IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.9.2025
COM(2025) 509 final
2025/0285(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2026
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
·Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-regolamenti kollha dwar l-opportunitajiet tas-sajd iridu jillimitaw il-ħsad tal-istokkijiet tal-ħut għal livelli konsistenti mal-objettivi kumplessivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (ir-“Regolament Bażiku tal-PKS”) jipprevedi l-istabbiliment tal-limiti tal-qbid u tal-isforz tas-sajd biex jiżgura li r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jiġu sfruttati f’kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli. Bi qbil ma’ dawk l-objettivi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2019/1022 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran.
Din il-proposta għal Regolament tal-Kunsill għandha l-objettiv li tiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed.
Għall-Punent tal-Mediterran, din il-proposta tistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ f’konformità mal-pjan pluriennali. L-opportunitajiet tas-sajd huma espressi f’termini tal-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-istokkijiet kollha. Barra minn hekk, il-limiti tal-qbid massimi huma stabbiliti għall-gamblu l-abjad u għall-merluzz li jinqabdu b’tipi speċifiċi ta’ rkaptu tas-sajd. Qed jiġi propost li dawn il-limiti jiġu allokati lill-Istati Membri tal-Punent tal-Mediterran (Spanja, Franza u l-Italja).
Barra minn hekk, qed jiġi propost ukoll li jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd skont il-ftehimiet li ntlaħqu fil-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM), li hija organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd responsabbli għall-konservazzjoni u għall-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-Baħar fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. L-Unjoni Ewropea hija membru tal-GFCM, u daqstant ieħor huma l-Bulgarija, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta, ir-Rumanija u s-Slovenja. Il-miżuri adottati mill-GFCM huma vinkolanti fuq il-membri tagħha.
Fl-aħħar nett, qed jiġi propost li tiġi ffissata kwota awtonoma għal-laċċa l-kaħla tal-Baħar l-Iswed biex ikun evitat li l-mortalità mis-sajd taqbeż il-livelli attwali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-objettivi u r-regoli tal-PKS.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam tal-ambjent.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE).
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-UE, kif jissemma fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta talloka opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri f’konformità mal-objettivi tar-Regolament Bażiku tal-PKS, il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, u l-eżiti tal-laqgħa annwali tal-GFCM. Skont l-Artikoli 16(6) u (7) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku tal-PKS, sta għall-Istati Membri biex jiddeċiedu kif għandhom jitqassmu l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli fost il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom abbażi ta’ ċerti kriterji. Dan jagħti diskrezzjoni konsiderevoli lill-Istati Membri biex iqassmu l-opportunitajiet tas-sajd skont il-mudelli soċjali u ekonomiċi tagħhom.
•Għażla tal-istrument
Regolament jitqies l-aktar strument xieraq għax dan jista’ jistabbilixxi rekwiżiti li jkunu japplikaw direttament għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Dan jgħin biex tkun żgurata implimentazzjoni fil-ħin u b’mod armonizzat, li tipprovdi aktar ċertezza legali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2025 imsejħa “Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2026” (COM(2025) 296 final).
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-valutazzjoni tal-istat tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed tkun bbażata fuq l-aħħar ħidma tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) u tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-GFCM dwar is-Sajd.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti dwar l-opportunitajiet tas-sajd huwa stabbilit bl-Artikolu 43(3) tat-TFUE.
Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti mill-GFCM fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, din il-proposta tipproponi l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula internazzjonalment. Kull element rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti possibbli li l-opportunitajiet tas-sajd jista’ jkollhom, jiġi ttrattat fil-fażi tat-tħejjija u tat-twettiq tan-negozjati internazzjonali li fil-qafas tagħhom jintlaħaq qbil mal-pajjiżi terzi dwar l-opportunitajiet tas-sajd tal-Unjoni.
Il-proposta ma tirriflettix biss tħassib fl-immedjat, iżda anki approċċ aktar fit-tul, li permezz tiegħu l-isforz tas-sajd jiġi aġġustat gradwalment għal livelli sostenibbli fit-tul.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari dawk rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-monitoraġġ u l-konformità se jkunu żgurati f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-proposta tipproponi l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2026 għal ċerti stokkijiet jew gruppi ta’ stokkijiet fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, kif stabbilit f’aktar dettall hawn taħt:
A.Implimentazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni pluriennali tal-Punent tal-Mediterran
Skont il-pjan pluriennali għas-sajd tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, il-Kunsill irid jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, għal kull Stat Membru, għall-bastimenti tat-tkarkir li jisfruttaw l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, għal kull grupp tal-isforz tas-sajd, u għall-gruppi tal-istokkijiet fl-Anness I tal-pjan.
Barra minn hekk, il-pjan jistabbilixxi miri u miżuri għall-ġestjoni fit-tul tal-istokkijiet li jkopri. Mill-2025 ’il quddiem, il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali jkun jinsab fil-fażi fit-tul tiegħu u jkunu japplikaw il-firxiet tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY), skont l-Artikoli 4 u 6. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026 se jimxu mal-firxiet ipprovduti mill-STECF u dawk jintużaw għall-evalwazzjoni tal-alternattivi ta’ ġestjoni.
