IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.3.2025
COM(2025) 119 final
2025/0063(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (“Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni”) bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO, Palestine Liberation Organisation) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ rakkomandazzjoni li tikkonċerna l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni
Il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) f’isem l-Awtorità Palestinjana (“il-Ftehim”) mill-1997 jifforma l-bażi legali għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana (AP). Il-Ftehim jipprevedi aċċess mingħajr dazju għas-swieq tal-UE għall-prodotti industrijali Palestinjani, u t-tneħħija gradwali tat-tariffi fuq l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Palestina fuq ħames snin. Skont l-Artikolu 1, il-Ftehim għandu l-għan li:
–jipprovdi qafas xieraq għal djalogu komprensiv, li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mill-qrib bejn il-Partijiet;
–jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ;
–irawwem l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bbilanċjati bejn il-Partijiet permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni;
–jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża;
–jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali sabiex tiġi kkonsolidata l-koeżistenza paċifika u l-istabbiltà ekonomika u soċjali;
–jippromwovi l-kooperazzjoni f’oqsma oħrajn li huma ta’ interess reċiproku.
Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt huwa stabbilit fl-Artikolu 63 tal-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni. Dan għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim kif ukoll f’każijiet oħra neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fih. Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom ikunu jorbtu lill-Partijiet legalment. Skont l-Artikolu 63(2), il-Kumitat Konġunt jista’ wkoll jifformula kwalunkwe riżoluzzjoni, rakomandazzjoni, jew opinjoni li hu jikkonsidra mixtieqa għall-kisba tal-objettivi komuni u għall-funzjonament bla xkiel tal-Ftehim. Għall-kuntrarju tad-deċiżjonijiet, tali rakkomandazzjonijiet mhumiex vinkolanti fuq il-Partijiet.
Il-kariga ta’ President tal-Kumitat Konġunt għandha tinżamm b’mod alternat mill-UE u mill-Awtorità Palestinjana skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura u għandha tiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu fuq l-inizjattiva tal-President tagħha.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta rakkomandazzjoni li tirrigwarda l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP (l-“att previst”). Skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, ir-rakkomandazzjoni se tiġi adottata permezz tal-proċedura bil-miktub.
L-għan tal-att previst huwa li l-validità tal-Pjan ta’ Azzjoni UE– PA tiġi estiża b’sentejn, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Skont l-Artikolu 63 tal-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt mhumiex legalment vinkolanti. Madankollu, minħabba li l-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi b’mod espliċitu l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Konġunt fl-Artikolu 63(2), tali rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu li għandhom effetti legali.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni għall-estensjoni b’sentejn tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP hija bbażata fuq it-test tar-rakkomandazzjoni annessa ma’ din id-Deċiżjoni.
Iż-żewġ Partijiet ikkonfermaw b’mod ripetut ir-rikkezza u l-vitalità tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-AP u l-impenn sħiħ tagħhom għat-tkomplija tal-iżvilupp ta’ dawn ir-relazzjonijiet fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku.
Il-kunflitt reċenti fl-Istrixxa ta’ Gaża u l-waqfien mill-ġlied fraġli u l-volatilità fir-reġjun ma jipprovdux ambjent li jwassal għal involviment f’diskussjonijiet strateġiċi. L-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni toffri perjodu itwal għal involviment fi djalogu strateġiku. Il-pjan ta’ Azzjoni huwa konformi mal-Politika Ewropea tal-Viċinat u jikkumplementa l-Istrateġija Konġunta tal-UE għall-Palestina. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja għal Patt ġdid għall-Mediterran u ta’ Strateġija ġdida għal-Lvant Nofsani, kif ukoll diskussjonijiet dwar programm pluriennali komprensiv biex jappoġġa l-Awtorità Palestinjana, l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni hija fl-interess tal-Partijiet peress li tistipula objettivi prijoritarji bħala objettivi komplementari (politiċi, ekonomiċi, kooperazzjoni settorjali, oħrajn) biex tavvanza r-relazzjoni bilaterali.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt huwa korp imwaqqaf bi ftehim, speċifikament il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni.
L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali.
L-att previst għandu effetti legali minħabba li l-Artikolu 63(2) tal-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi b’mod espliċitu l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Konġunt li għalhekk għandhom effetti legali skont id-dritt internazzjonali u se jestendi l-Pjan ta’ Azzjoni attwali bejn l-UE u l-AP għal sentejn.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw kooperazzjoni ma’ pajjiż terz, inkluża l-kooperazzjoni politika, ekonomika, settorjali, u oħrajn, fil-qafas ta’ ftehim interim ta’ assoċjazzjoni, adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 207 u 209 TFUE, u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikoli 207 u 209 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażiijiet legali tad-deċiżjoni proposta jkunu l-Artikoli 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt se jbiddel it-tul tal-Pjan ta’ Azzjoni UE– AP, ikun xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu, f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt UE – AP.
2025/0063 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Interim Ewro-Mediterranju, dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea (“il-Ftehim”) minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra ġie konkluż mill-Unjoni permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fl-24 ta’ Frar 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997.
(2)Fid-dawl tal-kunflitt reċenti fl-Istrixxa ta’ Gaża wara l-attakki terroristiċi brutali tal-Ħamas fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023 u l-waqfien mill-ġlied fraġli u l-volatilità fir-reġjun.
(3)L-UE tipprevedi li tadotta Patt ġdid għall-Mediterran u Strateġija ġdida għal-Lvant Nofsani, kif ukoll appoġġ pluriennali lill-Awtorità Palestinjana.
(4)Il-Partijiet jaqblu li l-Pjan ta’ Azzjoni attwali jkompli jirrifletti s-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AP u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju Interim ta’ Assoċjazzjoni.
(5)Skont l-Artikolu 63 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.
(6)Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-rakkomandazzjoni dwar l-estensjoni b’sentejn tal-Pjan ta’ Azzjoni UE – AP permezz ta’ proċedura bil-miktub.
(7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt peress li r-rakkomandazzjoni se jkollha effetti legali.
(8)L-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni b’sentejn se tagħti opportunità sħiħa lill-Partijiet biex jagħmlu progress fil-kooperazzjoni tagħhom fis-snin li ġejjin, inkluż permezz tal-possibbiltà li jiġu negozjati prijoritajiet ta’ sħubija,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President