IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.7.2025
COM(2025) 430 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2022/1031 dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar il-progress li sar fin-negozjati internazzjonali, rigward l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi, imwettaq skont dan ir-Regolament
Ir-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali – IPI)
(“ir-Regolament dwar l-IPI, International Procurement Instrument”) ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Ġunju 2022 u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2022.
L-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-IPI jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tissottometti, sat-30 ta’ Awwissu 2025 u mill-inqas kull sentejn minn dak iż-żmien ’il quddiem, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar il-progress li jkun sar fin-negozjati internazzjonali, fir-rigward tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi, skont dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jiġi ppubblikat mill-Kummissjoni.
Ir-Regolament dwar l-IPI jagħti wkoll mandat lill-Kummissjoni li tistabbilixxi ċerti għodod sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ dawn ir-rekwiżiti u t-Taqsima 1 tiddeskrivi l-miżuri korrispondenti meħuda. Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-IPI, il-Kummissjoni bdiet u kkonkludiet investigazzjoni waħda tal-IPI dwar il-miżuri u l-prattiki tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fis-suq tal-akkwist pubbliku għall-apparati mediċi.
Din l-ewwel investigazzjoni tal-IPI hija ppreżentata fit-Taqsima 2. Fl-aħħar nett, it-Taqsima 3 hawn taħt tipprovdi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-esperjenza tagħha bl-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI sad-data ta’ dan ir-rapport.
1.Għodod biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI
Il-Kummissjoni għamlet disponibbli għall-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għadd ta’ għodod biex tiġi ffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI, fil-forma ta’ linji gwida operazzjonali, gwida, u żewġ għodod online: għodda għall-ilmenti mmirata għall-partijiet potenzjalment affettwati mir-restrizzjonijiet fuq l-akkwist barra mill-pajjiż, u għodda ta’ spjegazzjoni mmirata biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-IPI mill-awtoritajiet kontraenti tal-Unjoni.
1.1. Linji gwida tal-Kummissjoni biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti, u mill-operaturi ekonomiċi
L-Artikolu 12 tar-Regolament dwar l-IPI jirrikjedi li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida operazzjonali biex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti, u mill-operaturi ekonomiċi, fi żmien 6 xhur mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ dan ir-rekwiżit billi ppubblikat tali linji gwida fil-21 ta’ Frar 2023 (“il-Linji Gwida”).
Il-Linji Gwida jipprovdu gwida lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti fid-determinazzjoni tal-oriġini tal-operaturi ekonomiċi, tal-oġġetti u tas-servizzi. Għall-operaturi ekonomiċi, il-kriterju huwa l-post tal-kostituzzjoni, u l-Linji Gwida jipprovdu spjegazzjoni tal-kunċett ta’ “operazzjoni ta’ negozju sostanzjali”, introdott biex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tar-Regolament dwar l-IPI permezz tal-użu ta’ kumpaniji fittizji. Fil-każ ta’ oġġetti, l-oriġini hija stabbilita f’konformità mar-regoli ta’ oriġini mhux preferenzjali skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
Fir-rigward tas-servizzi, l-oriġini hija ddeterminata minn dik tal-fornitur tas-servizzi.
Fl-aħħar nett, il-Linji Gwida jiċċaraw ir-regoli għall-applikazzjoni ta’ miżuri tal-IPI minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti, inklużi regoli dwar il-valwazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-valur tal-kuntratt huwiex taħt jew ogħla mil-limiti għall-applikazzjoni tal-miżura/i tal-IPI skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-IPI. Dawn jistabbilixxu rekwiżiti ta’ trasparenza fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku biex japplikaw miżuri tal-IPI (miżuri u esklużjonijiet tal-aġġustament tal-punteġġ) u jispjegaw ir-regoli dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-IPI għal kuntratti speċifiċi bħal kuntratti qafas.