Barra minn hekk, l-Artikolu 7(5) tal-pjan pluriennali jipprevedi l-possibbiltà li r-reġim tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir jista’ jiġi supplimentat bi sforz tas-sajd massimu permissibbli għal irkaptu tas-sajd ieħor li mhux ix-xbieki tat-tkarkir, abbażi ta’ parir xjentifiku u biex jinkiseb il-valur tal-mortalità mis-sajd stmat li, b’xejra tas-sajd partikolari u fil-kundizzjonijiet ambjentali medji attwali, jagħti u jżomm kif inhu r-rendiment massimu fit-tul (FMSY).
Fl-2024, il-parir xjentifiku tal-STECF u anki tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv tal-GFCM irrakkomanda li biex jintlaħaq l-MSY għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, jeħtieġ tittieħed azzjoni mill-aktar fis u jiġi adottat tnaqqis reali fil-mortalità mis-sajd. L-istokkijiet tal-merluzz u wieħed mill-istokkijiet tal-iskampu tant ġew sfruttati żżejjed li l-STECF stmahom f’livell inqas mill-Blim, li hu l-punt ta’ referenza tal-limitu, espress bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u previst fl-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikolari mill-STECF, jew minn korp xjentifiku indipendenti simili rikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew internazzjonali, li inqas minnu jaf ikun hemm kapaċità riproduttiva mnaqqsa.
L-STECF (STECF-24-10 u PLEN-24-03) ta l-parir, kif kien għamel fis-snin preċedenti, li hemm bżonn approċċ ħolistiku li jgħaqqad il-miżuri tal-isforz għall-bastimenti tat-tkarkir, għall-bastimenti tas-sajd bil-konz u għal-limiti tal-qbid għall-gamblu l-abjad u għall-merluzz maqbud bl-għeżula u bil-pariti, ħalli titnaqqas b’urġenza l-mortalità mis-sajd, b’mod partikolari għall-istokkijiet tal-merluzz, tal-iskampu u tal-gamblu l-abjad. Dan l-approċċ ġie implimentat bir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2022/110, (UE) 2023/195, (UE) 2024/259 u (UE) 2025/219 li jiffissaw l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2022, l-2023, l-2024 u l-2025 rispettivament, u l-Kummissjoni tipproponi li dan l-approċċ ikompli jiġi implimentat fl-2026, minkejja l-iskadenza tar-reġim tranżizzjonali stabbilit bl-Artikolu 7(3) tal-pjan pluriennali. Dan għax l-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Bażiku tal-PKS jipprevedi b’mod ġenerali li “[i]l-miżuri għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jistgħu jinkludu (…) miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd”, u għalhekk jinkludu l-limiti tal-qbid.
Għadd ta’ opportunitajiet tas-sajd f’din il-proposta huma mmarkati “pm” (pro memoria) għax il-parir xjentifiku tal-STECF kien għadu mhux disponibbli waqt l-adozzjoni tal-proposta. Ladarba jkun disponibbli l-aħħar parir tal-STECF, din il-proposta se tiġi aġġornata b’dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni.
Barra minn hekk, biex tippromwovi l-użu ta’ rkapti selettivi u tistabbilixxi żoni magħluqa effiċjenti li jipproteġu l-frieħ tal-ħut u l-ħut riproduttiv, din il-proposta żżomm kif inhu l-mekkaniżmu ta’ kumpens stabbilit għall-ewwel darba fl-2022, filwaqt li tiddefinixxi d-dettalji speċifiċi ladarba jkun disponibbli l-aħħar parir tal-STECF.
B.Miżuri tal-GFCM applikabbli fil-Baħar Mediterran
–il-kapaċità massima tal-flotta u l-iffriżar tal-irkapti li jiġmgħu l-ħut (FADs) għal kull bastiment, kif ukoll il-limiti tal-qbid massimi għal-lampuka fil-Baħar Mediterran kollu skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali tal-GFCM tal-2023 (GSAs 1 sa 27 tal-GFCM);
Fil-laqgħa annwali tagħha ta’ Novembru 2022, il-GFCM adottat Rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-limiti tal-qbid għal-lampuka għall-2026. Bħal fl-2025, il-Kummissjoni tipproponi li tissokta l-implimentazzjoni tal-limitu massimu tal-kapaċità tal-flotta għall-irkapti li jiġmgħu l-ħut (FADs) li jistadu għall-istokk tal-lampuka. Dan il-limitu massimu tal-kapaċità huwa bbażat fuq il-kapaċità rrappurtata lill-GFCM fl-2019.
- il-livelli tal-qbid massimi għall-inċova u għas-sardina, u l-miżuri għall-istokkijiet pelaġiċi żgħar skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-2021 tal-GFCM (GSAs 17 u 18):
Fil-laqgħa annwali li jmiss ta’ Novembru 2025, il-GFCM mistennija tadotta rakkomandazzjoni ġdida biex tistabbilixxi l-limiti tal-qbid għall-pelaġiċi żgħar għall-2026. Bħal fl-2025, il-Kummissjoni tipproponi li tissokta l-implimentazzjoni tal-limitu massimu tal-kapaċità tal-flotta għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiċi li jistadu għal stokkijiet pelaġiċi żgħar. Dan il-limitu massimu tal-kapaċità huwa bbażat fuq il-kapaċità rrappurtata lill-GFCM fl-2014.
