Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0235

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mar-Rakkomandazzjoni tad-WCO skont l-Artikolu 16 li jemenda s-Sistema Armonizzata

COM/2025/235 final

Brussell, 16.5.2025

COM(2025) 235 final

2025/0114(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mar-Rakkomandazzjoni tad-WCO skont l-Artikolu 16 li jemenda s-Sistema Armonizzata


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.    Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ abbozz ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-emenda tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (SA).

2.    Kuntest tal-proposta

2.1.    Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (“il-Ftehim”) għandha l-għan li tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u l-ġbir, it-tqabbil u l-analiżi tal-istatistika, b’mod partikolari dawk dwar il-kummerċ internazzjonali. Bħala Anness din tinkludi n-Nomenklatura tas-SA li hija sistema armonizzata internazzjonali li tippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jikklassifikaw oġġetti tal-kummerċ fuq bażi komuni għal skopijiet doganali. B’mod partikolari, in-Nomenklatura tas-SA tinkludi d-deskrizzjoni tal-oġġetti, li jidhru bħala intestaturi u subintestaturi, u l-kodiċijiet numeriċi relatati tagħhom, fuq il-bażi ta’ sistema ta’ kodiċi b’sitt figuri. In-Nomenklatura tas-SA tiġi riveduta kull 5 snin 1 . Tiġi applikata minn iktar minn 190 amministrazzjoni minn madwar id-dinja; konsegwentement, iktar minn 98 % tal-oġġetti kollha kkummerċjalizzati fid-dinja jiġu kklassifikati skontha.

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Ftehim 2 .

2.2.    L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO)

L-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO, World Customs Organization), stabbilita fl-1952 bħala l-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, hija korp intergovernattiv indipendenti b’missjoni li jsaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet doganali. Id-WCO toffri lill-Membri tagħha firxa ta’ Konvenzjonijiet u ta’ strumenti internazzjonali oħra, kif ukoll assistenza teknika u servizzi ta’ taħriġ. Illum il-ġurnata, id-WCO tirrappreżenta 186 amministrazzjoni doganali minn madwar id-dinja.

Il-korp regolatorju tad-WCO hu l-Kunsill, li jibbaża ruħu fuq il-kompetenza u l-ħiliet ta’ Segretarjat u fuq firxa ta’ kumitati tekniċi u konsultattivi biex iwettaq il-missjoni tiegħu.

Il-Kumitat tekniku fid-WCO, li hu inkarigat mix-xogħol preparatorju relatat mal-Ftehim, hu l-Kumitat tas-SA. Il-kompiti ewlenin tal-Kumitat tas-SA huma dawn li ġejjin:

·Jiżgura l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tat-testi legali tas-Sistema Armonizzata, inkluż billi jsib soluzzjonijiet għat-tilwimiet dwar il-klassifikazzjoni bejn Partijiet Kontraenti, u b’hekk jiffaċilita l-kummerċ;

·Jipproponi emendi u aġġornamenti għas-Sistema Armonizzata biex din tirrifletti l-iżviluppi fit-teknoloġija u t-tibdiliet fix-xejriet tal-kummerċ kif ukoll ħtiġijiet oħra tal-utenti tas-Sistema Armonizzata;

·Jippromwovi l-applikazzjoni mifruxa tas-Sistema Armonizzata u jeżamina mistoqsijiet ġenerali u kwistjonijiet ta’ politika relatati magħha.

Il-Kunsill tad-WCO jeżamina proposti ta’ emendi tal-Ftehim, imħejjija mill-Kumitat tas-SA, u jista’ jirrakkomandahom lill-Partijiet Kontraenti. L-emendi rakkomandati mill-Kunsill tad-WCO jitqiesu aċċettati jekk l-ebda Parti Kontraenti ma tippreżenta oġġezzjoni fi żmien 6 xhur minn meta jiġu nnotifikati.

Il-pożizzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Unjoni fid-WCO dwar is-SA huma kkoordinati mal-Istati Membri. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha flimkien għandhom vot wieħed biss fil-Kunsill tad-WCO.

2.3.    L-att previst tal-Kunsill tad-WCO

Fis-sessjonijiet numru 145/146 tiegħu (26-28 ta’ Ġunju 2025), il-Kunsill tad-WCO jrid jadotta r-Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA dwar l-emendi tan-Nomenklatura tas-SA (“l-att previst”). In-Nomenklatura riveduta tas-SA se tidħol fis-seħħ fl-2028.

It-tħejjija tar-Rakkomandazzjoni twettqet bejn l-10 u l-21 ta’ Marzu 2025, matul is-sessjoni numru ħamsa u sebgħin tal-Kumitat tas-SA.

