Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0328

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli

COM/2025/328 final

Brussell, 17.6.2025

COM(2025) 328 final

2025/0178(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (il-“Kumitat għall-Kummerċ”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li tagħti trattament reċiproku tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. Din il-proposta hija skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII (Approssimazzjoni regolatorja) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra 1 (il-“Ftehim”).

Abbażi tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni formali mill-Unjoni, f’konformità mal-Appendiċi XVII-6 tal-Anness XVII tal-Ftehim, u l-valutazzjoni li l-Unjoni lestiet għall-fini tal-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, kif ippreżentata mill-Kummissjoni u approvata mill-Kunsill, l-att propost għandu l-għan li jinkludi lill-Ukrajna fis-suq intern tal-Unjoni fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. L-att propost se jippermetti lill-utenti finali tas-servizzi biex jibbenefikaw, bla riżerva għal ċerti limitazzjonijiet eċċezzjonali, minn servizzi tar-roaming irregolati bil-prezzijiet bl-imnut domestiċi tagħhom.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

Il-Ftehim għandu l-għan li: (i) joħloq il-kundizzjonijiet għal relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali msaħħa li jwasslu għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-Unjoni, inkluż billi tiġi stabbilita Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, kif stipulat fit-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim; u (ii) jappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna biex tlesti t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz, fost affarijiet oħra, tal-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017. Minn dakinhar ’l hawn, l-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fl-Unjoni, b’mod partikolari permezz ta’ trattament tas-suq intern għall-fini ta’ tali roaming. L-għoti ta’ trattament tas-suq intern jirrikjedi l-approssimazzjoni mal-acquis tal-Unjoni dwar ir-roaming u l-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu fil-liġi tal-Ukrajna. L-Unjoni vvalutat li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfati u għandha, abbażi ta’ dan, tinforma lill-Kumitat għall-Kummerċ u tipproponi li l-Kumitat għall-Kummerċ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

2.2.Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ

Skont l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, il-kwistjonijiet kollha relatati mat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim għandhom jiġu indirizzati fil-Kumitat għall-Kummerċ. F’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim, dak il-Kumitat jista’ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fis-settur tas-servizzi li huwa milqut mill-approssimazzjoni regolatorja. Skont l-Artikolu 465(3) tal-Ftehim, dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jimplimentawhom. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ

Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjoni biex jagħti trattament reċiproku tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li l-Partijiet għall-Ftehim jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 4(3) sa (7) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

Dan jikkonforma mal-objettiv tal-approssimazzjoni regolatorja gradwali tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni kif stabbilit fil-preambolu tal-Ftehim u fl-Artikolu 124 tal-Ftehim, li jikkonċerna speċifikament l-approssimazzjoni regolatorja fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 465(3) tal-Ftehim, li jipprevedi li: “Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim u f’oqsma li fihom il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ddelega s-setgħat lilu. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex iwettquhom. Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet”.

Mid-data ddeterminata bl-att previst, l-acquis tal-Unjoni dwar ir-roaming, kif speċifikat fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim, għandu jinqara f’konformità mal-Anness XVII Appendiċi XVII-1 il-punti 1 sa 6 tal-Ftehim, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni hija li tappoġġa l-adozzjoni tal-att previst mill-Kumitat għall-Kummerċ.

L-Anness XVII tal-Ftehim jipprevedi approssimazzjoni regolatorja bejn il-Partijiet f’diversi setturi, inklużi s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni. Ladarba tiġi ssodisfata l-approssimazzjoni gradwalment estiża lill-elementi kollha tal-acquis tal-Unjoni msemmija fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim, l-approssimazzjoni tista’ twassal għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-Unjoni, permezz tal-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim. L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fil-qasam tar-roaming. Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ 2 ikkomplementat l-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim bl-atti rilevanti relatati mar-roaming. Fis-7 ta’ Novembru 2024, l-Ukrajna nnotifikat lill-Unjoni li hija tqis li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni għar-roaming u talbet valutazzjoni komprensiva. Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ 3 introduċiet adattamenti speċifiċi addizzjonali għall-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim. Fis-6 ta’ Ġunju 2025, l-Ukrajna ssupplimentat in-notifika inizjali tagħha wara li ffirmat fil-liġi l-aħħar miżura ta’ traspożizzjoni li kien fadal.

