Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0098

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-solidarjetà u ċerti aspetti li jikkonċernaw il-ħżin tal-gass abbażi tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

COM/2025/98 final

Brussell, 5.3.2025

COM(2025) 98 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-solidarjetà u ċerti aspetti li jikkonċernaw il-ħżin tal-gass abbażi tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill






1.Introduzzjoni

Il-ħażniet tal-gass taħt l-art (UGS, underground gas storages) huma strumentali għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE. B’kapaċità totali ta’ 1 147 terawatt/siegħa (TWh, terawatt-hour) (madwar 105 bcm li jikkorrispondu għal madwar terz tad-domanda aggregata tal-UE), dawn jipprovdu flessibbiltà staġjonali essenzjali lis-sistema tal-gass, u tipikament jipprovdu 25–35 % tal-konsum reali tal-gass fl-UE, matul ix-xitwa spiss bħala s-sors ewlieni tal-provvista. Il-ħżin tal-gass jippermetti użu aktar effiċjenti tas-sistema tal-gass tal-UE billi jnaqqas il-ħtieġa ta’ flussi għoljin tal-importazzjoni matul il-perjodi bl-ogħla konsum meta l-prezzijiet tal-gass ikunu ogħla, b’hekk jgħin biex jiġi evitat investiment żejjed fl-infrastruttura tat-trażmissjoni u jikkontribwixxi għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għall-assorbiment tax-xokkijiet fil-provvista.

Fl-2021, l-UE esperjenzat perjodu twil ta’ prezzijiet volatili u għoljin tal-enerġija minħabba livelli ta’ mili tal-ħażniet aktar baxxi mis-soltu, fost fatturi oħra. Iż-żieda fit-tensjoni ġeopolitika wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fil-bidu tal-2022 amplifikat l-inċertezzi u enfasizzat il-ħtieġa ta’ ħażniet tal-gass mimlija b’mod adegwat għax-xtiewi futuri.

F’Ġunju 2022, il-koleġiżlaturi għalhekk adottaw il-proposta tal-Kummissjoni għall-emenda 1 tar-Regolament (UE) 2017/1938 dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass 2 . L-emenda tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, miri annwali obbligatorji tal-mili sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena: 80 % fl-2022 u 90 % mill-2023 ’il quddiem, kif ukoll trajettorji għall-mili biex jintlaħqu dawk il-miri. L-Istati Membri mingħajr ħżin tal-gass huma meħtieġa jaħżnu mill-inqas 15 % tal-konsum annwali tal-gass tagħhom fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/1032, jew ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, introduċa wkoll l-obbligu li jiġu ċċertifikati l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin f’kull Stat Membru. 

Kollettivament, dawn il-miżuri wrew li huma strumentali biex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-provvista tal-gass u kkontribwew b’mod sinifikanti lejn it-tnaqqis tal-inċertezzi tas-suq u l-volatilità tal-prezzijiet. Ix-xenarju taż-żidiet qawwija drammatiċi fil-prezzijiet tal-gass tal-2022 ma ġiex ripetut fl-2023 jew fl-2024 u l-obbligu li jiġu ċċertifikati l-operaturi tas-sistemi tal-ħżin elimina l-prattika mill-2021 fejn xi wħud mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass li huma proprjetà ta’ partijiet terzi mtlew intenzjonalment taħt il-kapaċità jew tard qabel ix-xhur xitwin.

Madankollu, is-sigurtà tal-provvista tal-UE għadha esposta għal riskji minħabba l-instabbiltà ġeopolitika b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ aktar użu tal-provvista bħala arma mir-Russja fil-kuntest tal-aggressjoni militari tagħha kontra l-Ukrajna. Dawn ir-riskji x’aktarx itawlu l-perjodu li fih is-suq tal-gass ikun limitat u inċert u jissottolinjaw ir-rwol ċentrali li l-faċilitajiet tal-ħżin se jkomplu jaqdu għas-sigurtà tal-provvista tal-UE. Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata reċentement minn rapport estensiv tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE. 3  

Ir-rapport attwali jqis l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass fl-2024. Fil-biċċa l-kbira jsegwi l-istruttura stabbilita miż-żewġ rapporti annwali preċedenti iżda jintroduċi xi elementi ġodda, li jirriflettu l-bidliet leġiżlattivi li ġabet magħha l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1789 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu (ir-Regolament dwar is-Suq tal-Gass), li jemenda r-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. L-elementi l-ġodda huma relatati prinċipalment mal-valutazzjoni tar-riskju u mad-dispożizzjonijiet dwar is-solidarjetà. L-aġġornamenti dwar il-miżuri tal-ħżin tal-gass, il-progress fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, kif ukoll il-miżuri relatati mal-valutazzjoni tar-riskju u s-solidarjetà ppreżentati f’dan ir-rapport huma prinċipalment ibbażati fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, ikkomplementata minn data tal-Eurostat, taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, European Union Agency for the Cooperation of Energy Regulators) u tan-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (Entsog, European Network of Transmission System Operators for Gas).

2.Bażi legali u kuntest

L-Artikolu 17a tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jiddikjara li l-Kummissjoni trid tippreżenta rapporti annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu:

·ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jissodisfaw l-obbligi tal-ħżin tagħhom;

·ħarsa ġenerali lejn iż-żmien meħtieġ għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, li qabel 4 kienet stabbilita fl-Artikolu 3a tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 5 (ir-Regolament dwar il-Gass);

·ħarsa ġenerali lejn il-miżuri mitluba mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mat-trajettorji għall-mili u mal-miri tal-mili;

·analiżi tal-effetti potenzjali ta’ dan ir-Regolament fuq il-prezzijiet tal-gass u l-iffrankar potenzjali tal-gass fir-rigward tal-Artikolu 6b(4).

