IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.7.2025
COM(2025) 434 final
ANNESSI
ta'
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali
ANNESS 1
|
KUMITAT TAL-MINISTRI
|
Dokumenti CM
|
CM(2025)52-final
|
14 ta’ Mejju 2025
|
|
Il-134 Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri
(Il-Lussemburgu, 13-14 ta’ Mejju 2025)
Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali
|
Preambolu
L-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Firmatarji l-oħrajn ta’ din il-Konvenzjoni,
Filwaqt li jfakkru fid-Dikjarazzjoni ta’ Reykjavik, adottata fir-raba’ Summit tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Kunsill tal-Ewropa (Reykjavik, is-16 sas-17 ta’ Mejju 2023), li fih il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjaraw l-impenn tagħhom li jsaħħu l-ħidma tagħhom fil-Kunsill tal-Ewropa dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem rigward l-ambjent, li jidentifikaw l-isfidi mqajma mill-kriżi planetarja tripla tat-tniġġis, tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità għad-drittijiet tal-bniedem, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ risponsi komuni marbuta magħhom;
Filwaqt li jfakkru fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ETS Nru 5, 1950) u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa (ETS Nru 104, 1979) u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Pajsaġġ (ETS Nru 176, 2000);
Wara li kkunsidraw il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni (ETS Nru 24, 1957) u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali (ETS Nru 30, 1959) u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali (ETS Nru 70, 1970), il-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Trasferiment ta’ Proċedimenti f’Materji Kriminali (ETS Nru 73, 1972), il-Konvenzjoni tal-Liġi Kriminali dwar il-Korruzzjoni (ETS Nru 173, 1999), il-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità (ETS Nru 185, 2001) u l-Protokolli tagħha u l-Konvenzjoni dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (STKE Nru 198, 2005);
Wara li kkunsidraw il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS Nru 108, 1981) u l-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali (STKE Nru 223, 2018);
Filwaqt li jfakkru fir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa: ir-Rakkomandazzjoni Nru R (88) 18 dwar ir-responsabbiltà ta’ intrapriżi li għandhom personalità ġuridika għal reati mwettqa fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, ir-Rakkomandazzjoni Nru R (96) 8 dwar il-politika tal-kriminalità fl-Ewropa fi żmien ta’ bidla, ir-Rakkomandazzjoni Rec(2001)11 dwar il-prinċipji ta’ gwida dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2014)7 dwar il-protezzjoni tal-informaturi, ir-Rakkomandazzjoni
CM/Rec(2022)9
dwar il-protezzjoni tax-xhieda u l-kollaboraturi tal-ġustizzja u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2022)20 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent;
Filwaqt li jfakkru fir-Riżoluzzjoni (77) 28 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kontribut tal-liġi kriminali għall-ħarsien tal-ambjent;
Filwaqt li jfakkru fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fir-Riżoluzzjoni 2398 (2021) u fir-Rakkomandazzjoni 2213 (2021) “L-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ responsabbiltà kriminali u ċivili fil-kuntest tat-tibdil fil-klima”, fir-Riżoluzzjoni 2477 (2023) u fir-Rakkomandazzjoni 2246 (2023) “L-impatt ambjentali ta’ kunflitti armati” u r-Rakkomandazzjoni 2272 (2024) “L-integrazzjoni tad-dritt tal-bniedem għal ambjent sikur, nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli bil-proċess ta’ Reykjavik” li jitolbu għar-rikonoxximent ta’ ekoċidju, li diġà huwa kopert mil-liġi ta’ ċerti Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u li qed jiġi diskuss fil-livell internazzjonali;
Filwaqt li jqisu l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tistabbilixxi standards importanti rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent;
Filwaqt li jqisu d-Direttiva (UE) 2024/1203 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-Liġi Kriminali u li tissostitwixxi d-Direttivi 2008/99/KE u 2009/123/KE;
Filwaqt li jqisu l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1992) u l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (1998);
Filwaqt li jqisu l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali (2000) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (2003);
Filwaqt li jqisu l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES, Convention on International Trade in Endangered Species of Wild Fauna and Flora) (1973) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika (1992);
Filwaqt li jqisu l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL, International Convention for the Prevention of Pollution from Ships (1973)) u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni SOLAS, 1974), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS, United Nations Convention on the Law of the Sea (1982)), il-Konvenzjoni fuq il-Protezzjoni u l-Użu ta’ Passaġġi tal-Ilma Transkonfinali u Għadajjar Internazzjonali (1992) u l-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Hong Kong dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti li jkun Sikur u li Jħares l-Ambjent (2009);
Filwaqt li jqisu l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-emenda tagħha (1979), il-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira (1979), il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1987), il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu (1989), il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali (1991), il-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari (1994), il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sigurtà tal-Immaniġġar ta’ Kombustibbli Eżawrit u dwar is-Sigurtà tal-Immaniġġar ta’ Skart Radjuattiv (1997), il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2001) u l-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (2013);
Filwaqt li jfakkru fil-prinċipji tad-Dikjarazzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent Uman (1972) u tad-Dikjarazzjoni ta’ Rio tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (1992);
Filwaqt li jfakkru fil-Ftehim ta’ Pariġi, adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21) fit-12 ta’ Diċembru 2015 u miftuħ għall-iffirmar fit-22 ta’ April 2016, il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, adottat fil-COP 26, l-eżitu tal-ewwel rendikont globali adottat fil-COP 28 u l-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal, adottat mill-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tan-Nazzjonijiet Uniti fit-18 ta’ Diċembru 2022;
Filwaqt li jfakkru fir-riżoluzzjonijiet li ġejjin mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti: A/RES/75/196 tas-16 ta’ Diċembru 2020, bit-titolu “It-tisħiħ tal-programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, b’mod partikolari l-kapaċità ta’ kooperazzjoni teknika tiegħu”; A/RES/76/185 tas-16 ta’ Diċembru 2021, bit-titolu “Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati li jaffettwaw l-ambjent”; A/RES/76/300 tat-28 ta’ Lulju 2022, bit-titolu “Id-dritt tal-bniedem għal ambjent nadif, b’saħħtu u sostenibbli”; u A/RES/77/325 tal-25 ta’ Awwissu 2023, bit-titolu “Il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ organiżmi selvaġġi”;
