Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0157

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2025/001 BE/BelGaN

COM/2025/157 final

Brussell, 7.7.2025

COM(2025) 157 final

2025/0198(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2025/001 BE/BelGaN


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 .

2.Fil-21 ta’ Frar 2025, il-Belġju ippreżenta l-applikazzjoni EGF/2025/001 BE/BelGaN għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji f’BelGaN BV (BelGaN) fil-Belġju.

3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2025/001 BE/BelGaN

Stat Membru

Il-Belġju

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2 2 )

Il-Provinċja ta’ Flanders tal-Lvant (BE23)

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

21 ta’ Frar 2025

Data tal-konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni

21 ta’ Frar 2025

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

1 ta’ April 2025

Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

23 ta’ April 2025

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

7 ta’ Lulju 2025

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691


Intrapriża primarja

BelGan BV


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Settur(i) ta’ attività ekonomika

(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 3

Diviżjoni 26 (Manifattura ta’ prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi)

Perjodu ta’ referenza (4 xhur):

31 ta’ Lulju 2024 – 30 ta’ Novembru 2024

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu referenzjarju (a)

417

Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu referenzjarju (b)

0

Għadd totali ta’ sensji (a + b)

417

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

417

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

417

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

1 052 607

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 4 (EUR)

43 500

Baġit totali (EUR)

1 096 107

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)

931 690

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Il-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2025/001 BE/BelGaN fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691, fil-21 ta’ Frar 2025. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data. Il-Kummissjoni kellha f’idha t-traduzzjoni tal-applikazzjoni fit-28 ta’ Marzu 2025 u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Belġju fl-1 ta’ April 2025. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum tax-xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni mimlija li fiha l-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tiskadi fis-7 ta’ Lulju 2025.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tirrigwarda 417-il ħaddiem issensjati li l-attività tagħhom waqfet f’BelGaN BV (BelGaN). L-intrapriża kienet topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi). Is-sensji mogħtija minn BelGaN jinsabu fir-reġjun NUTS 2 tal-Provinċja ta’ Flanders tal-Lvant (BE23).

Kriterji ta’ intervent

6.Il-Belġju ssottometta l-applikazzjoni fl-ambitu tal-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/691, li jirrikjedi l-waqfien tal-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu referenzjarju ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema ssensjati f’fornituri u fi produtturi downstream u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu referenzjarju ta’ 4 xhur għall-applikazzjoni jibda mill-31 ta’ Lulju 2024 sat-30 ta’ Novembru 2024.

8.Matul il-perjodu referenzjarju kien hemm 417-il ħaddiem issensjati f’BelGaN.

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

9.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjati kollha matul il-perjodu referenzjarju ġie kkalkolat mid-data tan-notifika individwali tal-impjegatur għall-għoti tas-sensja jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa 417.

Deskrizzjoni tal-eventi li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

11.L-event li wassal għal dawn is-sensji huwa l-falliment ta’ BelGaN.

12.BelGaN kienet ħadet f’idejha l-faċilitajiet tal-produzzjoni u tar-riċerka u żvilupp ta’ Onsemi 5 f’Oudenaarde bil-għan li tavvanza t-teknoloġiji taċ-ċipep tan-nitrur tal-gallju (GaN). Il-GaN għandu potenzjal sinifikanti fl-industrija tas-semikondutturi, billi joffri titjib sostanzjali fil-prestazzjoni u fl-effiċjenza fuq iċ-ċipep tradizzjonali bbażati fuq is-siliċju.

13.BelGaN, li tippromwovi lilha nnifisha bħala manifattur tas-semikondutturi ffokat fuq is-settur awtomobilistiku, fittxet b’mod attiv investituri ġodda biex imexxu t-tranżizzjoni tagħha intensiva fil-kapital minn manifattur ta’ ċipep ibbażati fuq is-siliċju għal manifattur ta’ ċipep bbażati fuq in-nitrur tal-gallju. Madankollu, il-wegħda tal-GaN ma kinitx biżżejjed biex iżżomm lill-intrapriża għaddejja.