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, l-Unjoni wettqet valutazzjoni komprensiva u ddeterminat fuq il-bażi tagħha li l-Ukrajna tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli. Skont l-Anness XVII l-Artikolu 4(3) tal-Ftehim, l-Unjoni infurmat lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar ir-riżultat pożittiv tal-valutazzjoni komprensiva tagħha.

Abbażi ta’ dan, l-Unjoni għandha tipproponi li l-Kumitat għall-Kummerċ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

Din id-deċiżjoni timplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni fir-rigward ta’ Sieħeb tal-Lvant u pajjiż kandidat, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. Hija konsistenti mal-objettiv tal-approssimazzjoni regolatorja gradwali tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni kif stabbilit fil-preambolu tal-Ftehim.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat għall-Kummerċ huwa korp stabbilit permezz tal-Ftehim. Id-deċiżjoni li jadotta l-Kumitat għall-Kummerċ tikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 465(3) tal-Ftehim. Mid-data ddeterminata mill-Partijiet fl-att previst, l-acquis tal-Unjoni dwar ir-roaming speċifikat fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim, irid jiġi applikat fl-Unjoni f’konformità mal-Anness XVII Appendiċi XVII-1 il-punti 1 sa 6 tal-Ftehim, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim. L-att previst ma jissupplimentax jew jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta tal-Kunsill hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-Artikolu 207 TFUE huwa l-bażi legali għall-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE jipprevedi l-bażi legali għall-kummerċ fis-servizzi, bl-eċċezzjoni tas-servizzi tat-trasport, fir-rigward ta’ pajjiżi mhux tal-UE, inklużi stipulazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju għall-provvista ta’ tali servizzi.

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni minħabba li l-att jikkonċerna l-kummerċ fis-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mal-Ukrajna. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill għandha tkun l-Artikolu 207 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Id-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ dwar l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli se tipproduċi drittijiet u obbligi fl-Unjoni u fl-Ukrajna. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2025/0178 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra 5 (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)Skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ (il-“Kumitat għall-Kummerċ”) jista’ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-setturi tas-servizzi milqutin b’approssimazzjoni regolatorja.

(3)Matul l-2025, il-Kumitat għall-Kummerċ jenħtieġ li jadotta abbozz ta’ Deċiżjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li tagħti lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(4)Kif iddikjarat fil-preambolu tal-Ftehim u f’konformità mal-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet għall-Ftehim jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni Ewropea, li jfisser li l-Ukrajna għandha tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura jenħtieġ li gradwalment isiru kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni.

(5)L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tas-settur tar-roaming fl-Unjoni, b’mod partikolari billi tibbenefika mit-trattament tas-suq intern għall-fini tas-servizzi tar-roaming.

(6)Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ 6 ikkomplementat l-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim (Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) bl-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(7)Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, fis-7 ta’ Novembru 2024, l-Ukrajna nnotifikat lill-Unjoni li qieset li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli u talbet lill-Unjoni biex twettaq valutazzjoni komprensiva.

(8)Fis-6 ta’ Ġunju 2025, l-Ukrajna ssupplimentat in-notifika inizjali tagħha wara li ffirmat fil-liġi l-aħħar miżura ta’ traspożizzjoni li kien fadal.

(9)Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ 7 introduċiet ċerti adattamenti speċifiċi addizzjonali għall-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(10)Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, l-Unjoni wettqet valutazzjoni komprensiva u ddeterminat fuq il-bażi tagħha li l-Ukrajna tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(11)Skont l-Anness XVII l-Artikolu 4(3) tal-Ftehim, l-Unjoni infurmat lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar ir-riżultat pożittiv tal-valutazzjoni komprensiva tagħha.

(12)F’dan l-isfond, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim, l-Unjoni u l-Ukrajna jenħtieġ li jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(13)Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ peress li d-Deċiżjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna u l-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-sena 2025 fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (il-“Kumitat għall-Kummerċ”) stabbilit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj  
(2)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930] (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj ).
(3)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tat-13 ta’ Marzu 2025 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 Parti A (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.
(4)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(5)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj .
(6)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930] (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj ).
(7)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tat-13 ta’ Marzu 2025 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 Parti A (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.
Top

Brussell, 17.6.2025

COM(2025) 328 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli


DOKUMENT MEHMUŻ

ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2025
TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-UKRAJNA

FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

ta’ …

dwar l-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONĠURAZZJONI TAL-KUMMERĊ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat għall-Kummerċ”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 465(3) tiegħu u l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tiegħu,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra 1 (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)Il-preambolu għall-Ftehim jirrikonoxxi l-impenn tal-Ukrajna li gradwalment tapprossima l-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni, skont il-linji stabbiliti fil-Ftehim, u timplimentaha b’mod effettiv, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ekonomika gradwali u l-approfondiment tal-assoċjazzjoni politika tal-Ukrajna mal-Unjoni.

