IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 597 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024PC0597
Recommendation for a COUNCIL DECISION establishing that no effective action has been taken by Romania in response to the Council Recommendation of 18 June 2021
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021
Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021
COM/2024/597 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.6.2024
COM(2024) 597 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi pubbliċi eċċessivi.
(2)Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, 1 li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika.
(3)Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill, filwaqt li aġixxa fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 skont l-Artikolu 126(6) TFUE dwar l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità ppjanat fl-2019 mal-kriterju tad-defiċit tat-TFUE, u ħareġ Rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern sa mhux aktar tard mill-2022. Fid-dawl tal-kontrazzjoni profonda fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, fit-18 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE lir-Rumanija 2 .
(4)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024. B’mod speċifiku, fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 2021 skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tnaqqas id-defiċit nominali tagħha għal 8.0 % tal-PDG fl-2021, 6.2 % tal-PDG fl-2022, 4.4 % tal-PDG fl-2023 u 2.9 % tal-PDG fl-2024. Dan kien konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ta’ 3,4 % fl-2021, 1,3 % fl-2022, 0,9 % fl-2023 u 0,0 % fl-2024. Kien jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2022, ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024. Ir-Rakkomandazzjoni ddikjarat ukoll li r-Rumanija għandha timplimenta bis-sħiħ il-miżuri diġà adottati għall-2021, u biex tispeċifika u timplimenta l-miżuri addizzjonali meħtieġa biex tikseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tagħha sal-2024. Kwalunkwe qligħ mhux mistenni kellu jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika. Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2021 għar-Rumanija biex tieħu azzjoni effettiva u, skont l-Artikolu 3 (4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-inqas kull sitt xhur sakemm id-defiċit eċċessiv ikun ġie kkoreġut.
(5)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija kienet ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u qieset li ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv f’dak il-mument. Minn dak iż-żmien ir-Rumanija ġiet ivvalutata li kkonformat mar-Rakkomandazzjoni tat-18 ta’ Ġunju 2021 skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, minħabba l-fatt li l-miri tad-defiċit nominali rispettivi fl-2021 u l-2022 intlaħqu. Fuq il-bażi tad-data dwar l-eżitu baġitarju vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija naqas minn 7.2 % tal-PDG fl-2021 għal 6.3 % tal-PDG fl-2022. L-istima inizjali għall-2022 (notifikata u vvalidata fil-kuntest tan-notifika tal-EDP tar-rebbiegħa 2023) kienet ta’ 6.2 % tal-PDG, f’konformità mal-mira tad-defiċit nominali rakkomandata mill-Kunsill. Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv għalhekk baqgħet sospiża. Madankollu, id-defiċit strutturali naqas b’ 1.2 pps. tal-PDG fl-2021 u 0.4 pps. tal-PDG fl-2022, li jitqabbel mal-aġġustamenti rakkomandati ta’ 0.7 pps. u 1.8 pps. tal-PDG, rispettivament. L-aġġustament strutturali kumulattiv matul l-2021–2022 kien, għalhekk, taħt dak rakkomandat. Barra minn hekk, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta laħaq 7.4 % fl-2021 u 15.0 % fl-2021, ferm ogħla mill-miri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
(6)Mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021, il-prestazzjoni ekonomika tar-Rumanija kienet ġeneralment konformi mal-previżjonijiet tal-Kummissjoni. Matul l-2021–2023, it-tkabbir tal-PDG reali kien ġeneralment konsistenti mal-projezzjonijiet inklużi fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2021, minkejja x-xokkijiet makroekonomiċi li seħħew sadanittant (b’mod partikolari l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u x-xokk tal-enerġija li rriżulta). Il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-2023 huwa stmat li kien inqas negattiv milli kien ipproġettat f’Ġunju 2021. Barra minn hekk, it-tkabbir fid-dħul tal-gvern kien ħafna aktar mgħaġġel milli previst, l-aktar minħabba inflazzjoni għolja iżda li jirrifletti wkoll l-impatt ta’ kompożizzjoni tat-tkabbir reali tal-PDG rikk fit-taxxa. B’mod ġenerali, l-iżviluppi makroekonomiċi ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżiti fiskali ferm agħar meta mqabbla mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Ġunju 2021, anki jekk it-tkabbir tal-PDG x’aktarx kien ikun aktar baxx b’politika fiskali konsiderevolment aktar stretta.
