IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.10.2025
COM(2025) 636 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija fir-rigward tal-emendi tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija biex il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat jiġi aġġornat u estiż għall-evoluzzjoni tal-liġi ambjentali tal-Unjoni
ANNESS II
DEĊIŻJONI Nru 20xx/XX/MC-EnC
TAL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
ta’ xx xx 202x
dwar l-emendar tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija u dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa
IL-KUNSILL MINISTERJALI TAL-KOMUNITÀ TAL-ENERĠIJA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, u b’mod partikolari l-Artikoli 25, 79 u 100, il-punt (i), tiegħu,
Billi:
(1)L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (“it-Trattat”) jistabbilixxi t-titjib tas-sitwazzjoni ambjentali fir-rigward tal-Enerġija tan-Network u l-effiċjenza fl-enerġija relatata fil-Partijiet Kontraenti bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tiegħu.
(2)L-Artikolu 12 tat-Trattat jirrikjedi li kull Parti Kontraenti timplimenta l-“acquis communautaire dwar l-ambjent” f’konformità mal-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri stabbiliti fl-Anness II ta’ dak it-Trattat.
(3)L-Artikolu 16 tat-Trattat jelenka l-acquis communautaire dwar l-ambjent li huwa kopert mit-Trattat.
(4)L-Artikolu 25 tat-Trattat jipprevedi li l-Komunità tal-Enerġija tista’ tieħu l-miżuri biex jiġu implimentati l-emendi tal-acquis communautaire stabbiliti fit-Titolu II, b’mod konformi mal-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
(5)L-Artikolu 79 tat-Trattat jipprevedi li l-Kunsill Ministerjali, il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli jew il-Bord Regolatorju għandu jieħu Miżuri skont it-Titolu II fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti mitfugħa, b’kull Parti Kontraenti li jkollha vot wieħed.
(6)L-Artikolu 100, il-punt (i), tat-Trattat jistipula li l-Kunsill Ministerjali jista’, bl-unanimità tal-Membri tiegħu, jemenda d-dispożizzjonijiet tat-Titoli I sa VII tat-Trattat.
(7)Huwa neċessarju li tiġi żgurata tranżizzjoni tal-enerġija ġusta li tiggarantixxi kobenefiċċji għall-bijodiversità, u l-evitar tad-deterjorament fl-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ ħabitats naturali u l-ħabitats tal-ispeċijiet f’siti ta’ importanza internazzjonali jew f’żoni protetti fil-livell nazzjonali li jospitaw tipi ta’ ħabitats naturali u speċijiet ta’ interess Komunitarju.
(8)Il-pjanijiet u l-proġetti tal-Enerġija tan-Network, fil-kuntest tat-Trattat, iridu jitfasslu sabiex itaffu jew, meta neċessarju, jillimitaw kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt negattiv fuq il-bijodiversità.
(9)L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa jiddefinixxi t-termini ewlenin rilevanti għall-interpretazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva.
(10)L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/43/KEE jiddikjara li l-għan tad-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa.
(11)L-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE jistabbilixxi qafas għall-konservazzjoni u għall-protezzjoni bbażati fuq is-sit permezz ta’ rekwiżiti preventivi u proċedurali biex jikkontribwixxu għall-manutenzjoni jew għar-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-ħabitats naturali u tal-ħabitats tal-ispeċijiet tal-fawna u tal-flora selvaġġa ta’ Interess Komunitarju.
(12)Il-pjanijiet u l-proġetti skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE jistgħu jkunu relatati wkoll mal-Enerġija tan-Network, u jista’ jkollhom impatti sinifikanti fuq l-integrità tas-siti ta’ importanza internazzjonali u taż-żoni protetti fil-livell nazzjonali li jospitaw tipi ta’ ħabitats naturali u speċijiet ta’ interess Komunitarju. Se jkun neċessarju li jittieħdu miżuri ta’ kumpens fejn dawk il-pjanijiet jew proġetti tal-Enerġija tan-Network iridu xorta waħda jitwettqu għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti.
(13)L-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE japplika wkoll għaż-żoni ta’ protezzjoni speċjali stabbiliti għall-ispeċijiet tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 4(2) u elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi permezz tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE. Għalhekk, huwa neċessarju li s-siti li jipproteġu dawk l-ispeċijiet ta’ għasafar fit-territorju tal-Partijiet Kontraenti jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2), (3) u (4) fl-acquis communautaire dwar l-ambjent ukoll.
