Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024XC03113

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — It-tieni emenda għall-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja

C/2024/3123

ĠU C, C/2024/3113, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3113/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3113/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/3113

2.5.2024

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

It-tieni emenda għall-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja

(C/2024/3113)

1.   Introduzzjoni

1.

Fid-9 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja (il-“Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni”). (1)

2.

Fil-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja u l-effetti diretti u indiretti tagħha, inklużi s-sanzjonijiet imposti u l-kontromiżuri meħuda, pereżempju mir-Russja (il-“kriżi attwali”), ħolqu inċertezzi ekonomiċi sinifikanti, fixklu l-flussi kummerċjali u l-ktajjen tal-provvista u wasslu għal żidiet eċċezzjonalment kbar u mhux mistennija fil-prezzijiet, speċjalment fil-gass naturali u l-elettriku, iżda wkoll f’bosta inputs u materja prima u oġġetti primarji oħra. Dawk l-effetti meħuda flimkien ikkawżaw tfixkil serju tal-ekonomija fl-Istati Membri kollha f’firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-valutazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jirrimedjaw dak it-tfixkil serju b’miżuri eċċezzjonali deskritti fil-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni.

3.

Fl-20 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżuri eċċezzjonali stabbiliti fil-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE biex jiġi rimedjat tfixkil serju jistgħu fil-prinċipju jitneħħew gradwalment, filwaqt li jitqies ukoll ir-riskju ta’ distorsjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-miżuri eċċezzjonali. (2) B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddeċidiet (i) li ma temendax it-tneħħija gradwali tat-taqsimiet 2.2, 2.3 u 2.7 tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni, li skada fil-31 ta’ Diċembru 2023, iżda (ii) li tittardja t-tneħħija gradwali tat-taqsimiet 2.1 u 2.4 tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni sat-30 ta’ Ġunju 2024. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi attwali kompliet toħloq riskji u baqgħet sors ta’ inċertezza fi swieq speċifiċi. Bit-tneħħija gradwali fit-tul, il-Kummissjoni ppermettiet lill-Istati Membri jżommu l-miżuri ta’ appoġġ bħala salvagwardja iżda tat ukoll aktar żmien biex jimplimentaw il-miżuri meħtieġa b’mod amministrattiv.

4.

Fil-Kunsill Ewropew li sar fil-21-22 ta’ Marzu 2024, l-Istati Membri enfasizzaw l-impatt kontinwu tal-kriżi attwali u l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur agrikolu. Il-Kummissjoni wettqet aktar konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-forma ta’ stħarriġ imniedi fis-27 ta’ Marzu 2024 u laqgħa fil-15 ta’ April 2024. L-Istati Membri ġew mistiedna wkoll jipprovdu kummenti bil-miktub. Il-Kummissjoni qieset it-tweġibiet kollha li rċeviet għall-kunsiderazzjonijiet tagħha.

5.

Il-Kummissjoni tqis li filwaqt li t-tfixkil ekonomiku jaffettwa l-ekonomija b’mod wiesa’ fl-Istati Membri kollha, l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri biex jiġu rimedjati b’mod effettiv l-effetti tista’ teħtieġ aktar żmien speċifikament fis-settur għall-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura. F’dawn is-setturi speċifiċi, li huma kkaratterizzati minn sehem partikolarment għoli ta’ impriżi żgħar, il-proċess ta’ aġġustament meħtieġ biex tingħeleb b’mod effettiv il-kriżi attwali jeħtieġ aktar żmien. Barra minn hekk, u b’mod partikolari għall-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u sa ċertu punt anki għall-akkwakultura, id-dipendenza fuq l-istaġuni tat-tkabbir annwali u ċ-ċikli tal-ħsad huma karatteristiċi rilevanti speċifiċi għas-settur li għandhom jiġu kkunsidrati, inkluża l-ħtieġa li jinkisbu inputs bħall-fertilizzanti fi żmien ta’ prezzijiet partikolarment għoljin filwaqt li l-prodotti li jirriżultaw jinbiegħu bil-prezzijiet baxxi attwali. Dan jiġġustifika perjodu ta’ implimentazzjoni eċċezzjonalment itwal għal dawn is-setturi.

6.

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li għalkemm il-miżuri ta’ appoġġ eżistenti ġeneralment jippermettu lill-Istati Membri jindirizzaw is-sorsi li fadal ta’ inċertezza, għad hemm żoni ta’ vulnerabbiltà u ħtieġa partikolari fis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura għal aktar żmien biex jiġu implimentati miżuri ta’ appoġġ effettivi.

