Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025PC0091

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

COM/2025/91 final

Brussell, 7.3.2025

COM(2025) 91 final

2025/0048(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li temenda l-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor 1 , li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Qafas ta’ Windsor

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Fis-27 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern tar-Renju Unit laħqu ftehim politiku fil-prinċipju dwar il-Qafas ta’ Windsor. Fl-24 ta’ Marzu 2023, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ adotta l-arranġamenti l-ġodda relatati mal-Qafas ta’ Windsor u ż-żewġ Partijiet qablu li jaħdmu flimkien b’mod intensiv u leali biex jimplimentaw l-elementi kollha tal-Qafas ta’ Windsor.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit. Huwa kopresedut mill-Unjoni u mir-Renju Unit. L-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena jew fuq talba tal-Unjoni jew inkella tar-Renju Unit, u jistabbilixxi l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda tiegħu permezz ta’ kunsens reċiproku.

Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt huma stipulati fl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u prinċipalment huma:

·is-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim direttament jew permezz tal-ħidma tal-kumitati speċjalizzati li jirraportaw lilu;

·l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, inklużi emendi tal-Ftehim fil-każijiet previsti fih;

·il-prevenzjoni ta’ problemi u s-soluzzjoni ta’ tilwim li jistgħu jinqalgħu rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Fil-laqgħa tiegħu li jmiss, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor (“l-att previst”), skont l-Artikolu 13(4) tiegħu.

L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. F’konformità mar-Regola 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt u tal-Kumitati Speċjalizzati, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt se jispeċifikaw id-data li fiha jidħlu fis-seħħ.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.    Anness 2 (“Dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(4)”) tal-Qafas ta’ Windsor

L-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor fih id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 5(4) tiegħu.

Fit-23 ta’ Ottubru 2024, l-Unjoni adottat Regolament dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali (ir-Regolament (UE) 2024/2847 2 ).

Ir-Regolament (UE) 2024/2847 jistabbilixxi r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali. Għandu kamp ta’ applikazzjoni wiesa’; eżempji jinkludu mikroċipep tal-kompjuter, sistemi operattivi, applikazzjonijiet għall-apparti mobbli, kif ukoll makkinarju u ġugarelli konnessi. Ladarba jkun applikabbli, il-manifatturi ta’ tali prodotti se jkollhom jiżguraw livell xieraq ta’ ċibersigurtà bbażat fuq riskji relatati.

Dan l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat, ħlief għall-Artikoli 5 u 67, huwa relatat mas-suq intern għall-oġġetti u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor. Għalhekk, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67, għandu jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor, taħt il-punt 47 “Oħrajn”.

L-Artikoli 66 u 68 tar-Regolament diġà huma applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor peress li dawn id-dispożizzjonijiet jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti elenkata fl-Anness 2 tal-Qafas.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim dwar il-Ħruġ.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

L-att previst ma jissupplementax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-uniku objettiv u kontenut tal-att previst huwa li jiżdied att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

Il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kienet ibbażata fuq l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Għaldaqstant, u f’konformità mal-prinċipju bażiku li att jista’ jiġi emendat biss b’att tal-istess tip, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 50(2) TUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 50(2) TUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2025/0048 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)Skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor 5 , li jifforma parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tiegħu (“il-Kumitat Konġunt”) għandu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet biex jemenda l-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor billi jżid atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor, iżda li la jemendaw u lanqas jissostitwixxu l-atti tal-Unjoni elenkati fl-Annessi tal-Qafas ta’ Windsor.

(3)L-Artikoli 66 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 huma applikabbli skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor. Il-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament huma dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor li jenħtieġ li jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor. Dan ma japplikax għall-Artikoli 5 u 67 ta’ dak ir-Regolament.

(4)Il-Kumitat Konġunt, fil-laqgħa tiegħu li jmiss, jenħtieġ li jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor li żżid l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67 tiegħu, mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid l-att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Kumitat Konġunt”) għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87 .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika), ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj .
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258 , il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1–6,  http://data.europa.eu/eli/dec/2020/135/oj .
(5)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87 .
(6)    ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj .
Top

Brussell, 7.3.2025

COM(2025) 91 final

ANNESS

ta'

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor












ANNESS

ID-DEĊIŻJONI NRU […]/2025 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’...

li żżid att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 1 (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor 2 ,

Billi:

(1)L-Artikolu 13(4) tal-Qafas ta’ Windsor jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt”) biex jadotta deċiżjonijiet li jżidu atti tal-Unjoni li jkunu għadhom kif ġew adottati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor mal-Annessi rilevanti tal-Qafas ta’ Windsor.

(2)Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti fuq l-Unjoni u fuq ir-Renju Unit. L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jimplimentaw tali deċiżjonijiet, li jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(3)L-Artikoli 66 u 68 tar-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) 3 huma applikabbli skont l-Artikolu 13(3) tal-Qafas ta’ Windsor. Il-bqija tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67 tiegħu, huma dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni li għadu kif ġie adottat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Qafas ta’ Windsor li jenħtieġ li jiżdied mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) 4 , bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 u 67, għandhom jiżdiedu mal-Anness 2 tal-Qafas ta’ Windsor taħt il-punt 47 “Oħrajn”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti

(1)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7, ELI:  http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2020/sign .
(2)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta Nru 1/2023 tal-Unjoni u tar-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Marzu 2023 ( ĠU L 102, 17.4.2023, p. 87 ).
(3)    ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj .
(4)    ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj .
Top