Filwaqt li jfakkru fir-riżoluzzjonijiet li ġejjin tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti: ir-Riżoluzzjoni 2013/40 tal-25 ta’ Lulju 2013 “Il-prevenzjoni tal-kriminalità u r-rispons tal-ġustizzja kriminali għat-traffikar illeċitu ta’ speċijiet protetti ta’ fawna u flora selvaġġi”, ir-Riżoluzzjoni 2008/25 tal-24 ta’ Lulju 2008 “Kooperazzjoni internazzjonali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar internazzjonali illeċitu ta’ prodotti tal-foresti, inkluż injam, organiżmi selvaġġi u riżorsi bijoloġiċi tal-foresti oħrajn” u r-Riżoluzzjoni 1996/10 tat-23 ta’ Lulju 1996 “Ir-rwol tal-liġi kriminali fil-ħarsien tal-ambjent”;
Filwaqt li jfakkru fid-Dikjarazzjoni ta’ Kjoto dwar l-Avvanz tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità, tal-Ġustizzja Kriminali u tal-Istat tad-Dritt: Lejn il-Ksib tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Erbatax-il Kungress tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali, li sar fi Kjoto, fil-Ġappun, mis-7 sat-12 ta’ Marzu 2021;
Filwaqt li jfakkru fir-riżoluzzjonijiet li ġejjin mill-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali: ir-Riżoluzzjoni 11/3 ta’ Ottubru 2022 bit-titolu “Eżiti tad-diskussjoni tematika konġunta tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti tal-Gvern dwar l-Assistenza Teknika u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati tranżnazzjonali organizzati li jaffettwaw l-ambjent”, ir-Riżoluzzjoni 31/1 ta’ Mejju 2022 tal-Kummissjoni tal-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali bit-titolu “It-tisħiħ tal-qafas legali internazzjonali għall-kooperazzjoni internazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi” kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 10/6 ta’ Ottubru 2020 bit-titolu “Il-Prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati li jaffettwaw l-ambjent li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali” u;
Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol u r-responsabbiltà primarji tal-Istati fid-definizzjoni tal-politiki u l-istrateġiji tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali;
Filwaqt li jqisu r-riċerka eżistenti dwar il-kost tal-kriminalità ambjentali;
Filwaqt li jirrikonoxxu li l-attivitajiet tal-kriminalità ambjentali organizzata jfixklu u jimminaw l-isforzi mwettqa mill-Istati biex jipproteġu l-ambjent, jippromwovu l-istat tad-dritt u jiksbu żvilupp sostenibbli;
Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kriminalità ambjentali għandha impatt negattiv fuq l-ekonomiji, is-saħħa pubblika, is-sikurezza tal-bniedem, is-sigurtà tal-ikel, l-għajxien u l-ħabitats;
Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol fundamentali ta’ kooperazzjoni internazzjonali effettiva fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali u, għal dan il-għan, jirrikonoxxu l-importanza li jindirizzaw u jittrattaw l-isfidi u l-ostakli internazzjonali li jxekklu tali kooperazzjoni u li jkun hemm rispons b’mod effettiv għalihom;
Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll il-kontributi importanti ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, inkluż is-settur privat, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-media, l-akkademja u l-komunità xjentifika, fil-prevenzjoni tal-kriminalità ambjentali u l-ġlieda kontriha;
Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li, fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, is-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ambjentali, għandha rwol importanti fil-kontribut biex tqajjem sensibilizzazzjoni pubblika dwar kwistjonijiet ambjentali u fil-qasam tal-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ reati kriminali ambjentali;
Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tad-diliġenza dovuta minn persuni ġuridiċi biex jiżguraw il-ħarsien tal-ambjent u jipprevjenu r-reati ambjentali;
Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kriminalità ambjentali għandha dejjem aktar effetti ekstraterritorjali u tieħu l-forma ta’ traffikar internazzjonali, li, flimkien mal-aċċellerazzjoni tal-fenomeni ta’ degradazzjoni (it-tibdil fil-klima, l-erożjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis tar-riżorsi naturali, il-qerda tal-ħabitats, eċċ.), tqanqal il-ħtieġa ta’ standards minimi ġenerali fil-liġi kriminali bħala parti minn qafas internazzjonali komuni u kollaborattiv;
Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kriminalità ambjentali tista’ tieħu ħafna forom, li l-liġi teħtieġ li tidentifika, tiddefinixxi u tikkriminalizza b’mod ċar, effettiv u proporzjonat, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tal-legalità;
Filwaqt li jirrikonoxxu li xi kondotta intenzjonata koperta minn din il-Konvenzjoni tista’ tikkawża ħsara partikolarment serja lill-ambjent u li dan għandu jiġi rikonoxxut bħala reat partikolarment serju,
Ftiehmu kif ġej:
Kapitolu I – Għanijiet, kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u nondiskriminazzjoni
Artikolu 1 – Għanijiet tal-Konvenzjoni
1.L-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni huma li:
(a)tipprevjeni u tiġġieled b’mod effettiv il-kriminalità ambjentali;
(b)tippromwovi u ttejjeb il-kooperazzjoni nazzjonali u internazzjonali kontra l-kriminalità ambjentali;
(c)tistabbilixxi regoli minimi biex jiggwidaw lill-Istati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
u b’hekk tippromwovi u ttejjeb il-ħarsien tal-ambjent.
2.Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tagħha mill-Partijiet, din il-Konvenzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ speċifiku.
Artikolu 2 – Kamp ta’ Applikazzjoni tal-Konvenzjoni
1.Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sanzjonar ta’ reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
2.Din il-Konvenzjoni għandha tapplika fi żminijiet ta’ paċi u f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat, żmien ta’ gwerra jew okkupazzjoni.
Artikolu 3 – Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni:
(a)it-terminu “illegali” għandu jfisser ksur ta’ liġi domestika, ta’ regolament, ta’ dispożizzjoni amministrattiva jew ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti bil-għan li tipproteġi l-ambjent. Il-kondotta għandha tkun illegali anki jekk titwettaq taħt l-awtorizzazzjoni minn awtorità kompetenti ta’ Parti meta l-awtorizzazzjoni tkun inkisbet b’mod frodulenti, jew bil-korruzzjoni, l-estorsjoni jew il-koerċizzjoni;
(b)it-terminu “ilma” għandu jfisser il-kategoriji kollha tal-ilma tal-wiċċ, inklużi x-xmajjar, il-lagi, l-ilmijiet tranżizzjonali, l-ilmijiet kostali, il-korpi kollha tal-ilma ta’ taħt l-art u l-ilmijiet marini kollha, inklużi l-oċeani u l-ibħra;
(c)it-terminu “ekosistema” għandu jfisser kumpless dinamiku ta’ komunitajiet ta’ pjanti, fungi, annimali u mikroorganiżmi u l-ambjent mhux ħaj tagħhom li jinteraġixxu bħala unità funzjonali. Dan jinkludi t-tipi ta’ ħabitats, il-ħabitats tal-ispeċijiet u l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet;
(d)it-terminu “skart” għandu jfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi, ikollu l-ħsieb li jarmi jew li jkun meħtieġ li jarmi.
Artikolu 4 – Prinċipju tan-nondiskriminazzjoni
L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni mill-Partijiet għandha tkun żgurata mingħajr diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi bħas-sess, ir-razza, il-kulur, il-lingwa, l-età, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, l-assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat tas-saħħa, id-diżabbiltà jew status ieħor.