L-emendi tal-Artikolu 17a tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass introdotti bir-Regolament dwar is-Suq tal-Gass jirrikjedu wkoll li l-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tal-Artikoli 6a sa 6d, l-Artikolu 7(1) u (4), il-punt (g), l-Artikolu 13, l-Artikolu 13a, l-Artikolu 16(3), l-Artikolu 17a, l-Artikolu 18a, l-Artikolu 20(4), u l-Annessi Ia u Ib.

3.Ħarsa ġenerali lejn il-miżuri meħuda mill-Istati Membri

L-emendi introdotti bir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jipprevedu li l-Istati Membri jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jilħqu l-miri tal-mili. Dawn għandu jkollhom l-għan li meta jkun possibbli jużaw miżuri bbażati fuq is-suq biex jevitaw tfixkil bla bżonn fis-suq. Il-miżuri jistgħu jinkludu miżuri regolatorji, inċentivi finanzjarji jew kumpens għall-parteċipanti fis-suq.

Ir-Regolament dwar il-Ħżin jipprovdi lista illustrattiva u mhux eżawrjenti ta’ miżuri u għodod potenzjali. Fil-ħarifa tal-2024, il-Kummissjoni bagħtet stħarriġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex tiġbor il-miżuri u l-għodod li użaw biex jiżguraw li s-siti tal-ħżin tagħhom jimtlew. Dan kien jinkludi ftehimiet, Memoranda ta’ Qbil (MtQ), jew mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet iffirmati mill-Istati Membri mingħajr UGS li jinkludu arranġamenti għall-użu ta’ faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art.

L-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art ikkonfermaw li l-biċċa l-kbira tal-miżuri użati fl-2022 u fl-2023 komplew fl-2024. Is-sena l-oħra, l-Awstrija, il-Latvja, in-Netherlands u Spanja adottaw miżuri ġodda u/jew estendew jew ikkanċellaw il-miżuri eżistenti. Ir-riżerva strateġika tal-Awstrija kkontrollata mill-istat ġiet estiża, il-Latvja introduċiet prodott f’pakkett ġdid biex tinċentiva l-użu fit-tul tal-ħażniet u n-Netherlands assenjaw mill-ġdid lill-parti deżinjata bil-kompitu li timla l-faċilità tal-ħżin. Fi Spanja, l-iskont fuq it-tariffa tal-ħżin għal kapaċitajiet ta’ aktar minn 20 jum ta’ konsum kostanti twaqqaf. Il-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq matul l-istaġun tal-mili tal-2024 taffew il-mili effettiv tas-siti tal-ħżin fil-ħin mingħajr il-ħtieġa li jiġu infurzati miżuri tal-aħħar istanza. Fost l-aktar miżuri komuni implimentati mill-Istati Membri kien hemm:

-Volum minimu fil-ħżin tal-gass: l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-operaturi tas-sistema tal-ħżin (SSOs, Storage System Operators) dwar il-livell minimu tal-mili li jrid jinkiseb, f’konformità mal-objettiv nazzjonali;

-Offerta tal-kapaċitajiet: il-ħtieġa li l-SSOs joffru l-kapaċitajiet lill-parteċipanti fis-suq (permezz ta’ rkantijiet tal-kapaċità fil-biċċa l-kbira tal-każijiet);

-Ħatra ta’ entità ddedikata: il-ħatra ta’ entità biex tipprovdi servizz tal-aħħar istanza għall-ħżin;

-Ħżin strateġiku: l-adozzjoni ta’ strumenti effettivi għax-xiri u l-ġestjoni ta’ stokkijiet strateġiċi minn entitajiet pubbliċi jew privati;

-Kapaċitajiet riżervati mhux użati: l-iżgurar li l-kapaċitajiet riżervati jintużaw b’mod effettiv billi jiġu applikati mekkaniżmi ta’ konġestjoni “tużah jew titilfu” biex jiġu rilaxxati kapaċitajiet ta’ ħżin riżervati iżda mhux użati.

Aktar dettalji dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma pprovduti mit-Tabella 1.

 

Tabella 1 - Miżuri tal-Artikolu 6b implimentati għal kull Stat Membru bl-UGS

 

AT

BE

BG

CZ

DE

DK

ES

FR

HR

HU

IT

LV

NL

PL

PT

RO

SE

SK

Volum minimu fil-ħażniet tal-gass

x

 

x

X

 

 

X

 

T

x

 

 

 

 

x

x

 

x

Offerta tal-kapaċitajiet

 

x

 

 

 

x

X

x

 

 

 x

 

 

 

x

 

 

 

Stokk ta’ bilanċ ġestit mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

x

 

T

 

 

 

 

 

 

 

Obbligi imposti fuq l-entitajiet deżinjati

 

 

 

X

x

x

 

 

x

 

T

 

 

x

 

 

 

 

Strumenti koordinati

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Mekkaniżmi volontarji ta’ akkwist konġunt

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Inċentivi finanzjarji għall-parteċipanti fis-suq

 

x

 

T

 

x

X

 

 

 

T

 

T

 

 

 

 

 

Kapaċitajiet riżervati mhux użati

x

x

 

X

x

 

X

 

x

 

x

 

 

 

 

 

 

 

