Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0619

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025

COM/2025/619 final

Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 619 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa sett ta’ regoli bbażat fuq l-objettiv li jiġu segwiti finanzi pubbliċi sodi bħala mezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabilità fil-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 ( 1 ) dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-gvern estiż.

(3)Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 ( 2 ) skont l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità ppjanat mal-kriterju tad-defiċit fl-2019, u ħareġ Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE ( 3 ) bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern sa mhux aktar tard mill-2022.

(4)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, fid-dawl tal-kontrazzjoni profonda fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni riveduta ( 4 ) skont l-Artikolu 126(7) TFUE, biex b’hekk irrakkomanda li r-Rumanija ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024.

(5)Fis-26 ta’ Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2024/2130 ( 5 ) skont l-Artikolu 126(8) TFUE, biex b’hekk jiddeċiedi li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2024 qieset li l-pass li jmiss fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, jiġifieri rakkomandazzjoni riveduta tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, iseħħ wara l-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju f’konformità mal-Artikoli 11 u 36(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(6)Fil-25 ta’ Ottubru 2024, ir-Rumanija ppreżentat l-ewwel pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, kif meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2024/1263. Il-pjan ikopri l-perjodu mill-2025 sal-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq 7 snin. Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tar-Rumanija ( 6 ).

(7)Fil-21 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni riveduta oħra skont l-Artikolu 126(7) TFUE li tirrakkomanda li r-Rumanija ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2030( 7 ). Il-Kunsill irrakkomanda perkors tan-nefqa netta ( 8 ) korrettiv għar-Rumanija f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) 1467/97 bir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta li ġejjin: 5,1 % fl-2025, 4,9 % fl-2026, 4,7 % fl-2027, 4,3 % fl-2028, 4,2 % fl-2029, u 3,9 % fl-2030, li jikkorrispondu għar-rati ta’ tkabbir massimi kumulattivi kkalkolati b’referenza għall-2023 ta’ 20,2 % fl-2025, 26,0 % fl-2026, 31,9 % fl-2027, 37,6 % fl-2028, 43,3 % fl-2029, u 49,0 % fl-2030. Il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tat-30 ta’ April 2025 biex ir-Rumanija tieħu azzjoni effettiva u tippreżenta l-miżuri meħtieġa flimkien mar-rapport ta’ progress annwali tagħha tal-2025, li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(8)Sal-lum, ir-Rumanija ma ppreżentatx ir-rapport ta’ progress annwali tagħha dwar l-azzjoni li ttieħdet b’reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 bil-ħsieb li ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv u dwar l-implimentazzjoni tas-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament.

(9)Valutazzjoni tal-azzjoni li ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 twassal għal għadd ta’ konklużjonijiet elenkati hawn taħt: Din il-valutazzjoni titwettaq fuq il-bażi tad-data tal-eżitu mill-Eurostat, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni u informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni.

(10)Abbażi tad-data tal-eżitu baġitarju nnotifikata mir-Rumanija u vvalidata mill-Kummissjoni (Eurostat) u tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta żdiedet bi 19,9 % fl-2024. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni, in-nefqa netta hija pprojettata li tikber b’5,4 % fl-2025, u b’hekk ogħla mill-massimu rakkomandat ta’ 5,1 % kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025. Bħala proporzjon mal-PDG, id-devjazzjoni bejn ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta mbassra għall-2025 u l-ammonti massimi rakkomandati tammonta għal 0,1 % tal-PDG. Meta jitqiesu flimkien l-2024 u l-2025, ir-rata ta’ tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta għall-2024 u l-2025 hija mbassra mill-Kummissjoni li tkun 26,4 %, u b’hekk ogħla mit-tkabbir kumulattiv massimu rrakkomandat ta’ 20,2 % kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025. Bħala proporzjon mal-PDG, id-devjazzjoni bejn it-tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta għall-2024 u l-2025 u l-ammonti massimi rakkomandati tammonta għal 1,7 % tal-PDG. Id-devjazzjoni hija fil-biċċa l-kbira xprunata minn tkabbir għoli fin-nefqa kurrenti tal-gvern fl-2024, li żdiedet bi 18,7 % meta mqabbla mal-2023, b’mod partikolari żieda ta’ 21,5 % fil-kont tal-pagi tas-settur pubbliku u żieda ta’ 19,5 % fit-trasferimenti soċjali (inklużi l-pensjonijiet).

(11)Minħabba r-rata għolja ta’ tkabbir tan-nefqa netta fl-2024, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija żdied għal 9,3 % tal-PDG, minn 6,6 % tal-PDG fl-2023 u ferm ogħla mis-7,9 % tal-PDG ippjanat innotifikat mir-Rumanija fil-ħarifa tal-2024. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2025 tal-Kummissjoni jipprojetta li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos għal 8,6 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis ipprojettat fid-defiċit fl-2025 prinċipalment jirrifletti l-implimentazzjoni ta’ pakkett ta’ konsolidazzjoni fiskali fl-aħħar tal-2024. Dan il-pakkett kien jinkludi ffriżar nominali fil-pagi u fil-pensjonijiet u xi miżuri addizzjonali li jsaħħu d-dħul, inkluża t-tneħħija ta’ faċilitajiet fiskali mogħtija lil diversi setturi. Madankollu, ir-rieżami tal-qafas tat-taxxa, inkluż fil-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija u kruċjali biex jintlaħqu l-miri baġitarji fl-2025 u fl-2026, ma daħalx fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2025, kif irrakkomandat mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tar-Rumanija. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku għall-PDG żdied minn 48,9 % fl-aħħar tal-2023 għal 54,8 % tal-PDG fl-aħħar tal-2024 u huwa pprojettat mill-Kummissjoni li jiżdied għal 59,4 % sal-aħħar tal-2025, xprunat minn defiċits għoljin tal-gvern.

(12)Għalhekk, ma kinitx suffiċjenti r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025. In-nefqa netta kibret ħafna aktar malajr milli rrakkomandat mill-Kunsill. Dan iwassal għal defiċit għoli persistenti tal-gvern, li jpoġġi f’riskju korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv sal-2030. Ma hemm ebda “fattur rilevanti” mitiganti li għandu jitqies fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv li jbiddel din il-valutazzjoni, filwaqt li r-riskji għoljin għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju li qed tiffaċċja r-Rumanija huma fattur aggravanti.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/509 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 58).
(3)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/C 116/01 tat-3 ta’ April 2020 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 116, 8.4.2020, p. 1–3).
(4)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/C 304/24 tat-18 ta’ Ġunju 2021 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 304, 29.7.2021, p. 111–115).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2130 tas-26 ta’ Lulju 2024 li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 (ĠU L, 2024/2130, 1.8.2024).
(6)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tar-Rumanija, ĠU C/2025/647, 10.2.2025.
(7)    Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tar-Rumanija jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/romania_mt .
(8)    In-nefqa netta hija definita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263 bħala nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri tad-dħul diskrezzjonali, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
Top