14.BelGaN qalgħet daqqa ta’ ħarta fl-2023, meta rreġistrat telf nett ta’ EUR 8,3 miljun fuq EUR 55 miljun fi dħul 6 , attribwit għaż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija, tal-kimiċi u dawk lavorattivi.

15.L-intrapriża ma setgħetx tiġbor investiment suffiċjenti, u fl-aħħar mill-aħħar dan wassal għall-falliment tagħha. BelGaN waqqfet l-operazzjonijiet u ddikjarat falliment fit-30 ta’ Lulju 2024, li rriżulta f’417-il sensja.

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u tal-impjiegi

16.Fil-Belġju, il-fallimenti ilhom jiżdiedu sa mill-2022. Fl-2024, aktar minn 11 000 intrapriża ddikjaraw falliment, li minnhom 57 % kienu fi Flanders, l-ogħla numru mill-2013. B’riżultat ta’ dan, intilfu 32 566 impjieg (59 % fi Flanders), 18,3 % aktar milli fl-2023 7 .

17.Barra minn hekk, eventi reċenti ta’ ristrutturar bħalma huma s-sensji f’Van Hool 8 , Sappy u Purmo 9 , li għalihom il-Belġju applika għall-appoġġ mill-FEG, qed jaffettwaw is-suq tax-xogħol Fjamming: l-opportunitajiet ta’ impjieg fl-industrija naqsu.

18.Oudenaarde 10 huwa t-territorju l-aktar affettwat mis-sensji f’BelGaN. L-għadd ta’ persuni qiegħda li qed ifittxu impjieg f’Oudenaarde żdied b’9 % sena wara sena f’Diċembru 2024. Iż-żieda kienet partikolarment sinifikanti fost il-ħaddiema qiegħda b’livell għoli ta’ ħiliet u b’livell medju ta’ ħiliet (+13,5 % u +12,9 % rispettivament), filwaqt li fost dawk b’livell baxx ta’ ħiliet kienet ta’ 3 % 11 .

19.F’Oudenaarde, l-għadd ta’ postijiet tax-xogħol vakanti rrappurtati mill-impjegaturi lill-VDAB 12 , is-servizz pubbliku Fjamming tal-impjiegi, naqas bi 17,7 % sena wara sena fl-2024 13 . L-għadd ta’ opportunitajiet ta’ impjieg segwa l-istess xejra ’l isfel, fejn naqas b’21,8 % fl-2024 meta mqabbel mal-2023, jew bi 32,4 % jekk jitqiesu biss l-okkupazzjonijiet industrijali, li jindika suq tax-xogħol li qed jibred 14 .

20.Skont il-VDAB, il-kombinazzjoni ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ man-nuqqas ta’ interess fl-STEM 15 fost iż-żgħażagħ tagħmilha diffiċli biex jiġu sostitwiti l-ħaddiema li qed jirtiraw f’impjiegi industrijali, li jista’ jinbidel f’vantaġġ għall-eks impjegati ta’ BelGaN fit-tranżizzjoni tax-xogħol.

Applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)

21.Il-Belġu ddeskriva kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar.

22.Il-Belġju rrapporta li l-liġi nazzjonali tax-xogħol 16 dwar il-ġestjoni attiva tar-ristrutturar tirrikjedi li l-intrapriżi li jkunu għaddejjin minn ristrutturar jistabbilixxu unità tal-impjiegi, li l-għan tagħha huwa li tipprovdi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kuntest ta’ sensji kollettivi bi 30 siegħa ta’ servizzi ta’ rikollokament f’perjodu ta’ 3 xhur (60 siegħa f’6 xhur għall-ħaddiema li għandhom aktar minn 45 sena). Peress li dan l-obbligu legali ma japplikax fil-każ ta’ falliment, il-VDAB għamel is-servizzi ta’ rikollokament disponibbli għall-ħaddiema bir-riżorsi tiegħu stess.