Ħżin strateġiku

x

 

x

X

x

x

X

 

 

x

x

x

 

 

 

 

 

 

Ħatra ta’ entità ddedikata

 

 

 

 

x

 

X

x

T

 

T

 

T

 

 

 

x

 

Skontijiet fuq it-tariffi tal-ħżin

 

x

 

 

 

 

T

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Nefqa kapitali u operazzjonali

 

 

 

 

 

 

 

x

 

 

x

 

 

 

 

 

 

 

Oħrajn

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

T tfisser miżura temporanja

Sors: It-tweġibiet tal-Istati Membri għall-istħarriġ tal-KE u r-Rapport tal-2023 tal-ACER u l-VIS dwar il-ħżin tal-gass

4.Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, introdotti fir-Regolament dwar il-Gass 6 , stabbilew l-obbligu li l-operaturi tas-sistema tal-ħżin jiġu ċċertifikati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bl-għan li jitnaqqas kwalunkwe riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni kollha li jirriżulta, inter alia:

(a) mis-sjieda, mill-provvista jew minn relazzjonijiet kummerċjali oħra li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv l-inċentivi u l-kapaċità tal-SSO li jimlew il-faċilità tal-ħżin tal-gass taħt l-art;

(b) mid-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward ta’ pajjiż terz li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, inkluż kwalunkwe ftehim konkluż ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar li għalih l-Unjoni hija parti, u li jindirizza l-kwistjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(c) mid-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernati fir-rigward ta’ pajjiż terz li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi mill-Istati Membri kkonċernati ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, sa fejn dawk il-ftehimiet jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni; jew

(d) minn kwalunkwe fatt u ċirkostanza speċifika oħra tal-każ.

Il-leġiżlazzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri joħorġu abbozzi ta’ deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni sat-2 ta’ Jannar 2024 u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Xi Stati Membri diġà ppreżentaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-ħżin fl-2023 u l-Kummissjoni ħarġet sitt opinjonijiet. 7 Fl-2024, il-proċess ta’ ċertifikazzjoni kompla u s’issa, inħarġu ħames opinjonijiet, filwaqt li 17-il opinjoni għal erba’ Stati Membri jinsabu f’diversi stadji tal-proċedura ta’ adozzjoni. Is-sottomissjoni ta’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet minn xi Stati Membri għadha pendenti. F’għadd limitat ta’ każijiet, l-abbozzar tal-opinjoni jiddependi fuq l-emendi tal-qafas leġiżlattiv jew regolatorju nazzjonali u għalhekk tieħu aktar żmien biex toħroġ. Il-perspettiva li titlesta l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni sal-aħħar tal-2025 għall-maġġoranza tal-Istati Membri tidher realistika. Permezz tat-tlestija b’suċċess tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni, l-Istati Membri reġgħu kisbu kontroll sħiħ tal-assi strateġiċi tagħhom, u dan jipprevjeni r-ripetizzjoni tax-xenarju tal-2021 meta ċerti SSOs intenzjonalment żammew ħażniet f’livell baxx ħafna.

Tabella 2 – Ħarsa ġenerali lejn il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni matul l-2024

Stat Membru

Sottomissjonijiet

Sottomissjonijiet pendenti Għadd ta’ operaturi (Għadd ta’ siti tal-ħżin) [1]

Għadd totali ta’ operaturi (Għadd ta’ siti tal-ħżin) [2]

AT

4

4 (8)

BE

1

1 (1)

BG

1 (1)

1 (1)

CZ

4 (9)

4 (9)

DE

5

20 (24)

25 (50)

DK

1

1 (2)

ES

2

2 (4)

FR

3

3 (16)

HR

1

1 (1)

HU

2

2 (5)

IT

3 (13)

3 (13)

LV

1

1 (1)

NL

4

1 (3)

4 (7)

PL

1

1 (7)

PT

1

1 (1)

RO

2

2 (6)

SE

1

1 (1)

SK

2

2 (2)

TOTAL

31

29 (50)

58 (122)




[1] Iċ-ċertifikazzjonijiet jinħarġu mill-operatur u/jew mis-sit tal-ħżin.

[2]Abbażi tal-iskambju mal-Istati Membri, il-pjattaforma AGSI+ tal-Gas Infrastructure Europe (GIE) u r-Rapport dwar il-Ħżin tal-Gass tal-ACER u l-VIS tal-2023

5.Konformità mal-objettivi tal-mili tal-ħażniet fl-2024

F’Novembru 2023, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (EU 2023/2633) 8 li jistabbilixxi l-miri intermedjarji tal-mili għall-2024 . Il-miri intermedjarji tal-mili jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa għall-Istati Membri, li tippermettilhom jilħqu l-mira finali tal-mili ta’ 90 % sal-bidu tal-istaġun tat-tisħin f’Novembru. Matul l-2024, it-trajettorja għall-mili pproċediet skont l-għanijiet stabbiliti.

