IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.4.2025
COM(2025) 190 final
2025/0104(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 228/2013 fir-rigward ta’ assistenza addizzjonali u aktar flessibbiltà għar-reġjuni ultraperiferiċi affettwati minn diżastri naturali severi u fil-kuntest taċ-ċiklun Chido, li kellu effetti devastanti f’Mayotte
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Kif uriena dan l-aħħar iċ-ċiklun bla preċedent f’Mayotte, id-diżastri naturali u l-avvenimenti meteoroloġiċi severi fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE qed ikollhom effett devastanti fuq il-popolazzjonijiet li jgħixu u jaħdmu f’dawn ir-reġjuni. Ħafna mill-potenzjal tal-produzzjoni agrikola u tal-forestrija jinqered kull sena, u dan jikkawża telf kbir ta’ introjtu u jhedded id-disponibbiltà tal-ikel u s-sigurtà ta’ dawn ir-reġjuni, li diġà qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet permanenti fuq l-iżvilupp tagħhom, kif rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, filwaqt li dawn ir-reġjuni huma pjuttost differenti minn xulxin, għandhom komuni bejniethom għadd ta’ speċifiċitajiet, bħall-pożizzjoni remota, l-insularità, id-daqs ħafna drabi ċkejken tal-art tagħhom, il-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, ekonomiji li jiddependu fuq ftit setturi, kif ukoll livelli għoljin ta’ qgħad u prodott domestiku gross (PDG) sostanzjalment aktar baxx mill-medji tal-UE u dawk nazzjonali. Dawn ir-restrizzjonijiet kollha jagħmlu l-irkupru tal-produzzjoni agrikola meqruda mid-diżastri naturali severi saħansitra aktar diffiċli u s-severità tad-diżastri naturali ttawwal iż-żmien tal-irkupru saħansitra aktar.
Fil-Komunikazzjoni tagħha “Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrifletti l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-politiki kollha tal-UE, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura. Uħud mill-isfidi tas-settur agrikolu fir-reġjuni ultraperiferiċi diġà qed jiġu indirizzati b’mod speċifiku permezz tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, fid-dawl ta’ diżastri naturali dejjem aktar severi f’dawn ir-reġjuni, ġiet identifikata l-ħtieġa ta’ aktar flessibbiltajiet. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-fluss tal-flus matul ir-rikostruzzjoni tal-produzzjoni agrikola wara d-diżastri naturali devastanti frekwenti fir-reġjuni ultraperiferiċi, jenħtieġ li l-Ewropa jkollha l-kapaċità li tibgħat malajr sostenn effettiv u tkun aktar flessibbli permezz tal-POSEI imsemmi f’dak ir-Regolament. Dan jinvolvi programmi ta’ għażliet relatati speċifikament mad-distanza u mal-insularità li jistabbilixxu miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni billi jiżguraw il-kontinwità tal-appoġġ mill-POSEI lill-benefiċjarji matul il-perjodu tar-restawr, irrispettivament mil-livell tal-attività tagħhom, iżda soġġetti għal impenji formali biex tiġi restawrata l-kapaċità tagħhom. Fl-14 ta’ Diċembru 2024, ir-reġjun ultraperiferiku ta’ Mayotte intlaqat miċ-ċiklun aħrax Chido, li ħalla warajh ħafna ħerba u mwiet minn kull fejn għadda. Qered eluf ta’ djar, u qata’ l-provvisti tal-ilma u tad-dawl. It-toroq, in-networks tal-komunikazzjoni, u l-infrastruttura fil-qasam tas-saħħa ntlaqtu serjament jew ma setgħux jibqgħu jintużaw. Fil-11 ta’ Jannar 2025, Mayotte intlaqtet ukoll mill-maltempata tropikali Dikeledi, b’xita qawwija u għargħar lokali li aggravaw il-ħsara li kien għamel Chido. L-effetti ta’ Chido fuq l-agrikoltura u fuq is-sigurtà tal-ikel kienu sinifikanti: l-irjieħ qawwijin qerdu l-għelejjel f’ħafna nħawi u l-artijiet agrikoli spiċċaw mgħarrqin bl-ilma. Dan ħarbat l-iskedi tat-tħawwil, li se jwassal għal rendimenti aktar baxxi għall-istaġun tat-tkabbir li jmiss. Barra minn hekk, Chido qered l-infrastruttura, bħat-toroq, u dan xxekkel it-trasport tal-prodotti agrikoli. Għall-ewwel darba, Franza ddikjarat stat ta’ diżastru naturali eċċezzjonali.