1.2. Għodda għall-Ilmenti Online
L-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament dwar l-IPI jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel għodda online disponibbli fuq is-sit web tagħha għall-partijiet interessati tal-Unjoni u għall-Istati Membri biex formalment jissottomettu lment sostanzjat, li jista’ jwassal lill-Kummissjoni biex tibda investigazzjoni dwar miżura jew prattika allegata ta’ pajjiż terz. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ dan l-obbligu billi għamlet disponibbli għodda għall-ilmenti online (OCT, online complaint tool).
L-OCT fiha oqsma obbligatorji bħall-identità tal-ilmentatur, informazzjoni dwar l-ilment, deskrizzjoni fattwali tal-miżura u/jew tal-prattika tal-pajjiż terz u oqsma fakultattivi (eż. impatt ekonomiku jew sistemiku tal-miżura, esperjenza fl-offerti u azzjonijiet li diġà twettqu jew li huma ppjanati). Il-Kummissjoni introduċiet salvagwardji robusti biex tiżgura standard għoli ħafna ta’ kunfidenzjalità u anonimatà fit-trattament tal-ilmenti. Sal-lum, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda lment sostanzjat permezz ta’ din l-OCT dedikata. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ lmenti informali dwar l-ostakli għall-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi permezz ta’ mezzi oħrajn.
1.3. Gwida għall-partijiet interessati biex jipprovdu informazzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar l-IPI
Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar l-IPI, in-notifika ta’ bidu u l-investigazzjoni tal-IPI għandhom jistiednu lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni f’perjodu ta’ żmien speċifikat. Sabiex tinforma lill-partijiet interessati dwar kif għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufin, u biex tistruttura l-ġbir ta’ informazzjoni mill-partijiet interessati u mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ppubblikat gwida għall-partijiet interessati biex jipprovdu informazzjoni.
1.4. L-għodda online “Procurement4Buyers”
Għalkemm mhux meħtieġ mir-Regolament dwar l-IPI, il-Kummissjoni għamlet disponibbli pubblikament fuq is-sit web tagħha għodda ta’ akkwist li, fost l-oħrajn, tinforma lill-awtoritajiet kontraenti u lill-entitajiet kontraenti meta jridu jirrestrinġu l-parteċipazzjoni ta’ offerenti barranin f’konformità mal-miżuri tal-IPI. Sabiex jiġi vverifikat malajr u b’mod affidabbli liema offerenti ta’ pajjiżi terzi għandhom aċċess legalment garantit għal offerta għal akkwist maħsub, l-awtoritajiet akkwirenti u l-entitajiet akkwirenti jistgħu jużaw l-għodda “Procurement4Buyers”
li saret disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ “Acces2Markets”. Huwa biżżejjed li tiġi indikata l-identità tal-entità akkwirenti, is-suġġett u l-valur stmat tal-akkwist maħsub (il-kodiċi CPV
) u, meta jkun meħtieġ, li jitwieġbu xi mistoqsijiet ta’ segwitu. Imbagħad, l-għodda tipprovdi lill-utent b’lista pożittiva ta’ pajjiżi li l-offerenti tagħhom huma intitolati jipparteċipaw fl-akkwist, kif ukoll lista negattiva ta’ pajjiżi li l-kumpaniji tagħhom huma esklużi mill-offerti. Din il-lista tal-aħħar se tirrifletti l-eżiti tal-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-IPI.
2.L-investigazzjoni tal-IPI dwar il-miżuri u l-prattiki tar-RPĊ fis-suq tal-akkwist pubbliku għall-apparati mediċi
Fl-24 ta’ April 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet, fuq inizjattiva proprja, investigazzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar l-IPI dwar miżuri u prattiki tar-RPĊ li rriżultat fi xkiel serju u rikorrenti għall-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, tal-oġġetti u tas-servizzi tal-Unjoni għas-suq tal-akkwist pubbliku tar-RPĊ għall-apparati mediċi. F’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament dwar l-IPI, saru konsultazzjonijiet mar-RPĊ mill-24 sas-26 ta’ Lulju 2024 f’Beijing. Il-konsultazzjonijiet ma wasslux għal riżoluzzjoni sodisfaċenti tar-restrizzjonijiet fuq l-akkwist identifikati matul l-investigazzjoni.