Fl-aħħar ta’ Marzu 2024, il-livell tal-istokk tal-UGS tal-UE kien qed jilħaq is-60 % (670 TWh), li jirrifletti rati ta’ mili dejjem ogħla mill-medja meta mqabbla mal-livelli storiċi. Il-livelli tal-ħżin tal-gass fit-tieni u fit-tielet trimestru tal-2024 kienu allinjati mill-qrib ma’ dawk tal-2023, bl-UE tilħaq livell kumplessiv ta’ 90 % fid-19 ta’ Awwissu, kważi fl-istess jum bħal fl-2023 (is-16 ta’ Awwissu). Peress li l-istokkijiet kienu diġà għoljin wara l-istaġun tal-irtirar 2023/2024, il-mili kien aktar bil-mod mis-soltu matul l-aħħar xhur tal-perjodu tal-mili. Madwar 60 % tal-gass maħżun matul is-sajf imtela bejn Mejju u Lulju (ara l-Illustrazzjoni 1). Sal-1 ta’ Novembru 2024, il-ħżin tal-gass tal-UE laħaq il-95 %, bl-Istati Membri kollha jaqbżu l-mira tal-mili, bl-eċċezzjoni tad-Danimarka (ara l-Illustrazzjoni 2).

Illustrazzjoni 1 – Mili nett storiku ta’ kuljum

Sors: Dashboard tas-Sigurtà tal-Provvista taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) 9

Illustrazzjoni 2 - Gass fil-ħażniet taħt l-art tal-UE fis-sena 2024 u s-sena 2023 (sa Diċembru) meta mqabbel mal-medja u l-firxa preċedenti ta’ 6 snin.

Sors: Dashboard tas-Sigurtà tal-Provvista tal-JRC

Sal-1 ta’ Novembru, kważi l-Istati Membri kollha mlew il-ħażniet tagħhom b’aktar minn 90 %, u b’hekk laħqu l-mira stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-unika eċċezzjoni kienet id-Danimarka, fejn il-livelli tal-ħżin kienu ta’ 75 % fl-1 ta’ Novembru. Il-mili tal-ħażniet taħt il-mira fid-Danimarka kien dovut għal taħlita ta’ kwistjonijiet ta’ infrastruttura teknika marbuta mal-ikkummissjonar tal-pjattaforma tal-produzzjoni ta’ Tyra, u l-manutenzjoni mhux ippjanata fit-terminal tal-gass ta’ Nybro. Barra minn hekk, il-Ġermanja kienet applikat l-hekk imsejħa imposta fuq il-ħżin tal-gass, taxxa fuq il-gass ittrasportat maħluq biex ikopri l-kostijiet tal-mili tas-siti tal-ħżin, sal-31 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk, l-importazzjoni tal-gass mid-direzzjoni Ġermaniża dehret inqas attraenti u minflok inkoraġġiet lill-atturi tas-suq biex jirtiraw il-gass mill-ħażniet tal-gass, inklużi l-ħażniet Daniżi. Minkejja li ma laħqitx il-mira tal-1 ta’ Novembru, is-sitwazzjoni kumplessiva tas-sigurtà tal-enerġija fid-Danimarka baqgħet stabbli, prinċipalment bis-saħħa tal-ikkummissjonar reċenti tal-Pajp Baltiku u tas-sehem dejjem akbar tal-produzzjoni tal-bijometan li jkopri kważi 40 % tal-konsum domestiku tal-gass. Madankollu, is-sitwazzjoni tiġbed l-attenzjoni fuq l-effetti detrimentali li miżura adottata fi Stat Membru wieħed jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija fi Stat Membru ieħor u l-ħtieġa li jiġu evitati miżuri nazzjonali unilaterali. Il-Kummissjoni Ewropea kienet fi djalogu attiv mad-Danimarka u mal-awtorità nazzjonali kompetenti li adottat miżuri li jippermettu lid-Danimarka tilħaq il-mira intermedjarja tal-1 ta’ Frar 2025.

Għandu jiġi nnotat li l-kapaċitajiet tal-ħżin tal-Latvja u tan-Netherlands huma sostanzjalment akbar mill-volumi tal-konsum domestiku, u għal din ir-raġuni, f’konformità mal-Artikolu 6a tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass, il-mira annwali finali għal dawn iż-żewġ Stati Membri hija stabbilita b’mod differenti u għalhekk, iż-żewġ pajjiżi kkonformaw mal-mira tal-mili ta’ 90 %, anki jekk il-valur nominali kien kemxejn aktar baxx (ara wkoll in-nota ta’qiegħ il-paġna 11 għal spjegazzjoni addizzjonali tal-metodoloġija tat-tnaqqis).

Fir-rigward tal-Komunità tal-Enerġija, sar xi progress fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħżin tal-gass tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. Is-Serbja u l-Ukrajna, iż-żewġ Partijiet Kontraenti b’faċilitajiet ta’ ħżin kienu qed jissodisfaw il-miri tal-ħżin tagħhom (is-sitwazzjoni f’Mejju 2024). Għal aktar dettalji, inti ġentilment mitlub tirreferi għar- rapport annwali tal-2024 tas-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija. 10  

Tabella 3 - Konformità mal-miri tal-mili tar-Regolament dwar il-ħżin għall-2024 11

