Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0032

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar id-delega tas-setgħat biex jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

COM/2025/32 final

Brussell, 5.2.2025

COM(2025) 32 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar id-delega tas-setgħat biex jiġu adottati atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2020/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2020/1056 dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija 1 (ir-“Regolament dwar l-eFTI”) jistabbilixxi qafas legali biex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jikkondividu informazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar f’format elettroniku dwar it-trasport fl-UE tal-merkanzija bit-triq, bil-ferrovija, bil-passaġġi fuq l-ilma interni u bl-ajru.

L-għan tar-Regolament dwar l-eFTI hu li jħeġġeġ id-diġitalizzazzjoni tat-trasport u tal-loġistika tal-merkanzija, sabiex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi, jittejbu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-awtoritajiet kompetenti u t-trasport isir aktar effiċjenti u sostenibbli. Ir-Regolament dwar l-eFTI daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2020. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet bdew japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom 2 jew mill-21 ta’ Awwissu 2024 3 , ir-rekwiżit għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jaċċettaw l-informazzjoni ppreżentata għall-kontroll b’mod elettroniku se jibda japplika biss mid-9 ta’ Lulju 2027 4 .

Il-pedamenti tar-Regolament dwar l-eFTI huma l-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u tal-formati tad-data, u l-miżuri biex jittejbu l-flussi tad-data għal aktar effiċjenza. Għal dan il-għan, l-Artikoli 2(3), 7, 12(5) u 13(3) tar-Regolament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati. B’mod partikolari:

a)L-Artikolu 2(3) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jemendaw l-Anness I, li fih informazzjoni regolatorja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-eFTI;

b)L-Artikolu 7 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament dwar l-eFTI billi tistabbilixxi u temenda s-sett ta’ data komuni tal-eFTI 5 u s-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI 6 ;

c)L-Artikolu 12(5) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament dwar l-eFTI billi tistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ pjattaformi tal-eFTI 7 u dwar l-użu tal-marka ta’ ċertifikazzjoni, inklużi regoli dwar it-tiġdid, is-sospensjoni u l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni;

d)L-Artikolu 13(3) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati biex tissupplimenta r-Regolament dwar l-eFTI billi tistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-eFTI 8 , inklużi regoli dwar it-tiġdid, is-sospensjoni u l-irtirar taċ-ċertifikazzjoni.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli hawn fuq għal perjodu ta’ ħames snin mill-20 ta’ Awwissu 2020. Id-delega ta’ din is-setgħa tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

F’konformità mal-Artikolu 14(2), il-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Dan ir-rapport ikopri dan l-obbligu.

2.Eżerċizzju ta’ setgħat delegati

Mid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni eżerċitat darbtejn is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati skont ir-Regolament dwar l-eFTI:

·F’konformità mal-Artikolu 2(3), fil-15 ta’ Lulju 2024 adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2025 9 biex jemenda l-Parti B tal-Anness I tar-Regolament dwar l-eFTI, filwaqt li jinkorpora r-referenzi għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni regolatorja fil-liġi nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament dwar l-eFTI.

·F’konformità mal-Artikolu 7, fis-26 ta’ Lulju 2024 adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2024 10 biex jissupplimenta r-Regolament dwar l-eFTI fir-rigward tal-istabbiliment tas-sett ta’ data komuni tal-eFTI u tas-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI.

Il-Kummissjoni għadha ma użatx is-setgħat delegati previsti fl-Artikoli 12(5) u 13(3). Madankollu, l-atti delegati rispettivi qed jitħejjew u mistennija jiġu adottati mill-Kummissjoni fit-tieni kwart tal-2025.

Ir-Regolament Delegat li jissupplimenta r-Regolament dwar l-eFTI fir-rigward tal-istabbiliment tas-sett ta’ data komuni tal-eFTI u tas-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI ġie adottat wara l-iskadenza tal-21 ta’ Frar 2023 stabbilita fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament dwar l-eFTI. Dan kien prinċipalment minħabba l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ mmappjar u ta’ mmudellar tad-data tal-għadd kbir ta’ atti legali tal-UE u nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-eFTI 11 . Il-kriżi tal-COVID-19 kellha wkoll impatt fuq il-ġbir u l-konsultazzjoni tad-data, peress li dak iż-żmien l-awtoritajiet tal-Istati Membri fis-settur tat-trasport kienu involuti fil-ġestjoni tal-kriżijiet.