Kapitolu II – Politiki integrati u ġbir tad-data
Artikolu 5 – Politiki komprensivi u koordinati
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħrajn meħtieġa biex jadottaw u jimplimentaw politiki effettivi, komprensivi u koordinati li jinkludu miżuri xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-twettiq ta’ kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħrajn meħtieġa biex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livelli strateġiċi u operazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha tagħhom involuti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni. Tali mekkaniżmi għandu jkollhom l-għan li:
(a)jiżguraw fehim komuni tar-relazzjoni bejn l-infurzar kriminali u amministrattiv, kif ukoll l-adozzjoni ta’ prijoritajiet u prattiki komuni;
(b)jiskambjaw informazzjoni għal finijiet strateġiċi u operazzjonali fil-limiti tal-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; kif ukoll
(c)l-iskambju tal-aħjar prattiki.
3.Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jaħtru jew jistabbilixxu korp uffiċjali wieħed jew aktar responsabbli għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ politiki u miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-twettiq ta’ kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, filwaqt li jqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali, is-sistemi legali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.
4.Il-miżuri meħuda skont dan l-artikolu għandhom jinvolvu lill-atturi rilevanti kollha, bħal aġenziji tal-gvern, parlamenti u awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi l-ġudikatura, il-prosekuturi pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u, meta xieraq, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet u entitajiet rilevanti oħrajn.
5.Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jassenjaw unitajiet ta’ investigazzjoni speċjalizzati, prosekuturi u mħallfin biex jaħdmu fuq il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, filwaqt li jqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali, is-sistemi legali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom; u b’rispett xieraq għar-regoli li jirregolaw l-istatus u l-funzjonijiet tal-professjonisti legali.
Artikolu 6 – Strateġija nazzjonali
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħrajn meħtieġa biex jistabbilixxu u jippubblikaw strateġija nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, li tindirizza:
(a)l-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika nazzjonali f’dan il-qasam;
(b)ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti;
(c)ir-riżorsi meħtieġa u kif se tiġi appoġġata l-ispeċjalizzazzjoni tal-professjonisti tal-infurzar;
(d)l-arranġamenti għal evalwazzjoni regolari ta’ jekk l-objettivi ta’ tali strateġija nazzjonali humiex qed jintlaħqu; kif ukoll
(e)l-assistenza ta’ networks internazzjonali li jittrattaw materji direttament rilevanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u l-ksur relatat.
Artikolu 7 – Riżorsi
Il-Partijiet għandhom jallokaw riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-twettiq ta’ kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 8 – Taħriġ tal-professjonisti
1.Il-Partijiet għandhom jipprovdu taħriġ multidixxiplinari, tekniku u legali xieraq u regolari għall-professjonisti rilevanti li jittrattaw il-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, b’rispett xieraq għar-regoli li jirregolaw l-istatus u l-funzjonijiet tal-professjonisti legali.
2.Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-inklużjoni ta’ tagħlim dwar il-kooperazzjoni koordinata bejn diversi aġenziji fit-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, biex jippermettu t-trattament komprensiv u xieraq tar-referenzi f’każijiet li jikkonċernaw reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 9 – Ġbir tad-data u riċerka
1.Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li:
(a)jiġbru data statistika rilevanti f’intervalli regolari dwar każijiet li jikkonċernaw reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; kif ukoll
(b)jippromwovu r-riċerka fil-qasam tal-kriminalità ambjentali, sabiex jistudjaw l-għeruq tal-kawżi u l-effetti, ir-rati ta’ inċidenzi u ta’ kundanna, kif ukoll l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex tiġi implimentata din il-Konvenzjoni.
2.Il-Partijiet għandhom jipprovdu lill-Kumitat tal-Partijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 46 ta’ din il-Konvenzjoni, l-informazzjoni miġbura skont dan l-artikolu.
3.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħrajn meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni miġbura skont dan l-artikolu tkun disponibbli għall-pubbliku.
Kapitolu III – Prevenzjoni
Artikolu 10 – Obbligi ġenerali
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri oħrajn meħtieġa għall-prevenzjoni tat-twettiq ta’ kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, meta xieraq f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Artikolu 11 – Sensibilizzazzjoni
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippromwovu jew jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali, meta xieraq, f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw it-tixrid wiesa’ fost il-pubbliku ġenerali ta’ informazzjoni dwar miżuri disponibbli għall-prevenzjoni ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
Kapitolu IV – Liġi kriminali sostantiva
Taqsima 1 – Tniġġis, prodotti u sustanzi
Artikolu 12 – Reati relatati ma’ tniġġis illegali
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, l-iskariku, l-emissjoni jew l-introduzzjoni ta’ kwantità ta’ materjali jew sustanzi, ta’ enerġija jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma, li tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
Artikolu 13 – Reati relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bi ksur tar-rekwiżiti ambjentali
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, it-tqegħid fis-suq, bi ksur ta’ projbizzjoni jew rekwiżit ieħor li għandu l-għan li jipproteġi l-ambjent, ta’ prodott, li l-użu tiegħu jirriżulta fir-rimi, fl-emissjoni jew fl-introduzzjoni ta’ kwantità ta’ materjali jew ta’ sustanzi, ta’ enerġija jew radjazzjoni jonizzanti fl-arja, fil-ħamrija jew fl-ilma, li tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, tal-ilma jew tal-ħamrija, jew lill-annimali jew lill-pjanti b’riżultat tal-użu tal-prodott fuq skala akbar, jiġifieri l-użu tal-prodott minn diversi utenti, irrispettivament mill-għadd tagħhom.
Artikolu 14 – Reati relatati ma’ sustanzi kimiċi
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-manifattura, l-introduzzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ sustanzi kimiċi regolati, kemm jekk waħedhom, f’taħlitiet kif ukoll f’oġġetti, inkluża l-inkorporazzjoni tagħhom f’oġġetti, meta tali kondotta tkun ipprojbita skont il-liġi domestika mmirata lejn il-ħarsien tal-ambjent u li tikkawża jew x’aktarx tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
2.Il-Partijiet jistgħu jidentifikaw id-dispożizzjonijiet domestiċi li jiddeċiedu li jagħmlu soġġetti għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jinnotifikawhom lis-Segretarjat.
Artikolu 15 – Reati relatati ma’ materjal jew sustanzi radjuattivi
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-manifattura, il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-maniġġ, l-użu, iż-żamma, il-ħżin, it-trasport, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew ir-rimi ta’ materjal jew sustanzi radjuattivi, meta tali kondotta tikkawża jew x’aktarx li tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
Artikolu 16 – Reati relatati mal-merkurju
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-manifattura, l-użu, il-ħżin, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkurju, tal-komposti tal-merkurju u tat-taħlitiet tal-merkurju u ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju, meta tali kondotta tikkawża jew x’aktarx li tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
Artikolu 17 – Reati relatati ma’ sustanzi li jnaqqsu l-ożonu
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-użu jew ir-rilaxx ta’ sustanzi li jnaqqsu l-ożonu, jew il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti u tagħmir li fih jew li jiddependu minn tali sustanzi.
Artikolu 18 – Reati relatati ma’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, l-użu jew ir-rilaxx ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, jew it-tqegħid fis-suq jew l-importazzjoni ta’ prodotti u tagħmir li fihom jew li jiddependu minn tali gassijiet.