Konsegwentement, l-aħħar sena tal-implimentazzjoni tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali f’Mayotte għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2022 (PŻR Mayotte) ġiet affettwata bil-kbir. Ħafna proġetti, b’mod partikolari l-investimenti, se jiddewmu jew jiġu abbandunati. Barra minn hekk, l-ewwel nett, il-bdiewa u atturi oħrajn fl-agrikoltura jeħtieġu assistenza għall-likwidità biex ikunu jistgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom sakemm ikun seħħ ir-restawr tal-azjendi tagħhom kif ukoll tal-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom.
Ir-Regolament (UE) 2024/3242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introduċa miżura eċċezzjonali u temporanja ġdida (imdaħħla fl-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220) li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu assistenza għal-likwidità lill-bdiewa, lid-detenturi tal-foresti, kif ukoll lill-SMEs attivi fl-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u tal-forestrija, li jkunu affettwati minn diżastri naturali li jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2024 ’il quddiem.
Skont ir-regoli attwali, għal din il-miżura jista’ jiġi allokat limitu massimu ta’ 10 % tal-fondi tal-FAEŻR għall-perjodu 2021–2022 (eskluż l-EURI) (EUR 1.5 miljun għal Mayotte). Sabiex jiġi pprovdut rispons adegwat għad-diżastri naturali eċċezzjonali li seħħew f’Mayotte, qed jiġi propost li jitneħħa dan il-limitu massimu ta’ 10 % u Mayotte titħalla talloka mill-ġdid fondi tal-FAEŻR għall-perjodu 2021–2022 għall-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-miżura skont l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220.
Fil-kuntest ta’ din il-miżura, l-iskadenza għall-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet hija stabbilita għat-30/06/2025 sabiex ikun hemm reazzjoni rapida għad-diżastri naturali u tiġi pprovduta likwidità malajr lil dawk fil-bżonn. Madankollu, minħabba li din il-proposta se tbiddel il-kundizzjonijiet ta’ din il-miżura għal Mayotte, hemm bżonn li jingħata biżżejjed żmien lill-awtorità maniġerjali ta’ Mayotte biex tagħżel il-benefiċjarji ladarba dan ir-regolament jidħol fis-seħħ. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-iskadenza għall-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet ma tapplikax. Madankollu, l-eliġibbiltà tal-ispejjeż (il-31 ta’ Diċembru 2025) kif definita fir-Regolament (UE) 1303/2013 tibqa’ l-istess. Dan ifisser li l-pagamenti lill-benefiċjarji jridu jsiru sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiddaħħal deroga għal-limitu massimu tal-miżura skont l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 għal Mayotte. Din se tippermetti lir-reġjun ultraperiferiku jindirizza b’mod effettiv il-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-popolazzjoni rurali li saritilhom ħsara kbira fid-diżastri naturali deskritti. Din id-deroga jenħtieġ li ssir permezz ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament POSEI sabiex din id-deroga tinżamm limitata għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjun ultraperiferiku ta’ Mayotte.
Għalhekk, sabiex tipprovdi l-assistenza addizzjonali deskritta hawn fuq u aktar flessibbiltà lir-reġjuni ultraperiferiċi affettwati minn diżastri naturali, il-Kummissjoni tipproponi modifika mmirata tar-Regolament POSEI li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija konsistenti mal-qafas legali ġenerali stabbilit għall-Politika Agrikola Komuni u għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (l-FSIE) u hija limitata għal emenda speċifika tar-Regolament (UE) Nru 228/2013.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Il-proposta hija limitata għal emendi speċifiċi tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 u hija konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ, U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 42, 43(2), u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-kompetenza għall-agrikoltura tkun maqsuma bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jistabbilixxi politika agrikola komuni b’objettivi u implimentazzjoni komuni. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura aktar flessibbiltajiet għar-reġjuni ultraperiferiċi affettwati minn diżastri naturali jew avvenimenti meteoroloġiċi severi.