Fl-14 ta’ Jannar 2025, mal-konklużjoni tal-investigazzjoni tagħha u tal-konsultazzjonijiet mar-RPĊ, il-Kummissjoni għamlet disponibbli pubblikament rapport skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament dwar l-IPI li fih is-sejbiet tal-investigazzjoni tagħha u kors ta’ azzjoni propost
(“ir-rapport tal-investigazzjoni”). Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tal-investigazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament dwar l-IPI, fid-29 u fit-30 ta’ Jannar 2025, rispettivament.
Din l-investigazzjoni kienet partikolarment ta’ sfida minħabba n-natura mhux ċara tas-suq tal-akkwist pubbliku Ċiniż. Id-diskriminazzjoni kontra fornituri barranin ma tirriżultax biss minn dispożizzjonijiet legali, iżda wkoll minn għadd kbir ta’ miżuri amministrattivi, linji gwida interni, u struzzjonijiet maħruġin f’diversi livelli tal-gvern. Diffikultà kbira kienet il-ġbir ta’ kampjun kbir ta’ kuntratti ta’ akkwist mir-RPĊ f’format li ppermetta valutazzjoni sinifikanti tal-eżistenza ta’ miżuri restrittivi li jaffettwaw lill-kumpaniji tal-Unjoni fid-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament u fil-kundizzjonijiet tal-offerti. Dawn l-ostakli kienu jirrikjedu l-użu ta’ riżorsi sostantivi ħafna. Permezz ta’ sforz analitiku estensiv u kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar setgħet tegħleb dawn l-isfidi u tibni stampa dettaljata tal-ostakli sistemiċi fis-seħħ.
Fir-rapport ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-RPĊ stabbiliet sistema komprensiva li tiffavorixxi b’mod sistematiku l-apparati mediċi domestiku fuq dawk barranin permezz ta’ dispożizzjonijiet legalment vinkolanti li jirrikjedu li l-entitajiet pubbliċi jippreferu l-prodotti domestiċi kull meta jkun hemm disponibbli alternattiva lokali, imsaħħa minn proċeduri ta’ approvazzjoni onerużi għal oġġetti importati u miżuri speċifiċi għas-settur u kwoti tal-mira għall-isptarijiet biex jakkwistaw prodotti domestiċi. Din is-sistema diskriminatorja komprensiva tapplika għall-kategoriji kollha ta’ apparati mediċi u fit-territorju kollu tar-RPĊ, irrispettivament mill-valur tal-kuntratti ta’ akkwist konċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-organizzazzjoni tal-akkwist ibbażat fuq il-volum fir-RPĊ tinċentiva lill-fornituri biex joffru prezzijiet tassew baxxi biex jirbħu kuntratti kbar u fil-fatt teskludi kumpaniji orjentati lejn il-profitt li ma jirċevux sussidji mill-Istat. Il-Kummissjoni sabet evidenza ta’ prattiki diskriminatorji u ta’ esklużjoni f’87 % tal-kuntratti ta’ akkwist li rnexxielha teżamina. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-miżuri u l-prattiki jirriżultaw fi xkiel serju u rikorrenti tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u tal-apparati mediċi li jsiru fl-Unjoni għas-suq tal-akkwist pubbliku għall-apparati mediċi fir-RPĊ. Għalhekk, dawn jikkostitwixxu miżuri jew prattiki ta’ pajjiżi terzi skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (i) tar-Regolament dwar l-IPI. Fir-rigward tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet, ir-rapport tal-investigazzjoni jsemmi li l-Gvern taċ-Ċina (GTĊ) asserixxa li ma kienx se jiftaħ unilateralment is-suq tal-akkwist tiegħu fir-rigward tal-apparati mediċi u ma pproponiex azzjonijiet korrettivi speċifiċi biex jirrimedja dan ix-xkiel serju u rikorrenti tal-aċċess.
