IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.4.2025
COM(2025) 141 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-evalwazzjoni finali tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 2014-2020
{SWD(2025) 76 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52025DC0141
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the final evaluation of the 2014 – 2020 EU Aid Volunteers Initiative
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni finali tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 2014-2020
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni finali tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 2014-2020
COM/2025/141 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.4.2025
COM(2025) 141 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-evalwazzjoni finali tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 2014-2020
{SWD(2025) 76 final}
Werrej
1. INTRODUZZJONI
2. IMPLIMENTAZZJONI TAL-INIZJATTIVA VOLUNTIERA TAL-GĦAJNUNA TAL-UE
3. SEJBIET EWLENIN TAL-EVALWAZZJONI
3.1.Ir-rilevanza, il-koerenza, l-effettività u l-effiċjenza – sa liema punt l-Inizjattiva EUAV kienet ta’ suċċess?
Rilevanza
Koerenza
L-effettività
Effiċjenza
3.2.Valur miżjud tal-UE – kif għamlet differenza l-Inizjattiva EUAV, u għal min?
4. KONKLUŻJONIJIET
1.INTRODUZZJONI
L-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE (“l-Inizjattiva EUAV” jew “l-Inizjattiva”) kienet programm tal-UE stabbilit bir-Regolament UE (Nru) 375/2014 1 , li, f’konformità mal-Artikolu 7 tiegħu, kellu ħames objettivi operazzjonali:
·Il-kontribuzzjoni għaż-żieda u t-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi għajnuna umanitarja.
·It-titjib tal-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi tal-voluntiera fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-involviment tagħhom.
·Il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet ospitanti u t-trawwim tal-volontarjat fil-pajjiżi terzi.
·Il-komunikazzjoni tal-prinċipji tal-Unjoni dwar l-għajnuna umanitarja miftiehma fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.
·It-tisħiħ tal-koerenza u l-konsistenza tal-volontarjat fl-Istati Membri kollha sabiex jittejbu l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-Unjoni biex jipparteċipaw f’attivitajiet u operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja.
F’konformità mal-Artikolu 27(4)(d) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni Ewropea issa wettqet l-evalwazzjoni finali tal-Inizjattiva matul il-perjodu 2014-2020. Din l-evalwazzjoni finali kienet appoġġjata minn żewġ studji esterni (imwettqa fl-2021 u minn Ġunju 2023 sa Diċembru 2024) u konsultazzjonijiet.
L-evalwazzjoni vvalutat l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Inizjattiva.
L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-Inizjattiva kienet kemm: (i) tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-voluntiera li jipparteċipaw fl-Inizjattiva; u (ii) allinjata mal-objettiv li jittejbu l-ħiliet u l-għarfien tal-voluntiera fil-qasam tal-għajnuna umanitarja. L-Inizjattiva wkoll: (i) wieġbet għall-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ospitanti; (ii) ippromwoviet il-volontarjat f’pajjiżi mhux tal-UE; u (iii) ipprovdiet valur miżjud tal-UE billi kkontribwiet għal standards komuni għall-volontarjat fil-qasam tal-għajnuna umanitarja madwar l-Istati Membri tal-UE. L-Inizjattiva użat bl-aħjar mod il-preżenza globali tal-UE biex ittejjeb il-mobilizzazzjoni tal-voluntiera, u pprovdiet pjattaforma għan-nies biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet sinifikanti ta’ għajnuna umanitarja f’pajjiżi mhux tal-UE.
Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jipprovdi dettalji dwar is-sejbiet, il-konsultazzjonijiet u l-metodoloġija tal-evalwazzjoni.
2.IMPLIMENTAZZJONI TAL-INIZJATTIVA VOLUNTIERA TAL-GĦAJNUNA TAL-UE
Meta daħal fis-seħħ fl-2009, l-Artikolu 214(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ppreveda l-ħolqien tal-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja (EVHAC, European Voluntary Humanitarian Aid Corps), li l-għan tiegħu kien li jistabbilixxi “qafas għal kontribuzzjonijiet konġunti minn żgħażagħ Ewropej għall-azzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja tal-Unjoni”.