•
Proporzjonalità
Il-proposta fiha emendi limitati u speċifiċi li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li tingħata għajnuna temporanja eċċezzjonali lill-bdiewa, lid-detenturi tal-foresti, lill-SMEs, u lill-impriżi li huma attivi fl-ipproċessar, fil-kummerċjalizzazzjoni, jew fl-iżvilupp tal-prodotti agrikoli jew tal-prodotti tal-forestrija u għall-isforzi ta’ restawr li ntlaqtu b’mod gravi mid-diżastri naturali.
•Għażla tal-istrument
Regolament huwa l-istrument ix-xieraq biex tiddaħħal il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkustanzi bla preċedent.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI, U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba n-natura teknika, limitata, u urġenti tal-modifiki proposti, mhijiex meħtieġa l-konsultazzjoni pubblika wiesgħa.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Mhux applikabbli
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura teknika u l-kamp ta’ applikazzjoni mmirat tal-inizjattiva, il-valutazzjoni tal-impatt mhijiex meħtieġa.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli
•Drittijiet fundamentali
Mhux applikabbli
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta l-ġdida ma timplika l-ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-impenji u għall-pagamenti kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2020/2093. It-tqassim annwali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali E.08030102 jibqa’ l-istess.
B’mod ġenerali, din il-miżura ma timplikax il-ħtieġa għal approprjazzjonijiet addizzjonali ta’ pagament. L-approprjazzjonijiet ta’ pagament meħtieġa ta’ EUR 13,5 miljun fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-2025 u l-2026 huma previsti li jiġu kkumpensati minn diżimpenji fl-għeluq li mistennijin iseħħu fl-2026. Il-fondi allokati għal Programmi ta’ Żvilupp Rurali (RPDs, Rural Development Programmes) oħrajn li se jibqgħu ma jintużawx se jiġu diżimpenjati u se jikkumpensaw għall-kostijiet addizzjonali skont din l-emenda.
Fir-rigward tal-appoġġ mill-POSEI, din il-proposta ma għandha l-ebda impatt baġitarju kwantifikabbli. Kwalunkwe nefqa relatata se tibqa’ taħt l-allokazzjoni finanzjarja annwali tal-Istati Membri għall-POSEI.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, u r-rapportar
Se jkun hemm monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri u se jsiru rapporti dwarha fil-qafas tal-mekkaniżmi tar-rapportar stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1305/2013, u (UE) 228/2013.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Sabiex jiġu pprovduti aktar flessibbiltajiet lir-reġjuni ultraperiferiċi affettwati minn diżastri naturali u avvenimenti meteoroloġiċi severi u biex jiġi pprovdut rispons adegwat għall-impatt tad-diżastru naturali bla preċedent Chido f’Mayotte fuq il-bdiewa, benefiċjarji oħrajn tal-FAEŻR, u l-amministrazzjonijiet, qed jiġi propost li r-Regolament (UE) Nru 228/2013 jiġi emendat kif ġej:
·Jiġi permess li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jissottomettu modifika eċċezzjonali tal-programm tagħhom fl-ambitu tal-POSEI meta japplikaw il-prinċipju tal-force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali fejn, b’riżultat tad-diżastru naturali sever mhux mistenni, il-kapaċità tal-produzzjoni agrikola tkun inqerdet serjament jew totalment, u r-restawr ta’ ċerti setturi jirrikjedi perjodu itwal minn dak li jista’ jkun kopert mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Dan jippermetti li l-benefiċjarji kkonċernati jkomplu jirċievu l-appoġġ mill-POSEI matul il-perjodu tar-restawr, irrispettivament mil-livell tal-attività tagħhom, iżda soġġett għall-impenn formali tagħhom li jirrestawraw il-kapaċità tal-produzzjoni agrikola tagħhom. L-implimentazzjoni ta’ din il-modifika tal-programm se tkun soġġetta għal rieżami u monitoraġġ annwali tal-progress f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru.