–miżuri għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali tal-GFCM tal-2019 għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Baħar Adrijatiku (GSAs 17 u 18):
Fil-laqgħa annwali tagħha li jmiss ta’ Novembru 2025, il-GFCM mistennija tadotta rakkomandazzjoni ġdida biex għall-2026 tistabbilixxi l-isforz tas-sajd għall-bastimenti bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti (OTB, otter-trawlers) u għall-bastimenti tat-tkarkir bit-travu (TBB, beam-trawlers) li mistenni jikkontribwixxi biex fl-2026 jintlaħaq l-MSY. Il-kapaċità massima proposta tal-flotta taqbel mal-kapaċità rrappurtata lill-GFCM għall-2025 jew għall-medja ta’ bejn l-2015 u l-2017.
–il-limiti tal-qbid massimi għall-gamblu l-abjad, u l-isforz tas-sajd massimu permissibbli u l-kapaċità tal-flotta għall-merluzz fil-Fliegu ta’ Sqallija skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-2022 tal-GFCM (GSAs 12 sa 16);
Fil-laqgħa annwali tagħha li jmiss ta’ Novembru 2025, il-GFCM mistennija tadotta rakkomandazzjoni ġdida biex għall-2026 tistabbilixxi l-limiti tal-qbid massimi għall-gamblu l-abjad u l-isforz tas-sajd massimu permissibbli u l-kapaċità tal-flotta għall-merluzz fil-Fliegu ta’ Sqallija.
–il-kapaċità massima tal-flotta u l-limiti tal-qbid għall-gamblu l-aħmar il-kbir u għall-gamblu l-aħmar fil-Fliegu ta’ Sqallija (GSAs 12 sa 16), fil-Baħar Jonju (GSAs 19 sa 21) u fil-Baħar Levantin (GSAs 24 sa 27) skont il-pjanijiet ta’ ġestjoni pluriennali rilevanti tal-GFCM;
Fil-laqgħa annwali tagħha li jmiss ta’ Novembru2025, il-GFCM mistennija tadotta rakkomandazzjonijiet ġodda biex għall-2026 tistabbilixxi l-limiti tal-qbid massimi għall-gamblu l-abjad fil-Fliegu ta’ Sqallija, fil-Jonju u fil-Levantin. Bħal fl-2025, il-Kummissjoni tipproponi li tissokta l-implimentazzjoni tal-limiti massimi tal-kapaċità tal-flotta għall-flotot li jimmiraw għall-gamblu l-abjad skont il-pjanijiet pluriennali rispettivi tal-GFCM.
–miżuri għall-paġella l-ħamra fil-Baħar Alboran skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali tal-GFCM (GSAs 1 sa 3)
Il-proposta tinkludi sensiela ta’ spazji riżervati, għall-istokkijiet meta l-miżuri tranżizzjonali tal-GFCM ikunu se jiskadu fi tmiem l-2025 jew għall-istabbiliment ta’ limiti annwali tal-qbid u tal-isforz tul il-fażi permanenti tal-pjanijiet ta’ ġestjoni u li għalihom il-GFCM jenħtieġ li tadotta miżuri ġodda fil-laqgħa annwali tagħha li jmiss.
Ladarba ssir il-laqgħa annwali li jmiss tal-GFCM, il-proposta se tiġi aġġornata b’dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni.
C.Miżuri tal-GFCM applikabbli fil-Baħar l-Iswed
1.kwota awtonoma għal-laċċa l-kaħla, abbażi ta’ parir xjentifiku;
2.l-allokazzjoni tat-TAC u tal-kwoti għall-barbun imperjali skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-2017 tal-GFCM għas-sajd tal-barbun imperjali, li jimplimenta r-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/3 (GSA 29), kif emendata bir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/8.
Il-miżuri marbuta funzjonalment mal-opportunitajiet tas-sajd (eż. għeluq fiż-żmien riproduttiv) huma parti minn din il-proposta għax mingħajr dawn il-perjodi magħluqin (bħal dak għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed), l-opportunitajiet tas-sajd ma setgħux jiġu stabbiliti fl-istess livelli. It-tul tal-perjodi magħluqin jaf ivarja skont l-istat tal-istokk kif ivvalutat mill-parir xjentifiku.
2025/0285 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2026
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Kunsill irid jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż ċerti kundizzjonijiet marbuta funzjonament ma’ dawk l-opportunitajiet tas-sajd, kif xieraq. L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu allokati lill-Istati Membri b’mod li tkun żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk tal-ħut jew tip ta’ sajd. L-Artikolu 16(4) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu ffissati f’konformità mal-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbilita fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.
(2)Għalhekk, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, filwaqt li jitqiesu aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi, u jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, u jitqiesu wkoll il-fehmiet espressi tul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.
