodazzjoni tat-tjur tas-simna f’unità ta’ produzzjoni organika mingħajr ma jġib benefiċċju addizzjonali għall-benesseri tal-annimali u għall-ambjent. Għalhekk, l-erja massima taż-żona utilizzabbli għat-tismin tat-tjur jenħtieġ li tiġi ddefinita fil-livell tal-akkomodazzjonijet tat-tjur.
2025/0417 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-produzzjoni, it-tikkettar u ċ-ċertifikazzjoni u ċerti regoli dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u ta’ sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin għall-użu fil-produzzjoni organika u tinkludihom f’listi restrittivi. Madankollu, hemm għadd ta’ sfidi assoċjati mal-istabbiliment ta’ listi bħal dawn, kif ikkonfermat minn diversi rapporti mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP, Expert Group for Technical Advice on Organic Production). L-ewwel nett, hemm għadd kbir ta’ prodotti u sustanzi għat-tindif u għad-diżinfezzjoni tal-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin attwalment disponibbli fis-suq tal-Unjoni. It-tieni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ prodotti organiċi jseħħu f’ħafna tipi differenti ta’ stabbilimenti u jinvolvu l-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ tagħmir, ta’ makkinarju u ta’ binjiet. It-tielet, it-tagħmir u l-makkinarju għall-ipproċessar u għall-ħżin iridu jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-manifatturi sabiex jiġu żgurati l-manutenzjoni u t-tħaddim xierqa tagħhom. Bl-għan li l-operaturi organiċi jkunu jistgħu jużaw prodotti u sustanzi għat-tindif u għad-diżinfettanti disponibbli fis-suq, ir-rekwiżit li l-Kummissjoni tawtorizza prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet tal-ipproċessar u tal-ħżin għall-użu fil-produzzjoni organika u li dawn jiġu inklużi f’listi restrittivi jenħtieġ li jitħassar.
(2)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi regoli għall-importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi terzi għall-finijiet tat-tqegħid ta’ prodotti bħal dawn fis-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi jew fil-fażi tal-konverżjoni. Skont dawk ir-regoli, il-prodotti organiċi jista’ jkollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni meta jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika jew meta jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, jew permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi jew meta l-pajjiżi terzi jkunu ġew rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007.
(3)Fil-Kawża C-240/23 Herbaria Kräuterparadies II, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iddeċidiet li r-Regolament (UE) 2018/848 irid jiġi interpretat bħala li jfisser li prodott importat minn pajjiż terz li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tiegħu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, jew permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi jew meta l-pajjiżi terzi ġew rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, jista’ ma jkollux fuq it-tikkettar tiegħu la l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u lanqas, fil-prinċipju, it-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika. Il-QĠUE ddeċidiet ukoll li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament (UE) 2018/848, kif ukoll biex jiġu ppreżervati s-setgħat li dak ir-Regolament jagħti lill-Kummissjoni, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-pajjiż terz li minnu jiġi tali prodott jiġi permess fuq il-prodott, anke meta dak il-logo jkun fih termini identiċi għal dawk li jirreferu għall-produzzjoni organika, skont it-tifsira tal-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament (UE) 2018/848 u l-Anness IV tiegħu.
(4)L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika ta’ pajjiż terz għal prodott importat minn pajjiż terz li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tiegħu jkunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni ma hiex suxxettibbli li jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern tal-prodotti organiċi jew li jagħti lok għal ambigwità li tista’ twassal biex il-konsumaturi jiġu mqarrqa. Dan għaliex logo bħal dan la jqiegħed il-prodott ikkonċernat fl-istess livell bħall-prodotti organiċi tal-Unjoni mil-lat tal-kompetizzjoni u lanqas ma jista’ jagħti l-impressjoni li l-prodott ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti mir-Regolament (UE) 2018/848.