Fl-2014, l-Inizjattiva EUAV ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 375/2014. L-għan ġenerali tal-Inizjattiva kien li tikkontribwixxi għaż-żieda u t-titjib tal-kapaċità tal-UE li tipprovdi għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata lejn: (i) il-preservazzjoni tal-ħajja; (ii) il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana; (iii) iż-żamma tad-dinjità tal-bniedem; u (iv) it-tisħiħ tal-kapaċità u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli jew affettwati minn diżastri f’pajjiżi terzi (b’mod partikolari permezz tat-tħejjija għad-diżastri, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u rabtiet aħjar bejn l-għajnuna f’każ ta’ diżastru, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp f’diżastri).
Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 iddikjara li l-azzjonijiet tal-Inizjattiva EUAV għandhom jitwettqu f’konformità mal-prinċipji tal-għajnuna umanitarja (jiġifieri l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza) u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja 2 . Ir-Regolament qal ukoll li l-azzjonijiet tal-Inizjattiva għandu jkollhom l-għan li: (i) jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali u r-rekwiżiti tal-organizzazzjonijiet ospitanti; (ii) jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-voluntiera kandidati; (iii) jippromwovu sħubijiet tranżnazzjonali; u (iv) jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-effettività tas-settur umanitarju.
L-Inizjattiva EUAV laqqgħet flimkien voluntiera u organizzazzjonijiet minn pajjiżi differenti, u kellha l-għan li tinċentiva u trawwem: (i) il-kollaborazzjoni; (ii) l-iskambju tal-għarfien u l-prattiki tajba; u (iii) il-bini ta’ sħubijiet bejn organizzazzjonijiet fil-qasam tal-għajnuna umanitarja.
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA, European Education and Culture Executive Agency) kienet responsabbli mill-implimentazzjoni prattika tal-Inizjattiva EUAV (jiġifieri għal sejħiet għal proposti, ġestjoni tal-kuntratti, approprjazzjoni tal-baġit, eċċ.). Il-programm kien ġestit sal-2020 mid-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO, European Civil Protection and Humanitarian Aid Operations), u għall-proġetti ta’ legat li komplew fl-2021 u fl-2022, mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC, Education, Youth, Sport and Culture). L-Inizjattiva tneħħiet gradwalment fi tmiem l-2020 (iżda l-implimentazzjoni tal-proġetti li għaddejjin kompliet sal-2022) u ġiet integrata fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
3.SEJBIET EWLENIN TAL-EVALWAZZJONI
Abbażi tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar
3
, l-evalwazzjoni tibbaża fuq l-evidenza pprovduta minn żewġ studji esterni, l-ewwel wieħed imwettaq fl-2021
4
u t-tieni wieħed imwettaq fl-2023-2024
5
. L-evalwazzjoni kkonkludiet b’valutazzjoni pożittiva ġenerali tal-Inizjattiva fil-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha.
3.1.Ir-rilevanza, il-koerenza, l-effettività u l-effiċjenza – sa liema punt l-Inizjattiva EUAV kienet ta’ suċċess?
Rilevanza
|