Stat Membru

Mira intermedja tal-1 ta’ Frar

Livell ta’ mili fl-1 ta’ Frar

Mira intermedja tal-1 ta’ Mejju

Livell ta’ mili fl-1 ta’ Mejju

Mira intermedja tal-1 ta’ Lulju

Livell ta’ mili fl-1 ta’ Lulju

Mira intermedja tal-1 ta’ Settembru

Livell ta’ mili fl-1 ta’ Settembru

Mira tal-mili tal-1 ta’ Novembru

Livell ta’ mili fl-1 ta’ Novembru

AT

50 %

81 %

40 %

75 %

58 %

83 %

72 %

92 %

90 %

94 %

BE

30 %

60 %

5 %

52 %

40 %

73 %

78 %

94 %

90 %

98 %

BG

52 %

67 %

33 %

44 %

55 %

72 %

77 %

88 %

90 %

100 %

CZ

40 %

75 %

25 %

62 %

30 %

82 %

60 %

93 %

90 %

92 %

DE

45 %

74 %

10 %

68 %

30 %

82 %

65 %

95 %

90 %

98 %

DK

45 %

75 %

40 %

55 %

60 %

64 %

80 %

75 %

90 %

75 %

ES

59 %

81 %

60 %

83 %

66 %

95 %

80 %

100 %

90 %

100 %

FR

41 %

59 %

11 %

50 %

39 %

68 %

81 %

90 %

90 %

95 %

HR

46 %

51 %

29 %

33 %

51 %

59 %

83 %

88 %

90 %

91 %

HU

51 %

76 %

37 %

71 %

65 %

78 %

86 %

90 %

90 %

91 %

IT

45 %

64 %

36 %

65 %

54 %

82 %

72 %

93 %

90 %

99 %

LV

45 %

57 %

41 %

46 %

63 %

58 %

90 %

71 %

90 %

80 %

NL

43 %

65 %

30 %

55 %

50 %

69 %

68 %

91 %

90 %

89 %

PL

50 %

75 %

35 %

43 %

60 %

73 %

80 %

98 %

90 %

98 %

PT

70 %

103 %

70 %

92 %

80 %

102 %

80 %

102 %

90 %

103 %

RO

40 %

63 %

41 %

58 %

65 %

77 %

85 %

94 %

90 %

103 %

SE

59 %

77 %

30 %

63 %

61 %

63 %

79 %

91 %

90 %

91 %

SK

45 %

73 %

20 %

70 %

27 %

79 %

67 %

95 %

90 %

95 %

Sors: livelli ta’ mili bbażati fuq il-pjattaforma AGSI+ tal-GIE

Tnaqqis fid-domanda

Id-domanda għall-gass tnaqqset bi 18 % bejn Awwissu 2022 u Settembru 2024, u qabżet il-mira ta’ tnaqqis volontarju ta’ 15 % stabbilita fir-Regolament (UE) 2022/1369 12 u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2024/2476. 13  

Illustrazzjoni 3 - Domanda għall-gass ta’ kull xahar

 

Sors: Dashboard tas-Sigurtà tal-Provvista tal-JRC

Valutazzjoni tar-riskji

Is-Simulazzjoni tas-Sigurtà tal-Provvista fl-UE kollha mwettqa mill-Entsog f’Novembru 2024 tqis ix-xenarji ta’ interruzzjoni fit-tul ta’ sors uniku ta’ provvista. B’mod partikolari, l-interruzzjoni sħiħa tal-provvista Russa titqies bħala linja bażi fix-xenarji kollha. Ix-xenarji kollha jassumu wkoll livelli ta’ ħżin eċċezzjonalment baxxi fil-bidu tal-istaġun tax-xitwa u jesploraw interruzzjonijiet addizzjonali fl-infrastruttura li jirriflettu r-riskji relatati mal-kontroll tal-infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, bħall-użu ħażin tal-infrastruttura eżistenti inkluż l-akkumulazzjoni tal-kapaċità jew il-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-konklużjonijiet jikkonfermaw ir-reżiljenza tas-sistema tal-gass tal-UE u jenfasizzaw ukoll ir-rwol ewlieni tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass permezz ta’ miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija jew ta’ effiċjenza enerġetika.

6.Solidarjetà

Il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà introdotti bir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass għandhom rwol kruċjali fl-iżgurar li l-klijenti protetti, bħall-unitajiet domestiċi u l-isptarijiet, jibqa’ jkollhom aċċess għall-gass matul kriżijiet estremi. Is-solidarjetà inizjalment ġiet implimentata permezz ta’ ftehimiet ta’ solidarjetà bilaterali volontarji bejn Stati Membri tal-UE konnessi direttament, bl-eċċezzjoni ta’ Malta, ta’ Ċipru u tal-Irlanda li jibbenefikaw minn deroga (peress li mhumiex konnessi direttament ma’ xi Stat Membru ieħor). Sa issa ġew iffirmati 9 ftehimiet ta’ solidarjetà, mill-40 ftehim mistennija, inklużi ftehimiet bejn il-Ġermanja, l-Italja u l-Iżvizzera li ġew iffirmati fl-2024. Fl-2022, fl-eqqel tal-kriżi tal-gass, l-għadd baxx ta’ ftehimiet ratifikati kien qed jesponi lill-UE għal riskju għas-sigurtà tal-provvista u l-kunċett ta’ ftehimiet volontarji ġie vvalutat mill-ġdid. Konsegwentement, il-kunċett ta’ solidarjetà ssaħħaħ permezz tar-Regolament dwar is-Suq tal-Gass, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet prestabbiliti ta’ solidarjetà biex jiġi operazzjonalizzat il-prinċipju ta’ solidarjetà f’każ ta’ kriżi u f’sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm fis-seħħ ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà.