(5)It-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, inklużi d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, jintużaw kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott u l-ingredjenti tiegħu ġew prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika applikabbli. Dan huwa wkoll il-każ fil-linji gwida Codex Alimentarius CAC/GL 32, meta termini li jirreferu għall-metodi ta’ produzzjoni organika bħal “organiċi”, “bijoloġiċi”, “ekoloġiċi” jew kliem ta’ intenzjoni simili inklużi d-diminuttivi jintużaw biex jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott jew l-ingredjenti tiegħu ġew prodotti skont il-metodi ta’ produzzjoni organika. Barra minn hekk, ċerti regoli dwar il-produzzjoni organika f’pajjiżi terzi jirrikjedu li t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika jintużaw għall-prodotti u għall-ingredjenti tagħhom li jkunu ġew prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika applikabbli.
(6)Mhux kull pajjiż terz li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tiegħu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni għandu l-logo tal-produzzjoni organika tiegħu stess. Konsegwentement, jekk il-prodotti minn pajjiżi terzi bħal dawn ma jkunux jistgħu jinkludu termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, dan iċaħħad lill-operaturi f’dawk il-pajjiżi terzi mill-possibbiltà li jindikaw l-istatus organiku ta’ prodotti bħal dawn u jissuġġerixxi lix-xerrejja fl-Unjoni li dawk il-prodotti joriġinaw mill-produzzjoni organika u jiġu prodotti f’konformità mal-metodi ta’ produzzjoni organika fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Dan ikun diffiċli wkoll li jiġi rrikonċiljat mal-linji gwida Codex Alimentarius CAC/GL 32 minħabba li ma jkunx possibbli li ssir referenza għal metodi ta’ produzzjoni organika fit-tikkettar ta’ prodotti bħal dawn minkejja li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet korrispondenti kollha stabbiliti f’dawk il-linji gwida.
(7)Sabiex tiġi żgurata l-effettività tar-Regolament (UE) 2018/848, kif ukoll biex jiġu ppreżervati s-setgħat li dak ir-Regolament jagħti lill-Kummissjoni, il-prodotti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, jew permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi jew meta l-pajjiżi terzi ġew rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, li għandhom aċċess għas-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi, jenħtieġ għalhekk li jitħallew jinkludu termini li jirreferu għall-produzzjoni organika.
(8)Ir-rikonoxximent tas-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi ta’ pajjiż terz bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni jfisser li sistema bħal din tkun ġiet ivvalutata bħala li tissodisfa l-istess objettivi u prinċipji bħal dawk tal-Unjoni billi tapplika regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ assigurazzjoni tal-konformità, anke jekk dik tinkiseb permezz ta’ mezzi differenti.
(9)Id-differenzi bejn ir-regoli applikati fis-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti u dawk applikati fl-Unjoni huma intrinsiċi għar-reġim ta’ ekwivalenza. Il-valutazzjoni tal-ekwivalenza mill-Kummissjoni wriet li filwaqt li xi wħud minn dawk id-differenzi huma limitati fl-ambitu tagħhom, differenzi oħra jinvolvu regoli ta’ produzzjoni organika li għandhom rwol importanti fl-istruttura tal-produzzjoni organika fl-Unjoni u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv li jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti organiċi filwaqt li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni. Dawk ir-regoli jinkludu l-ħamrija ħajja, l-istandards tal-benesseri tal-annimali u l-ipproċessar tal-ikel bl-użu ta’ inputs artifiċjali minimi.
(10)Stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f’Ġunju u f’Lulju 2024 u bit-titolu “Europeans, Agriculture and the CAP” indika li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa l-logo tal-prodott tal-ikel li l-Ewropej huma l-aktar konxji tiegħu. Huwa essenzjali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi minħabba li jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jidentifikaw prodotti organiċi u jgħin lill-produtturi biex iqegħduhom fis-suq madwar l-Unjoni.
(11)Sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn prodotti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw ma’ regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni, u sabiex iwieġbu għall-aspettattivi tal-konsumatur li l-prodotti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni jissodisfaw standards għoljin daqs dawk tal-Unjoni, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun permess fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti importati minn dawk il-pajjiżi terzi, dment li, minbarra dawk ir-regoli ekwivalenti, dawk il-prodotti jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll.
(12)Sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tar-Regolament (UE) 2018/848 fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, rekwiżiti addizzjonali bħal dawn jenħtieġ li jikkorrispondu għar-regoli ta’ produzzjoni u ta’ kontroll li għandhom rwol importanti fl-istruttura tal-produzzjoni organika fl-UE u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettiv li jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodotti organiċi filwaqt li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern.
