IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.1.2025
COM(2025) 7 final
2025/0003(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 fir-rigward tal-estensjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Polonja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem, “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, huwa u jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Bl-ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2024 u fl-1 ta’ Ottubru 2024, il-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tkompli tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-fatturazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), biex jibqa’ jiġi applikat il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi fil-Polonja. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja bl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2024. Bl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.
Id-deroga li għaliha qed tintalab estensjoni għall-ewwel ingħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 għal perjodu mill-1 ta’ Marzu 2019 sat-28 ta’ Frar 2022 u ġiet estiża għall-ewwel darba bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/559 tal-5 ta’ April 2022 għal perjodu sat-28 ta’ Frar 2025.
F’konformità mat-tieni pararafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310, il-Polonja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni dwar l-impatt kumplessiv fuq il-livell ta’ frodi u fuq persuni taxxabbli li ġie rreġistrat mal-Kummissjoni fit-13 ta’ Novembru 2023.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Wara perjodu ta’ sistema volontarja ta’ ħlas maqsum, u wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310, il-Polonja introduċiet il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum fir-rigward ta’ ċerti provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi. Dan ifisser li, jekk isseħħ provvista ta’ merkanzija jew servizzi fl-ambitu ta’ dak il-mekkaniżmu (fatturi, għal merkanzija u servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni, b’ammont gross totali (inkluż il-VAT) ta’ aktar minn PLN 15 000), il-fornitur għandu, minbarra l-kont bankarju regolari tiegħu, ikollu l-hekk imsejjaħ kont tal-VAT separat u mblukkat. L-ammont nett (eskluż il-VAT) jiġi ttrasferit fil-kont bankarju regolari tal-fornitur u l-ammont tal-VAT jiġi ttrasferit f’dak il-kont tal-VAT separat. Filwaqt li l-fondi tal-kont imblukkat jibqgħu proprjetà tal-fornitur, dawn il-fondi jistgħu jintużaw biss għal finijiet speċifiċi, bħall-ħlas tal-VAT dovuta lill-awtorità tat-taxxa jew il-VAT li tirriżulta minn fatturi riċevuti minn fornituri oħra. F’każ li l-VAT tal-input ikun jeċċedi l-VAT tal-output, trid issir rifużjoni fil-kont regolari tal-persuna taxxabbli fi żmien 60 jum.
Biex is-sistema tiffunzjona, huwa meħtieġ li l-fatturi, għall-provvisti fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum, jinkludu dikjarazzjoni speċjali li l-VAT għandha titħallas fil-kont bankarju separat tal-VAT tal-fornitur għal pagamenti magħmula bi trasferimenti bankarji. Sabiex dan ikun possibbli, hemm bżonn li ssir deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT li jistipula li d-dettalji enumerati f’dak l-artikolu biss jistgħu jkunu meħtieġa fuq il-fatturi; id-dettalji fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum ma humiex previsti f’dak l-artikolu.
Wara l-ewwel estensjoni għal perjodu sal-aħħar ta’ Frar 2025, kif imsemmi hawn fuq, il-Polonja issa talbet estensjoni oħra peress li tqis li l-miżura ta’ deroga, meħtieġa għall-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum, kellha impatt pożittiv.
Minbarra l-estensjoni, il-Polonja talbet li tissostitwixxi l-anness attwali ta’ merkanzija u servizzi li l-provvisti tagħhom huma soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum. Bħalissa, il-lista hija bbażata fuq il-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Prodotti u s-Servizzi (PKWiU 2015). Madankollu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa ppjanat li s-sistema ta’ klassifikazzjoni nazzjonali tiġi sostitwita bin-Nomenklatura Magħquda għall-identifikazzjoni tal-merkanzija. Sabiex tiġi evitata l-ħtieġa li tiġi aġġornata d-deroga matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha, il-Polonja talbet li l-lista tiġi sostitwita b’150 partita individwali b’lista aggregata u simplifikata ta’ 13-il kategorija li jkopru l-istess suġġett. Il-Polonja kkonfermat li, bl-introduzzjoni ta’ din il-lista simplifikata, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mhux se jiġi estiż.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Id-deroga hija bbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT bil-ħsieb li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex ikunu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. Il-Polonja talbet il-miżura ta’ deroga sabiex tiġġieled l-evażjoni tat-taxxa fis-setturi li fihom instab li kien hemm frodi tal-VAT għal diversi snin. Id-deroga hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti.