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar is-Suq tal-Gass jestendi wkoll l-obbligu ta’ solidarjetà għal Stati Membri konnessi indirettament, u jippermettilhom jaċċessaw solidarjetà akbar ibbażata fuq is-suq, inter alia, permezz ta’ provvisti tal-gass naturali likwifikat (LNG, liquefied natural gas). Eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ kriżi ta’ Novembru 2024 (“sessjoni ta’ prattika”) organizzat mill-Kummissjoni wera l-effettività tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ta’ solidarjetà, filwaqt li enfasizza r-rwol ta’ miżuri bbażati fuq is-suq li jnaqqsu l-kost kumplessiv tas-solidarjetà għall-UE. Barra minn hekk, l-LNG jista’ jkollu rwol ewlieni fit-talbiet ta’ solidarjetà, peress li l-Istati Membri jista’ jkollhom rwol ta’ faċilitaturi fid-diskussjoni bejn l-atturi tas-suq, filwaqt li ma jkollhom l-ebda obbligu legali li jirrikjedu li t-trasportaturi tal-LNG jiddevjaw il-konsenji tagħhom. L-eżerċizzju identifika wkoll oqsma għat-titjib tal-implimentazzjoni tas-solidarjetà f’każ ta’ kriżijiet, inkluża l-ħtieġa għal proċeduri aktar ċari, linji gwida dwar azzjonijiet ta’ monitoraġġ, u arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet ikkonċernati biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ solidarjetà.

7.Implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass fl-2025

Il-miri tat-trajettorji intermedjarji għall-mili għall-2025 huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tal-provvista, filwaqt li jitqiesu r-rati tal-mili tal-5 snin preċedenti u l-Prospettiva tal-Provvista tax-Xitwa tal-Entsog. Il-miri tal-2025 ġew stabbiliti formalment f’Novembru 2024 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2995, assistit mill-Kumitat għall-Ħżin tal-Gass. Dawn il-miri intermedjarji huma meqjusa bħala miri minimi li joffru flessibbiltà massima tas-suq biex jintlaħaq id-90 %, sakemm ikomplu l-isforzi għat-tnaqqis fid-domanda u l-provvisti jinżammu f’livell simili tas-sena preċedenti.

Tabella 4 - Miri intermedji għall-2025 għall-Istati Membri b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art, kif adottati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2995 14 . mid-29.11.2024 (https://energy.ec.europa.eu/publications/implementing-regulation-setting-filling-trajectory-intermediary-targets-2025-member-states_en)

Stat Membru

Mira intermedja tal-1 ta’ Frar

Mira intermedja tal-1 ta’ Mejju

Mira intermedja  tal-1 ta’ Lulju

Mira intermedja tal-1 ta’ Settembru

Mira tal-mili tal-1 ta’ Novembru 15

AT

64 %

52 %

66 %

77 %

90 %

BE

30 %

5 %

40 %

78 %

90 %

BG

55 %

36 %

57 %

77 %

90 %

CZ

40 %

25 %

30 %

60 %

90 %

DE

45 %

10 %

30 %

65 %

90 %

DK

45 %

40 %

60 %

75 %

90 %

ES

58 %

53 %

64 %

80 %

90 %

FR

41 %

11 %

39 %

81 %

90 %

HR

46 %

29 %

51 %

83 %

90 %

HU

59 %

38 %

61 %

84 %

90 %

IT

55 %

45 %

54 %

72 %

90 %

LV

45 %

41 %

63 %

90 %

90 %

NL

47 %

39 %

57 %

72 %

90 %

PL

50 %

35 %

60 %

80 %

90 %

PT

70 %

70 %

80 %

80 %

90 %

RO

41 %

42 %

63 %

84 %

90 %

SE

53 %

5 %

5 %

5 %

90 %

SK

45 %

20 %

29 %

74 %

90 %

Il-Prospettiva tal-Provvista tax-Xitwa 2024/2025 tal-Entsog tissuġġerixxi li taħt xenarju ta’ referenza tax-xitwa (l-ebda perjodu twil ta’ kesħa kbira), l-Ewropa xorta tista’ tilħaq il-livell ta’ stokk tal-gass ta’ 40 % fi tmiem dan l-istaġun tax-xitwa, anki mingħajr il-gass mill-pipeline Russu.

8.Analiżi tal-effetti potenzjali fuq il-prezzijiet tal-gass

Il-ħażniet tal-gass għadhom strumentali biex itaffu t-tensjoni li jkun hemm fis-swieq tal-gass peress li jistgħu jipprovdu volumi sinifikanti ta’ gass meta l-provvista tkun skarsa u għalhekk, itaffu l-varjazzjonijiet u ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet. Ġie osservat li l-prezzijiet spot tal-gass għandhom it-tendenza li jkunu ogħla meta l-livelli tal-mili jkunu taħt il-medja. 16 F’dan il-kuntest, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija nnotat, fir- Rapport dwar il-Gass fuq Terminu Medju tal-2023 , li livell għoli ta’ ħżin u domanda mrażżna ħallew impatt negattiv fuq il-prezzijiet spot tal-gass fl-Ewropa fit-tielet trimestru tal-2023. Bl-istess mod, fir- rapport tagħha ta’ Ġunju 2023, l-ACER indikat li l-livelli tal-mili tal-ħażniet huma ferm ogħla mill-medja tas-snin li għaddew u kkontribwew għat-tnaqqis fil-prezzijiet.