Sejbiet ewlenin ·L-Inizjattiva EUAV allinjat mal-ħtieġa li jiġi promoss il-bini tal-kapaċità fl-organizzazzjonijiet ospitanti, peress li pprovdiet appoġġ u għarfien espert f’waqthom u meħtieġa lill-organizzazzjonijiet sħab. ·Kienet ukoll allinjata tajjeb mal-ħtieġa li jittejjeb il-volontarjat tal-UE fil-qasam tal-għajnuna umanitarja billi jintuża approċċ komprensiv. Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet mistħarrġa mill-evalwazzjoni qablu jew qablu bis-sħiħ li l-Inizjattiva kienet indirizzat il-ħtiġijiet persistenti fil-pajjiżi inqas żviluppati. ·L-Inizjattiva wkoll: (i) indirizzat il-ħtiġijiet u t-tħassib ċentrali tal-voluntiera parteċipanti u tal-organizzazzjonijiet ospitanti; (ii) tejbet il-ħiliet trażversali ta’ dawn il-voluntiera u l-organizzazzjonijiet ospitanti; (iii) bniet fehim tal-ħtiġijiet u l-isfidi tal-pajjiżi inqas żviluppati; u (iv) indirizzat il-ħtieġa li n-nies jitħejjew għall-karrieri fl-iżvilupp internazzjonali. |
Koerenza
|
Sejbiet ewlenin ·L-Inizjattiva EUAV kienet komplementari għal programmi oħra tal-UE (inkluż il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, dak li qabel kien is-Servizz Volontarju Ewropew u Erasmus +) minħabba l-ambitu ġeografiku usa’ tagħha u t-tipi speċifiċi ta’ attivitajiet li organizzat. ·Għalkemm l-objettivi tal-Inizjattiva kienu koerenti u allinjati mal-aġenda umanitarja tal-UE, kien hemm evidenza limitata ta’ sinerġiji bejn l-attivitajiet tal-Inizjattiva u attivitajiet oħra tal-UE fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja. ·L-Inizjattiva tqieset mill-partijiet ikkonċernati bħala koerenti mal-politiki nazzjonali fil-pajjiżi ospitanti. Ġew osservati rabtiet informali bejn l-Inizjattiva u xi networks volontarji fl-Istati Membri tal-UE. ·Il-partijiet ikkonċernati apprezzaw ħafna l-Inizjattiva għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali, b’mod partikolari permezz tat-taħriġ. |
L-aħħar studju ta’ evalwazzjoni sab li l-Inizjattiva kienet komplementari għal programmi oħra tal-UE li joffru attivitajiet ta’ volontarjat minħabba l-ambitu ġeografiku usa’ tagħha u tipi speċifiċi ta’ attivitajiet. Bħall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-Inizjattiva kienet ikkonċernata mis-solidarjetà iżda b’enfasi fuq l-azzjoni umanitarja f’pajjiżi mhux tal-UE.
Għalkemm l-objettivi tal-Inizjattiva EUAV kienu koerenti u allinjati mal-aġenda umanitarja tal-UE, l-evalwazzjoni sabet evidenza limitata ta’ sinerġiji bejn l-attivitajiet tal-Inizjattiva u attivitajiet oħra tal-UE fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja. Sfida ewlenija, kif innutat fl-istudju ta’ evalwazzjoni preċedenti, hija li t-tħassib dwar is-sigurtà impedixxa lill-voluntiera milli jiġu mobilizzati f’reġjuni fejn kienu għaddejjin sforzi ta’ għajnuna umanitarja tal-UE matul id-diżastri. Il-koerenza tal-Inizjattiva ma’ azzjonijiet umanitarji oħra tal-UE kienet limitata minn: (i) il-fatt li l-voluntiera ma setgħux jiġu mobilizzati f’żoni ta’ kunflitt 6 ; (ii) tħassib intern dwar il-mobilizzazzjoni ta’ voluntiera żgħażagħ f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza 7 ; u (iii) proċeduri twal ta’ reklutaġġ u ta’ mobilizzazzjoni. Barra minn hekk, kif instab mill-ewwel studju ta’ evalwazzjoni, kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni fost l-uffiċċji fuq il-post tad-DĠ ECHO jew delegazzjonijiet oħra tal-UE dwar l-attivitajiet tal-Inizjattiva u interazzjonijiet limitati bejniethom 8 . Madankollu, il-fatt li l-Inizjattiva kienet żgħira ħafna meta mqabbla mal-għajnuna umanitarja globali tal-UE (EUR 141 miljun ġew allokati għall-Inizjattiva għall-2014-2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 meta mqabbel mal-baġit tal-Kummissjoni Ewropea għall-għajnuna umanitarja ta’ EUR 13,5 biljun għall-istess perjodu 9 ) jillimita wkoll l-osservazzjoni potenzjali ta’ sinerġiji usa’.