(3)Fis-47 laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/1 li tistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni fit-tul għas-sallura (Anguilla anguilla) kif previst fir-Rakkomandazzjoni GFCM/46/2023/16 dwar pjan ta’ ġestjoni fit-tul għas-sallura (GSAs 1 sa 27 tal-GFCM). Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/1 iżżomm, għall-2026, il-perjodu magħluq ta’ sitt xhur għas-sajd kummerċjali u projbizzjoni tas-sajd rikreattiv. Barra minn hekk, dik ir-Rakkomandazzjoni tillimita l-attivitajiet tas-sajd kummerċjali għall-frieħ tas-sallura għal perjodu ta’ xahrejn u tippermetti dak is-sajd biss skont ċerti kundizzjonijiet. Dawk il-miżuri jridu japplikaw għall-ilmijiet marini kollha tal-Baħar Mediterran u għall-ilmijiet ħelwin, kif ukoll għall-ilmijiet salmastri, inkluż l-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni, f’konformità ma’ dik ir-Rakkomandazzjoni. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(4)Fis-47 laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/2 li tistabbilixxi miżuri fit-tul għall-isfruttament sostenibbli tal-qroll l-aħmar (Corallium rubrum) kif previst fir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/4 dwar pjan ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tal-qroll l-aħmar fil-Baħar Mediterran (GSAs 1 sa 27 tal-GFCM). Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/2 iżżomm għall-2026 l-iffriżar tal-isforz tas-sajd espress bħala għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u limiti tal-ħsad għall-qroll l-aħmar. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(5)Fis-46 laqgħa annwali tagħha tal-2023, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/46/2023/14 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-lampuki (Coryphaena hippurus) fil-Baħar Mediterran (GSAs 1 sa 27 tal-GFCM). Dik ir-Rakkomandazzjoni introduċiet, b’mod konsistenti mal-approċċ prekawzjonarju u għall-perjodu tranżizzjonali mill-2024 sal-2026, limitu massimu tal-kapaċità tal-flotta, iffriżar tal-kapaċità tal-irkapti li jiġmgħu l-ħut (FADs) għal kull bastiment u limitu tal-qbid. Għas-sajd rikreattiv, dik ir-Rakkomandazzjoni tipprevedi wkoll li jrid jiġi osservat limitu tal-qbid ta’ kuljum. Dawk il-miżuri ilhom jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni mill-2024 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/259 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/219. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jibqgħu jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni għall-2026.
(6)Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill stabbilixxa pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Baħar Mediterran (GSAs 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM). Dak il-pjan jistabbilixxi miri u miżuri għall-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet li jkopri. Dan jinkludi miżuri biex jinkiseb u jinżamm ir-rendiment massimu sostenibbli (MSY) għall-istokkijiet fil-mira, ikun żgurat li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar ireġġa’ lura l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maħsuda, u jżommhom ’il fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu l-MSY.
(7)F’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1022, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1022 jenħtieġ li jiġu ffissati f’konformità mal-firxa tal-valuri tal-mortalità mis-sajd li jwasslu għal MSY (meded tal-FMSY), jew f’livell inqas, u f’konformità mas-salvagwardji previsti f’dak ir-Regolament. Il-meded tal-FMSY huma stabbiliti fil-parir rilevanti tal-STECF. Meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni xjentifika xierqa, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu ffissati f’konformità mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, f’konformità mal-Artikolu 4(6) ta’ dak ir-Regolament.
(8)Barra minn hekk, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu espressi, minn naħa, bħala l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz, stabbiliti f’konformità mar-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1022 u, min-naħa l-oħra, bħala l-limiti tal-qbid massimi għall-gamblu l-aħmar (Aristeus antennatus) u għall-gamblu l-aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fl-ilmijiet fondi, ilkoll stabbiliti f’konformità mal-parir xjentifiku u mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
(9)[SPAZJU RIŻERVAT għall-parir tal-STECF dwar l-isforz tas-sajd fil-Punent tal-Mediterran għall-bastimenti tat-tkarkir, għall-bastimenti tas-sajd bil-konz u għal-limiti tal-qbid għall-gamblu l-abjad]
(10)Biex jippromwovi l-użu tas-selettività tal-irkaptu tas-sajd u jistabbilixxi żoni magħluqin effiċjenti għas-sajd li jipproteġu l-frieħ tal-ħut u l-ħut riproduttiv, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/110 stabbilixxa mekkaniżmu ta’ kumpens fir-rigward tar-reġim tal-isforz għall-bastimenti tat-tkarkir. [SPAZJU RIŻERVAT għall-parir tal-STECF].
(11)F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1022, meta l-parir xjentifiku juri li l-bijomassa ta’ stokk riproduttiv ta’ xi wieħed mill-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament tkun anqas mill-punt ta’ referenza prekawzjonarju tal-bijomassa (BPA), jew tkun anqas mill-punt ta’ referenza tal-limitu tal-bijomassa (BLIM), għandhom jittieħdu aktar miżuri ta’ rimedju biex ikun żgurat ir-ritorn malajr tal-istokkijiet għal livelli ogħla minn dawk li kapaċi jipproduċu l-MSY.
(12)Fl-44 laqgħa annwali tagħha tal-2021, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/44/2021/20 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku (GSAs 17 u 18 tal-GFCM), li mill-2022 sal-2029 introduċiet livell tal-qbid massimu u limitu massimu tal-kapaċità tal-flotta relatat għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u għall-bastimenti tat-tkarkir pelaġiku li jimmiraw għall-ispeċijiet pelaġiċi żgħar. Dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(13)[SPAZJU RIŻERVAT għal 48 tal-GFCM dwar Stokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku].
(14)Fit-43 laqgħa annwali tagħha tal-2019, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/5 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għal sajd sostenibbli għall-ħut tal-qiegħ fil-Baħar Adrijatiku (GSAs 17 u 18 tal-GFCM), li introduċiet reġim tal-isforz tas-sajd u limitu massimu tal-kapaċità tal-flotta għal ċerti stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ, kif ukoll obbligu biex fl-2026 jinkiseb l-FMSY għall-istokkijiet ewlenin. Għalhekk, dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(15)[SPAZJU RIŻERVAT għal 48 tal-GFCM dwar Stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Baħar Adrijatiku].