(13)Meta jkun hemm bidliet fir-regoli ta’ produzzjoni u ta’ kontroll fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward taż-żieda jew tal-emendar tar-rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll li l-prodotti importati minn dawk il-pajjiżi terzi jridu jikkonformaw magħhom sabiex jużaw il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea.
(14)L-operaturi fl-Unjoni li jipproduċu ikel u għalf organiċi jibbażaw fuq l-użu ta’ ingredjenti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni. Ingredjenti bħal dawn jintużaw fi proporzjonijiet varjabbli matul l-ipproċessar ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni u huma meħtieġa għal varjetà kbira ta’ prodotti organiċi pproċessati fl-Unjoni. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar fl-Unjoni, meta jintużaw dawk l-ingredjenti, iseħħu f’konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun permess minn prodotti pproċessati fl-Unjoni u li jkun fihom ingredjenti organiċi jew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni u meta dawk l-ingredjenti jammontaw għal 5 % jew anqas tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott (skont il-piż għall-ikel u b’mod ġenerali għall-għalf). Meta dawk l-ingredjenti jammontaw għal aktar minn 5 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott (skont il-piż għall-ikel u b’mod ġenerali għall-għalf), u sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern bejn il-prodotti pproċessati li fihom ingredjenti li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u l-kontroll u dawk li jikkonformaw mar-regoli ekwivalenti għal dawk ir-regoli tal-Unjoni, u sabiex jiġu indirizzati l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, dak il-logo jenħtieġ li jkun permess fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti pproċessati li jkun fihom ingredjenti importati minn dawk il-pajjiżi terzi, dment li, minbarra dawk ir-regoli ekwivalenti, dawk l-ingredjenti jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u kontroll.
(15)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju għall-ikel organiku kollu ppakkjat bil-lest li huwa prodott fl-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li minn dak l-obbligu jiġi eskluż l-ikel ippakkjat bil-lest prodott fl-Unjoni b’ingredjenti importati minn pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni u meta dawk l-ingredjenti jammontaw għal aktar minn 5 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott skont il-piż u ma jikkonformawx ma’ ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ produzzjoni u ta’ kontroll.
(16)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi iżgħar mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) ta’ dak ir-Regolament. Il-kostijiet dejjem jiżdiedu li esperjenzaw l-operaturi iżgħar sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2018/848 żiedu l-fatturat tagħhom fir-rigward ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati għajr l-għalf. Dan ħoloq ostaklu għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet relatati mal-fatturat tagħhom sabiex jiġu eżentati mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1). Ostaklu bħal dan min-naħa tiegħu jirriżulta f’żieda fil-kostijiet minħabba dak l-obbligu. Għalhekk, il-kundizzjonijiet relatati mal-fatturat annwali li skonthom l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-operaturi iżgħar milli jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jitneħħew. Barra minn hekk, il-kundizzjoni relatata mal-bejgħ annwali jenħtieġ li tiġi riveduta ’l fuq sabiex ma tfixkilx lill-operaturi iżgħar milli jkunu eżentati mill-obbligu li jkollhom ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) ta’ dak ir-Regolament.
(17)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi. L-evidenza fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet turi diffikultajiet sinifikanti fl-istabbiliment ta’ gruppi ta’ operaturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-membri, b’mod partikolari l-fatturat annwali, u fir-rigward tal-personalità ġuridika tagħhom. Diffikultajiet bħal dawn jinkludu l-kostijiet amministrattivi u l-ħtieġa li jiġu riorganizzati l-attivitajiet ekonomiċi ta’ gruppi ta’ produtturi li bħalissa jinsabu f’assoċjazzjonijiet kooperattivi, kooperattivi tal-operaturi, assoċjazzjonijiet, federazzjonijiet jew organizzazzjonijiet. Diffikultajiet bħal dawn jipprevjenu lill-operaturi iżgħar milli jsiru parti minn gruppi ta’ operaturi, peress li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ ma jirriflettux b’mod xieraq il-ħtiġijiet u l-kapaċità tar-riżorsi tal-bdiewa u tal-operaturi ż-żgħar, bi żvantaġġ għall-iżvilupp tal-biedja organika kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi. F’pajjiżi terzi, ir-riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tal-produtturi tista’ tirriżulta wkoll f’diffikultajiet fil-provvista lill-Unjoni ta’ prodotti li joriġinaw minnhom, bir-riskju konsegwenti ta’ tfixkil fil-kummerċ. Għalhekk, ir-rekwiżiti relatati mal-fatturat annwali tal-membri tal-gruppi ta’ operaturi jenħtieġ li jitneħħew. Barra minn hekk, ir-rekwiżit relatat mal-erjas massimi taż-żona eliġibbli tal-azjendi agrikoli tal-membri jenħtieġ li jiġi rivedut ’il fuq sabiex jippermetti l-integrazzjoni ta’ operaturi iżgħar fil-gruppi ta’ operaturi.