(7)Valutazzjoni ġdida tal-azzjoni meħuda mill-Portugall biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2024 b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-18 ta' Ġunju 2021, twassal għall-konklużjonijiet li ġejjin:
–Fuq il-bażi tad-data dwar l-eżitu baġitarju nnotifikata mir-Rumanija u vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija żdied għal 6.6 % tal-PDG fl-2023, ferm ogħla mit4.4 % tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill u ppjanat mir-Rumanija fil-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2023. Ir-raġuni ewlenija għal din id-devjazzjoni kienet li l-infiq tal-gvern kompla jikber b’rata għolja ħafna, xprunat l-aktar minn trasferimenti soċjali, pagamenti tal-imgħax, nefqa f’oġġetti u servizzi u nfiq kapitali. Id-defiċit nominali tal-2023 kien affettwat ukoll mir-reġistrazzjoni statistika tal-pagamenti taż-żidiet fil-pagi tas-settur pubbliku (0.5 % tal-PDG) wara deċiżjonijiet tal-qorti.
–Fl-2023, l-isforz fiskali kien ħafna aktar baxx minn dak irrakkomandat mill-Kunsill. Il-bilanċ strutturali tar-Rumanija baqa’ ġeneralment l-istess fl-2023 (li ddeterjora b’ 0.1 % tal-PDG), ferm taħt il-mira ta’ titjib ta’ 1.7 % tal-PDG irrakkomandata mill-Kunsill. It-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għall-miżuri tal-politika fiskali fuq in-naħa tad-dħul) kien ħafna ogħla minn dak irrakkomandat fl-2023, bi kważi 12 % meta mqabbel ma’ mira ta’ 0.9 % rakkomandata mill-Kunsill.
–Fl-2022 u l-2023, tkabbir tal-PDG reali u nominali qawwi wassal għal żieda qawwija ħafna fid-dħul tal-gvern (20.8 % fl-2022 u 14.2 % fl-2023), ferm akbar milli kien previst fiż-żmien tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’Ġunju 2021. Madankollu, fis-sentejn li huma l-biċċa l-kbira tal-qligħ mhux mistenni fuq in-naħa tad-dħul intużaw biex jiffinanzjaw infiq addizzjonali minflok inaqqsu d-defiċit tal-baġit.
–It-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta li d-defiċit tal-gvern estiż jiżdied għal 6.9 % tal-PDG fl-2024. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jiżdied għal 50.9 % sa tmiem l-2024, minn 48.8 % fl-2023. Bħal fis-snin preċedenti, iż-żieda mbassra tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fl-2024 tirrifletti tkabbir għoli fin-nefqa kurrenti tal-gvern. L-infiq fuq il-pagi pubbliċi huwa pproġettat li jiżdied b’mod qawwi, li jirrifletti ż-żidiet diskrezzjonali reċenti fil-pagi fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tad-difiża. Il-kalkolu mill-ġdid tal-pensjonijiet fil-kuntest tar-riforma tal-pensjonijiet se jkollu kost fuq terminu qasir fl-2024 u l-2025 – ir-riforma madankollu sussegwentement se tiġġenera tfaddil kbir fuq perjodu medju u twil, jekk wieħed jassumi li r-riforma tiġi implimentata bis-sħiħ.
–Fl-2024, it-tkabbir fid-dħul tal-gvern huwa mistenni li jisboq it-tkabbir nominali tal-PDG, li jirrifletti l-isforzi biex jittejjeb il-ġbir tat-taxxa permezz tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tat-taxxa u l-impatt ta’ pakkett ta’ miżuri li jżidu d-dħul adottat fil-ħarifa tal-2023, li huwa mistenni li jagħti spinta lid-dħul tal-gvern b’madwar 1 % tal-PDG. Il-pakkett jikkonsisti l-aktar f’żieda fit-tassazzjoni korporattiva, b’mod partikolari għall-mikrointrapriżi, żieda fit-tassazzjoni tal-individwi, li ġejja minn tneħħija parzjali ta’ faċilitajiet tat-taxxa preferenzjali fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura, l-eliminazzjoni ta’ rati mnaqqsa tal-VAT għal oġġetti u servizzi magħżula, żieda fid-dazji tas-sisa, u taxxa speċjali fuq il-fatturat tal-banek u l-kumpaniji multinazzjonali.
(8)Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni tar-Rumanija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2021 ma kinitx suffiċjenti. Ir-Rumanija ma laħqitx il-mira tad-defiċit nominali fl-2023 u mhijiex prevista li ttemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2024. L-isforz fiskali naqas b’mod sinifikanti minn dak li ġie rrakkomandat mill-Kunsill, u n-nefqa primarja netta kibret ħafna aktar malajr milli rrakkomandat.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-18 ta’ Ġunju 2021.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President