(16)Filwaqt li jitqiesu l-partikolaritajiet tal-flotta Slovena u l-impatt marġinali tagħha fuq l-istokkijiet tal-ispeċijiet pelaġiċi żgħar u fuq l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ, u f’konformità mal-paragrafu 13 tar-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/5, jixraq li jiġu ppreżervati x-xejriet tas-sajd eżistenti u jkun żgurat l-aċċess mill-flotta Slovena għal allokazzjoni minima tal-isforz għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ.
(17)Fil-45 laqgħa annwali tagħha tal-2022, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/4 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Fliegu ta’ Sqallija (GSAs 12 sa 16 tal-GFCM), li tħassar ir-Rakkomandazzjonijiet GFCM/44/2021/12 u GFCM/42/2018/5. Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/4 introduċiet reġim tal-isforz għall-merluzz u limiti tal-qbid għall-gamblu l-abjad (Parapenaeus longirostris), kif ukoll iffriżar tal-kapaċità tas-sajd. Dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(18)[SPAZJU RIŻERVAT għal 48 tal-GFCM dwar Estensjoni ta’ sena tal-fażi tranżizzjonali tal-MAP].
(19)Fil-45 laqgħa annwali tagħha tal-2022, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/5 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-gamblu l-aħmar l-kbir u tal-gamblu l-blu u l-aħmar fil-Fliegu ta’ Sqallija (GSAs 12 sa 16 tal-GFCM), li tħassar ir-Rakkomandazzjonijiet GFCM/44/2021/7 u GFCM/43/2019/6. Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/5 introduċiet limitu tal-qbid u ffriżar tal-kapaċità tas-sajd. Dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(20)[SPAZJU RIŻERVAT għal 48 tal-GFCM dwar Estensjoni ta’ sena tal-fażi tranżizzjonali tal-MAP].
(21)Fil-45 laqgħa annwali tagħha tal-2022, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/6 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-gamblu l-aħmar il-kbir u tal-gamblu l-blu u l-aħmar fil-Baħar Jonju (GSAs 19 sa 21 tal-GFCM), li tħassar ir-Rakkomandazzjonijiet GFCM/44/2021/8 u GFCM/42/2018/4. Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/6 introduċiet limitu tal-qbid u ffriżar tal-kapaċità tas-sajd. Dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(22)[SPAZJU RIŻERVAT għal 48 tal-GFCM dwar Estensjoni ta’ sena tal-fażi tranżizzjonali tal-MAP].
(23)Fil-45 laqgħa annwali tagħha tal-2022, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/7 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għall-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-gamblu l-aħmar il-kbir u tal-gamblu l-blu u l-aħmar fil-Baħar Levantin (GSAs 24 sa 27 tal-GFCM), li tħassar ir-Rakkomandazzjonijiet GFCM/44/2021/6 u GFCM/42/2018/3. Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/45/2022/7 introduċiet limitu tal-qbid u ffriżar tal-kapaċità tas-sajd. Dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni.
(24)[SPAZJU RIŻERVAT għal 48 tal-GFCM dwar Miżuri ġodda għall-paġella l-ħamra].
(25)Abbażi tal-parir xjentifiku tal-Grupp ta’ Ħidma tal-GFCM għall-Baħar l-Iswed, il-kwota attwali għal-laċċa l-kaħla (Sprattus sprattus) jenħtieġ li tinżamm biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-laċċa l-kaħla fil-Baħar l-Iswed (GSA 29 tal-GFCM). Għalhekk jixraq li għal dak l-istokk tibqa’ tiġi stabbilita kwota awtonoma.
(26)Fis-47 laqgħa annwali tagħha tal-2024, il-GFCM adottat ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/8 li temenda r-Rakkomandazzjonijiet GFCM/43/2019/3 u GFCM/41/2017/4 dwar pjan ta’ ġestjoni pluriennali għas-sajd għall-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) fil-Baħar l-Iswed (GSA 29 tal-GFCM). Ir-Rakkomandazzjoni GFCM/47/2024/8 introduċiet qabda totali permissibbli (TAC) reġjonali aġġornata u skema ta’ allokazzjoni tal-kwoti għall-barbun imperjali. F’konformità mar-Rakkomandazzjoni GFCM/41/2017/4, il-perjodu magħluq ta’ xahrejn u l-limitazzjoni tal-jiem tas-sajd għal 180 fis-sena huma marbuta funzjonalment mal-opportunitajiet tas-sajd. Dawk il-miżuri relatati mal-2026 jenħtieġ li jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni għax, mingħajr dawk il-miżuri, it-TAC tkun trid tiġi stabbilita f’livell ieħor.
(27)L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu b’rabta mar-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforzi tas-sajd u n-notifika tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd. Għaldaqstant jeħtieġ jiġu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri jridu jużaw meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.