(18)Ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi li s-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ kontroll organiċi tagħhom ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2026. Fit-28 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-11-il pajjiż terz rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 bl-għan li jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali magħhom dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kienet qed twettaq skambji tekniċi ma’ dawn il-pajjiżi terzi. Dawk l-iskambji juru livelli differenti ta’ progress, minħabba d-diversità ta’ oqfsa u ta’ kumplessitajiet legali u regolatorji marbuta ma’ perċezzjonijiet tal-konsumaturi differenti tal-produzzjoni organika minn sistema ta’ produzzjoni organika waħda għall-oħra. Għalhekk huwa meħtieġ u urġenti li dawk il-pajjiżi terzi jkomplu jiġu rikonoxxuti sal-31 ta’ Diċembru 2036 biex jiġi evitat tfixkil fil-kummerċ ta’ prodotti organiċi.
(19)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi perjodu ta’ konverżjoni għat-tjur għall-produzzjoni tal-laħam u età minima waqt l-iskarnar, f’każijiet meta ma jintużawx razez ta’ tjur li jikbru bil-mod. Dispożizzjonijiet bħal dawn ma jistabbilixxu l-ebda perjodu ta’ konverżjoni speċifiku jew età minima waqt l-iskarnar għas-summien. Fl-Istati Membri meta s-summien organiku jitrabba għall-produzzjoni tal-laħam, iċ-ċiklu tal-produzzjoni tagħhom huwa iqsar minn dak applikabbli għal speċijiet oħra ta’ tjur għall-produzzjoni tal-laħam, peress li jiġi skarnat mill-età ta’ 42 jum. Jenħtieġ li l-perjodu ta’ konverżjoni jkun ta’ 5 ġimgħat. Dan jikkorrispondi għal ġimgħa anqas mill-età tal-iskarnar minima għal dawn l-ispeċijiet. Għalhekk, il-perjodu kurrenti ta’ konverżjoni ta’ 10 ġimgħat għat-tjur għall-produzzjoni tal-laħam ma huwiex xieraq għas-summien u jenħtieġ li jitqassar filwaqt li titqies l-età tagħhom waqt l-iskarnar. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu ta’ konverżjoni ta’ 5 ġimgħat għas-summien għall-produzzjoni tal-laħam u ta’ età minima ta’ 42 jum waqt l-iskarnar.
(20)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi regoli dwar it-trattamenti veterinarji. Dawk ir-regoli jipprevedu li, għall-annimali terrestri, il-perjodu ta’ stennija wara l-użu ta’ prodotti mediċinali allopatiċi sintetizzati kimikament kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa d-doppju tal-perjodu ta’ stennija normali u b’durata minima ta’ 48 siegħa. Dan ifisser li, anke jekk il-perjodu ta’ stennija normali applikabbli tal-prodott mediċinali veterinarju jkun ta’ żero jiem, il-perjodu ta’ stennija irid ikun minimu ta’ 48 siegħa. Għall-akkwakultura, dawk ir-regoli jipprevedu li l-perjodu ta’ stennija wara l-użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi jrid ikun id-doppju ta’ dak ta’ prodott mediċinali veterinarju awtorizzat, jew minimu ta’ 48 siegħa jekk ma jkun speċifikat l-ebda perjodu. Sabiex jiġi evitat piż għall-produzzjoni ta’ annimali terrestri, b’mod partikolari f’każijiet meta l-perjodu ta’ stennija speċifikat fil-prodott mediċinali veterinarju jkun ta’ żero jiem, id-dispożizzjonijiet għall-annimali terrestri u l-akkwakultura jenħtieġ għalhekk li jiġu allinjati.
