Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0481

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

COM/2025/481 final

Brussell, 12.9.2025

COM(2025) 481 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAR-RAKKOMANDAZZJONI

Din ir-rakkomandazzjoni tikkonċerna deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”, International Olive Council), kif ukoll fi kwalunkwe korp ad hoc possibbli li l-IOC jista’ jwaqqaf għal dan l-għan, u li tistabbilixxi direttivi ta’ negozjati għall-Unjoni b’rabta mar-reviżjoni prevista tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”), li ġie mġedded fl-2017.

2.KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI

2.1Il-Ftehim attwali

L-għanijiet tal-Ftehim attwali huma (i) li tinkiseb uniformità fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi taż-żjut taż-żebbuġa, taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u taż-żebbuġ tal-mejda sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ (ii) li jitwettqu attivitajiet fil-qasam tal-ittestjar fiżikokimiku u organolettiku sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità tal-prodotti taż-żebbuġ, bl-għan li jiġu kkonsolidati l-istandards internazzjonali, u (iii) li jissaħħaħ ir-rwol tal-IOC bħala forum ta’ eċċellenza għall-komunità xjentifika internazzjonali fil-qasam taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim 1 .

2.2Il-Kunsill tal-Membri

Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita s-setgħat u l-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan il-Ftehim. Bħala Parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Skont l-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri jista’ jieħu deċiżjonijiet li jemendaw il-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 10(3) tal-Ftehim, id-deċiżjonijet tal-Kunsill tal-Membri dwar kwalunkwe emenda possibbli tal-Ftehim għandhom jittieħdu b’kunsens.

2.3L-emendi previsti

Matul il-120 laqgħa tiegħu, fl-20 ta’ Novembru 2024, il-Kunsill tal-Membri ddeċieda li joħloq grupp ta’ ħidma biex jiddiskuti dwar emendi possibbli tal-Ftehim. Din il-proposta kienet oriġinarjament ippreżentata mill-Iran u t-Tuneżija u kienet tikkonċerna bidliet potenzjali fl-Artikoli 11 u 32 tal-Ftehim. Wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi (PROBA), id-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea proponiet li jiġu inklużi f’din id-diskussjoni elementi oħra għar-rieżami, relatati mal-Artikoli 1, 2, 7, 16 u 17 tal-Ftehim.

L-Artikolu 1 tal-Ftehim jirreferi għall-objettivi ġenerali tiegħu, fir-rigward tal-istandardizzazzjoni u r-riċerka, fir-rigward tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-kooperazzjoni teknika u fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti taż-żebbuġ, it-tixrid tal-informazzjoni u l-ekonomija taż-żebbuġ.

L-Artikolu 2 tal-Ftehim jinkludi d-definizzjonijiet għall-finijiet tal-Ftehim.

L-Artikolu 7 tal-Ftehim jiddefinixxi s-setgħat u l-funzjonijiet tal-korpi differenti fl-IOC, b’mod partikolari għall-Kunsill tal-Membri u s-Segretarjat Eżekuttiv tal-IOC.

L-Artikolu 11 tal-Ftehim jirreferi għall-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC, u l-metodu ta’ kalkolu tiegħu, li jiddetermina wkoll il-kontribuzzjoni ta’ Membru.

L-Artikolu 16 jirreferi għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot, l-esklużjoni mill-Ftehim u l-iskedar mill-ġdid tal-obbligi finanzjarji.

L-Artikolu 17 jirreferi għall-kontrolli finanzjarji tal-IOC.

L-Artikolu 32 tal-Ftehim jistabbilixxi l-proċess ta’ emendar permezz tal-Kunsill tal-Membri, inkluża n-notifika tal-aċċettazzjoni lid-depożitarju tal-Ftehim mill-membri kollha qabel ma jidħol fis-seħħ.

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tirriforma l-IOC biex dan ikompli jiġi allinjat mal-prattiki li l-Unjoni trawwem f’korpi internazzjonali tal-prodotti bażiċi oħra, kif ukoll mal-iżviluppi fis-suq dinji taż-żejt taż-żebbuġa. Din ir-riforma għandha mill-anqas twassal għal sistema ta’ skedar imtejba fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Membri, kif ukoll għal proċedura ta’ ratifika aktar sempliċi għall-emendi tal-Ftehim. Ir-riforma għandha taġġorna wkoll l-objettivi tal-IOC f’konformità mar-realtajiet tas-settur taż-żebbuġ. Huwa previst ukoll titjib minuri ulterjuri tal-Ftehim.

Id-deċiżjoni proposta tippermetti lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar l-emendar tal-Ftehim u tinvolvi ruħha ma’ membri oħra f’każ li jkollhom imexxu l-proposti ta’ riforma.

3.BAŻI LEGALI

3.1Bażi legali proċedurali

3.1.1.    Prinċipji

L-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-ftuħ tan-negozjati u, skont is-suġġett tal-ftehim previst, in-nomina tan-negozjatur tal-Unjoni jew tal-kap tat-tim tan-negozjati tal-Unjoni.

L-Artikolu 218(4) tat-TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jindirizza direttivi lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali, u li n-negozjati jridu jsiru f’konsultazzjoni ma’ dan il-kumitat.

3.1.2.    Applikazzjoni għal dan il-każ

Billi l-għan ta’ din ir-rakkomandazzjoni huwa għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(3) u 218(4) tat-TFUE. Il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 207(4) tat-TFUE, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni orizzontali tal-emendi proposti tal-ftehim li jikkonċerna l-istandardizzazzjoni fir-rigward tat-tkabbir taż-żebbuġ u l-kooperazzjoni teknika u fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti taż-żebbuġ, it-tixrid tal-informazzjoni u l-ekonomija taż-żebbuġ, u li ġie ffirmat u konkluż fuq dik il-bażi.

3.2Għażla tal-istrument

L-Artikolu 218(3) tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandhom jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati. Fid-dawl tas-suġġett tal-ftehim previst, hija l-Kummissjoni li għandha tippreżenta rakkomandazzjoni għal dak l-għan.

3.3L-għażla tan-negozjatur

Billi l-ftehim previst ikopri esklużivament kwistjonijiet oħra għajr il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni għandha tinħatar bħala n-negozjatur skont l-Artikolu 218(3) tat-TFUE.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni hija Parti għall-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) 2 .

(2)Huwa fl-interess tal-Unjoni li tipparteċipa fin-negozjati li ġejjin li se jsiru fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015, meta titqies l-importanza ta’ dak is-settur għall-ekonomija tal-Unjoni. Il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim jenħtieġ li jiġi aġġornat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ wħud mill-objettivi tiegħu, il-proċedura biex jitħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-Membri u l-proċedura biex jiġu adottati l-emendi tal-Ftehim.

(3)Skont l-Artikolu 32 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) għandu jadotta d-deċiżjonijiet li jimmodifikaw il-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar l-emendi tal-Ftehim dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015.

Artikolu 2

Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi (PROBA), li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) tat-TFUE.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.05.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj).
Top

Brussell, 12.9.2025

COM(2025) 481 final

ANNESS

tar-Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati biex jiġi emendat il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015


ANNESS

Direttivi għan-negozjar tal-emendi tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

Il-Kummissjoni tista’ tidħol f’negozjati mal-partijiet l-oħra għall-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ bl-għan li jiġi mmodernizzat il-Ftehim filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fis-suq dinji taż-żebbuġ u tittejjeb il-proċedura biex titħallas il-kontribuzzjoni tal-Membri, kif ukoll il-proċess ta’ ratifika tal-emendi tal-Ftehim.

Top