(28)Biex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u jkun żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2026. Għal raġunijiet ta’ urġenza, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, u li jisfruttaw l-istokkijiet tal-ħut li ġejjin:
(a)is-sallura (Anguilla anguilla), il-qroll l-aħmar (Corallium rubrum) u l-lampuka (Coryphaena hippurus) fil-Baħar Mediterran;
(b)il-gamblu l-blu u l-aħmar (Aristeus antennatus), il-gamblu l-abjad (Parapenaeus longirostris), il-gamblu l-aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea), il-merluzz (Merluccius merluccius), l-iskampu (Nephrops norvegicus) u t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Punent tal-Baħar Mediterran;
(c)l-inċova (Engraulis encrasicolus) u s-sardina (Sardina pilchardus) fil-Baħar Adrijatiku;
(d)il-merluzz (Merluccius merluccius), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-lingwata komuni (Solea solea), il-gamblu l-abjad (Parapenaeus longirostris) u t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Baħar Adrijatiku;
(e)il-merluzz (Merluccius merluccius) u l-gamblu l-abjad (Parapenaeus longirostris) fil-Fliegu ta’ Sqallija;
(f)il-gamblu l-aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) u l-gamblu l-blu u l-aħmar (Aristeus antennatus) fil-Fliegu ta’ Sqallija, fil-Baħar Jonju u fil-Baħar Levantin;
(g)il-paġella l-ħamra (Pagellus bogaraveo) fil-Baħar Alboran;
(h)il-laċċa l-kaħla (Sprattus sprattus) u l-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) fil-Baħar l-Iswed.
2.Dan ir-Regolament japplika wkoll għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni, inkluż is-sajd rikreattiv, meta dawn ikunu jissemmew b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet rilevanti.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)“ilmijiet internazzjonali” tfisser l-ilmijiet li ma jinsabu fis-sovranità jew fil-ġurisdizzjoni tal-ebda Stat;
(b)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi ħajjin tal-baħar għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;
(c)“qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser:
(i) fis-sajd soġġett għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;
(ii) fil-każ tal-attivitajiet l-oħra kollha tas-sajd, l-ammont ta’ ħut li jista’ jinqabad minn kull stokk tul perjodu ta’ sena;
(d)“kwota” tfisser proporzjon tat-TAC allokata għall-Unjoni jew għal Stat Membru;
(e)“kwota awtonoma tal-Unjoni” tfisser limitu tal-qbid allokat b’mod awtonomu lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ TAC maqbula;
(f)“kwota analitika” tfisser kwota awtonoma tal-Unjoni li għaliha jkun hemm disponibbli valutazzjoni analitika;
(g)“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjoni kwantitattiva tax-xejriet ta’ stokk partikolari, imsejsa fuq data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, li l-analiżi xjentifika tagħha tkun indikat li hija ta’ kwalità tajba biżżejjed biex skontha jkunu jistgħu jingħataw pariri xjentifiċi dwar l-alternattivi għall-qbid fil-ġejjieni;
(h)“irkaptu li jiġma’ l-ħut” (FAD) tfisser kwalunkwe tagħmir li jżomm f’wiċċ il-baħar bl-objettiv li jattira l-ħut.
Artikolu 3
Żoni tas-sajd
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet taż-żoni tas-sajd li ġejjin:
(a)“subżoni ġeografiċi tal-GFCM” jew “GSAs tal-GFSM” tfisser iż-żoni speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(c)“il-Punent tal-Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(d)“il-Baħar Adrijatiku” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 17 u 18 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(e)“il-Fliegu ta’ Sqallija” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 12, 13, 14, 15 u 16 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(f)“il-Baħar Jonju” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 19, 20 u 21 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(g)“il-Baħar Levantin” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 24, 25, 26 u 27 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(h)“il-Baħar Alboran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi 1, 2 u 3 tal-GFCM speċifikati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124;
(i)“il-Baħar l-Iswed” tfisser l-ilmijiet tas-subżona ġeografika 29 tal-GFCM speċifikata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2023/2124.
TITOLU II
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI
KAPITOLU I
Il-Baħar Mediterran
Artikolu 4
Is-sallura
1.
Dan l-Artikolu japplika għas-subżoni ġeografiċi 1 sa 27 tal-GFCM, għall-ilmijiet salmastri u għall-ilmijiet ħelwin. L-ilmijiet salmastri jinkludu l-estwarji, il-laguni kostali u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni.
2.
Għandhom ikunu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd kummerċjali għas-sallura (Anguilla anguilla) li jkollha tul kumplessiv iżjed minn 12cm, bħala speċi fil-mira jew bħala qabda aċċessorja inċidentali, għal perjodu ta’ mqar sitt xhur fl-2026. Għal dak il-għan, kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddetermina perjodu magħluq wieħed jew aktar soġġetti għal dan li ġej:
(a)
meta xieraq, il-perjodu/i magħluqin jistgħu jvarjaw fi ħdan Stat Membru partikolari minn żona tas-sajd għal oħra biex titqies ix-xejra tal-migrazzjoni ġeografika u temporali tas-sallura fl-istadji differenti tal-ħajja tagħha;
(b)
il-perjodu/i magħluqin għandhom itulu mqar sitt xhur konsekuttivi, jew sitt xhur b’kollox f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3;
(c)
il-perjodu/i magħluqin għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tal-konservazzjoni stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007, mal-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali fis-seħħ, u max-xejriet tal-migrazzjoni temporali tas-sallura fl-istadju tal-ħajja rispettiv fl-Istat Membru kkonċernat.
3.
Il-perjodu magħluq għandu jkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu 2026, u kull Stat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi perjodu magħluq addizzjonali ta’ tliet xhur li jrid ikun bejn l-1 ta’ April u t-30 ta’ Novembru 2026.