Kif jidher fil-graff ta’ hawn taħt, il-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa varjaw bejn EUR 30 u EUR 50/MWh f’dawn l-aħħar xhur. Il-prezzijiet naqsu b’mod konsiderevoli mill-eqqel tal-kriżi fis-sajf tal-2022 meta l-prezzijiet laħqu livelli mingħajr preċedent ogħla minn EUR 300/MWh iżda għadhom  ferm ogħla minn qabel il-kriżi u qed jesperjenzaw għadd ta’ episodji ta’ volatilità qawwija.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni implimentaw pakkett komprensiv ta’ miżuri li flimkien ikkontribwew biex itejbu s-sitwazzjoni tas-suq u għenu biex tittaffa l-pressjoni fuq il-prezz. L-impenn li jinħażnu volumi minimi ta’ gass qabel ix-xitwa, kif stabbilit fir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass kellu rwol importanti f’dan is-sett ta’ inizjattivi u l-livell għoli ħafna ta’ mili tal-ħażniet osservat mill-aħħar tal-ħarifa 2022 kien fattur determinanti ewlieni (iżda mhux l-uniku wieħed) biex tittaffa t-tensjoni tas-suq u biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-gass.

Madankollu, fl-aħħar tal-ħarifa 2024/fil-bidu tal-2025, f’kuntest ta’ suq limitat u domanda ogħla minħabba temp aktar kiesaħ, is-suq Ewropew tal-gass, beda jesperjenza x-xejra ta’ firxa negattiva bejn is-sajf u x-xitwa. Din il-konfigurazzjoni tal-prezz mhijiex favorevoli għall-mili tal-ħażniet matul is-sajf, il-perjodu ta’ żmien tas-soltu għall-mili tal-ħażniet. Ix-xejra hija relattivament reċenti u f’Jannar 2025, iż-żmien tal-abbozzar ta’ dan ir-rapport, kien għad ma hemm l-ebda unanimità dwar il-kawżi eżatti għal dan l-iżvilupp. Il-fenomenu jista’ jiġi osservat ukoll fi swieq oħra (eż. ix-Xlokk tal-Asja) u għalhekk ma jistax jiġi spjegat biss mis-sitwazzjoni tad-domanda u l-provvista fl-Ewropa. Xi fatturi reċenti speċifiċi għall-Ewropa, bħat-temp kiesaħ u l-produzzjoni baxxa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda reċenti fil-prezzijiet tal-gass u għal aktar irtirar mill-ħażniet. Huwa probabbli li l-mewġa li jmiss ta’ kapaċità addizzjonali tal-LNG li se ssir operazzjonali fis-snin li ġejjin se tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-prezzijiet globali futuri. Sadanittant, biex jitnaqqas l-istress tas-sistemi u jiġu evitati d-distorsjonijiet tas-suq marbuta mal-mili mill-ġdid tal-ħażniet tal-gass, il-Kummissjoni se tuża l-marġni ta’ manuvra previst fir-regolamentazzjoni mmirata għall-Istati Membri u se toħroġ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tappoġġa lill-Istati Membri biex jikkordinaw aħjar u biex jipprovdu livell saħansitra ogħla ta’ flessibbiltà fir-rigward tat-trajettorji għall-mili ħalli jilħqu l-miri tal-mili għall-ħżin tal-gass bil-pass tagħhom stess.



Illustrazzjoni 4 - Prezzijiet tat-Title Transfer Facility (TTF) ta’ ġurnata bil-quddiem u ta’ xahar bil-quddiem – Ġunju 2021 - Settembru 2025



Sors: ENER ibbażat fuq id-data ta’ S&P Global

9.Konklużjoni

Fl-2024, il-biċċa l-kbira tal-objettivi stabbiliti bir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass intlaħqu jew inqabżu. Sal-1 ta’ Novembru, kważi l-Istati Membri kollha kienu kkonformaw mal-mira regolatorja, u d-Danimarka biss kienet l-unika eċċezzjoni għar-regola. Madankollu, il-livelli aktar baxxi tal-mili ma pperikolawx is-sitwazzjoni kumplessiva tas-sigurtà tal-enerġija tad-Danimarka u d-Danimarka rnexxielha tilħaq il-mira intermedjarja tal-1 ta’ Frar 2025.

Il-Perspettiva tal-Provvista tax-Xitwa tal-Entsog 2024/2025 kif ukoll ir-rapporti trimestrali tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-gass tal-2024 jindikaw trajettorji għall-mili relattivament bla xkiel matul l-2024. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li matul l-2024 l-ebda Stat Membru ma adotta miżuri ġodda għall-mili meta mqabbel mal-aħħar sena. Ma kien hemm l-ebda rikors għal miżuri mhux ibbażati fuq is-suq u hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-mekkaniżmu ta’ miri intermedjarji minimi jkompli jippermetti livell suffiċjenti ta’ flessibbiltà biex l-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri u l-iskedi tagħhom stess. Fl-istess ħin, il-kisba tal-objettivi stabbiliti bir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass għenet fit-tnaqqis tal-primjum tar-riskju fis-suq tal-gass fi tmiem is-sena.

Il-proċess taċ-ċertifikazzjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass kompla matul l-2024. L-awtoritajiet nazzjonali għamlu progress fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-Kummissjoni ħarġet diversi opinjonijiet matul is-sena. Minkejja li xi Stati Membri għadhom ma ppreżentawx id-deċiżjonijiet tagħhom, il-kontroll tal-UE fuq l-assi strateġiċi tjieb u l-lok għall-manipulazzjoni tas-suq naqas b’mod konsiderevoli meta mqabbel mal-2021.

Matul l-2024, l-ebda Stat Membru ma ddikjara livelli ġodda ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. Il-Finlandja marret lura mil-livell ta’ twissija għal twissija bikrija u d-Danimarka, l-Iżvezja u l-Estonja ddiżattivaw it-twissija bikrija. Id-dikjarazzjoni ta’ kriżi hija prekondizzjoni biex Stat Membru jitlob l-applikazzjoni ta’ miżuri solidali u għaldaqstant, ma saret l-ebda talba ta’ solidarjetà matul l-2024. Abbażi tal-istħarriġ lill-Istati Membri, il-Kummissjoni ġiet infurmata li ma ġie ffirmat l-ebda ftehim bilaterali dwar il-kondiviżjoni tal-piżijiet matul l-2024.