(14)L-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43/KEE jistabbilixxu qafas għall-protezzjoni stretta tal-ispeċijiet ta’ interess Komunitarju fil-medda naturali kollha tagħhom, kemm fi ħdan iż-żoni protetti kif ukoll lil hinn minnhom. Huwa neċessarju li jiġu applikati l-projbizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 12 u fl-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva għall-attivitajiet ta’ Enerġija tan-Network minħabba l-impatti li jista’ jkollhom fuq speċijiet ta’ interess Komunitarju. Jista’ jkun neċessarju li ssir deroga minn dawk il-projbizzjonijiet f’ċirkostanzi limitati dment li jiġu ssodisfati l-kriterji neċessarji.
(15)Id-Direttiva 92/43/KEE, flimkien mad-Direttiva 2009/147/KE, jirrappreżentaw l-għodod legali ewlenin fid-dritt tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Bern dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali (“il-Konvenzjoni ta’ Bern”). Għandhom jiġu stabbiliti Żoni ta’ Interess ta’ Konservazzjoni Speċjali tan-Network Emerald f’kull waħda mill-Partijiet Kontraenti u mill-Istati Osservaturi għall-Konvenzjoni ta’ Bern, bħala għodda biex jinkisbu l-għanijiet kumplessivi tal-Konvenzjoni. Il-Partijiet Kontraenti kollha għat-Trattat huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Bern, bl-eċċezzjoni tal-Kosovo. Iż-Żoni ta’ Interess ta’ Konservazzjoni Speċjali tan-Network Emerald, u ż-Żoni Kandidati ta’ Interess ta’ Konservazzjoni Speċjali tan-Network Emerald huma ddeżinjati f’kull Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Bern. In-Network Emerald għadu qiegħed jiġi żviluppat, peress li għad hemm lakuni qabel ma jkun jista’ jitqies komplut u suffiċjenti biex jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Konvenzjoni.
(16)Iż-żoni protetti legalment permezz tad-dritt nazzjonali għandhom l-għan li jiksbu l-konservazzjoni fit-tul tat-tipi ta’ ħabitats u tal-ispeċijiet flimkien mas-servizzi tal-ekosistema u mal-valuri kulturali assoċjati. Dawn l-oqsma huma preżenti fil-Partijiet Kontraenti kollha għat-Trattat.
(17)Is-siti Ramsar huma artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali ddeżinjati skont il-Konvenzjoni ta’ Ramsar dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali speċjalment bħala l-Ħabitat għall-Għasafar tal-Ilma (il-“Konvenzjoni ta’ Ramsar”), ftehim intergovernattiv li għandu l-għan li jwaqqaf it-telf tal-artijiet mistagħdra globalment. Il-Partijiet Kontraenti kollha għat-Trattat huma wkoll Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Ramsar, u għandhom siti Ramsar deżinjati, bl-eċċezzjoni tal-Kosovo.
(18)It-Trattat jikkonċerna pjanijiet u proġetti li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE u l-inklużjoni tagħha fl-acquis communautaire dwar l-ambjent tiżgura li l-konservazzjoni tan-natura titqies matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet u tal-proġetti relatati mal-Enerġija tan-Network.
(19)L-Artikolu 1, l-Artikolu 2, l-Artikolu 6(2), (3) u (4), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13, l-Artikolu 16 u l-Annessi I, II u IV tad-Direttiva 92/43/KEE għadhom ma ġewx inkorporati fl-acquis communautaire dwar l-ambjent tal-Komunità tal-Enerġija.
(20)L-Artikolu 94 tat-Trattat jirrikjedi li l-istituzzjonijiet jinterpretaw kwalunkwe terminu jew kunċett ieħor użat fit-Trattat li huwa derivat mid-dritt tal-Unjoni f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
(21)Id-dokumenti ta’ gwida jippreżentaw il-fehim tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/43/KEE, u jistgħu jipprovdu gwida dwar l-applikazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u filwaqt li titqies l-esperjenza li tirriżulta mill-implimentazzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni.
(22)L-acquis communautaire dwar l-ambjent stabbilit fl-Artikolu 16 u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni stabbilita fl-Anness II tat-Trattat jenħtieġ li jkunu allinjati mad-dritt tal-Unjoni dwar il-konservazzjoni tan-natura sa fejn dan ikun relatat mal-Enerġija tan-Network.
(23)It-Task Force għall-Ambjent, fil-laqgħat tagħha ta’ xxx u xxx, analizzat il-proposta fid-dettall u rrakkomandat l-adozzjoni tagħha b’għadd ta’ adattamenti li huma riflessi f’din id-Deċiżjoni. L-adattamenti ġew miftiehma mill-Kummissjoni Ewropea.