23.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jassisti lill-ħaddiema ssensjati, il-Belġju rrapporta li l-ewwel miżuri biex jappoġġa lill-ħaddiema (sessjonijiet ta’ informazzjoni u reġistrazzjoni) tnedew fil-21 ta’ Awwissu 2024, 3 ġimgħat wara l-falliment, u s-servizzi ta’ rikollokament imsemmija hawn fuq ġew organizzati ftit wara. Fis-17 ta’ Ottubru 2024 saret fiera tal-impjiegi 17 .

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

24.Il-Belġju kkonferma li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

25.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

26.Il-falliment ta’ BelGaN ma kienx mistenni. Bi qbil mar-rappreżentanti tal-ħaddiema: il-Federazzjoni Ġenerali Belġjana tax-Xogħol (ABVV) 18 u l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Kristjani (ACV) 19 , il-VDAB iddeċieda li jibda immedjatament jipprovdi l-miżuri lill-ħaddiema, pjuttost milli jistenna akkwiżizzjoni possibbli. Għalhekk, kienu possibbli biss preparazzjonijiet limitati.

Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti

Benefiċjarji fil-mira

27.Il-ħaddiema kollha ssensjati huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell ta’ edukazzjoni hija kif ġej:

Kategorija

L-għadd ta’
benefiċjarji mistennija

Ġeneru:

Irġiel:

333

(79,9 %)

Nisa:

84

(20,1 %)

Mhux binarji

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

Taħt it-30 sena:

58

(13,9 %)

Bejn it-30 u l-54 sena:

328

(78,7 %)

Iktar minn 54 sena:

31

(7,4 %)

Livell ta’ edukazzjoni

Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas 20  

39

(9,4 %)

Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell 21 jew postsekondarja 22

232

(55,6 %)

Edukazzjoni terzjarja 23

146

(35,0 %)

Miżuri proposti

28.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett ikkoordinat personalizzat li għandu jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:

Sessjonijiet ta’ Informazzjoni huwa l-ewwel servizz offrut lill-ħaddiema kollha ssensjati. Matul is-sessjonijiet, il-konsulenti tal-intervent soċjali jinfurmaw lill-ħaddiema dwar l-appoġġ disponibbli biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom għall-impjieg.

Rikollokament: Din il-miżura tikkomplementa s-servizzi ta’ rikollokament offruti mill-VDAB deskritti fil-paragrafu 14. Hija tinkludi valutazzjoni tal-ħiliet diġitali, assistenza għat-tiftix ta’ impjieg, jew assistenza lejn l-impjieg indipendenti. Hemm ukoll sessjonijiet ta’ valutazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-persuna li qed tfittex impjieg tissodisfax id-domandi tas-suq tax-xogħol, jew jekk it-tfittxija ta’ impjieg hijiex realistika. L-appoġġ jiffoka wkoll fuq it-tħejjija tal-ħaddiema għal applikazzjonijiet futuri għax-xogħol, billi jgħinhom jiktbu CVs jew ittri ta’ akkumpanjament konvinċenti, u jipprattikaw kif imorru tajjeb fl-intervisti tax-xogħol.

Il-persuni li ma għandhomx ħiliet diġitali se jirċievu taħriġ bażiku fl-ICT u appoġġ addizzjonali permezz ta’ digibanks, fejn il-ħaddiema jistgħu jissellfu laptop, jirċievu taħriġ dwar kif jużawh, u jingħataw tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom marbuta mal-qasam diġitali. Dawk li diġà għandhom xi ħiliet diġitali jistgħu jtejbuhom permezz ta’ webinars u għodod online oħra, bħal 123digit.be.