It-test tad-dispożizzjonijiet ta’ solidarjetà introdotti bir-Regolament dwar is-Suq tal-Gass 2024/1789, jikkonferma wkoll li l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Entsog huma ppreparati għal emerġenza tal-gass u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet eżistenti u li għadhom kif ġew maqbula tal-UE dwar is-solidarjetà ġeneralment jipprovdu qafas adegwat biex jiġi attivat rispons rapidu u effettiv għall-kriżijiet. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda ta’ solidarjetà li jestendu l-mekkaniżmi għal Stati Membri konnessi indirettament, jippermettu aċċess għal solidarjetà akbar u allegatament irħas ibbażata fuq is-suq meta l-ġirien konnessi direttament ikunu qed jesperjenzaw emerġenza. Barra minn hekk, l- LNG jista’ jkollu rwol ewlieni f’każ ta’ talba ta’ solidarjetà, iżda l-effettività eventwalment tiddependi fuq arranġamenti kuntrattwali bejn il-partijiet ikkonċernati.

Is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fl-2024 hija bla dubju aħjar milli fl-2022 u trajettorji stabbli għall-mili tal-ħżin tal-gass ikkontribwew b’mod pożittiv. Madankollu, il-bidu relattivament kiesaħ tax-xitwa 2024–25 qed jikkonsma l-ħażniet tal-gass b’pass aktar mgħaġġel milli fl-2023, u l-livell kumplessiv tal-ħżin tal-UE, li kien storikament għoli matul is-snin preċedenti, naqas għal livell ekwivalenti għall-medja ta’ qabel il-kriżi f’4 ġimgħat biss. Barra minn hekk, il-kuntest ġeopolitiku kumplessiv, il-provvista globali staġnata tal-LNG u d-domanda globali kostanti għal-LNG jistgħu jwasslu għal bilanċ globali tal-gass aktar limitat fl-2025. L-indikaturi attwali tas-suq mhumiex qed jipprevedu li l-prezzijiet tal-gass fl-UE jilħqu l-livelli rekord osservati fl-2022, iżda r-riskji assoċjati ma’ sitwazzjoni ġeopolitika kontinwament taħt pressjoni, inkluż l-użu tal-provvista tal-gass Russu bħala arma, għadhom għoljin u jistgħu jpoġġu xi pressjoni fuq il-prezzijiet.

Din il-kombinazzjoni ta’ fatturi qed tikkonferma r-rilevanza tar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass u l-importanza li jiġu żgurati livelli għoljin ta’ ħżin qabel l-istaġun tax-xitwa li jmiss.

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass), (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17–33).

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass)

(ĠU L 280 28.10.2017, p. 1).

(3)

  Rapport speċjali 09/2024: Is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-UE .

(4)

L-obbligu li l-Operaturi tas-Sistema tal-Ħżin jiġu ċċertifikati issa jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (riformulazzjoni) li beda japplika mill-5 ta’ Frar 2025 (ĠU L, 2024/1789, 15.7.2024) (ir-Regolament dwar is-Suq tal-Gass).

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 (ir-Regolament tal-Gass)

(ĠU L 211 14.8.2009, p. 36).

(6)

Kif issemma qabel, l-obbligu li l-operaturi tas-sistema tal-ħżin jiġu ċċertifikati issa jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament dwar is-Suq tal-Gass (ir-Regolament (UE) 2024/1789).

(7)

https://energy.ec.europa.eu/topics/energy-security/gas-storage_en#certification-for-storage-system-operators.

(8)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2633 tal-20 ta’ Novembru 2023 li jistabbilixxi t-trajettorja għall-mili b’miri intermedjarji għall-2024 għal kull Stat Membru b’faċilitajiet tal-ħżin tal-gass taħt l-art fit-territorju tiegħu u interkonnessi direttament maż-żona tas-suq tiegħu (ĠU L, 2023/2633, 23.11.2023)

(9)

  Link għad-Dashboard tas-Sigurtà tal-Provvista tal-JRC  

(10)

https://www.energy-community.org/news/Energy-Community-News/2024/05/28b.html.

(11)

Il-miri regolatorji tat-Tabella 3 huma soġġetti għal tnaqqis skont l-Artikolu 6a tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. It-tabella li tindika l-miri hija meħuda mill-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2023/2633. L-Anness huwa soġġett għall-obbligi pro rata ta’ kull Stat Membru skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b u 6c tiegħu. Għall-Istati Membri li jaqgħu taħt l-Artikolu 6a(2), il-mira intermedja pro rata għandha tiġi kkalkolata billi l-valur indikat fit-tabella jiġi mmultiplikat bil-limitu ta’ 35 % u billi r-riżultat jiġi diviż b’90 %.

(12)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

(13)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2024/2476 tal-25 ta’ Marzu 2024 dwar it-tkomplija tal-miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass

(14)

It-tabella hija soġġetta għall-obbligi pro rata ta’ kull Stat Membru skont ir-Regolament (UE) 2017/1938, b’mod partikolari l-Artikoli 6a, 6b u 6c tiegħu.

(15)

Ara l-Artikolu 6a(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010.

(16)

  What Drives Natural Gas Prices? fuq JSTOR

Top