Taqsima 2 – Skart
Artikolu 19 – Reati relatati mal-ġbir, it-trattament, it-trasport, l-irkupru, ir-rimi jew il-vjeġġ ta’ skart illegali
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-ġbir, it-trattament, it-trasport, l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart, is-superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u l-kura ta’ wara tas-siti tar-rimi, inkluża l-azzjoni meħuda bħala negozjant jew sensar (ġestjoni tal-iskart), meta tali kondotta:
(a)tikkonċerna skart perikoluż kif iddefinit f’konformità mal-liġi domestika u meta tinvolvi kwantità mhux negliġibbli; jew
(b)tikkonċerna skart ieħor li mhux dak imsemmi fil-paragrafu 1.a ta’ dan l-artikolu u jikkawża jew x’aktarx jikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, il-vjeġġ transkonfinali tal-iskart meta tali vjeġġ jitwettaq fi kwantità mhux negliġibbli, kemm jekk jitwettaq fi vjeġġ wieħed kif ukoll f’diversi vjeġġi li jidhru li huma relatati.
Taqsima 3 – Installazzjonijiet
Artikolu 20 – Reati relatati mal-operazzjoni illegali jew mal-għeluq ta’ installazzjoni li fiha titwettaq attività perikoluża
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, l-operazzjoni jew l-għeluq ta’ installazzjoni li fiha titwettaq attività perikoluża, meta tali kondotta tikkawża jew x’aktarx li tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
2.Il-Partijiet jistgħu jidentifikaw id-dispożizzjonijiet domestiċi li jiddeċiedu li jagħmlu soġġetti għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jinnotifikawhom lis-Segretarjat.
Artikolu 21 – Reati relatati mal-operazzjoni illegali jew l-għeluq ta’ installazzjoni li tinvolvi sustanzi perikolużi
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, l-operazzjoni jew l-għeluq ta’ installazzjoni li fiha jinħażnu jew jintużaw sustanzi jew taħlitiet perikolużi, meta tali kondotta tikkawża jew x’aktarx li tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
2.Il-Partijiet jistgħu jidentifikaw id-dispożizzjonijiet domestiċi li jiddeċiedu li jagħmlu soġġetti għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jinnotifikawhom lis-Segretarjat.
Taqsima 4 – Bastimenti
Artikolu 22 – Reati relatati mar-riċiklaġġ illegali ta’ bastimenti
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, in-nuqqas tas-sid ta’ bastiment li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli li jimponu r-riċiklaġġ ta’ bastiment f’faċilitajiet ta’ riċiklaġġ tal-bastimenti li jissodisfaw l-istandards ambjentali meħtieġa.
Artikolu 23 – Reati relatati mar-rimi ta’ sustanzi niġġiesa minn sorsi ta’ bastimenti
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, l-iskariku ta’ sustanzi niġġiesa mill-bastimenti, meta tali kondotta tikkawża jew x’aktarx li tikkawża deterjorament fil-kwalità tal-ilma jew ħsara lill-ambjent tal-baħar.
Taqsima 5 – Riżorsi naturali
Artikolu 24 – Reati relatati mal-estrazzjoni illegali tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, l-estrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art li tikkawża jew li x’aktarx tikkawża ħsara sostanzjali lill-istat ekoloġiku jew lill-potenzjal tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jew lill-istat kwantitattiv tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art.
Artikolu 25 – Reati relatati mal-kummerċ ta’ injam maħsud b’mod illegali
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, l-introduzzjoni fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali, jew ta’ prodotti derivati minn tali injam, ħlief meta l-kondotta tikkonċerna kwantità negliġibbli.
Artikolu 26 – Reati relatati ma’ estrazzjoni illegali
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, attivitajiet ta’ estrazzjoni li jirrikjedu valutazzjoni tal-impatt ambjentali jew proċedura ambjentali ekwivalenti skont il-liġi domestika, meta jitwettqu mingħajr kunsens għall-iżvilupp legalment meħtieġ li jikkonċerna aspetti ambjentali stabbiliti skont il-liġi domestika u meta jikkawżaw jew x’aktarx jikkawżaw mewt jew korriment serju lil kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
2.Il-Partijiet jistgħu jidentifikaw dispożizzjonijiet domestiċi li jiddeċiedu li jagħmlu soġġett għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jinnotifikawhom lis-Segretarjat.
Taqsima 6 – Bijodiversità
Artikolu 27 – Reati relatati mal-qtil, il-qerda, it-teħid u l-pussess illegali ta’ fawna jew flora selvaġġa protetta
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, il-qtil, il-qerda, it-teħid jew il-pussess ta’ eżemplar jew eżemplari ta’ speċijiet ta’ fawna jew ta’ flora selvaġġa protetta, inkluż it-teħid jew il-pussess ta’ partijiet jew derivattivi ta’ eżemplari, ħlief meta l-kondotta tikkonċerna kwantità negliġibbli ta’ tali eżemplari, filwaqt li jqisu, meta rilevanti, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet.
Artikolu 28 – Reati relatati mal-kummerċ illegali ta’ fawna jew ta’ flora selvaġġa protetta
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, il-bejgħ jew l-offerta għall-bejgħ ta’ eżemplari ta’ speċijiet ta’ fawna jew ta’ flora selvaġġa protetta, jew partijiet jew derivattivi tagħhom, ħlief għal każijiet meta l-kondotta tikkonċerna kwantità negliġibbli ta’ tali eżemplari, filwaqt li jqisu, meta rilevanti, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettaq illegalment u intenzjonalment, il-kummerċ transfruntier ta’ eżemplari ta’ speċijiet ta’ fawna jew ta’ flora selvaġġa protetta, jew partijiet jew derivattivi tagħhom, ħlief għal każijiet meta l-kondotta tikkonċerna kwantità negliġibbli ta’ tali eżemplari, filwaqt li jqisu, meta rilevanti, l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet.
Artikolu 29 – Reati relatati mad-deterjorament illegali tal-ħabitats f’sit protett
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, atti li jikkaġunaw id-deterjorament ta’ ħabitat f’sit protett jew id-disturb ta’ speċijiet ta’ annimali protetti f’sit protett, kif iddefinit skont il-liġi domestika, meta jkun sinifikanti dan id-deterjorament jew id-disturb.
2.Il-Partijiet jistgħu jidentifikaw ħabitats f’sit protett u speċijiet ta’ annimali protetti li jiddeċiedu li jagħmlu soġġett għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u jinnotifikawhom lis-Segretarjat.
Artikolu 30 – Reati relatati ma’ speċijiet aljeni invażivi
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali skont il-liġi domestika tagħhom, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, id-dħul fit-territorju nazzjonali, l-introduzzjoni fis-suq, iż-żamma, it-tnissil, it-trasport, l-użu, l-iskambju, il-permessi għar-riproduzzjoni, it-tkabbir jew il-kultivazzjoni, ir-rilaxx fl-ambjent jew it-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma ddefiniti fil-liġi domestika bħala speċijiet ta’ tħassib għall-ambjent, meta tali kondotta tikkawża jew x’aktarx li tikkawża l-mewt jew il-korriment serju ta’ kwalunkwe persuna jew ħsara sostanzjali lill-kwalità tal-arja, lill-kwalità tal-ħamrija jew lill-kwalità tal-ilma, jew lill-annimali jew lill-pjanti.