L-effettività
|
Sejbiet ewlenin ·L-Inizjattiva EUAV iffaċċjat sfidi sostanzjali fil-kisba tal-għadd immirat ta’ mobilizzazzjonijiet. Għalkemm xi wħud minn dawn l-isfidi ġew indirizzati sussegwentement, l-Inizjattiva ntlaqtet ħażin ħafna mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar matul il-pandemija tal-COVID-19. L-għadd ta’ voluntiera li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż biex jaħdmu fuq attivitajiet taħt l-Inizjattiva naqas b’90 % bejn l-2019 u l-2020. ·Il-parteċipanti individwali tal-Inizjattiva bbenefikaw minn ħiliet imtejba u żvilupp professjonali, b’mod partikolari f’oqsma b’domanda għolja bħall-ġestjoni tal-proġetti u t-taħriġ dwar is-sigurtà qabel il-mobilizzazzjoni tagħhom. Dawn il-voluntiera kellhom ukoll jipprattikaw u jiżviluppaw diversi ħiliet trażversali fil-kuntest tal-iżvilupp. ·L-Inizjattiva għenet lill-organizzazzjonijiet jiksbu kapaċità akbar fit-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u r-reżiljenza, filwaqt li żiedet il-viżibbiltà, il-kredibbiltà, u l-kapaċità operazzjonali u ta’ komunikazzjoni tagħhom. L-organizzazzjonijiet li xtaqu jipparteċipaw fl-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u jimmobilizzaw jew jospitaw voluntiera kellhom jiġu ċċertifikati bħala organizzazzjonijiet emittenti jew ospitanti. Fl-2015 ġiet ippubblikata sejħa miftuħa li ppermettiet lill-organizzazzjonijiet japplikaw sat-30 ta’ Settembru 2020. Sa tmiem l-2020, kienu ġew iċċertifikati 74 organizzazzjoni emittenti u 296 organizzazzjoni ospitanti. ·L-Inizjattiva kienet ta’ benefiċċju għall-komunitajiet appoġġjati, speċjalment dawk il-komunitajiet li kienu vulnerabbli għal perikli naturali u flussi kbar ta’ migranti. L-Inizjattiva pprovdiet appoġġ ta’ importanza kritika biex jinbnew ir-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tad-diżastri f’oqsma suxxettibbli għal diżastri. ·L-Inizjattiva żiedet l-użu ta’ approċċi innovattivi matul il-pandemija tal-COVID-19, bħall-volontarjat online, biex jiġu żgurati l-involviment u l-appoġġ kontinwi tal-komunità. |
Effiċjenza
|
Sejbiet ewlenin L-eżekuzzjoni tal-baġit u l-ġestjoni tal-programm kienu effiċjenti fid-dawl tal-kuntest li fih ġie implimentat il-programm, b’titjib meħtieġ fil-kejl tal-outputs u tal-eżiti. ·Il-finanzjament kien biżżejjed peress li l-baġit li ntefaq kien biss madwar 76 % tal-fondi kollha disponibbli. Dan kien dovut fil-biċċa l-kbira għad-dewmien fil-bidu tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u d-dewmien lejn tmiem it-tifqigħa tal-COVID-19. ·Dwar l-implimentazzjoni, l-infiq attwali għall-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE kien konsistenti mas-sehem tal-allokazzjoni tal-baġit speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 375/2014. Madankollu, l-Inizjattiva naqset milli tilħaq kemm il-miri ta’ nfiq tagħha kif ukoll il-mira tagħha għall-għadd ta’ voluntiera parteċipanti. Sa tmiem l-2022, ġie żgurat finanzjament għal 1 192 mobilizzazzjoni, li kien ekwivalenti għal 29 % tal-għan inizjali ta’ 4 175. Għalhekk, hemm dubji dwar kemm il-finanzjament disponibbli kien ikun realistiku biex l-Inizjattiva tilħaq l-għanijiet kollha tagħha. Dan jindika li l-Inizjattiva allokat 76 % tal-baġit tagħha biex tilħaq 29 % tal-objettivi tagħha. L-estrapolazzjoni ta’ dan, li tissodisfa 100 % tal-mira għall-għadd ta’ voluntiera mobilizzati x’aktarx kien ikun jeħtieġ baġit ħafna ogħla. ·Barra minn hekk, ir-raġunament li jorbot l-allokazzjoni tal-baġit mal-attivitajiet u l-eżiti mistennija ma kienx ċar. Pereżempju, ma kien hemm l-ebda rabta espliċita bejn il-baġit allokat u l-għadd, id-durata, l-eżiti u l-impatti tal-mobilizzazzjonijiet tal-voluntiera, u dan seta’ wassal għal ineffiċjenzi. L-iżgurar ta’ konnessjoni aktar diretta bejn dawn l-aspetti potenzjalment kien jikkontribwixxi għal Inizjattiva aktar kosteffettiva. ·Id-dewmien fit-tnedija tal-Inizjattiva EUAV u fl-implimentazzjoni tagħha matul il-COVID-19 it-tnejn ikkontribwew għal rata baxxa ta’ implimentazzjoni ta’ 29 % biss tal-għan inizjali. ·Dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni, il-kostijiet attwali għal kull organizzazzjoni involuta f’interventi kienu 10 % inqas milli kien antiċipat oriġinarjament fil-baġit, li jindika xi grad ta’ kosteffettività. |
3.2.Valur miżjud tal-UE – kif għamlet differenza l-Inizjattiva EUAV, u għal min?