·Għall-programm ta’ żvilupp rurali ta’ Mayotte, jitneħħa l-limitu ta’ 10 % tal-allokazzjonijiet baġitarji tal-2021 u l-2022 għal appoġġ temporanju b’reazzjoni għall-impatt tad-diżastri naturali li għandhom jiġu ffinanzjati fl-ambitu tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u jippermettu l-għażla tal-benefiċjarji wara l-iskadenza tat-30 ta’ Ġunju 2025.
·Konformità mal-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku”
·Skont il-valutazzjoni diġitali mwettqa, il-proposta attwali ma għandha l-ebda dimensjoni diġitali peress li ma hemm l-ebda rilevanza diġitali. Il-mezzi diġitali jew l-iskambju tad-data mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta.
2025/0104 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 228/2013 fir-rigward ta’ assistenza addizzjonali u aktar flessibbiltà għar-reġjuni ultraperiferiċi affettwati minn diżastri naturali severi u fil-kuntest taċ-ċiklun Chido, li kellu effetti devastanti f’Mayotte
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2), u l-Artikolu 349, tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fit-18 ta’ Diċembru 2024, ġie ddikjarat “diżastru naturali eċċezzjonali” għar-reġjun ultraperiferiku ta’ Mayotte wara l-konsegwenzi devastanti taċ-ċiklun Chido, li qered ħafna mill-potenzjal agrikolu u forestali tal-gżira u hedded id-disponibbiltà u s-sigurtà tal-ikel. Dan iċ-ċiklun bla preċedent u diżastri naturali reċenti oħrajn fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, kif deskritti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), juru l-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-reġjuni għall-effetti tat-tibdil fil-klima, inkluż ir-riskju akbar ta’ diżastri naturali eċċezzjonali jew avvenimenti meteoroloġiċi severi b’konsegwenzi fit-tul.
(2)Sabiex jiġi indirizzat u mmitigat l-impatt ta’ diżastri naturali eċċezzjonali jew avvenimenti meteoroloġiċi severi fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ għall-produzzjoni lokali pprovdut permezz tal-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI) imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li l-benefiċjarji milqutin ikomplu jirċievu l-pagamenti tal-POSEI matul il-perjodu tar-restawr, irrispettivament mil-livell tal-attività tagħhom, soġġett għal impenn formali tagħhom li jirrestawraw il-kapaċità tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali abbażi ta’ evidenza rilevanti. Fl-istess ħin, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, fejn ir-restawr ta’ ċerti setturi jkun jirrikjedi perjodu itwal, jenħtieġ li jiġi previst li emenda eċċezzjonali tal-programm, soġġetta għal rieżami u monitoraġġ annwali tal-progress, tista’ testendi dan il-perjodu ta’ restawr lil hinn minn dak li jista’ jkun kopert mill-applikazzjoni tal-prinċipju tal-force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Artikoli 6 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 jiġu emendati.
(3)Barra minn hekk, sabiex jiġu indirizzati malajr il-vulnerabbiltajiet tas-sistema tal-ikel u tal-komunitajiet rurali ta’ Mayotte li jirriżultaw minn dak id-diżastru naturali bla preċedent ikkawżat miċ-ċiklun Chido, huwa xieraq li jingħata malajr appoġġ effettiv eċċezzjonali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u li tiġi prevista aktar flessibbiltà fir-regoli eżistenti. L-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill introduċa miżura ġdida li tipprovdi appoġġ temporanju eċċezzjonali b’reazzjoni għall-impatt tad-diżastri naturali, li għandha tiġi ffinanzjata fl-ambitu tal-FAEŻR fil-qafas legali applikabbli fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020, kif estiż minn dak ir-Regolament. Sabiex Mayotte tkun tista’ tirreaġixxi għall-konsegwenzi taċ-ċiklun Chido u filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet ikkawżati mis-sitwazzjoni speċifika ta’ dan ir-reġjun ultraperiferiku, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-applikazzjoni tal-miżura introdotta mill-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 f’ Mayotte. Peress li d-diffikultajiet speċifiċi ta’ rispons għas-sitwazzjoni eċċezzjonali f’Mayotte huma marbutin mad-distanza tagħha bħala reġjun ultraperiferiku kif deskritt fl-Artikolu 349 tat-TFUE, huwa xieraq li jiġu previsti l-flessibbiltajiet tal-appoġġ tal-FAEŻR permezz tal-istabbiliment ta’ qafas legali speċifiku għall-appoġġ addizzjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 jiġi emendat.