(24)Fil-laqgħat tiegħu ta’ xxx u xxx, il-Grupp Permanenti ta’ Livell Għoli elabora u ppropona li jadotta din id-Deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 16, jiżdied il-punt [XX] li ġej:
“(XX) L-Artikolu 1, l-Artikolu 2, l-Artikolu 6(2), (3) u (4), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13, l-Artikolu 16 u l-Annessi I, II, u IV tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa”;
(2) fl-Anness II, jiżdied il-punt [XX] li ġej:
“[XX]. Kull Parti Kontraenti għandha timplimenta l-Artikolu 1, l-Artikolu 2, l-Artikolu 6(2), (3) u (4), l-Artikolu 12, l-Artikolu13, u l-Artikolu 16 u l-Annessi I, II u IV tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa sa [5 snin wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], mingħajr preġudizzju għall-impenji li jirriżultaw mill-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni u minn obbligi internazzjonali oħra.
Artikolu 2
1. Għall-finijiet tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jinqara kif miktub f’dik id-Direttiva.
2. Għall-finijiet tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jinqara kif ġej:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva għandu jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Partijiet Kontraenti li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija.
2. Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom ikunu ddisinjati biex iżommu jew jirrestawraw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-ħabitat naturali u l-ispeċijiet tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.
3. Il-miżuri meħuda skont din id-Direttiva għandhom iqisu r-rekwiżiti ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”
3. Għall-finijiet tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jinqara kif ġej:
“2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu passi xierqa biex jevitaw, fiż-Żoni ta’ Interess ta’ Konservazzjoni Speċjali tan-Network Emerald, fiż-Żoni Kandidati ta’ Interess ta’ Konservazzjoni Speċjali tan-Network Emerald, fis-Siti Ramsar, fiż-żoni protetti fil-livell nazzjonali li jospitaw tipi ta’ ħabitats naturali u speċijiet elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 92/43/KEE rispettivament, u fiż-żoni protetti fil-livell nazzjonali li jospitaw speċijiet ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/147/KE u elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva, id-deterjorament tal-ħabitats naturali u tal-ħabitats tal-ispeċijiet kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċijiet li għalihom ġew iddeżinjati ż-żoni, sa fejn tali tfixkil jista’ jkun sinifikanti fir-rigward tal-objettivi ta’ din id-Direttiva.
3. Kwalunkwe pjan jew proġett tal-Enerġija tan-Network li x’aktarx ikollu effett sinifikanti fuq is-siti msemmija fil-paragrafu 2, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni tas-sit. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-sit u soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiftiehmu dwar il-pjan jew il-proġett tal-Enerġija tan-Network biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, jekk ikun xieraq, wara li jkunu kisbu l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.
4. Jekk, minkejja li jkun hemm valutazzjoni negattiva tal-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett tal-Enerġija tan-Network irid xorta waħda jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika, il-Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri kumpensatorji kollha neċessarji biex tiżgura li tiġi protetta l-koerenza kumplessiva tan-network tas-siti tagħha msemmi fil-paragrafu 2. Hija għandha tinforma lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (“is-Segretarjat”) dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.
Meta s-sit ikkonċernat jospita tip ta’ ħabitat naturali ta’ prijorità u/jew speċi ta’ prijorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk relatati mas-saħħa tal-bniedem jew mas-sikurezza pubblika, ma’ konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ importanza primarja għall-ambjent jew, wara opinjoni mis-Segretarjat, ma’ raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku prevalenti.”
4. Għall-finijiet tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jinqara kif ġej:
“1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett tal-ispeċijiet tal-annimali msemmija fl-Anness IV(a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
(a) il-forom kollha ta’ qbid jew qtil intenzjonat ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċijiet fis-selvaġġ;
(b) it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-ispeċijiet, speċjalment waqt il-perjodu tat-tnissil, tat-tkabbir, tal-ibernazzjoni u tal-migrazzjoni;
(c) il-qerda jew it-teħid intenzjonat tal-bajd mis-selvaġġ;
(d) id-deterjorament jew il-qerda ta’ siti tat-tnissil jew postijiet ta’ mistrieħ.”
2. Għal dawn l-ispeċijiet, il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprojbixxu ż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew l-iskambju, u l-offerta għall-bejgħ jew għall-iskambju, ta’ kampjuni meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva.
3. Il-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), u fil-paragrafu 2 għandha tapplika għall-istadji kollha tal-ħajja tal-annimali li għalihom japplika dan l-Artikolu.
4. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu sistema biex jissorveljaw il-qbid u l-qtil inċidentali tal-ispeċijiet tal-annimali elenkati fl-Anness IV, il-punt (a). Fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu aktar miżuri ta’ riċerka jew ta’ konservazzjoni kif meħtieġ biex jiżguraw li l-qbid u l-qtil inċidentali ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet ikkonċernati.”