4.
L-attivitajiet tas-sajd kummerċjali għas-sallura li jkollha tul kumplessiv iżjed minn 12cm għandhom jiġu awtorizzati kull sena għal perjodu ta’ xahrejn, u dawk l-attivitajiet tas-sajd għandha timmonitorjahom istituzzjoni xjentifika maqbula li għandha tissorvelja l-ġbir u l-analiżi tad-data.
5.
L-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-għadd massimu ta’ rkapti passivi awtorizzati biex jimmiraw għas-sallura li jkollha tul kumplessiv iżjed minn 12cm għal skopijiet kummerċjali ma għandhomx jaqbżu l-livelli rispettivi stabbiliti fl-Anness I.
6.
Is-sajd rikreattiv tas-sallura fl-istadji kollha tal-ħajja għandu jkun ipprojbit.
7.
Kull Stat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar:
(a) il-perjodu/i magħluqin li jkun iddetermina f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 sal-1 ta’ Marzu 2026;
(b) il-miżuri nazzjonali relatati mal-perjodu/i magħluqin li jkun iddetermina f’konformità mal-paragrafi 2 u 3, fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tagħhom;
(c) il-perjodu awtorizzat għas-sajd tas-sallura li jkollha tul kumplessiv iżjed minn 12cm f’konformità mal-paragrafu 4, sal-1 ta’ Marzu 2026.
Artikolu 5
Il-qroll l-aħmar
Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jaħsdu l-qroll l-aħmar (Corallium rubrum) fil-Baħar Mediterran.
Għas-sajd immirat, l-għadd massimu ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-kwantitajiet massimi tal-istokkijiet tal-qroll l-aħmar maħsuda mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kif ukoll l-attivitajiet tal-ħsad tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu l-livelli stabbiliti fl-Anness II.
Artikolu 6
Il-lampuka
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet tas-sajd pelaġiku kummerċjali kollha mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jistadu għal-lampuka (Coryphaena hippurus) bi rkapti li jiġmgħu l-ħut (FADs) fil-Baħar Mediterran.
Japplika wkoll għas-sajd rikreattiv tal-lampuka fil-Baħar Mediterran.
2. Il-kapaċità massima tal-flotta, espressa f’għadd ta’ bastimenti, kW u tunnellaġġ gross (GT), tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati biex jistadu għal-lampuka hija stabbilita fl-Anness III, il-punt (a).
3. L-għadd massimu ta’ rkapti li jiġmgħu l-ħut (FADs) għal kull bastiment awtorizzat biex jistad għal-lampuka huwa stabbilit fl-Anness III, il-punt (b).
4. Il-livell tal-qbid massimu għal-lampuka ma għandux jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness III, il-punt (c).
Għas-sajd rikreattiv, l-għadd massimu ta’ qabdiet għandu jkun limitat għal 10kg jew għal ħames ħutiet ta’ kull daqs għal kull persuna kuljum.
KAPITOLU II
Il-Punent tal-Baħar Mediterran
Artikolu 7
L-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2019/1022 fil-Punent tal-Baħar Mediterran.
2. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz huwa stabbilit fl-Anness IV, il-punt 1. L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2019/1022 u mal-Artikoli 26 sa 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
3. Il-limiti tal-qbid massimi għall-gamblu l-abjad fil-Baħar Alboran, fil-Gżejjer Baleariċi, fit-Tramuntana ta’ Spanja u fil-Golf tal-Iljuni huma stabbiliti fl-Anness IV, il-punt 2(a).
4. Il-limiti tal-qbid massimi għall-gamblu l-abjad f’Korsika, fil-Baħar tal-Liguria, fil-Baħar Tirren u f’Sardinja huma stabbiliti fl-Anness IV, il-punt 2(b).
5. L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri, kif stipulat fl-Anness IV, għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)
l-iskambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)
it-tnaqqis u r-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)
il-ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(d)
il-kwantitajiet miżmuma f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(e)
it-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 8
Mekkaniżmu ta’ kumpens
[SPAZJU RIŻERVAT]
Artikolu 9
Miżuri ta’ rimedju
[SPAZJU RIŻERVAT]
Artikolu 10
Reġistrazzjoni u trażmissjoni tad-data
1. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jibagħtu d-data dwar l-isforz tas-sajd lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u mal-Artikoli 146c, 146d u 146e tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011.
2. Meta l-Istati Membri jippreżentaw data lill-Kummissjoni relatata mal-isforz tas-sajd skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dawn għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-gruppi tal-isforz tas-sajd stabbiliti fl-Anness IV.
KAPITOLU III
Il-Baħar Adrijatiku
Artikolu 11
Stokkijiet pelaġiċi żgħar
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu s-sardina (Sardina pilchardus) u l-inċova (Engraulis encrasicolus) fil-Baħar Adrijatiku.
2. Il-livell tal-qbid massimu għas-sardina u għall-inċova ma għandux jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness V, il-punt 1(a).
3. Il-kapaċità massima tal-flotta, espressa f’għadd ta’ bastimenti, kW u tunnellaġġ gross (GT), tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati biex jistadu għall-istokkijiet pelaġiċi żgħar hija stabbilita fl-Anness V, il-punt 1(b).