Taqsima 7 – Reat partikolarment serju
Artikolu 31 – Reat partikolarment serju
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat partikolarment serju kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, meta mwettaq intenzjonalment, u meta tali reat jikkawża qerda jew jikkawża ħsara irriversibbli, mifruxa u sostanzjali, jew jikkawża ħsara mifruxa, sostanzjali u fit-tul għal ekosistema ta’ daqs konsiderevoli jew ta’ valur ambjentali, jew għal ħabitat f’sit protett, jew għall-kwalità tal-arja, tal-ħamrija jew tal-ilma.
Taqsima 8 – Dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi kriminali
Artikolu 32 – Inċitament, għajnuna u assistenza, u tentattiv
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, l-inċitament jew l-għajnuna u l-assistenza għat-twettiq tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reati, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, it-tentattivi għat-twettiq tar-reati stabbiliti f’konformità mal-Artikoli 12 sa 21, 23 sa 25, 28, il-paragrafu 2, u 30 ta’ din il-Konvenzjoni.
3.Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reati, meta mwettqa illegalment u intenzjonalment, it-tentattivi għat-twettiq ta’ reati stabbiliti f’konformità mal-Artikoli 27 u 28, il-paragrafu 1, ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 33 – Ġuriżdizzjoni
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, meta r-reat ikun twettaq:
(a)fit-territorju tagħhom;
(b)abbord bastiment li jtajjar il-bandiera tagħhom;
(c)abbord inġenju tal-ajru rreġistrat skont il-liġijiet tagħhom; jew
(d)minn wieħed min-nazzjonali tagħhom.
2.Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, meta r-reat ikun twettaq kontra wieħed min-nazzjonali tagħhom.
3.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni fuq kwalunkwe reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, meta l-allegati awturi tar-reat ikunu preżenti fit-territorju tagħhom u ma jkunux jistgħu jiġu estraditi lejn Stat ieħor, unikament fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom.
4.Meta aktar minn Parti waħda issostni li għandha ġuriżdizzjoni fuq allegat reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, il-Partijiet ikkonċernati għandhom, meta xieraq, jikkonsultaw lil xulxin bil-ħsieb li jiddeterminaw l-aktar ġuriżdizzjoni xierqa għall-prosekuzzjoni.
5.Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali, din il-Konvenzjoni ma għandha teskludi l-ebda ġuriżdizzjoni kriminali eżerċitata minn Parti f’konformità mal-liġi domestika tagħha.
Artikolu 34 – Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, meta mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna fiżika, li jew taġixxi individwalment inkella bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:
(a)setgħat ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;
(b)awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew
(c)awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.
2.Minbarra l-każijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn persuna fiżika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jkun ippermetta t-twettiq ta’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika minn persuna fiżika li taġixxi taħt l-awtorità tagħha.
3.Soġġett għall-prinċipji ġuridiċi tal-Parti, ir-responsabbiltà ta’ persuna ġuridika tista’ tkun kriminali, ċivili jew amministrattiva.
4.Tali responsabbiltà għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà kriminali ta’ persuna fiżika li tkun wettqet ir-reat.
Artikolu 35 – Sanzjonijiet u miżuri
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li r-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, meta mwettqa minn persuni fiżiċi, ikunu punibbli b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jqisu s-serjetà tar-reat. Is-sanzjonijiet disponibbli għandhom jinkludu priġunerija u jistgħu jinkludu wkoll sanzjonijiet monetarji.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli f’konformità mal-Artikolu 34 ikunu soġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu sanzjonijiet monetarji kriminali jew mhux kriminali, u jistgħu jinkludu miżuri oħrajn, bħal:
(a)l-iskwalifika mill-eżerċitar ta’ attività kummerċjali;
(b)l-esklużjoni mill-intitolament għall-benefiċċji pubbliċi jew l-għajnuna;
(c)l-esklużjoni mill-aċċess għall-finanzjament pubbliku, inklużi l-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ta’ kuntratt, l-għotjiet u l-konċessjonijiet, u l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet;
(d)it-tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;
(e)ordni ġudizzjarja ta’ stralċ;
(f)is-sospensjoni, l-irtirar jew il-kanċellazzjoni ta’ permessi jew awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet li jkunu rriżultaw fir-reat kriminali rilevanti;
(g)meta jkun hemm interess pubbliku, il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja sħiħa relatata ma’ reat ambjentali, jew ta’ parti minnha, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privatezza jew il-protezzjoni tad-data; jew
(h)obbligu biex jiġu stabbiliti skemi ta’ diliġenza dovuta għat-titjib tal-konformità ma’ standards ambjentali.
3.Il-Partijiet għandhom jadottaw, sa fejn ikun possibbli fis-sistemi legali domestiċi tagħhom, tali miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jippermettu l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska ta’:
(a)mezzi strumentali, jiġifieri kwalunkwe proprjetà użata jew maħsuba biex tintuża, fi kwalunkwe mod, bis-sħiħ jew parzjalment, biex jitwettaq reat kriminali jew biex jitwettqu reati kriminali stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; kif ukoll
(b)rikavati tal-kriminalità derivati minn reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, jew proprjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi għal tali rikavati.
4.Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa, f’konformità mal-liġi domestika tagħhom, biex jinkludu fost is-sanzjonijiet u l-miżuri applikabbli għal persuni fiżiċi u ġuridiċi ir-riabilitazzjoni tal-ambjent, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-awtorità kompetenti tista’ tordna r-riabilitazzjoni tal-ambjent fir-rigward ta’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet; kif ukoll
(b)l-awtorità kompetenti tista’ tagħmel ordni għar-riabilitazzjoni tal-ambjent li ma tkunx ġiet osservata b’mod eżegwibbli għad-detriment tal-persuna soġġetta għall-ordni jew dik il-persuna tista’ tkun soġġetta għal sanzjonijiet kriminali jew mhux kriminali oħrajn minflokha jew flimkien magħha.
Artikolu 36 - Ċirkostanzi aggravanti
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li ċirkostanza waħda jew diversi minn dawn li ġejjin, sa fejn ma jiffurmawx diġà parti mill-elementi kostitwenti tar-reat, jistgħu, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi domestika, jiġu kkunsidrati bħala ċirkostanzi aggravanti fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet fir-rigward tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, jiġifieri li:
(a)ir-reat ikkawża ħsara severa u mifruxa, jew severa u fit-tul, jew severa u irriversibbli għal ekosistema;
(b)ir-reat ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali;
(c)ir-reat kien jinvolvi l-użu ta’ dokumenti foloz jew falsifikati mill-awtur tar-reat;
(d)ir-reat ikun twettaq minn uffiċjal pubbliku jew uffiċjali pubbliċi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom;
(e)l-awtur kien ġie kkundannat qabel b’mod definittiv għar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; jew
(f)ir-reat ikun iġġenera, jew kien mistenni li jiġġenera, benefiċċji finanzjarji sostanzjali, jew li jevita spejjeż sostanzjali, direttament jew indirettament, sal-punt li dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati.