7.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-eliminazzjoni gradwali tat-Taqsima 2.1 tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2024 għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli kif ukoll lis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura. Minħabba l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw, il-Kummissjoni tqis li dawn l-impriżi jistgħu jitqiesu bħala impriżi affettwati mill-kriżi attwali għall-fini tal-punt 61(d) tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni mingħajr ma l-Istati Membri jkollhom jipprovdu ġustifikazzjoni ulterjuri.

8.

Il-Kummissjoni tqis li ma hemmx bżonn li jiġu rieżaminati t-taqsimiet tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni li għandu l-għan li jappoġġa t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti (jiġifieri, it-taqsimiet 2.5, 2.6 u 2.8 tiegħu), li huma bbażati fuq l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, peress li se jibqgħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2025. Għalhekk, dawn it-taqsimiet mhumiex affettwati minn din l-emenda.

2.   Emendi għall-qafas temporanju ta’ Kriżi u Tranżizzjoni

9.

Il-punt 55 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(55)

il-Kummissjoni tqis li l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja u l-effetti diretti u indiretti tagħha, inklużi s-sanzjonijiet imposti u l-kontromiżuri meħuda, pereżempju mir-Russja ħolqu inċertezzi ekonomiċi sinifikanti, fixklu l-flussi kummerċjali u l-ktajjen tal-provvista, u wasslu għal żidiet eċċezzjonalment kbar u mhux mistennija fil-prezzijiet, speċjalment fil-gass naturali u l-elettriku, iżda wkoll f’bosta input u materja prima u oġġetti primarji oħra. Dawn l-effetti meħuda flimkien ikkawżaw tfixkil serju tal-ekonomija fl-Istati Membri kollha. It-tfixkil fil-katina ta’ provvista u ż-żieda fl-inċertezza għandhom effetti diretti jew indiretti li jaffettwaw ħafna setturi. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew jaffettwaw prattikament kull attività ekonomika f’kull Stat Membru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha huma affettwati minn tfixkil ekonomiku serju. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-valutazzjoni ta’ miżuri tal-għajnuna mill-Istat li l-Istati Membri jistgħu jieħdu biex jirrimedjaw dan it-tfixkil serju.”

10.

Il-punt 56 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(56)

L-għajnuna mill-Istat hija b’mod partikolari ġġustifikata u tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, għal perjodu limitat, jekk isservi biex tirrimedja n-nuqqas ta’ likwidità li jiffaċċjaw l-impriżi li huma affettwati direttament jew indirettament mit-tfixkil serju tal-ekonomija kkawżat mill-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u l-effetti diretti u indiretti tagħha, inklużi s-sanzjonijiet imposti u l-kontromiżuri meħuda, pereżempju mir-Russja. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tieħu nota li filwaqt li t-tfixkil ekonomiku jaffettwa l-ekonomija b’mod wiesa’ fl-Istati Membri kollha, l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri biex dawn l-effetti jiġu rimedjati b’mod effettiv tista’ teħtieġ aktar żmien speċifikament fis-setturi tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura. F’dawn is-setturi speċifiċi, li huma kkaratterizzati minn sehem partikolarment għoli ta’ impriżi żgħar, il-proċess ta’ aġġustament biex tingħeleb b’mod effettiv il-kriżi attwali jeħtieġ aktar żmien. Barra minn hekk, u b’mod partikolari għall-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u sa ċertu punt anki għall-akkwakultura, id-dipendenza fuq l-istaġuni tat-tkabbir annwali u ċ-ċikli tal-ħsad huma karatteristiċi rilevanti speċifiċi għas-settur li għandhom jiġu kkunsidrati, inkluża l-ħtieġa li jinkisbu inputs fi żmien ta’ prezzijiet partikolarment għoljin filwaqt li l-prodotti li jirriżultaw jinbiegħu bil-prezzijiet baxxi attwali. Dan jiġġustifika perjodu ta’ implimentazzjoni eċċezzjonalment itwal għal dawn is-setturi.”

11.

Il-Punt 61(c) huwa sostitwit b’li gej:

“c.

l-għajnuna tingħata sat-30 ta’ Ġunju 2024 (*1) bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna mogħtija lil prodotti agrikoli tal-produzzjoni primarja kif ukoll lil impriżi attivi fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, li tista’ tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2024;

(*1)  Jekk l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ vantaġġ fuq it-taxxa, l-obbligazzjoni tat-taxxa li fir-rigward tagħha jingħata dak il-vantaġġ trid tkun inħolqot mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024 (jew il-31 ta’ Diċembru 2024 fil-każ ta’ għajnuna lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli jew impriżi attivi fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura).” "


(1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja (ĠU C 101, 17.3.2023, p. 3).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Emenda għall-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni għal miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija wara l-aggressjoni kontra l-Ukrajna mir-Russja (ĠU C, 2023/1188, 21.11.2023).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3113/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top