|
Sejbiet ewlenin ·L-Inizjattiva EUAV allinjat mal-ħtieġa li jiġi promoss il-bini tal-kapaċità fl-organizzazzjonijiet ospitanti, peress li pprovdiet appoġġ u għarfien espert f’waqthom u meħtieġa lill-organizzazzjonijiet sħab. ·L-Inizjattiva kienet ukoll allinjata sew mal-ħtieġa għal titjib fil-volontarjat tal-UE fil-qasam tal-għajnuna umanitarja billi użat approċċ komprensiv. Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet qablu jew qablu bis-sħiħ li l-Inizjattiva indirizzat il-ħtiġijiet persistenti fil-pajjiżi inqas żviluppati. ·Hija indirizzat il-ħtiġijiet u t-tħassib ċentrali tal-voluntiera parteċipanti u tal-organizzazzjonijiet ospitanti, tejbet il-ħiliet trażversali tagħhom, u bniet fehim tal-ħtiġijiet u l-isfidi tal-pajjiżi inqas żviluppati. Hija indirizzat ukoll il-ħtieġa li n-nies jitħejjew għall-karrieri fl-iżvilupp internazzjonali. |
L-istudju ta’ evalwazzjoni inizjali tal-2021 tal-Inizjattiva EUAV sab li dan kien rilevanti kemm għall-organizzazzjonijiet kif ukoll għall-individwi. Madankollu, l-istudju ta’ evalwazzjoni tal-2021 identifika oqsma għal titjib, b’mod partikolari għal partijiet terzi u l-promozzjoni tal-prinċipji umanitarji tal-UE lil hinn mill-benefiċjarji diretti. L-aħħar studju ta’ evalwazzjoni sab ukoll li l-Inizjattiva kienet allinjata mal-ħtiġijiet ta’ ġestjoni tad-diżastri u l-inizjattivi domestiċi tal-gvernijiet lokali. Stħarriġiet żvelaw li l-objettivi ewlenin tal-Inizjattiva kienu ġeneralment allinjati mal-ħtiġijiet tas-soċjetà, għalkemm il-parteċipanti staqsew jekk il-proġetti effettivament żidux ir-reżiljenza tal-komunità jew qajmu kuxjenza dwar il-prinċipji umanitarji tal-UE.
4.KONKLUŻJONIJIET
Wara t-tnedija tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, il-parteċipazzjoni ma laħqitx l-aspettattivi. Matul il-perjodu 2014-2020, l-Inizjattiva kellha l-għan li tappoġġja t-taħriġ ta’ 4 400 voluntier u l-mobilizzazzjoni ta’ 4 000 voluntier. Kellha wkoll l-għan li tipprovdi assistenza teknika u bini tal-kapaċità għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u appoġġ. Madankollu, sa tmiem l-2022, 1 192 mobilizzazzjoni biss kienu ġew iffinanzjati (li jirrappreżentaw 29 % tal-mira oriġinali) u 788 mobilizzazzjoni kienu tlestew.
L-Inizjattiva introduċiet mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni rigoruż li kien jirrikjedi li l-organizzazzjonijiet emittenti u ospitanti juru li kellhom il-proċeduri u l-politiki meħtieġa biex jissodisfaw l-istandards għoljin tal-programm għall-attivitajiet ta’ volontarjat, li wassal għal miri ambizzjużi għall-organizzazzjonijiet iċċertifikati u għall-voluntiera li ġew imħarrġa u mobilizzati, għalkemm dan il-mekkaniżmu ma kienx fis-seħħ matul il-fażi pilota. Anke jekk dawn il-miri ma ntlaħqux bis-sħiħ, l-Inizjattiva EUAV immarkat l-ewwel passi tal-UE biex tappoġġja l-volontarjat fil-qasam tal-għajnuna umanitarja.