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: Il-ħaddiema jitħarrġu f’perkorsi speċifiċi ta’ tagħlim imfassla biex itejbu l-ħiliet tekniċi u diġitali tagħhom, u biex jiżviluppaw ħiliet relatati ma’ oqsma li qed jesperjenzaw nuqqas ta’ ħaddiema jew mat-tranżizzjoni ekoloġika. Wara qbil ta’ proġetti individwali mal-konsulent vokazzjonali, il-ħaddiema se jiġu offruti taħriġ immirat biex jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati. Huma se jkollhom ukoll aċċess għal firxa wiesgħa ta’ taħriġ, inkluż dak ipprovdut mill-VDAB jew mill-fornituri tat-taħriġ.

Taħriġ fuq il-post tax-xogħol: Il-ħaddiema jirċievu taħriġ fuq il-post tax-xogħol fl-intrapriża li se timpjegahom wara t-taħriġ. Skont il-ħtiġijiet tal-ħaddiem, it-taħriġ jista’ jdum bejn 4 ġimgħat u 26 ġimgħa. It-taħriġ jiġi segwit minn kuntratt ta’ impjieg, jew permanenti jew għal terminu fiss ta’ mill-inqas l-istess durata tat-taħriġ.

Fiera tal-impjiegi: Dan l-event ta’ reklutaġġ jgħin biex jiġbor flimkien lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg u lill-impjegaturi li jkunu qed ifittxu li jimlew il-postijiet vakanti tagħhom. Qabel ma jattendu għall-event, is-sessjonijiet ta’ konsulenza jgħinu fit-tħejjija tal-laqgħa ma’ impjegaturi potenzjali.

Assistenza għat-tiftix ta’ impjieg: Dan jinkludi sessjonijiet ta’ taħriġ individwali u kollettivi ma’ medjatur vokazzjonali, appoġġ għall-applikazzjoni u t-tħejjija ta’ intervisti tax-xogħol, taħriġ bejn il-pari, u żjarat f’intrapriżi bi bżonnijiet ta’ reklutaġġ.

Tfittxija tal-impjiegi u tqabbil tal-impjiegi: Tim dedikat se jfittex postijiet tax-xogħol vakanti qabel ma jiġu ppubblikati u jgħin lill-aħjar kandidati fost l-eks ħaddiema ta’ BelGaN japplikaw għal dawn il-pożizzjonijiet. L-eventi ta’ reklutaġġ se jiġu organizzati wkoll kull 3 xhur.

29.It-taħriġ fl-ICT u l-appoġġ addizzjonali previsti fi ħdan is-servizzi ta’ rikollokament u xi wħud mit-taħriġ offruti jippermettu t-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691.

30.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri ta’ politika attivi tas-suq tax-xogħol fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli, stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

31.Il-Belġju pprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju kkonferma li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

Baġit stmat

32.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 1 096 107, li jinkludu nefqa ta’ EUR 1 052 607 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 43 500 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.

33.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 931 690 (85 % tal-kostijiet totali).

34.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Belġju speċifika li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti mill-VDAB.

Miżuri

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant 
(EUR) 24

Kostijiet totali stmati

(EUR) 25  

Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)

Sessjonijiet ta’ informazzjoni
(
Sociaal Interventieadviseur)

417

182

76 088

Rikollokament
(
Actieve bemiddeling naar werk) 

200

550

110 000

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid
(
Aanbod opleiding in eigen beheer, Opleiding in kader van SIFbudget, Aanbod erkende opleidingen bij partners) 

65

6 874

446 808

Taħriġ fuq il-post tax-xogħol
(
Opleiding in de onderneming)

10

960

9 600

Fieri tal-impjiegi
(
Jobbeurs) 

144

10

1 500

Assistenza għat-tiftix ta’ impjieg
(
Tiftix ta’ impjieg)

130

1 738

226 000

Tfittxija tal-impjiegi u tqabbil tal-impjiegi
(
Reklutaġġ kbir) 