(21)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi regoli dwar il-prattiki tal-akkomodazzjoni u tat-trobbija għat-tjur, inkluż li t-tjur irid jingħata aċċess kontinwu għall-arja fil-beraħ matul il-jum minn età kemm jista’ jkun bikrija. Madankollu, regola bħal din tista’ tqiegħed f’riskju s-sikurezza ta’ għasafar żgħar u mingħajr rix fil-perjodu taċ-ċiklu tal-produzzjoni tagħhom meta jkunu jeħtieġu, fost elementi oħrajn, temperaturi stabbli biex jiżviluppaw l-imġiba tagħhom tal-għalf u tax-xorb, l-immunizzazzjoni tagħhom kontra l-infezzjonijiet, u l-kenn minn kwalunkwe predatur. Għalhekk, jenħtieġ li dik ir-regola tiġi emendata biex tirrikjedi aċċess għal żoni fil-beraħ biss għal għasafar li għandhom biżżejjed rix biex jirregolaw it-temperatura tal-ġisem tagħhom meta jiġu esposti għal kundizzjonijiet klimatiċi ta’ barra.
(22)Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-erja totali taż-żona utilizzabbli għat-tismin tat-tjur fl-akkomodazzjonijiet tat-tjur ta’ kwalunwke unità tal-produzzjoni ma tridx taqbeż l-1 600 m2. Dan jillimita l-iżvilupp ulterjuri tal-produzzjoni organika tat-tjur tas-simna billi jillimita d-daqs ta’ kwalunkwe akkomodazzjoni tat-tjur tas-simna f’unità ta’ produzzjoni organika mingħajr ma jġib benefiċċju addizzjonali għall-benesseri tal-annimali u għall-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat biex jiddefinixxi l-erja massima taż-żona utilizzabbli għat-tismin tat-tjur fil-livell tal-akkomodazzjonijet tat-tjur.
(23)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-prodotti organiċi, kif ukoll l-iżgurar tal-kunfidenza tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-armonizzazzjoni meħtieġa tar-regoli dwar il-produzzjoni organika, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(24)Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2018/848 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(25)Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi evitat tfixkil bla bżonn fil-kummerċ ta’ prodotti organiċi u biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-iskema ta’ rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ ftehimiet internazzjonali, kif ukoll biex jitneħħew piżijiet bla bżonn fuq l-operaturi organiċi, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ, b’urġenza, fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 24(1), il-punt (g), jitħassar;
(2)l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, prodott għandu jinkludi termini li jirreferu għall-produzzjoni organika meta, fuq it-tikketta, fil-materjal tar-reklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf użati fil-produzzjoni tiegħu jiġu deskritti f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali tal-għalf ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness IV u d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bio’, u ‘eko’, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk ikkombinati, jistgħu jintużaw fl-Unjoni kollha u bi kwalunkwe lingwa elenkata f’dak l-Anness għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament jew li jiġu importati minn pajjiż terz taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45(1), il-punti (b)(ii) jew (iii), għall-finijiet tat-tqegħid ta’ prodotti bħal dawn fis-suq fl-Unjoni bħala prodotti organiċi.”;
(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Għall-prodotti msemmijin fl-Artikolu 2(1), it-termini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhom jintużaw imkien fl-Unjoni, bl-ebda lingwa elenkata fl-Anness IV għat-tikkettar, il-materjal tar-reklamar jew id-dokumenti kummerċjali ta’ prodott li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament jew li ma huwiex importat minn pajjiż terz skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45, il-punti (b)(ii) jew (iii), għall-finijiet tat-tqegħid ta’ dak il-prodott fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku.”;
(3)fl-Artikolu 32(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) Fil-każ ta’ ikel ippakkjat bil-lest, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 33 għandu jidher ukoll fuq l-imballaġġ, ħlief fil-każijiet li ġejjin:
- fil-każ imsemmi fl-Artikolu 30(3);
- fil-każijiet imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 30(5);