2.Iċ-ċirkostanza aggravanti msemmija fil-paragrafu 1.a ta’ dan l-artikolu ma għandhiex tapplika għar-reat imsemmi fl-Artikolu 31 ta’ din il-Konvenzjoni.
Artikolu 37 – Sentenzi preċedenti li ngħataw minn Parti oħra
Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jipprevedu l-possibbiltà li jitqiesu s-sentenzi finali minn Parti oħra fir-rigward ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni meta jiġu ddeterminati s-sanzjonijiet.
Kapitolu V – Investigazzjoni, prosekuzzjoni u liġi proċedurali
Artikolu 38 – Bidu u kontinwazzjoni tal-proċedimenti
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar, jew il-prosekuzzjoni ta’, reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni ma jkunux subordinati għal ilment u li l-proċedimenti jistgħu jkomplu anki jekk jiġi rtirat l-ilment.
Artikolu 39 – Dritt ta’ parteċipazzjoni fi proċedimenti
Il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa, f’konformità mal-liġi domestika tagħhom, biex jagħtu lil persuni li għandhom interess suffiċjenti jew li jallegaw ksur ta’ dritt, kif ukoll lil organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali, id-dritt li jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali li jikkonċernaw reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, sa fejn dawn id-drittijiet proċedurali għal tali persuni u organizzazzjonijiet jeżistu fis-sistemi legali domestiċi tal-Partijiet fi proċedimenti għal reati kriminali oħrajn, pereżempju bħala parti ċivili.
Kapitolu VI – Kooperazzjoni internazzjonali
Artikolu 40 – Kooperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali
1.Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ma’ xulxin, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, u permezz tal-applikazzjoni ta’ strumenti internazzjonali u reġjonali rilevanti dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali u l-arranġamenti maqbula fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni uniformi jew reċiproka u liġijiet interni, sa fejn huwa l-aktar possibbli, għall-finijiet ta’:
(a)il-prevenzjoni, il-ġlieda kontra u l-prosekuzzjoni ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, inklużi l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska;
(b)il-protezzjoni u l-għoti ta’ assistenza lix-xhieda u lill-persuni li jirrapportaw ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u li jikkooperaw mal-ġustizzja;
(c)l-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti li jikkonċernaw ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni; kif ukoll
(d)l-infurzar tas-sentenzi kriminali rilevanti maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Partijiet.
2.Jekk Parti, li tagħmel l-estradizzjoni jew l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali kundizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat, tirċievi talba għall-estradizzjoni jew għall-assistenza legali f’materji kriminali minn Parti li magħha ma jkollha l-ebda tali trattat, tista’, filwaqt li taġixxi f’konformità sħiħa mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali u soġġetta għall-kundizzjonijiet previsti mil-liġi domestika tal-Parti rikjesta, tikkunsidra din il-Konvenzjoni bħala l-bażi legali għall-estradizzjoni jew għall-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali fir-rigward tar-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u tista’ tapplika, mutatis mutandis, l-Artikoli 16 u 18 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali għal dan il-għan.
Artikolu 41 – Informazzjoni
1.Parti tista’, fil-limiti tal-liġi interna tagħha, mingħajr talba minn qabel, tibgħat lil Parti oħra informazzjoni miksuba fil-qafas tal-investigazzjonijiet tagħha stess meta tqis li d-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ tassisti lill-Parti destinatarja fil-prevenzjoni ta’ reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni jew fil-bidu jew fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet jew proċedimenti li jikkonċernaw tali reati, jew li din id-divulgazzjoni tista’ twassal għal talba għal kooperazzjoni minn dik il-Parti skont l-Artikolu 40 ta’ din il-Konvenzjoni.
2.Parti li tirċievi kwalunkwe informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandha tippreżenta tali informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tagħha sabiex ikunu jistgħu jinbdew proċedimenti jekk jitqiesu li huma xierqa, jew li tkun tista’ titqies din l-informazzjoni fil-proċedimenti ċivili u kriminali rilevanti.
3.Il-Parti provvedenti tista’, skont il-liġi nazzjonali tagħha, timponi kundizzjonijiet fuq l-użu ta’ tali informazzjoni mill-Parti destinatarja. Il-Parti destinatarja għandha tkun marbuta b’dawk il-kundizzjonijiet.
Artikolu 42 – Protezzjoni tad-data
Kwalunkwe trasferiment ta’ data personali minn Parti f’konformità mal-Artikoli 40 u 41 ta’ din il-Konvenzjoni għandu jsir biss jekk ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli u fil-ftehimiet internazzjonali li jirregolaw il-protezzjoni tad-data personali.
Kapitolu VII – Miżuri għall-protezzjoni
Artikolu 43 – Il-pożizzjoni tal-vittmi f’investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tal-vittmi fl-istadji kollha tal-investigazzjonijiet u tal-proċedimenti kriminali, f’konformità mal-liġi domestika tagħhom, b’mod partikolari billi:
(a)jinformawhom bid-drittijiet tagħhom u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom u, fuq talba, is-segwitu li jkun sar għall-ilment tagħhom, l-akkużi mressqa u l-istat tal-proċedimenti kriminali sakemm f’każijiet eċċezzjonali t-trattament xieraq tal-każ jista’ jiġi affettwat b’mod negattiv minn tali notifika, u r-rwol tagħhom fih, kif ukoll l-eżitu tal-każijiet tagħhom;
(b)jagħtuhom il-possibilità, b’mod konsistenti mar-regoli proċedurali tal-liġi domestika, li jinstemgħu, li jagħtu x-xhieda tagħhom u li jagħżlu l-mezz li bih jippreżentaw il-fehmiet, il-ħtiġijiet u t-tħassib tagħhom, u li dawn jiġu meqjusa, direttament jew permezz ta’ intermedjarju;
(c)jipprovdulhom servizzi ta’ appoġġ xierqa biex id-drittijiet u l-interessi tagħhom jiġu ppreżentati u meqjusa kif xieraq; kif ukoll
(d)jiżguraw li jkunu disponibbli miżuri għall-protezzjoni tal-vittmi u tal-membri tal-familja tagħhom minn vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta, mill-intimidazzjoni u mir-ritaljazzjoni.
2.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess, mill-ewwel kuntatt tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti, għal informazzjoni dwar il-proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi rilevanti.
3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-vittmi jkollhom aċċess għal għajnuna legali, meta jkollhom l-istatus ta’ partijiet fil-proċedimenti kriminali. Il-kundizzjonijiet jew ir-regoli proċedurali li skonthom il-vittmi għandhom aċċess għall-għajnuna legali għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi domestika.
