Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0583

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet f’konformità mad-Direttiva 2003/96/KE

COM/2024/583 final

Brussell, 19.12.2024

COM(2024) 583 final

2024/0323(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet f’konformità mad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fl-Unjoni, it-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza li kwalunkwe Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1491 tat-2 ta’ Ottubru 2018 2 , Spanja diġà ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment 3 , irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mill-art”).

Id-deroga attwali se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li testendi dik l-awtorizzazzjoni kif mitlub minn Spanja.

Permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Frar 2024, l-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jtawlu l-miżura attwali sal-31 ta’ Diċembru 2030. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri datati l-11, l-14 u l-15 ta’ Ottubru 2024.

L-intenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli hija li jkomplu japplikaw ir-rata mnaqqsa ta’ EUR 0,5 għal kull MWh (megawatt-hour, megawatt siegħa) ta’ taxxa fuq l-elettriku għall-elettriku mill-art. Dik ir-rata tat-taxxa hija f’konformità mar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-użu kummerċjali kif stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE (jiġifieri EUR 0,5 għal kull MWh).

Il-perjodu ta’ validità mitlub inizjalment kien mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2030, li ma jaqbiżx il-perjodu massimu permess bl-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Wara diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva 2003/96/KE 4 , intlaħaq qbil dwar data ta’ terminazzjoni aktar bikrija tal-31 ta’ Diċembru 2028.

L-għan tal-miżura tat-taxxa huwa li jitnaqqas l-impatt tat-trasport marittimu fuq l-ambjent. L-użu tal-elettriku mill-art huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet meta mqabbel mal-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

Sa fejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti li jkunu rmiġġati, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwarji. Barra minn hekk, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-istruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Spanja, l-użu tal-elettriku mill-grilja fuq l-art minflok l-elettriku ġġenerat mill-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti abbord huwa mistenni li jkompli jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 u l-livelli tal-istorbju. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika dwar l-ambjent, is-saħħa u t-tibdil fil-klima tal-Unjoni.

L-awtoritajiet Spanjoli jirrikonoxxu li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jqisu li tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

It-tassazzjoni fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 10. L-Artikolu 14(1)(c) jipprovdi eżenzjoni obbligatorja mit-taxxa għall-prodotti tal-enerġija għan-navigazzjoni kif ukoll għall-elettriku prodott abbord inġenju. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprevedu l-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw divrenzjar tat-taxxi, inkluż eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux tnaqqis fit-tassazzjoni għall-elettriku mill-art.

Dispożizzjonijiet skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

Valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jgħid dan li ġej:

Flimkien ma’ dawn id-disposizzjonijiet msemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

Il-Kummissjoni diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mill-art bħala alternattiva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord il-bastimenti li jkunu rmiġġati u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tiegħu 5 .

Il-possibbiltà ta’ introduzzjoni ta’ trattament favorevoli ta’ taxxa fuq l-elettriku mill-art tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-għanijiet tagħha huma li tippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu eżenzjonijiet u tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

Spanja talbet li l-miżura għandha tapplika għall-perjodu massimu permess skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva, jiġifieri 6 snin (mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2030). Bħala prinċipju, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga għandu jkun twil biżżejjed sabiex ma jiskoraġġix lill-operaturi tal-port u lill-fornituri tal-elettriku milli jkomplu jew milli jibdew jagħmlu l-investimenti meħtieġa f’faċilitajiet tal-elettriku mill-art. Dan il-perjodu se jipprovdi ċertezza legali anki għall-operaturi tal-vapuri, li jridu jippjanaw l-investimenti tagħhom fit-tagħmir abbord. Wara diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tar-reviżjoni proposta tad-Direttiva 2003/96/KE, intlaħaq qbil dwar il-31 ta’ Diċembru 2028 bħala data ta’ terminazzjoni aktar bikrija.

Tabilħaqq, id-deroga ma għandhiex timmina l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti u għandha tqis ir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 6 . 