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni vvalutat il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-IPI bil-ħsieb li tadotta miżura tal-IPI kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (j) tar-Regolament dwar l-IPI. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ffukat fuq (i) il-proporzjonalità u l-adegwatezza ta’ miżura tal-IPI possibbli fir-rigward tal-miżuri u tal-prattiki identifikati; (ii) id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ provvista alternattivi; u (iii) l-interess tal-Unjoni (l-interess ekonomiku tal-produtturi tal-Unjoni; l-impatt possibbli fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti tal-Unjoni, u l-effetti ġenerali tal-miżura tal-IPI fuq l-ekonomija tal-Unjoni).
Wara din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni pprevediet li timponi miżura tal-IPI fil-forma ta’ esklużjoni ta’ offerti sottomessi mill-operaturi ekonomiċi kollha li joriġinaw mir-RPĊ għall-proċeduri kollha ta’ akkwist pubbliku fl-Unjoni li għandhom bħala suġġett l-akkwist ta’ apparati mediċi li jaqgħu taħt il-Vokabularju Komuni tal-Akkwist (CPV, Common Procurement Vocabulary) (“il-kodiċijiet CPV 33100000-1 sa 33199000-1 kif definit fir-Regolament (KE) Nru 2195/2002
) u b’valur stmat ta’ EUR 5 000 000 jew aktar netti mill-VAT. Din hija l-aktar miżura komprensiva li l-Unjoni tista’ timponi fis-settur tal-apparati mediċi skont il-qafas tar-Regolament dwar l-IPI, li ma tippermettix miżuri li japplikaw għal proċeduri ta’ akkwist b’valur stmat aktar baxx. Madankollu, l-ambitu tagħha jibqa’ aktar limitat minn dak tal-miżuri u tal-prattiki diskriminatorji identifikati fir-RPĊ. Filwaqt li s-sistema Ċiniża tapplika b’mod wiesa’ għall-kuntratti kollha ta’ akkwist pubbliku, irrispettivament mill-valur, il-miżura tal-IPI timmira biss kuntratti b’valur stmat ta’ aktar minn EUR 5 miljun. Barra minn hekk, il-miżura tal-IPI tippermetti lill-offerenti rebbieħa jiksbu sa 50 % tal-apparati mediċi użati fl-issodisfar tal-kuntratti mir-RPĊ, u b’hekk xorta waħda tippermetti preżenza sostanzjali ta’ apparati mediċi ta’ oriġini Ċiniża fis-swieq tal-akkwist tal-Unjoni. Dawn il-limitazzjonijiet huma konsegwenza diretta tal-limiti u tal-kundizzjonijiet inkorporati fir-Regolament dwar l-IPI nnifsu.
Fid-19 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat il-miżura tal-IPI permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1197 tad-19 ta’ Ġunju 2025
f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-IPI fil-Kumitat dwar l-Ostakli għall-Kummerċ. Il-miżura daħlet fis-seħħ għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali għal durata ta’ 5 snin. Fis-6 ta’ Lulju 2025, il-GTĊ adotta miżuri ta’ ritaljazzjoni rigward il-kumpaniji, l-oġġetti u s-servizzi tal-UE.
Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb aċċess għas-suq imtejjeb għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u għall-apparati mediċi li jsiru fl-Unjoni għas-suq tal-akkwist pubbliku tar-RPĊ għall-apparati mediċi, u bosta skambji mal-GTĊ, dan il-proċess tal-IPI għadu ma rriżultax fit-tneħħija mill-GTĊ tal-miżuri u tal-prattiki identifikati. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-GTĊ kienu utli biex jinftiehmu aħjar il-miżuri u l-prattiki restrittivi fir-RPĊ u biex jiġu identifikati l-miżuri meħtieġa għat-tneħħija sħiħa tagħhom. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tkompli bl-involviment mal-GTĊ, li jista’ jkompli sakemm jitneħħew il-miżuri u l-prattiki identifikati. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(10) tar-Regolament dwar l-IPI jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tissospendi jew tirtira miżura tal-IPI jekk il-pajjiż terz konċernat jieħu azzjonijiet korrettivi sodisfaċenti biex jelimina jew jirrimedja x-xkiel tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi, għall-oġġetti jew għas-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ dak il-pajjiż terz, u b’hekk itejjeb tali aċċess. Il-Kummissjoni se tiżgura monitoraġġ mill-qrib tal-applikazzjoni tal-miżura tal-IPI mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti tal-UE inklużi l-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżura tal-IPI. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirriżerva l-fakultà tagħha li titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar l-IPI.