L-abbozz tar-Rakkomandazzjoni jinkludi 299 sett ta’ emendi tan-Nomenklatura tas-SA li għandhom l-għan li jirriflettu l-evoluzzjoni tax-xejriet kummerċjali, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u l-ħtieġa li n-nomenklatura tiġi modernizzata jew adattata biex tindirizza t-tħassib soċjali, ambjentali u tas-sigurtà bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-kontroll u l-monitoraġġ ta’ prodotti partikolari. B’mod partikolari, l-emendi proposti:

Jissimplifikaw in-Nomenklatura billi jħassru intestaturi u subintestaturi b’volum baxx ta’ kummerċ, biex b’hekk iżommu s-SA aġġornata u konformi mal-evoluzzjoni tal-prodotti.

Jipprovdu appoġġ lil hinn mid-Dwana, permezz ta’ dispożizzjonijiet li jappoġġaw oqsma oħra tal-gvern, l-industrija u għall-protezzjoni tas-soċjetà (dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-plastik, il-vaċċini u gruppi relatati mas-saħħa li jirrispondu direttament għall-ħtiġijiet li l-pandemija enfasizzat, gruppi ta’ importanza dejjem akbar għall-industriji agrikoli, taħlitiet ta’ fortifikazzjoni tal-ikel, eċċ.).

Jiffaċilitaw il-klassifikazzjoni b’koerenza mal-istandards internazzjonali applikabbli, jew billi jitqiesu prodotti ġodda jew l-evoluzzjoni tal-kompożizzjoni tal-prodotti (is-supplimenti tal-ikel, ir-roti elettriċi, is-semikondutturi u t-transducers, ir-robots tat-tindif, id-droni, eċċ.).

Jallinjaw aħjar il-verżjonijiet bil-Franċiż u bl-Ingliż tan-Nomenklatura sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u jitnaqqsu d-diverġenzi eżistenti jew potenzjali fil-klassifikazzjoni.

Jiffaċilitaw il-ġlieda kontra l-frodi u l-kummerċ illegali u l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent billi joħolqu intestaturi u subintestaturi f’diversi oqsma (il-manifattura illeċita tad-drogi, il-plastik b’użu wieħed, il-vaċċini, il-pompa tas-sħana, il-magni tal-għoti tal-kupuni għat-troddija lura tal-fliexken, eċċ.).

Ġew ippreżentati proposti minn Organizzazzjonijiet Internazzjonali (il-Konvenzjonijiet tal-FAO, ta’ Basel u ta’ Rotterdam, id-WHO, l-OECD, id-Djalogu tad-WTO dwar it-Tniġġis mill-Plastik, il-Bord Internazzjonali tan-NU għall-Kontroll tan-Narkotiċi, eċċ.), il-Partijiet Kontraenti u s-Segretarjat tad-WCO. Fost dawk l-emendi hemm diversi proposti ppreżentati mill-UE (pereżempju s-supplimenti tal-ikel, il-lastiku u t-trabijiet li jiġu minn tajers fl-aħħar tagħhom, l-iskart tal-fibri tal-ħġieġ, is-semikondutturi, ir-roti elettriċi).

L-abbozz tar-Rakkomandazzjoni huwa inkluż bħala l-Anness Q tar-rapport tal-75 laqgħa tal-Kumitat tas-SA f’Marzu 2025 (Dok. NC3358Ba-HSC/75/Marzu 2025).

3.    Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni proposta għandha l-għan li tesprimi appoġġ għall-abbozz tar-Rakkomandazzjoni li tikkonċerna l-emenda tan-Nomenklatura tas-SA.

Huwa importanti għall-UE li tali Rakkomandazzjoni tiġi adottata peress li għandha l-għan li taġġorna u timmodernizza n-Nomenklatura tas-SA u tissimplifika u tiffaċilita l-klassifikazzjoni tal-prodotti. Ta’ min jinnota wkoll li l-UE kienet wieħed mill-kontributuri ewlenin għal dan l-eżerċizzju ta’ modernizzar peress li f’dan iċ-ċiklu ta’ rieżami ssottomettiet parti kbira mill-proposti f’dak ir-rigward.

Il-konsultazzjonijiet twettqu b’mod kontinwu mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Doganali — is-Settur tal-Koordinazzjoni SA/WCO, u fi ħdan il-Kunsill, u fejn meħtieġ, mas-servizzi tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, il-pożizzjoni proposta hi kif ġej:

Fir-rigward tar-Rakkomandazzjoni, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni.

Skont il-każ, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa wkoll l-emendi editorjali ulterjuri li jistgħu jiġu proposti mis-Segretarjat tad-WCO.

Il-pożizzjoni proposta tal-UE hi allinjata mal-politika doganali stabbilita u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-oġġetti wara l-importazzjoni skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom.

Il-pożizzjoni proposta hi meħtieġa biex l-UE tkun tista’ tesprimi pożizzjoni fil-Kunsill tad-WCO li jmiss.