Biex jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati mill-Inizjattiva EUAV, inħolqot fergħa ġdida ta’ għajnuna umanitarja fi ħdan il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Din kellha l-għan li żżid il-koerenza u s-sinerġija mal-azzjonijiet l-oħra ta’ volontarjat tal-Korp, filwaqt li tibni fuq il-legat tal-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Bl-espansjoni tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex jinkludi l-għajnuna umanitarja f’pajjiżi mhux tal-UE, il-programm saħħaħ ir-rwol tiegħu bħala portal uniku għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ volontarjat u attivitajiet oħra ta’ solidarjetà. Din l-espansjoni żiedet ukoll il-viżibbiltà u l-impatt tal-programm kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha.
Fil-livell ta’ implimentazzjoni, it-tagħlimiet meħuda mill-Inizjattiva EUAV b’mod partikolari l-preselezzjoni minn proġetti ta’ voluntiera kandidati qabel it-taħriġ ċentralizzat obbligatorju rriżultaw f’aċċess issimplifikat b’mod sinifikanti għaż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet interessati, inklużi miżuri mtejba biex jinvolvu liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fil-volontarjat. Il-mekkaniżmi ta’ kwalità u ta’ appoġġ tal-programm issaħħew ukoll, b’għażliet addizzjonali ta’ taħriġ u appoġġ disponibbli għall-parteċipanti qabel, matul u wara l-involviment tagħhom.
Fil-livell ta’ implimentazzjoni, it-tagħlimiet meħuda mill-Inizjattiva EUAV 2014-2020 kienu strumentali għat-tfassil tal-fergħa l-ġdida tal-għajnuna umanitarja tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027, u b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:
·Bis-saħħa tar-rekwiżit li ż-żgħażagħ interessati jirreġistraw u jesprimu l-interess tagħhom fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, hemm disponibbli ġabra usa’ ta’ voluntiera kandidati għall-proġetti.
·Il-proġetti ffinanzjati taħt din il-fergħa l-ġdida jagħżlu voluntiera direttament minn grupp ta’ voluntiera kandidati mħarrġa, b’kuntrast mal-Inizjattiva EUAV li kienet tirrikjedi li l-voluntiera jintgħażlu minn qabel minn proġetti qabel it-taħriġ inizjali ċentralizzat obbligatorju. Dan jippermetti aktar trasparenza u jqassar b’mod konsiderevoli l-perjodu ta’ żmien bejn l-għażla u l-mobilizzazzjoni, bl-għan li jitnaqqas l-għadd ta’ nies li jitilqu u li tkun tista’ titħaffef l-implimentazzjoni.
·Il-miżuri biex jiġu involuti ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fil-volontarjat tjiebu wkoll. Tabilħaqq, l-ambizzjoni inklużiva tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà hija ankrata fil-bażijiet ġuridiċi tagħhom permezz ta’ kapitolu ddedikat dwar l-inklużjoni, mirfud mill-Istrateġija għall-Inklużjoni u d-Diversità għall-2020-2027, u permezz tal-Qafas iddedikat ta’ miżuri ta’ inklużjoni adottat f’Ottubru 2021.
·L-azzjoni tibbenefika wkoll mill-għażliet ta’ appoġġ orizzontali offruti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, b’mod partikolari ċ-ċiklu ta’ apprendiment, li jinkludi fost l-oħrajn, taħriġ Online Ġenerali u Appoġġ Lingwistiku Online, it-tnejn disponibbli fuq l-Akkademja tal-UE għall-parteċipanti qabel, matul u wara l-involviment tagħhom.
ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1–17. Dan ir-Regolament m a għadux fis-seħħ peress li tħassar bir-Regolament (UE) 2021/888 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
https://civil-protection-humanitarian-aid.ec.europa.eu/who/european-consensus_mt : Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
ADE (2021). Evalwazzjoni ex post tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, 2014-2020. Disponibbli fuq: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/1d172a85-0b96-11ec-adb1-01aa75ed71a1 .
Evalwazzjoni interim għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027, evalwazzjoni finali għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2018-2020 u evalwazzjoni finali għall-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 2014-2020. Disponibbli fuq https://data.europa.eu/doi/10.2766/5736339
L-Artikolu 14(3) tar-Regolament EUAV 375/2014.
ADE (2021). Evalwazzjoni ex post tal-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, 2014-2020.
Ibid.
Rapporti Annwali tal-Attività tad-DĠ ECHO 2014-2020.