5. Għall-finijiet tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jinqara kif ġej:
“1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta għall-ispeċijiet ta’ pjanti elenkati fl-Anness IV, il-punt (b), li tipprojbixxi:
(a) il-ġbir, il-qtugħ, il-qlugħ mill-għeruq jew il-qerda intenzjonata ta’ dawk il-pjanti fil-firxa naturali tagħhom fis-selvaġġ;
(b) iż-żamma, it-trasport u l-bejgħ jew l-iskambju, u l-offerta għall-bejgħ jew għall-iskambju ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċijiet meħuda mis-selvaġġ, ħlief għal dawk meħuda b’mod legali qabel ma tiġi implimentata din id-Direttiva.
2. Il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), għandhom japplikaw għall-istadji kollha taċ-ċiklu bijoloġiku tal-pjanti li għalihom japplika dan l-Artikolu.”
6. Għall-finijiet tat-Titolu II tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43/KEE għandu jinqara kif ġej:
“1. Dment li ma jkun hemm l-ebda alternattiva sodisfaċenti u d-deroga ma tkunx ta’ detriment għaż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet ikkonċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 u 13:
(a) fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw il-ħabitats naturali;
(b) biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuħ tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;
(c) fl-interess tas-saħħa pubblika u tas-sikurezza pubblika, jew għal raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika u konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ importanza primarja għall-ambjent;
(d) għall-fini tar-riċerka u tal-edukazzjoni, tar-ripopolament u tal-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dawn l-ispeċijiet u għall-operazzjonijiet tat-tnissil neċessarji għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;
(e) biex ikun jista’ jsir, taħt kundizzjonijiet ta’ superviżjoni stretta, fuq bażi selettiva u sa ċertu punt limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
2. Kull sentejn, il-Partijiet Kontraenti għandhom jibagħtu lis-Segretarjat rapport f’konformità mal-format stabbilit mill-Kumitat dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (il-Kumitat dwar il-Ħabitats) dwar id-derogi applikati skont il-paragrafu 1. Is-Segretarjat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dawn id-derogi f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 12-il xahar wara li jirċievi r-rapport u għandu jagħti rendikont lit-Task Force dwar l-Ambjent. Is-Segretarjat għandu jiżgura li r-rapporti jsiru disponibbli għall-pubbliku.
3. Ir-rapporti għandhom jispeċifikaw:
(a) l-ispeċijiet li huma soġġetti għad-derogi u r-raġuni għad-deroga, inkluż in-natura tar-riskju, u jekk xieraq, b’referenza għall-alternattivi miċħuda u għad-data xjentifika użata;
(b) il-mezzi, it-tagħmir jew il-metodi awtorizzati għall-qbid jew għall-qtil ta’ speċijiet ta’ annimali u r-raġunijiet għall-użu tagħhom;
(c) iċ-ċirkostanzi ta’ meta u fejn jistgħu jingħataw dawk id-derogi;
(d) l-awtorità mogħtija s-setgħa biex tiddikjara u tivverifika li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa u biex tiddeċiedi liema mezzi, tagħmir jew metodi jistgħu jintużaw, fi ħdan liema limiti u mil-liema aġenziji, u liema nies għandhom iwettqu dik il-ħidma;
(e) il-miżuri superviżorji użati u r-riżultati miksuba.”
Artikolu 3
1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu1, l-Artikolu 2, l-Artikolu 6(2), (3) u (4), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13, l-Artikolu 16 u l-Annessi I, II u IV tad-Direttiva 92/43/KEE sa [5 snin wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], mingħajr preġudizzju għall-impenji li jirriżultaw mill-proċess ta’ adeżjoni mal-Unjoni u minn obbligi internazzjonali oħra. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija (“is-Segretarjat”) b’dan.
2. Meta l-Partijiet Kontraenti jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkun fihom referenzi għal din id-Deċiżjoni u għad-Direttiva 92/43/KEE, jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenzi fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex isiru dawn ir-referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Partijiet Kontraenti.
3. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Deċiżjoni u d-Direttiva 92/43/KEE.
Artikolu 4
Fil-każ ta’ pjanijiet jew proġetti dwar l-Enerġija tan-Network li jagħtu lok għal opinjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KEE, b’referenza għal din id-Deċiżjoni, il-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha jkun maħsub li jitwettaq il-pjan jew il-proġett għandha tibgħat lis-Segretarjat malajr kemm jista’ jkun, fost l-oħrajn:
(a) deskrizzjoni tal-pjan jew tal-proġett;
(b) kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar l-impatti tiegħu fuq it-tip(i) ta’ ħabitat ta’ prijorità u/jew l-ispeċijiet ta’ prijorità affettwati, inklużi s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni xierqa.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha mill-Kunsill Ministerjali.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Partijiet Kontraenti tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija.
Magħmul fi [xxx], fi [DATA]
Għall-Kunsill Ministerjali
(Il-President)