B’mod partikolari, bħala parti mir-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku, il-Kummissjoni, fost l-oħrajn, ipprevediet li l-Istati Membri kollha japplikaw eżenzjonijiet, eżenzjonijiet parzjali jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet, sabiex jiġi stabbilit inċentiv għall-iżvilupp u l-użu tagħha.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-perjodu inkwistjoni.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Ir-rata tat-taxxa mnaqqsa ta’ EUR 0,5 għal kull MWh prevista mill-awtoritajiet Spanjoli hija f’konformità mar-rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-użu kummerċjali kif stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE.

Għalhekk, il-miżura tidher li taqa’ taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, li jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi skont id-Direttiva 2003/96/KE tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti tan-notifika tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, f’dan l-istadju ma jistax jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament humiex issodisfati. Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill ma tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, fil-każ ta’ għajnuna eżentata, mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014. Il-proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill hija wkoll mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istat Membru li jinnotifika l-għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma jimplimentaha, skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, jekk l-għajnuna l-ġdida ma tkunx koperta minn eżenzjoni ta’ kategorija.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Politika dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima

Il-miżura mitluba tikkonċerna prinċipalment il-politika tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Sa fejn tgħin biex jonqos il-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti abbord il-bastimenti fil-portijiet, il-miżura tabilħaqq se tikkontribwixxi għall-objettiv li titjieb il-kwalità tal-arja lokali, jitnaqqas l-istorbju u tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima. Id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali 7 tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ diversi sustanzi niġġiesa tal-arja jinżammu taħt il-valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira u standards oħra tal-kwalità tal-arja, stabbiliti fid-Direttiva. Dan l-obbligu jirrikjedi li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet mill-vapuri rmiġġati fil-portijiet fejn dan ikun rilevanti u huwa possibbli li fil-portijiet li għandhom dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mill-art se jkun imħeġġeġ bħala wieħed mill-elementi tal-istrateġija kumplessiva għall-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mill-art huwa mħeġġeġ ukoll skont id-Direttiva (UE) 2016/802 8 li tirregola l-kontenut tal-kubrit fil-fjuwils tal-baħar.

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-użu tal-elettriku mill-art ma wassalx għal tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi nitriċi, tal-materja partikolata u tal-ossidi tal-karbonju, minħabba d-disponibbiltà limitata ħafna ta’ faċilitajiet għall-provvista tal-elettriku mill-art fi Spanja. Faċilitajiet bħal dawn bdew joperaw fil-port ta’ Barċellona fl-2024 biss. L-installazzjonijiet tal-proġetti diġà tħejjew għall-portijiet ta’ Valencia, Bilbao u Algeciras. Portijiet Spanjoli oħra qed iħejju wkoll proġetti preliminari għall-varar ta’ faċilitajiet għall-provvista tal-elettriku mill-art. Il-potenzjal sħiħ tal-miżura ma ntlaħaqx peress li għad hemm bżonn ta’ tagħmir għali kemm fuq il-bnajkiet kif ukoll fuq il-vapuri. L-użu tal-elettriku mill-art huwa ta’ importanza fl-isforz Spanjol biex jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-arja f’konformità mad-Direttiva 2008/50/KE tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa.

Politika dwar l-enerġija

Il-miżura hija konformi mar-Regolament (UE) 2023/1804 tat-13 ta’ Settembru 2023 9 dwar l-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE 10 , li jindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-provvista tal-elettriku mill-art f’portijiet fejn ikun hemm domanda għal tali faċilitajiet u l-kostijiet ma jkunux sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali. Miżura simili ġiet ivvalutata wkoll bħala li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta ambjentali tat-trasport marittimu u għall-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE 11 .