3.Intuwiti meħuda mill-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI
Matul il-perjodu taħt rieżami, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar l-allegati miżuri u prattiki restrittivi f’pajjiżi terzi permezz tar-riżorsi investigattivi tagħha stess u permezz ta’ kuntatti mar-rappreżentanti tal-industrija tal-Unjoni f’setturi differenti. Ir-restrizzjonijiet identifikati tipikament ivarjaw mill-esklużjoni tal-operaturi ekonomiċi u/jew tal-oġġetti u/jew tas-servizzi tal-Unjoni mill-proċeduri ta’ akkwist għar-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni u l-preferenzi domestiċi bħal kumpensi, li spiss jirriżultaw f’esklużjoni de facto.
Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni li tissuġġerixxi li wħud minn dawn il-miżuri u prattiki jistgħu jfixklu bil-qawwa l-aċċess tal-industrija tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi u jirriżultaw f’opportunitajiet mitlufin għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.
Minkejja l-indikazzjoni ta’ dan il-preġudizzju ekonomiku sinifikanti, l-industrija tal-Unjoni ma għamlitx użu mill-possibbiltà li tissottometti lment formali tal-IPI f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament dwar l-IPI dwar kwalunkwe waħda mill-miżuri jew prattiki identifikati. L-unika investigazzjoni tal-IPI matul il-perjodu ta’ rapportar għalhekk tnediet ex officio. Il-Kummissjoni tqis li bosta fatturi jistgħu jispjegaw in-nuqqas ta’ lmenti formali tal-IPI.
L-ewwel nett, fis-swieq tal-akkwist pubbliku, l-operaturi ekonomiċi attivi (l-offerenti) spiss ikollhom dipendenza qawwija meta mqabbla max-xerrej (l-awtorità pubblika). Għalkemm il-Kummissjoni stabbiliet politika ta’ kunfidenzjalità stretta bbażata fuq l-ogħla standards għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali fit-trattament tal-ilmenti, l-operaturi ekonomiċi f’setturi differenti u attivi fi swieq differenti ta’ pajjiżi terzi jirrapportaw biża’ li jiġu affettwati minn ritaljazzjoni mmirata u minn trattament avvers mill-pajjiż terz konċernat f’każ li jiġi ppreżentat ilment formali.
It-tieni, il-kumpaniji tal-UE li bħalissa huma attivi fis-swieq tal-akkwist ta’ pajjiżi terzi, f’xi okkażjonijiet, għandhom interess limitat li jagħlqu s-suq tal-Unjoni biex jiksbu ingranaġġ u jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet mal-pajjiż konċernat. Il-valutazzjoni tal-interess ġenerali meta tittieħed deċiżjoni dwar il-bidu ta’ investigazzjoni jeħtieġ li tiġi kkalibrata sew, filwaqt li jitqies l-interess ekonomiku tal-kumpaniji kollha tal-Unjoni.
Sabiex tappoġġa l-użu effettiv tar-Regolament dwar l-IPI, il-Kummissjoni żviluppat għodod u gwida biex tiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu mill-partijiet ikkonċernati fis-setturi kollha, kif xieraq.