- fl-każijiet meta l-ikel ipproċessat kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 30(5) isir b’ingredjenti importati f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punti (b)(ii) jew (iii) u meta ingredjenti bħal dawn jammontaw għal aktar minn 5 % tal-ingredjenti agrikoli organiċi tal-prodott skont il-piż tal-ikel ipproċessat u ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII.”;
(4)l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 33
Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea
1.Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża fil-każijiet li ġejjin:
(a) fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li huma prodotti f’konformità mar-regoli stabbiliti fil-Kapitoli II, III u IV;
(b) fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li huma importati f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punti (b)(ii) jew (iii), u li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII;
(c) għall-ikel ipproċessat imsemmi fl-Artikolu 30(5), il-punt (a), u l-għalf ipproċessat imsemmi fl-Artikolu 30(6), b’ingredjenti li huma importati f’konformità mal-Artikolu 45(1), il-punti (b)(ii) jew (iii), dment li dawk l-ingredjenti jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness VII jew jirrappreżentaw anqas minn 5 % tal-ingredjenti agrikoli organiċi tal-prodott skont il-piż għall-ikel ipproċessat jew anqas minn 5 % tal-ingredjenti organiċi ta’ oriġini agrikola li jinsabu fl-għalf ipproċessat;
(d) għal skopijiet ta’ informazzjoni u edukattivi marbutin mal-eżistenza u r-reklamar tal-logo nnifsu, dment li tali użu ma jkunx jista’ jwassal biex iqarraq bil-konsumatur b’rabta mal-produzzjoni organika ta’ prodotti speċifiċi, u dment li l-logo jiġi riprodott skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness V. F’tali każ, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 32(2) u l-punt 1.7 tal-Anness V ma għandhomx japplikaw.
Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea ma għandux jintuża għal ikel ipproċessat kif imsemmi fl-Artikolu 30(5), il-punti (b) u (c) u għal prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 30(3).
2.Minbarra meta jintuża f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt (d), il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa attestazzjoni uffiċjali f’konformità mal-Artikoli 86 u 91 tar-Regolament (UE) 2017/625.
3.L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jkun fakultattiv għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Fejn dak il-logo jidher fuq it-tikketta ta’ tali prodotti f’konformità mal-paragrafu 1, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(2) għandha tidher ukoll fuq it-tikketta.
4.Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jsegwi l-mudell stabbilit fl-Anness V, u għandu jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’dak l-Anness.
5.Jistgħu jintużaw logos nazzjonali u logos privati fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.
6.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw l-Anness V f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u r-regoli relatati miegħu.
7.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw l-Anness VII dwar l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti importati f’konformità mal-Artikolu 45(1), mal-punti (b)(ii) jew (iii), billi żżid rekwiżiti li jeħtieġ li jiġu ssodisfati biex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u tinżamm kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti organiċi, jew billi jiġu emendati dawk ir-rekwiżiti miżjuda, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ sistemi sostenibbli għall-produzzjoni tal-pjanti, ta’ sistemi tal-produzzjoni tal-bhejjem li jiżguraw il-benesseri tal-annimali u n-nutrizzjoni sostenibbli, ta’ metodi tal-ipproċessar tal-ikel li jużaw inputs artifiċjali minimi, filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ pajjiżi terzi għal prodotti mhux imkabbra jew ipproċessati fl-Unjoni.”;