Ta’ min ifakkar f’dan il-punt li raġuni importanti għall-pożizzjoni kompetittiva mhux favorevoli tal-elettriku mill-art tinsab fil-fatt li l-alternattiva, jiġifieri l-elettriku prodott abbord il-bastimenti waqt li jkunu fil-portijiet marittimi, bħalissa tgawdi minn eżenzjoni sħiħa mit-taxxa: mhux talli l-fjuwil tal-bastimenti li jinħaraq biex jiġġenera l-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE, talli anki l-elettriku prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat (ara l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE). Minkejja li l-eżenzjoni tal-aħħar tista’ titqies diffiċli biex tiġi rrikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, din tirrifletti kunsiderazzjonijiet ta’ prattikabbiltà. Fil-fatt, it-tassazzjoni tal-elettriku prodott abbord tkun tirrikjedi dikjarazzjoni mis-sid jew mill-operatur tal-vapur dwar l-ammont ta’ elettriku kkunsmat. Id-dikjarazzjoni tkun trid tistabbilixxi wkoll is-sehem tal-elettriku kkunsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv enormi għas-sidien ta’ vapuri jekk ikollhom jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għall-ibħra territorjali ta’ kull Stat Membru kkonċernat.

Politika tat-trasport

Il-miżura hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Unjoni 12 u mal-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 13 .

Barra minn hekk, f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE 14 , mill-2030 ’il quddiem bastimenti kklassifikati bħala bastimenti tal-kruċiera, laneċ u bastimenti tal-kontejners ta’ aktar minn 5,000 tunnellaġġ gross huma meħtieġa jużaw sistemi ta’ Provvista tal-Enerġija fuq l-Art, ħlief f’każijiet fejn teknoloġija b’emissjonijiet żero tkun disponibbli għalihom.

Suq intern u kompetizzjoni leali

Mill-perspettiva tas-suq intern u tal-kompetizzjoni leali, il-miżura tnaqqas biss id-distorsjoni tat-taxxa eżistenti bejn żewġ sorsi kompetituri tal-elettriku għad-dgħajjes irmiġġati, jiġifieri l-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mill-art, ikkawżata mill-eżenzjoni mit-taxxa għall-fjuwils tal-bastimenti.

L-awtoritajiet Spanjoli ma osservawx bidliet fl-għażla tal-portijiet tas-sidien ta’ vapuri marbuta mad-disponibbiltà ta’ faċilitajiet tal-elettriku mill-art. L-għażla tal-port tas-sidien ta’ vapuri mhijiex ibbażata fuq jekk jiġix ipprovdut l-elettriku mix-xatt jew le.

Fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-portijiet, jista’ jkun mistenni li kwalunkwe impatt potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jista’ jirriżulta jekk il-bastimenti jibdlu r-rotot tagħhom minħabba l-possibbiltà li l-elettriku mill-art jiġi kkunsmat b’rata tat-taxxa mnaqqsa, se jkun negliġibbli. F’sitwazzjoni fejn, kif iddikjarat hawn fuq, l-użu tal-elettriku mill-art ma jkunx probabbli, tal-inqas f’terminu ta’ żmien qasir, li jsir aktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord minkejja t-tnaqqis fit-taxxa, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mill-art mhuwiex probabbli wkoll li joħloq distorsjoni sinifikanti fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet billi jġiegħel lill-bastimenti jbiddlu l-itinerarju tagħhom skont id-disponibbiltà ta’ din l-alternattiva.

Il-perjodu ta’ żmien li għalih qed jiġi propost li tittawwal l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata tat-taxxa mnaqqsa, sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni attwali, jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel id-data ta’ skadenza tal-miżura.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ liġi sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, m’għandux jiġi trażmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal reviżjoni ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta tħares il-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis fit-taxxa ma jaqbiżx dak meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv inkwistjoni.

L-għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma tirrikjedix evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba ta’ Spanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru. Għalhekk, ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma tirrikjedix valutazzjoni tal-impatt.

L-informazzjoni pprovduta minn Spanja tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa.