F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1552, l-Italja ġiet awtorizzata testendi deroga simili fir-rigward tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ ħlas maqsum għal ċerti provvisti speċifiċi.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Id-deroga hija limitata fiż-żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni huwa mmirat lejn il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi f’setturi speċifiċi li jqajmu problemi konsiderevoli ta’ frodi tat-taxxa.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-deroga, il-Polonja trid tissottometti rapport dwar il-funzjonament u l-effettività tal-miżura fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli (rigward ir-rifużjonijiet tal-VAT, il-piż amministrattiv, l-kostijiet possibbli għall-persuni taxxabbli, eċċ.) f’każ li l-Polonja titlob li tkun awtorizzata testendi l-miżura speċjali.
Għalhekk, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, li tkun tista’ ssir deroga mir-regoli komuni tal-VAT. L-iktar strument adattat huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill peress li din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba tal-Polonja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tawtorizza lill-Polonja tkompli tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tippermetti l-funzjonament tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti speċifiċi ta’ merkanzija u servizzi kif stabbiliti f’lista restrittiva.
Kif imsemmi, il-Polonja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni kif mitlub mid-deroga preċedenti.
Minn dan ir-rapport, jidher li, mill-aħħar estensjoni, il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum kompla jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-frodi (karusell), l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu pprovda l-garanzija li l-klijent ma jistax involontarjament ikun involut fi prattiki frawdolenti tal-fornitur li għalihom jista’ jinżamm responsabbli in solidum.
Ir-rifużjonijiet tal-VAT u r-rilaxx ta’ fondi mill-kontijiet tal-VAT żdiedu (minn medja ta’ 27,56 jum fl-2018 għal 19,41 jum fl-2022) u tejbu l-likwidità finanzjarja tal-persuni taxxabbli. Il-kostijiet amministrattivi naqsu hekk kif f’għadd ta’ każijiet, il-mekkaniżmu ssostitwixxa l-mekkaniżmu tar-reverse charge li għalih kienu meħtieġa aktar obbligi ta’ rapportar. Barra minn hekk, il-persuni taxxabbli, stabbiliti fil-Polonja jew fi Stat Membru ieħor, ma jġarrbux kostijiet għall-ftuħ ta’ kont tal-VAT ma’ bank fil-Polonja. F’każ li l-bank jitlob tariffi għaż-żamma ta’ kont tal-VAT, dawn il-kostijiet imġarrba jiġu rimborżati mill-awtorità tat-taxxa kompetenti.
Xi ċifri u sejbiet ewlenin oħra tar-rapport huma stabbiliti hawn taħt.
Qabel ma daħlet fis-seħħ il-miżura, ġie stabbilit li l-frodi kumplessiva tal-VAT kienet tammonta għal PLN 5 168 779 146 fl-2018. Dan naqas għal PLN 4 716 202 928 fl-2019, PLN 3 533 646 348 fl-2020, PLN 2 672 606 551 fl-2021 u PLN 1 671 788 122 fl-2022. Fi tmiem il-perjodu ta’ rieżami fl-2022, dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 52,69 % meta mqabbel mal-2020 u tnaqqis ta’ 67,66 % mill-bidu tal-miżura.
Bl-istess mod, l-għadd ta’ proċedimenti ta’ frodi tal-VAT naqas. Qabel il-miżura, kien hemm 3 507 proċediment fl-2018. Dawn naqsu għal 3 389 fl-2019, 2 973 fl-2020 u 3 288 fl-2021. Wara żieda żgħira fl-2021, l-għadd kompla jonqos għal 2 750 fl-2022. Dan huwa tnaqqis ta’ 7,5 % meta mqabbel mal-2020 u tnaqqis ta’ 21,59 % mill-bidu tal-miżura.
Minħabba li l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum baqa’ japplika, il-frodi karusell kompliet titnaqqas. L-għadd ta’ proċedimenti mibdija għall-frodi karusell, qabel l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu, kien ta’ 558 fl-2018. Dawn naqsu għal 277 fl-2019 u għal 207 fl-2020. Komplew jonqsu għal 167 fl-2021 u 97 fl-2022. Fi tmiem l-2022, dan kien jikkostitwixxi tnaqqis ta’ 53,14 % mill-2020 u tnaqqis ta’ 82,62 % mill-bidu tal-miżura.
Għaldaqstant, ġie rreġistrat li t-telf tal-baġit identifikat minħabba l-frodi karusell tal-VAT naqas. It telf, stabbilit għal PLN 4 496 602 940 qabel l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu fl-2018, naqas għal PLN 2 468 437 745 fl-2019 u għal PLN 1 107 992 201 fl-2020. Fil-perjodu ta’ rieżami, it-telf kien jammonta għal PLN 1 229 821 973 fl-2021 u PLN 111 103 219 fl-2022. Dan ir-riżultat jikkostitwixxi tnaqqis drastiku ta’ 89,97 % meta mqabbel mal-2020 u tnaqqis ta’ 97,53 % mill-bidu tal-miżura.