130

1 404

182 611

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

1 052 607

(96,03 %)

Attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

11 000

2. Ġestjoni

15 000

3. Informazzjoni u pubbliċità

2 500

4. Kontroll u rapportar

15 000

Subtotal (b):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

43 500

(3,97 %)

Kostijiet totali (a + b):

1 096 107

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-kostijiet totali)

931 690

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

35.Il-Belġju beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fit-8 ta’ Awwissu 2024. In-nefqa fuq il-miżuri għalhekk se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-8 ta’ Awwissu 2024 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

36.Il-Belġju beda jġarrab in-nefqa amministrattiva biex jimplimenta l-FEG fil-31 ta’ Lulju 2024. In-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, u ta’ kontroll u rapportar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-31 ta’ Lulju 2024 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll

37.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-VDAB. Il-pagamenti se jsiru mis-servizz finanzjarju tal-VDAB. Id-Dipartiment tal-Finanzi u l-Baġit - Unità tal-Awditjar tal-Awtorità tal-Awditjar Fjamminga għall-Fondi Strutturali Ewropej hija l-awtorità tal-awditjar għall-FEG.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

38.Il-Belġju ta l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,

kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawk ir-regoli se jiġu rrispettati fil-każ ta’ azzjonijiet komplementari ffinanzjati b’mezzi nazzjonali.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

39.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 26 emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 27 .

40.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 931 690, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

41.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 28 .

Atti relatati

42.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 931 690 għal-linja baġitarja rilevanti.

43.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 29 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.

2025/0198 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2025/001 BE/BelGaN

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 30 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 31 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ eventi ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom biex jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 32 emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 33 , u fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.

(3)Fil-21 ta’ Frar 2025, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema f’BelGaN BV fil-Belġju. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies li tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 .

(4)Għalhekk, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 931 690 fir-rigward tal-applikazzjoni ppreżentata mill-Belġju.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2025, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 931 690 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tapplika minn [id-data meta tiġi adottata] 35*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1-56.
(3)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(4)    F’konformità mal-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691.
(5)    Manifattur Amerikan tas-semikondutturi.
(6)     Staatsbladmonitor
(7)    Sors: Statbel
(8)    COM(2025) 1
(9)    COM(2024) 370
(10)    Id-Distrett Amministrattiv ta’ Oudenaarde.
(11)    Sors: Arvastat .
(12)    Vlaamse Dienst voor Arbeidsbemiddeling en Beroepsopleiding (VDAB)
(13)    Sors: Arvastat .
(14)    Sors:VDAB. Informazzjoni mhux ippubblikata mill-mstr-dashboard tal-VDAB.
(15)    STEM, l-akronimu użat biex jiġbor flimkien id-dixxiplini tekniċi distinti iżda relatati tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
(16)    Id-Digriet Reġju tal-10 ta’ Novembru 2006 li jemenda d-Digriet Reġju tad-9 ta’ Marzu 2006.
(17)    Il-fiera tal-impjiegi saret fis-Sint-Jozefskerk f’Oudenaarde. Fiha pparteċipaw 34 intrapriża.
(18)    Algemeen Belgisch Vakverbond.
(19)    Algemeen Christelijk Vakverbond.
(20)    ISCED 0-2
(21)    ISCED 3
(22)    ISCED 4
(23)    ISCED 5-8
(24)    Biex jiġu evitati d-deċimali, il-kostijiet stmati għal kull ħaddiem ġew ittondjati. Madankollu, it-tqarrib ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura, li jibqa’ bħal fl-applikazzjoni sottomessa mill-Belġju.
(25)    It-totali ma jaqblux minħabba l-ittondjar.
(26)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(27)    ĠU L, 2024/765, 29.2.2024.
(28)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(29)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni), ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024.
(30)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(31)    ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28
(32)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(33)    ĠU L, 2024/765, 29.2.2024.
(34)    COM(2025) 157.
(35) *    Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
Top