4.    Bażi legali

4.1.    Bażi legali proċedurali

4.1.1.    Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni u rigward l-att previst hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.1.2.    Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill tad-WCO hu korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni li Tistabbilixxi Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali tal-15 ta’ Diċembru 1950. Skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, hu l-korp responsabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet Kontraenti għall-emendar ta’ din il-Konvenzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA, fil-laqgħa ta’ Ġunju 2025 tiegħu, il-Kunsill tad-WCO hu mistenni jirrakkomanda lill-Partijiet Kontraenti tas-SA emenda tal-Anness ta’ din il-Konvenzjoni (in-Nomenklatura tas-SA), li titqies bħal aċċettata fi żmien 6 xhur sakemm ma toġġezzjonax xi Parti Kontraenti. Skont id-dritt internazzjonali, l-emendi aċċettati huma vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti kollha ladarba jidħlu fis-seħħ u n-nomenklatura tariffarja/statistika ta’ kull Parti Kontraenti trid tinġieb f’konformità mas-Sistema Armonizzata emendata. Għalhekk, ladarba tiġi aċċettata, ir-Rakkomandazzjoni tiġi inkorporata fil-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: l-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana. Dan huwa minħabba li l-Artikolu 1 (2) (a) tar-Regolament imsemmi jiddikjara “2.  In-nomenklatura magħquda għandha tiġbor fiha: (a) in-nomenklatura tas-sistema armonizzata;” 

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.    Bażi legali sostantiva

4.2.1.    Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.    Applikazzjoni għall-każ preżenti

Peress li l-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-adozzjoni tat-tariffa u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fil-politika kummerċjali komuni u l-inkorporazzjoni tan-nomenklatura tas-SA u tan-Nomenklatura Magħquda tal-UE fiż-żmien propizju, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikoli 31 u 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE.

4.3. Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 31 u 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.    Implikazzjonijiet baġitarji

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

6.    Pubblikazzjoni tal-att previst

L-ebda

2025/0114 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali b’rabta mar-Rakkomandazzjoni tad-WCO skont l-Artikolu 16 li jemenda s-Sistema Armonizzata

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (“il-Konvenzjoni tas-SA”), konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE 4 1, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988.

(2)Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tas-SA, il-Kumitat tas-Sistema Armonizzata jista’ jipproponi lill-Kunsill tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO, World Customs Organization) proposti għal emendi tan-Nomenklatura tas-Sistema Armonizzata (“in-Nomenklatura tas-SA”). Skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA, il-Kunsill tad-WCO jista’ jirrakkomanda l-emendi lill-Partijiet Kontraenti.

(3)Il-Kunsill tad-WCO hu mistenni jiddeċiedi dwar Rakkomandazzjoni għall-Partijiet Kontraenti għal emenda tan-Nomenklatura tas-SA matul is-sessjonijiet ta’ Ġunju 2025 tiegħu. Tali Rakkomandazzjoni se tiġi adottata abbażi ta’ proposta mħejjija mill-Kumitat tas-Sistema Armonizzata u finalizzata matul il-75 laqgħa tiegħu bejn l-10 u l-21 ta’ Marzu 2025. Din se tidħol fis-seħħ fil-1 ta’ Jannar 2028.

(4)Huwa ta’ importanza kbira li n-Nomenklatura tas-SA tinżamm aġġornata u konformi mal-evoluzzjoni tax-xejriet kummerċjali u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, u li tirrifletti kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-utenti. Ir-Rakkomandazzjoni proposta tinkludi bosta settijiet ta’ emendi li jqisu l-ħtieġa li n-nomenklatura tiġi mmodernizzata jew adattata għall-ambjent tagħha.

(5)Peress li din ir-Rakkomandazzjoni għal emenda tan-Nomenklatura tas-SA trid tiġi adottata mill-Kunsill tad-WCO, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni billi, ladarba tiġi aċċettata skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA, ir-Rakkomandazzjoni se tkun vinkolanti għall-Unjoni u se jkollha l-kapaċità li tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 5 2.

(6)Jixraq li jiġu appoġġati l-abbozz tal-emenda tan-Nomenklatura tas-SA, u kwalunkwe bidla editorjali minuri li tista’ titqies meħtieġa,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tkun li jiġi aċċettat l-abbozz tar-Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA dwar l-emenda tas-Sistema Armonizzata kif stabbilit fl-Anness Q tad-Dokument NC3358Ba (Rapport HSC/75/Marzu 2025).

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar bidliet editorjali minuri fl-abbozz tar-Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-SA fid-dawl tal-iżviluppi fis-sessjoni li ġejja tal-Kunsill tad-WCO, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, jew matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. 

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Mill-introduzzjoni tagħha fl-1988, in-Nomenklatura tas-SA ġiet riveduta sitt darbiet. Dawn ir-reviżjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1996, fl-2002, fl-2007, fl-2012, fl-2017 u fl-2022.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369 tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punt 64.
(4) 1    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta' Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU L 198, 20.7.1987, p. 1).
(5) 2    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7/9/1987, p. 1)
Top