(4)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jindirizza u jtaffi l-impatt tad-diżastri naturali fuq is-setturi agroalimentari u tal-forestrija fir-reġjuni ultraperiferiċi billi jipprovdi flessibbiltajiet addizzjonali wara diżastri naturali eċċezzjonali jew avvenimenti meteoroloġiċi severi u, b’mod partikolari, wara ċ-ċiklun Chido f’Mayotte, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.
(5)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 228/2013 jiġi emendat kif xieraq.
(6)Fid-dawl tal-effetti devastanti tad-diżastri naturali attwali u l-urġenza li jiġi indirizzat u mmitigat l-impatt tagħhom fuq is-setturi agroalimentari u tal-forestrija fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll l-urġenza fl-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 qabel tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020, kif estiż bir-Regolament (UE) 2020/2220, jitqies xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE, u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
(7)Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel ta’ dawn l-emendi u bħala kwistjoni ta’ urġenza fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat u mmitigat l-impatt ta’ diżastri naturali eċċezzjonali jew avvenimenti meteoroloġiċi severi fit-territorji ultraperiferiċi tal-Unjoni, u b’mod partikolari dak taċ-ċiklun Chido f’Mayotte, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
‘‘5. Fil-każ ta’ diżastri naturali eċċezzjonali jew avvenimenti meteoroloġiċi severi li jeqirdu kompletament jew parzjalment il-kapaċità tal-produzzjoni agrikola f’reġjun ultraperiferiku, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw proposta biex jemendaw il-programm, filwaqt li japplikaw il-prinċipju tal-force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali sabiex il-benefiċjarji kkonċernati jkunu jistgħu jkomplu jirċievu l-appoġġ mill-POSEI matul il-perjodu tar-restawr fil-forma ta’ miżuri li jassistu l-produzzjoni agrikola lokali prevista fl-Artikolu 19. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-modifiki fil-programm għandha kull sena tkun soġġetta għal rieżami u monitoraġġ tal-progress f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru.”;
(2) fl-Artikolu 19, jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
‘‘5. Meta programm jiġi emendat f’konformità mal-Artikolu 6(5), il-benefiċjarji milqutin mid-diżastru naturali eċċezzjonali jew mill-avveniment meteoroloġiku sever jistgħu jkomplu jibbenefikaw minn appoġġ fil-forma ta’ miżuri li jappoġġaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, jew il-bejgħ previsti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, irrispettivament mil-livell ta’ attività tagħhom matul il-perjodu tar-restawr, iżda soġġetti għal impenn formali li jirrestawraw il-kapaċità tal-produzzjoni agrikola tagħhom.”;
(3) fl-Artikolu 22, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:
‘‘3. B’deroga mill-Artikolu 6a (5) tar-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*, Mayotte tista’ tapprova applikazzjonijiet għall-appoġġ wara t-30 ta’ Ġunju 2025.
4. Fil-programm tal-iżvilupp rurali ta’ Mayotte, l-appoġġ tal-FAEŻR previst għall-miżura msemmija fl-Artikolu 6a tar-Regolament (UE) 2020/2220 ma għandux jaqbeż il-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR għal dak il-programm tal-iżvilupp rurali għas-snin 2021–2022.
*
Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1, ELI:
http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2220/oj
).’.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President