(3)L-Artikolu 1(2)(d) tal-Ftehim jipprevedi li l-għanijiet tal-Ftehim jinkludu għajnuna għall-isforzi tal-Ukrajna biex titlesta t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz ta’, fost oħrajn, l-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni.

(4)Skont l-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni fis-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni. L-Ukrajna impenjat ruħha li tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha jkunu kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni. L-Ukrajna hija mistennija testendi gradwalment l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha għall-elementi kollha tal-acquis tal-Unjoni msemmija fl-Anness XVII l-Appendiċijiet minn XVII-2 sa XVII-5 tal-Ftehim. Ladarba jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal dan, dan jenħtieġ li jwassal għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(5)L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-Ukrajna talbet trattament tas-suq intern għall-fini ta’ roaming f’networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli.

(6)Sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni gradwali tal-Ukrajna lejn il-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-settur tat-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ 2 ikkomplementat l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim bl-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(7)Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, fis-7 ta’ Novembru 2024, l-Ukrajna nnotifikat lill-Unjoni li qieset li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli u talbet lill-Unjoni biex twettaq valutazzjoni komprensiva. Fis-6 ta’ Ġunju 2025, l-Ukrajna ssupplimentat in-notifika inizjali tagħha wara li ffirmat fil-liġi l-aħħar miżura ta’ traspożizzjoni li kien fadal.

(8)Abbażi tal-valutazzjonijiet u l-monitoraġġ regolari skont l-Appendiċi XVII-6 tal-Anness XVII tal-Ftehim u l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim u filwaqt li jitqies l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna, id-Deċiżjoni 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ 3 introduċiet ċerti adattamenti speċifiċi addizzjonali għall-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim. B’mod partikolari, din id-Deċiżjoni tat lill-Ukrajna żmien addizzjonali biex timplimenta bis-sħiħ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , parti mill-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, mingħajr ma tipposponi deċiżjoni possibbli mill-Kumitat għall-Kummerċ dwar l-għoti ta’ trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(9)Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, l-Unjoni Ewropea wettqet valutazzjoni komprensiva, iddeterminat abbażi tagħha li l-kundizzjonijiet huma ssodisfati, infurmat lill-Kumitat għall-Kummerċ kif xieraq u pproponiet li l-Kumitat għall-Kummerċ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(10)Ladarba din id-deċiżjoni ssir applikabbli, l-acquis tar-roaming inkwistjoni, kif speċifikat fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim, irid jiġi applikat f’konformità mal-Anness XVII Appendiċi XVII-1 il-punti 1 sa 6 tal-Ftehim, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim. Dan jimplika li l-acquis tal-Unjoni dwar ir-roaming kif definit fl-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim jenħtieġ li jinqara f’konformità mal-adattamenti li jinsabu fl-Appendiċi XVII-1 tal-Anness XVII tal-Ftehim u għalhekk id-drittijiet u l-obbligi kollha, li japplikaw għall-fornituri u għall-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni bejniethom, se jkollhom jiġu estiżi fir-rigward tal-fornituri u tal-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Ukrajna. Bl-istess mod, il-fornituri u l-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Ukrajna se jkunu marbuta li japplikaw l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-fornituri u tal-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni. L-utenti finali tal-Ukrajna u tal-Unjoni minn issa ’l quddiem se jibbenefikaw ukoll, bla riżerva għal ċerti limitazzjonijiet eċċezzjonali, minn servizzi tar-roaming irregolati bil-prezzijiet bl-imnut domestiċi tagħhom.

(11)Biex l-impriżi li jipprovdu roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni fl-Unjoni u fl-Ukrajna jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jimplimentaw ir-rekwiżiti tekniċi u legali kollha li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, qed tiġi stabbilita data tal-applikazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tfasslet bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, Ungeriża u Ukrena, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

   Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni
   fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

   Il-President

   Is-Segretarji

(1)    ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj
(2)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930] (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj ).
(3)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tat-13 ta’ Marzu 2025 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 Parti A (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.
(4)    Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1972/oj ).
Top