F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 12 , il-Kummissjoni jeħtiġilha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru qabel ma tadotta att delegat. Meta kienet qed tħejji ż-żewġ regolamenti delegati, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni xierqa u trasparenti mal-esperti tal-Istati Membri u mal-operaturi tas-settur tan-negozju li pparteċipaw fil-Forum dwar it-Trasport u l-Loġistika Diġitali ( E03280 ), b’mod speċifiku fis-Sottogrupp 3: Atti Delegati ta’ Informazzjoni Elettronika dwar it-Trasport tal-Merkanzija (eFTI). L-esperti appoġġaw id-dispożizzjonijiet inklużi fir-regolamenti delegati 13 .

Matul il-proċess proċedurali u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni bagħtet id-dokumenti rilevanti kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill. Il-Parlament u l-Kunsill ma kellhom l-ebda oġġezzjoni għall-adozzjoni taż-żewġ regolamenti delegati.

Il-Kummissjoni tqis li s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 2(3), 7, 12(5) u 13(3) tar-Regolament dwar l-eFTI jenħtieġ li tinżamm fis-seħħ sakemm ir-Regolament dwar l-eFTI jibqa’ applikabbli. Dan sabiex jiġi żgurat l-aġġornament tas-sett ta’ data komuni tal-eFTI u tas-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI, f’konformità mal-bidliet fid-dispożizzjonijiet legali tal-UE u nazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u mal-iżviluppi fl-istandards rilevanti tal-UE jew internazzjonali, u biex jiġu stabbiliti u jinżammu aġġornati r-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni kemm tal-pjattaformi tal-eFTI kif ukoll tal-fornituri ta’ servizzi tal-eFTI 14 .

3.Konklużjoni

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tagħha tas-setgħat delegati skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar l-eFTI.

Il-Kummissjoni eżerċitat b’mod attiv u xieraq is-setgħat delegati mogħtija lilha bir-Regolament dwar l-eFTI. Il-Kummissjoni tqis li l-estensjoni ta’ din id-delega tas-setgħat biex jiġu adottati atti delegati kienet u tibqa’ xierqa, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament dwar l-eFTI (estensjoni taċita). Tali estensjoni se tippermetti lill-Kummissjoni tkompli tissupplimenta r-Regolament dwar l-eFTI u temenda l-Anness I tiegħu, tiżgura l-aġġornament tas-sett ta’ data komuni tal-eFTI u tas-sottosettijiet ta’ data tal-eFTI u l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet għal fluss ta’ data bla xkiel u sigur fl-ambjent tal-iskambju ta’ data tal-eFTI (regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-pjattaforma tal-eFTI u tal-fornituri ta’ servizzi tal-eFTI).

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

ĠU L 249, 31.7.2020, p. 33.

(2)

Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament dwar l-eFTI, l-Artikoli 2(2), 5(4), 7, 8, 9(2) u 10(2) japplikaw mid-data li fiha jidħol fis-seħħ ir-Regolament.

(3)

Ara l-Artikolu 18(2).

(4)

Ara l-Artikolu 5(1), din id-data ġiet ikkalkulata minn 30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-ewwel atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament. Dawn l-atti tal-aħħar daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Jannar 2025.

(5)

“sett ta’ data komuni tal-eFTI”: sett komprensiv ta’ elementi ta’ data strutturati li jikkorrispondu għas-sottosettijiet ta’ data kollha tal-eFTI, fejn l-elementi ta’ data komuni għas-sottosettijiet ta’ data differenti tal-eFTI jkunu inklużi darba biss.

(6)

“sottosett ta’ data tal-eFTI”: sett ta’ elementi ta’ data strutturati li jikkorrispondu għall-informazzjoni regolatorja meħtieġa skont att legali speċifiku tal-UE jew liġi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-eFTI.

(7)

“pjattaforma tal-eFTI”: soluzzjoni bbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), bħal sistema operattiva, ambjent operattiv jew bażi tad-data, maħsuba biex tintuża għall-ipproċessar tal-eFTI.

(8)

 “fornitur ta’ servizz tal-eFTI”: persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz tal-eFTI lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati abbażi ta’ kuntratt.

(9)

  ĠU L 2024/2025, 20.12.2024

(10)

  ĠU L 2024/2024, 20.12.2024

(11)

B’kollox, 182 biċċa leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali bħalissa jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, u abbażi tagħhom ġie stabbilit l-istess għadd ta’ sottosettijiet ta’ data tal-eFTI.

(12)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)

  Id-dokumenti u r-rapporti tal-laqgħat rilevanti jinsabu fir- Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (europa.eu) .

(14)

Dawn ir-regoli għandhom kontenut tekniku. Dawn se jiġu inklużi fl-atti delegati (li bħalissa qed jitħejjew) li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikoli 12(5) u 13(3) tar-Regolament dwar l-eFTI.

Top