4.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi ta’ reat stabbilit f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni mwettaq fit-territorju ta’ Parti għajr dik fejn jirrisjedu jkunu jistgħu jressqu lment quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ residenza tagħhom jekk ma jkunux jistgħu jagħmlu dan fil-Parti fejn ikun twettaq ir-reat kriminali jew, fil-każ ta’ reat serju skont it-tifsira tal-liġi domestika ta’ dik il-Parti, meta ma jkunux jixtiequ jagħmlu dan.
5.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jipprovdu l-possibbiltà għall-membri ta’ gruppi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet governattivi jew mhux governattivi biex jassistu u/jew jappoġġaw lill-vittmi bil-kunsens tagħhom matul il-proċedimenti kriminali li jikkonċernaw ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni motivata għall-kuntrarju.
Artikolu 44 – Protezzjoni tax-xhieda
1.Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jipprovdu protezzjoni effettiva u xierqa kontra kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni jew intimidazzjoni potenzjali għax-xhieda fi proċedimenti kriminali li jikkonċernaw reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni u, kif xieraq, għall-qraba tagħhom u għal persuni oħrajn qrib tagħhom.
2.Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu japplika wkoll għall-vittmi sa fejn dawn ikunu xhieda.
Artikolu 45 – Protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw reati jew li jikkooperaw mal-ġustizzja
Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn meħtieġa biex jipprovdu protezzjoni effettiva u xierqa għal dawk li jirrapportaw ir-reati stabbiliti f’konformità ma’ din il-Konvenzjoni jew li jikkooperaw mod ieħor mal-awtoritajiet investigattivi jew tal-prosekuzzjoni.
Kapitolu VIII – Mekkaniżmu ta’ monitoraġġ
Artikolu 46 – Kumitat tal-Partijiet
1.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni.
2.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jitlaqqa’ mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-ewwel laqgħa tiegħu għandha tinżamm f’perjodu ta’ sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-għaxar Firmatarju li jkun irratifikaha. Sussegwentement għandu jiltaqa’ kull meta mill-inqas terz tal-Partijiet jew is-Segretarju Ġenerali jitlob dan.
3.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
4.Kwalunkwe Parti li ma tkunx membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Kumitat tal-Partijiet. Il-kontribuzzjoni ta’ Parti li ma tkunx membru tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jiġi stabbilit b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Ministri u minn dik il-Parti li ma tkunx membru.
Artikolu 47 – Rappreżentanti oħrajn
1.L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kumitat Ewropew għall-Problemi tal-Kriminalità (CDPC, European Committee on Crime Problems), kif ukoll kumitati intergovernattivi rilevanti oħrajn tal-Kunsill tal-Ewropa, għandhom jaħtru rappreżentant kull wieħed għall-Kumitat tal-Partijiet.
2.Il-Kumitat tal-Ministri jista’ jistieden lil korpi oħrajn tal-Kunsill tal-Ewropa biex jaħtar rappreżentant għall-Kumitat tal-Partijiet wara li jikkonsulta lil dan tal-aħħar.
3.Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, jistgħu jiġu ammessi bħala osservaturi fil-Kumitat tal-Partijiet skont il-proċedura stabbilita mir-regoli rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa.
4.Ir-rappreżentanti maħtura skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet mingħajr id-dritt tal-vot.
Artikolu 48 – Funzjonijiet tal-Kumitat tal-Partijiet
1.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Ir-regoli tal-proċedura tal-Kumitat tal-Partijiet għandhom jiddeterminaw il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.
2.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jiffaċilita l-ġbir, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prattika tajba bejn l-Istati biex itejjeb il-kapaċità tagħhom li jipproteġu l-ambjent permezz tal-liġi kriminali.
3.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu wkoll, meta xieraq:
(a)jiffaċilita l-użu u l-implimentazzjoni effettivi ta’ din il-Konvenzjoni, inkluża l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe problema u l-effetti ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni jew riżerva li ssir skont din il-Konvenzjoni; kif ukoll
(b)jesprimi opinjoni dwar kwalunkwe domanda li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi legali, teknoloġiċi jew ta’ politika sinifikanti.
4.Il-Kumitat tal-Partijiet għandu jkun assistit mis-Segretarjat tal-Kunsill tal-Ewropa fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu skont dan l-artikolu.
5.Is-CDPC għandu jinżamm informat perjodikament rigward l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu.
Kapitolu IX – Relazzjoni ma’ sorsi oħrajn tad-dritt internazzjonali
Artikolu 49 – Relazzjoni ma’ sorsi oħrajn tad-dritt internazzjonali
1.Din il-Konvenzjoni ma għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali konswetudinali u minn konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn li għalihom il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni huma Partijiet jew għandhom isiru Partijiet u li fihom dispożizzjonijiet dwar materji li huma rregolati minn din il-Konvenzjoni.
2.Il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma’ xulxin dwar il-materji ittrattati f’din il-Konvenzjoni, bl-għan li jissupplimentaw jew isaħħu d-dispożizzjonijiet tagħha jew li jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipji li tħaddan.
3.Xejn f’din il-Konvenzjoni ma għandu jaffettwa d-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Istati u tal-individwi skont id-dritt internazzjonali.
Kapitolu X – Emendi tal-Konvenzjoni
Artikolu 50 – Emendi tal-Konvenzjoni
1.Kwalunkwe proposta għal emenda ta’ din il-Konvenzjoni ppreżentata minn Parti għandha tiġi kkommunikata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, li jibgħatha lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lil kwalunkwe Firmatarju, lil kwalunkwe Parti, lill-Unjoni Ewropea, lil kwalunkwe Stat mistieden jiffirma din il-Konvenzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53, u lil kwalunkwe Stat mistieden jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54.
2.Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jikkunsidra l-emenda proposta u, wara li jkun ikkonsulta l-Partijiet għal din il-Konvenzjoni li ma jkunux membri tal-Kunsill tal-Ewropa, jista’ jadotta l-emenda bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa.
3.It-test ta’ kwalunkwe emenda adottata mill-Kumitat tal-Ministri f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandu jintbagħat lill-Partijiet għall-aċċettazzjoni.
4.Kwalunkwe emenda adottata f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ xahar mid-data li fiha l-Partijiet kollha jkunu informaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa bl-aċċettazzjoni tagħhom.
Kapitolu XI – Klawżoli finali
Artikolu 51 – Effetti ta’ din il-Konvenzjoni
1.Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni ma għandhomx jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika u ta’ strumenti internazzjonali vinkolanti li huma diġà fis-seħħ jew li jistgħu jidħlu fis-seħħ, li skonthom jingħataw jew jistgħu jingħataw drittijiet aktar favorevoli lil persuni fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali.
2.Il-Partijiet li huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom, fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, japplikaw ir-regoli tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw il-materji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa ta’ din il-Konvenzjoni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Partijiet oħrajn.
Artikolu 52 – Riżoluzzjoni tat-tilwim
1.Il-Partijiet fi kwalunkwe tilwima li tista’ tinqala’ li tikkonċerna l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandhom l-ewwel jipprovaw isolvuha permezz ta’ negozjati, konċiljazzjoni, arbitraġġ jew bi kwalunkwe metodu ieħor ta’ soluzzjoni paċifika aċċettat bi qbil reċiproku bejniethom.