Spanja tistenna li l-miżura jkollha impatt pożittiv fuq il-kisba tal-għanijiet ambjentali tagħha u b’mod partikolari t-titjib tal-kwalità tal-arja f’konformità mad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa. Il-potenzjal sħiħ tal-miżura ma ntlaħaqx peress li għad hemm bżonn ta’ tagħmir għali kemm fuq il-bnajkiet kif ukoll fuq il-vapuri.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Dan hu riżultat ta’ talba li għamlet Spanja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma timponi l-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Il-proposta għalhekk ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ma huwa neċessarju l-ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija pprovduta għal perjodu limitat sal-31 ta’ Diċembru 2028. Ir-rata tat-taxxa li se tapplika trid tkun f’konformità mal-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit bid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jintalab tiġdid wara li l-perjodu ta’ validità jkun skada.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta ma tirrikjedix dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistipula li Spanja se titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet Spanjoli (“elettriku mill-art”). Ir-rata tat-taxxa trid tkun konformi mal-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għall-użu kummerċjali kif stipulat bid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li jiġi pprovdut elettriku b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment kif definit fl-Artikolu 14(1)(c), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2003/96/KE.

L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025, f’kontinwità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2018/1491 attwali, sal-31 ta’ Diċembru 2028, fil-perjodu massimu permess bid-Direttiva.



2024/0323 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet f’konformità mad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 15 , u b’mod partikolari tal-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1491 16 , Spanja ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’portijiet għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment (“elettriku mill-art”) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(2)B’ittra tas-27 ta’ Frar 2024, Spanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mill-art skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew informazzjoni addizzjonali relatata mat-talba permezz ta’ ittri datati l-11, l-14 u l-15 ta’ Ottubru 2024.

(3)Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, Spanja għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ dan l-elettriku jitqies bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet milli l-ħruq ta’ fjuwils tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(4)Sa fejn l-użu tal-elettriku mill-art jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja li joriġinaw mill-ħruq tal-fjuwils tal-bastimenti, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwarji u għat-tnaqqis tal-istorbju. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika dwar l-ambjent, is-saħħa u t-tibdil fil-klima tal-Unjoni.

(5)Il-fatt li Spanja titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mill-art ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li l-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-aktar alternattiva kompetittiva fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell relattivament baxx attwali ta’ penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq, il-miżura x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u għalhekk mhux se taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dik id-dispożizzjoni jeħtieġ li jkollha żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta’ 4 snin. Madankollu, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tieqaf milli tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mill-art adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli matul il-perjodu tal-awtorizzazzjoni.

(7)Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-vapuri u biex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku, jenħtieġ li jiġi żgurat li Spanja tkun tista’ tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mill-art. Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-awtorizzazzjoni mitluba b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1491.

(8)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Spanja hija awtorizzata tapplika rata tat-tassazzjoni mnaqqsa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mill-art”), dment li jiġu mħarsa l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mill-art, li jsiru applikabbli matul il-perjodu stabbilit f’dan l-Artikolu, l-ewwel paragrafu, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tibqa’ tapplika meta dawk ir-regoli ġenerali jsiru applikabbli.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51–70.
(2)    ĠU L 252, 8.10.2018, p. 40–41.
(3)    It-terminu “dgħajsa għall-użu privat jew għad-divertiment” huwa definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE.
(4)

   COM/2021/563 final: Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni

dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (riformulazzjoni).

(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006).
(6)    COM/2021/563 final: Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li tirriforma l-istruttura tal-Unjoni dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku (riformulazzjoni).
(7)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja aktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
(8)    Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58–78).
(9)

   ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1.

(10)    ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2024) 3934 final tas-17.06.2024 fil-każ tal-għajnuna mill-Istat SA.105117 (ĠU C/2024/5376, 3.9.2024)
(12)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mill-art għall-użu mill-bastimenti sorġuti fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006)
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, COM(2009) 8 final tal-21 ta’ Jannar 2009.
(14)    ĠU L 234, 22.09.2023, p. 48.
(15)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2003/96/oj .
(16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1491 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lil Spanja tapplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti rmiġġati f’port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 40, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1491/oj ) .
Top