Abbażi ta’ dan, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kontinwazzjoni tal-miżura, li tinvolvi deroga limitata mir-rekwiżiti tal-fatturazzjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 226 tad-Direttiva tal-VAT, hija ġġustifikata peress li se tippermetti li jiġu sostnuti l-effetti pożittivi tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum, għal għadd definit minn qabel ta’ merkanzija u servizzi. Għalhekk, huwa propost li tingħata d-deroga mill-1 ta’ Marzu 2025 sat-28 ta’ Frar 2028.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura ma hu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT.
5.ELEMENTI OĦRA
Din il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; skadenza awtomatika stabbilita.
2025/0003 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 fir-rigward tal-estensjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Polonja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310, il-Kunsill awtorizza lill-Polonja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tirrikjedi li l-fornituri jħallsu, permezz ta’ kont bankarju separat u mblukkat tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) miftuħ fil-Polonja (“mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum”), il-VAT fuq il-fatturi maħruġa b’rabta mal-provvisti, bejn persuni taxxabbli u mħallsa bi trasferimenti bankarji elettroniċi, tal-merkanzija u s-servizzi elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2022/559 estendiet l-awtorizzazzjoni sat-28 ta’ Frar 2025.
(2)Bl-ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Marzu 2024 u fl-1 ta’ Ottubru 2024, il-Polonja talbet estensjoni ulterjuri, mill-1 ta’ Marzu 2025 sat-28 ta’ Frar 2028, tal-awtorizzazzjoni biex tidderoga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-fatturazzjoni tal-VAT, sabiex tkompli tapplika l-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u ġeneralment koperti mill-proċedura li biha x-xerrej jiġi maħtur responsabbli għall-VAT fuq ċerti provvisti (l-hekk imsejjaħ “mekkaniżmu tar-reverse charge”) u b’responsabbiltà in solidum fil-Polonja.
(3)F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, bit-talba tal-Polonja, bl-ittra tad-9 ta’ Ottubru 2024. Bl-ittra tal-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.
(4)Il-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum japplika għall-merkanzija u s-servizzi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310. Dan l-Anness jikkonsisti f’lista estensiva u ddettaljata ta’ merkanzija u servizzi kklassifikati f’konformità mal-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Prodotti u s-Servizzi. Peress li l-Polonja bħalissa qed tissostitwixxi dik is-sistema ta’ klassifikazzjoni fil-livell nazzjonali bis-sistema tan-Nomenklatura Magħquda, kif stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, biex tiġi evitata l-ħtieġa li tiġi emendata l-awtorizzazzjoni għal deroga mill-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-lista fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 jenħtieġ li tiġi sostitwita b’lista simplifikata tal-kategoriji ta’ merkanzija u servizzi. Il-Polonja kkonfermat li s-sostituzzjoni tal-lista ma tinvolvix l-estensjoni tal-ambitu tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum. Għal dak l-għan, jibqa’ japplika l-obbligu ta’ notifika ta’ miżura nazzjonali lill-Kummissjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310.
(5)Ir-rapport li l-Polonja ssottomettiet fit-13 ta’ Novembru 2023, skont l-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310, dwar l-impatt kumplessiv tal-estensjoni tal-awtorizzazzjoni fuq il-livell ta’ frodi tal-VAT u fuq il-persuni taxxabbli kkonċernati juri li, peress li l-awtorizzazzjoni ġiet estiża, l-użu kontinwu tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ ħlas maqsum għal ċerti provvisti ta’ merkanzija u servizzi rriżulta fit-tnaqqis, b’mod partikolari, tal-frodi karusell fis-setturi li huma soġġetti għal dak il-mekkaniżmu, bħas-settur tal-azzar, ir-ruttam, il-metalli prezzjużi u l-fjuwils. Il-Polonja rrapportat ukoll li, meta negozjant ikun intitolat għal rifużjoni tal-VAT, l-awtoritajiet Pollakki ikun irnexxielhom inaqqsu ż-żmien ta’ rifużjoni għal inqas minn għoxrin jum, sabiex itejbu l-pożizzjoni tal-fluss tal-flus tan-negozjant.
(6)B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Għalhekk jixraq li d-deroga tiġi estiża sat-28 ta’ Frar 2028. Jenħtieġ li jibqa’ japplika l-obbligu, previst fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310, li l-Polonja tissottometti rapport ġdid dwar l-impatt kumplessiv tad-deroga, f’każ li titlob li din tiġi estiża.
(7)Il-miżura speċjali mhux se jaffettwa b’mod negattiv l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni akkumulati mill-VAT.
(8)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/310 tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/310 hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, id-data tat-“28 ta’ Frar 2025” hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2028”.
(2)l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President