2.Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’ jistabbilixxi proċeduri ta’ soluzzjoni li għandhom ikunu disponibbli għall-użu mill-Partijiet f’tilwima jekk huma jaqblu li jsir hekk.
Artikolu 53 – Iffirmar u dħul fis-seħħ
1.Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, mill-Istati mhux membri li pparteċipaw fl-elaborazzjoni tagħha u mill-Unjoni Ewropea.
2.Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
3.Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur minn wara d-data li fiha għaxar (10) Firmatarji, inklużi mill-inqas tmien Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, ikunu esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu bil-Konvenzjoni f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.
4.Fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jew tal-Unjoni Ewropea, li sussegwentement tesprimi l-kunsens tagħha li tkun marbuta biha, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni tagħha.
Artikolu 54 – Adeżjoni mal-Konvenzjoni
1.Wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jista’, wara konsultazzjoni mal-Partijiet għal din il-Konvenzjoni u l-kisba tal-kunsens unanimu tagħhom, jistieden lil kwalunkwe Stat mhux membru tal-Kunsill tal-Ewropa li ma jkunx ipparteċipa fl-elaborazzjoni tal-Konvenzjoni biex jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni b’deċiżjoni meħuda bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 20.d tal-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’vot unanimu tar-rappreżentanti tal-Partijiet intitolati li jkunu preżenti fil-Kumitat tal-Ministri.
2.Fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat aderenti, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data tad-depożitu tal-istrument tal-adeżjoni mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
Artikolu 55 – Applikazzjoni territorjali
1.Kwalunkwe Stat jew l-Unjoni Ewropea tista’, waqt l-iffirmar jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni, tispeċifika t-territorju jew it-territorji li għalihom għandha tapplika din il-Konvenzjoni.
2.Kwalunkwe Parti tista’, fi kwalunkwe data aktar tard, b’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, testendi l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għal kwalunkwe territorju ieħor speċifikat fid-dikjarazzjoni, meta tkun responsabbli għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ dak it-territorju jew tkun awtorizzata biex tagħti impenji f’ismu. Fir-rigward ta’ tali territorju, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi tali dikjarazzjoni.
3.Kwalunkwe dikjarazzjoni li ssir skont iż-żewġ paragrafi preċedenti tista’, fir-rigward ta’ kwalunkwe territorju speċifikat f’tali dikjarazzjoni, tiġi rtirata b’notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. L-irtirar għandu jsir effettiv fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi tali notifika.
Artikolu 56 – Riżervi
1.L-ebda riżerva ma tista’ ssir fir-rigward ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk previsti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu.
2.Kwalunkwe Stat jew l-Unjoni Ewropea tista’, waqt l-iffirmar jew meta tiddepożita l-istrument tagħha ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni, b’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, tiddikjara li tirriżerva d-dritt li ma tapplikax, jew li tapplika biss f’każijiet jew f’kundizzjonijiet speċifiċi biss, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1.d ta’ din il-Konvenzjoni.
3.Abbażi tal-liġi armonizzata tagħha, organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali u l-Istati Membri ta’ dik l-organizzazzjoni jistgħu, waqt l-iffirmar jew meta jiddepożitaw l-istrument tagħhom ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni, b’dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, jispeċifikaw:
(a)il-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu “illegali” fl-Artikolu 3.a ta’ din il-Konvenzjoni; kif ukoll
(b)il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċetti “liġi domestika”, “dispożizzjonijiet domestiċi”, “protetti” u “rekwiżit” użati għall-fini tad-definizzjoni ta’ reati skont l-Artikoli 13 u 14, 19 sa 22 u 26 sa 30 ta’ din il-Konvenzjoni.
4.Kwalunkwe Parti tista’ tirtira kompletament jew parzjalment riżerva permezz ta’ dikjarazzjoni indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Din id-dikjarazzjoni għandha ssir effettiva mid-data meta jirċeviha s-Segretarju Ġenerali.
Artikolu 57 – Denunzja
1.Kwalunkwe Parti tista’, fi kwalunkwe waqt, tiddenunzja din il-Konvenzjoni permezz ta’ notifika indirizzata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.
2.Tali denunzja għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar ta’ wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ tliet xhur wara d-data meta s-Segretarju Ġenerali jirċievi n-notifika.
Artikolu 58 – Notifika
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati mhux membri li pparteċipaw fl-elaborazzjoni tagħha, lil kwalunkwe Firmatarju, lil kwalunkwe Parti, lill-Unjoni Ewropea u lil kwalunkwe Stat mistieden jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni dwar:
(a)kwalunkwe firma;
(b)id-depożitu ta’ kwalunkwe strument ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni, ta’ approvazzjoni jew ta’ adeżjoni;
(c)kwalunkwe data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikoli 53 u 54;
(d)kwalunkwe emenda adottata f’konformità mal-Artikolu 50 u d-data li fiha tali emenda tidħol fis-seħħ;
(e)kwalunkwe riżerva u rtirar ta’ riżerva magħmula skont l-Artikolu 56;
(f)kwalunkwe denunzja magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57; jew
(g)kwalunkwe att, notifika jew komunikazzjoni oħra relatata ma’ din il-Konvenzjoni.
B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji, debitament awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.
Magħmula fi […], dan il-[…] jum ta’ […] [202x], bil-lingwa Ingliża u Franċiża, biż-żewġ testi ugwalment awtentiċi, f’kopja waħda li għandha tiġi ddepożitata fl-arkivji tal-Kunsill tal-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jibgħat kopji ċċertifikati lil kull Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Istati mhux membri li pparteċipaw fl-elaborazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, lill-Unjoni Ewropea u lil kwalunkwe Stat mistieden jaderixxi ma’ din il-Konvenzjoni.
ANNESS 2
Riżerva li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ ċerti termini skont il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa il-Ħarsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali
F’konformità mal-Artikolu 56, il-paragrafu 3, tal-Konvenzjoni dwar il-Ħelsien tal-Ambjent permezz tal-Liġi Kriminali (“il-Konvenzjoni”), l-Unjoni Ewropea tiddikjara li, għall-Unjoni Ewropea, il-kunċett “liġi domestika” użat għad-definizzjoni tat-terminu “illegali” fl-Artikolu 3(a) tal-Konvenzjoni għandu jfisser id-dritt tal-Unjoni li jikkontribwixxi għas-segwitu ta’ wieħed mill-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent kif stabbilit fl-Artikolu 191(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, li tagħti effett lid-dritt tal-Unjoni rilevanti. L-istess tifsira għandha tapplika għall-kunċetti “liġi domestika” u “dispożizzjonijiet domestiċi” użati għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kondotta rilevanti skont l-Artikoli 14, 19, 20, 21, 26, 29 u 30 tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-kunċetti “protetti” u “rekwiżit” użati għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kondotta rilevanti skont l-Artikoli 13, 22, 27, 28 u 29 tal-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati f’konformità mal-liġi domestika, kif iddefinit hawn fuq.