L-investigazzjoni dwar il-miżuri u l-prattiki tar-RPĊ fis-suq tal-akkwist pubbliku għall-apparati mediċi kienet ibbażata fuq evidenza soda. Madankollu, enfasizzat ċerti lakuni fir-rigward tad-data disponibbli dwar il-flussi tal-akkwist pubbliku internazzjonali. Dawn in-nuqqasijiet jikkonċernaw id-diffikultà fl-aċċess għad-data dwar il-kuntratti tal-akkwist pubbliku meħtieġa biex tiġi vvalutata l-parteċipazzjoni tal-offerenti tal-Unjoni fl-akkwist pubbliku ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll l-impatt tal-ostakli eżistenti ta’ pajjiżi terzi għall-akkwist kontra l-offerenti tal-Unjoni. Hemm ukoll ċerti lakuni fid-data fis-suq tal-akkwist tal-Unjoni li jagħmlu l-valutazzjoni tal-impatt tal-miżura/i potenzjali tal-IPI fl-Unjoni pjuttost diffiċli. Pereżempju, id-data kurrenti dwar il-kuntratti ta’ akkwist pubbliku disponibbli fuq Tenders Electronic Daily (“TED, Tenders Electronic Daily”) tindika l-oriġini tal-offerent rebbieħ iżda ma tipprovdix informazzjoni dwar l-oriġini tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati. Hemm ukoll informazzjoni limitata dwar is-sottokuntrattar lill-operaturi ta’ pajjiżi terzi u s-sjieda aħħarija tal-offerenti rebbieħa. L-arrikkiment tal-bażi tad-data tat-TED b’tali informazzjoni, b’mod partikolari l-oriġini tal-oġġetti u tas-servizzi akkwistati, jiffaċilita kemm it-twettiq ta’ investigazzjonijiet tal-IPI kif ukoll l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ex post tal-miżuri tal-IPI.
4.Konklużjonijiet
F’konformità mar-rekwiżiti legali li jinsabu fir-Regolament dwar l-IPI, il-Kummissjoni stabbiliet l-għodod meħtieġa biex tiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI minn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet u entitajiet kontraenti. Ir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IPI huwa bbażat ukoll fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni tal-unika investigazzjoni tal-IPI s’issa, dwar il-miżuri u l-prattiki tar-RPĊ fis-suq tal-akkwist pubbliku għall-apparati mediċi.
Fir-rigward tal-eżitu aktar fit-tul ta’ din l-ewwel investigazzjoni u l-ewwel miżuri tal-IPI, huwa kmieni wisq biex jinstiltu konklużjonijiet dwar sa liema punt l-istrument laħaq l-objettiv li jinfetaħ is-suq tal-akkwist pubbliku f’pajjiżi terzi. Il-miżuri tal-IPI jservu bħala ingranaġġ għall-Unjoni biex tikseb tali ftuħ. Tabilħaqq, għalkemm ma nstabet l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti matul il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-GTĊ, il-Kummissjoni tibqa’ miftuħa għall-involviment anke wara l-impożizzjoni tal-miżura tal-IPI, li tista’ tiġi sospiża jew irtirata jekk il-miżuri u l-prattiki identifikati jitneħħew mir-RPĊ.
Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi nnotat li l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni estensiva dwar l-ostakli għall-akkwist f’pajjiżi terzi, iżda d-deċiżjoni li titnieda investigazzjoni tirrikjedi kunsiderazzjoni bir-reqqa, minħabba d-diffikultajiet inerenti fin-navigazzjoni tas-sistemi tal-akkwist barranin. Dawn l-isfidi jinkludu l-interpretazzjoni ta’ oqfsa legali kumplessi, l-identifikazzjoni ta’ prattiki diskriminatorji li jistgħu ma jirriżultawx minn dispożizzjonijiet legali iżda minn miżuri u prattiki amministrattivi, u l-fehim ta’ kif tali sistemi japplikaw fil-prattika. Dan spiss jinvolvi r-rieżami ta’ volum kbir ta’ kuntratti ta’ akkwist, li ta’ spiss ma jkunux disponibbli pubblikament, jew nuqqas tad-dokumentazzjoni meħtieġa għal valutazzjoni xierqa. Għalhekk, il-kooperazzjoni mill-qrib mal-industrija fil-prattika hija essenzjali. Iż-żamma ta’ mezzi miftuħa ta’ komunikazzjoni, u l-iżgurar tal-kunfidenzjalità sħiħa tal-iskambji, hija kritika, xi ħaġa li l-Kummissjoni diġà żgurat u tkompli tagħtiha prijorità.