(5)fl-Artikolu 35(8), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat, previst fil-paragrafu 2, lill-operaturi li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati ħlief għalf direttament lill-konsumatur finali dment li dawk l-operaturi ma jipproduċux, ma jħejjux, ma jaħżnux ħlief b’rabta mal-punt ta’ bejgħ, jew ma jimportawx tali prodotti minn pajjiż terz, jew ma jissottokuntrattawx tali attivitajiet lil parti terza, u dment li tali bejgħ ma jaqbiżx l-10 000 kilogramma fis-sena.”;
(6)fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(a)il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) ikun magħmul biss minn membri li kull wieħed minnhom ikollu azjendi agrikoli b’massimu ta’:
— (i) 10 ettari,
— (ii) ettaru wieħed, fil-każ ta’ serer, jew
— (iii) 30 ettaru, esklużivament fil-każ ta’ art bil-ħaxix permanenti;”;
(b)il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d) li jkollhom personalità ġuridika jew ikunu parti minn assoċjazzjoni kooperattiva tal-bdiewa, kooperattiva tal-operaturi, assoċjazzjoni, federazzjoni jew organizzazzjoni li jkollha personalità ġuridika;”;
(7)fl-Artikolu 48(1), it-tieni subparagrafu, id-data “31 ta’ Diċembru 2026” hija sostitwita b’“31 ta’ Diċembru 2036”
(8)L-Anness II huwa emendat kif ġej:
(a)il-Parti II hija emendata kif ġej:
(a)fil-punt 1.2.2., il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(c) 10 ġimgħat għal tjur għall-produzzjoni tal-laħam, ħlief għall-papri ta’ Peking u s-summien, li jkunu ddaħħlu qabel ma kellhom 3 ijiem;
(d) 7 ġimgħat għall-papri ta’ Peking u 5 ġimgħat għas-summien li jkunu ddaħħlu qabel ma kellhom 3 ijiem;”;
(b)il-punt 1.5.2.5, huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1.5.2.5. Il-perjodu tal-istennija, kif iddefinit fl-Artikolu 4, il-punt (34), tar-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, ta’ prodott mediċinali veterinarju allopatiku sintetizzat b’mod kimiku, inkluż ta’ prodott mediċinali veterinarji antimikrobiku, għandu jkun id-doppju tal-perjodu tal-istennija msemmi:
(a)fl-informazzjoni dwar il-prodott għall-prodotti mediċinali veterinarji użati fit-termini tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tagħhom; jew
(b)fl-Artikolu 115 ta’ dak ir-Regolament, meta prodott mediċinali jintuża barra mit-termini tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 113 ta’ dak ir-Regolament.”
* Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43, ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg/2019/6/oj
).’;
(c)fil-punt 1.9.4.1, fit-tielet subparagrafu, jiżdied il-punt li ġej:
“(j) 42 jum għas-summien.”;
(d)il-punt 1.9.4.4. huwa emendat kif ġej:
(i) il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e) it-tjur għandu jkollhom aċċess kontinwu matul il-jum minn età meta l-għasafar ikollhom biżżejjed rix biex jirregolaw it-temperatura tal-ġisem tagħhom meta jiġu esposti għal kundizzjonijiet klimatiċi fuq barra u kull meta l-kundizzjonijiet fiżjoloġiċi u fiżiċi jkunu jippermettu, ħlief meta jkunu ġew imposti restrizzjonijiet temporanji skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;”;
(ii) il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(m) l-erja totali taż-żona għat-tismin tat-tjur fl-akkomodazzjonijiet tat-tjur ma għandhiex taqbeż l-1 600 m2;”;
(b)fil-Parti III, il-punt 3.1.4.2(f) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Il-perjodu ta’ stennija, kif huwa ddefinit fl-Artikolu 4, il-punt (34), tar-Regolament (UE) 2019/6, ta’ prodott mediċinali veterinarju allopatiku għandu jkun id-doppju tal-perjodu ta’ stennija imsemmi:
(a)fl-informazzjoni dwar il-prodott għall-prodotti mediċinali veterinarji użati fit-termini tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tagħhom; jew
(b)fl-Artikolu 115 ta’ dak ir-Regolament, meta prodott mediċinali jintuża barra mit-termini tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq f’konformità mal-Artikolu 114 ta’ dak ir-Regolament.”;
(c)fil-parti IV, il-punt 2.2.3. jitħassar;
(d)fil-parti V, il-punt 2.4. jitħassar;
(e)fil-parti VII, il-punt 1.4. jitħassar;
(f)fl-Anness III, il-punt 7.5. jitħassar;
(g)Jiżdied l-Anness li ġej:
“ANNESS VII
Rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 32(1), il-punt (b) u fl-Artikolu 33(1), il-punti (b) u (c):
(1)
il-punt 1.2 tal-Parti I tal-Anness II;
(2)
il-punt 1.7.5 tal-Parti II tal-Anness II;
(3)
il-punt 1.7.11 tal-Parti II tal-Anness II;
(4)
il-punt 2.2.2(f) tal-Parti IV tal-Anness II”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President