4. L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta’ sena b’sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 12
Stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-merluzz (Merluccius merluccius), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-lingwata komuni (Solea solea), il-gamblu l-abjad (Parapenaeus longirostris) u t-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fil-Baħar Adrijatiku.
2. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli għal dawk l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u l-kapaċità massima tal-flotta fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu huma stabbiliti fl-Anness V, il-punti 2(a) u 2(b) rispettivament.
3. L-Istati Membri għandhom jiġġestixxu l-isforz massimu permissibbli f’konformità mal-Artikoli 26 sa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 13
Trażmissjoni tad-data
Meta, għas-sajd regolat mill-Artikoli 11 u 12, l-Istati Membri jippreżentaw data lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art u mal-isforz tas-sajd skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dawn għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet u l-kodiċijiet tal-gruppi tal-isforz tas-sajd stabbiliti fl-Anness V.
KAPITOLU IV
Il-Fliegu ta’ Sqallija
Artikolu 14
Il-merluzz u l-gamblu l-abjad
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-merluzz (Merluccius merluccius) u l-gamblu l-abjad (Parapenaeus longirostris) fil-Fliegu ta’ Sqallija.
2. Il-kapaċità massima tal-flotta, espressa f’għadd ta’ bastimenti, kW u tunnellaġġ gross (GT), tal-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati biex jistadu għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu hija stabbilita fl-Anness VI, il-punt 1(a).
3. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli għall-merluzz (f’għadd ta’ jiem tas-sajd), għall-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ bid-diriġenti (OTB) li jistadu għall-merluzz huwa stabbilit fl-Anness VI, il-punt 1(b).
4. Il-livell tal-qbid massimu tal-gamblu l-abjad ma għandux jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness VI, il-punt 1(c).
5. L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli f’konformità mal-Artikoli 26 sa 35 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 15
Il-gamblu l-abjad
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-gamblu l-aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) u l-gamblu l-blu u l-aħmar (Aristeus antennatus) fil-Fliegu ta’ Sqallija.
2. Il-kapaċità massima tal-flotta, espressa f’għadd ta’ bastimenti, kW u tunnellaġġ gross (GT), tal-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati biex jistadu għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu hija stabbilita fl-Anness VI, il-punt 2(a).
3. Il-livell tal-qbid massimu tal-gamblu l-abjad ma għandux jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness VI, il-punti 2(b) u (c).
Artikolu 16
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jippreżentaw data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-istokkijiet maqbuda skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dawn għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness VI.
KAPITOLU V
Il-Baħar Jonju u l-Baħar Levantin
Artikolu 17
Il-gamblu l-abjad
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-gamblu l-aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) u l-gamblu l-blu u l-aħmar (Aristeus antennatus) fil-Baħar Jonju u fil-Baħar Levantin.
2. Il-kapaċità massima tal-flotta, espressa f’għadd ta’ bastimenti, kW u tunnellaġġ gross (GT), tal-bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ awtorizzati biex jistadu għall-istokk tal-gamblu l-abjad imsemmi f’dan l-Artikolu hija stabbilita fl-Anness VII, il-punti 1(a) u 2(a).
3. Il-livell tal-qbid massimu tal-gamblu l-abjad imsemmi f’dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż il-livelli rispettivi stabbiliti fl-Anness VII, il-punti 1(b), 1(c), 2(b) u 2(c).
KAPITOLU VI
Il-Baħar Alboran
Artikolu 18
Il-paġella l-ħamra
[SPAZJU RIŻERVAT]
KAPITOLU VII
Il-Baħar l-Iswed
Artikolu 19
Il-laċċa l-kaħla
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-laċċa l-kaħla (Sprattus sprattus) fil-Baħar l-Iswed.
2. Il-kwota awtonoma tal-Unjoni għal-laċċa l-kaħla ma għandhiex taqbeż il-livelli stabbiliti fl-Anness IX.
3. L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta’ sena b’sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 20
Il-barbun imperjali
1. Dan l-Artikolu japplika għall-attivitajiet kollha tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għal attivitajiet oħra tas-sajd tal-Unjoni li jaqbdu l-barbun imperjali (Scophthalmus maximus) fil-Baħar l-Iswed.
2. It-TAC għall-barbun imperjali applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed, l-allokazzjoni ta’ din it-TAC fost l-Istati Membri u l-kundizzjonijiet marbuta funzjonalment magħha, meta xieraq, huma stabbiliti fl-Anness IX.
3. L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta’ sena b’sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 21
Ġestjoni tal-isforz tas-sajd għall-barbun imperjali
Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni awtorizzati biex jistadu għall-barbun imperjali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20, irrispettivament mit-tul kumplessiv tal-bastiment, ma għandhomx jaqbżu l-180 jum tas-sajd fis-sena.
Artikolu 22
Perjodu magħluq għall-barbun imperjali
Mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju 2026, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti milli jwettqu xi attività tas-sajd, inkluż it-trażbord, iż-żamma abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ tal-barbun imperjali, fl-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed.
Artikolu 23
Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed
L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilita fl-Anness IX għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:
(a)
l-iskambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;
(b)
it-tnaqqis u r-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;
(c)
it-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
Artikolu 24
Trażmissjoni tad-data
Meta l-Istati Membri jippreżentaw data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-istokkijiet tal-laċċa l-kaħla u tal-barbun imperjali maqbuda fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, dawn għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness IX ta’ dan ir-Regolament.
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President