IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2024
COM(2024) 580 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil dwar kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Pulizija Federali tal-Brażil u permezz tagħhom
ANNESS
ABBOZZ TA’ FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL DWAR KOOPERAZZJONI MAL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-KOOPERAZZJONI FL-INFURZAR TAL-LIĠI (EUROPOL) U L-PULIZIJA FEDERALI TAL-BRAŻIL U PERMEZZ TAGĦHOM
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Unjoni” jew “UE”,
kif ukoll
IR-REPUBBLIKA FEDERATTIVA TAL-BRAŻIL, minn issa ’l quddiem imsejħa “il-Brażil”,
minn hawn ’il quddiem flimkien msejħa “l-Partijiet Kontraenti”,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li billi jippermetti l-iskambju ta’ data personali u mhux personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil, dan il-Ftehim se joħloq il-qafas għal kooperazzjoni operazzjonali msaħħa bejn l-Unjoni u l-Brażil fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi kollha kkonċernati, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ assistenza legali reċiproka bejn il-Brażil u l-Istati Membri tal-Unjoni li jippermettu l-iskambju ta’ data personali,
FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li dan il-Ftehim ma jimponi l-ebda rekwiżit fuq l-awtoritajiet kompetenti biex jittrasferixxu data personali jew mhux personali u li l-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe data personali jew mhux personali mitluba skont dan il-Ftehim tibqa’ volontarja,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
ARTIKOLU 1
Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni
(1)L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jistabbilixxi relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil u li jippermetti t-trasferiment ta’ data personali u mhux personali bejniethom, sabiex jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni u dawk tal-Brażil, kif ukoll il-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali, inklużi l-kriminalità serja u t-terroriżmu, filwaqt li jiżgura salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluż id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data.
(2)Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim ikopri l-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil fl-oqsma tal-attivitajiet u fi ħdan il-kompetenza u l-kompiti tal-Europol, kif stabbilit fir-Regolament tal-Europol, kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u f’dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“Partijiet Kontraenti” tfisser l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil;
(2)“Europol” hija l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi, stabbilita skont ir-Regolament tal-Europol;
(3)“Ir-Regolament tal-Europol” jew “ir-Regolament (UE) 2016/794” huwa r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU UE L 135, 24.5.2016, p. 53), jew kwalunkwe emenda għalihom jew suċċessur tagħhom;
(4)“awtoritajiet kompetenti” tfisser, għall-Brażil, l-awtoritajiet domestiċi tal-infurzar tal-liġi li skont il-liġi nazzjonali tal-Brażil huma responsabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati kriminali kif elenkati fl-Anness II (“awtoritajiet kompetenti tal-Brażil”) u li għalihom punt ta’ kuntatt nazzjonali maħtur fi ħdan il-Pulizija Federali Brażiljana għandu jaġixxi bħala l-punt ċentrali ta’ kuntatt mal-Europol f’konformità mal-Artikolu 26, u, għall-Unjoni, l-Europol;
(5)“Korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, missjonijiet, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn, jew abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), elenkati fl-Anness III;
(6)“reati kriminali” huma t-tipi ta’ reati elenkati fl-Anness I u reati kriminali relatati; reati kriminali jitqiesu relatati mat-tipi ta’ reati elenkati fl-Anness I jekk jitwettqu sabiex jinkisbu l-mezzi biex jitwettqu, jiġu ffaċilitati jew jitwettqu, jew biex tiġi żgurata l-impunità ta’ dawk li jwettqu tali tipi ta’ kriminalità;
(7)“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ suġġett tad-data;
(8)“data mhux personali” tfisser data li mhijiex data personali;
(9)“suġġett tad-data” tfisser persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;
(10)“data ġenetika” tfisser id-data personali kollha relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-individwu li jkunu ntirtu jew ġew akkwiżiti, li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dak l-individwu, li tirriżulta b’mod partikolari minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku tal-individwu inkwistjoni;
(11)“data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew komportamentali ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data dattiloskopika;
(12)“ipproċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatizzati jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew l-alterazzjoni, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni bit-trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrenduha/jrenduhom disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;
(13)“ksur ta’ data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, divulgazzjoni mhux awtorizzata jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;
(14)“awtorità superviżorja” tfisser awtorità domestika indipendenti waħda jew aktar li huma, weħidhom jew b’mod kumulattiv, responsabbli għall-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 14, u li ġew notifikati skont dak l-Artikolu; dan jista’ jinkludi awtoritajiet li r-responsabbiltà tagħhom tkopri wkoll drittijiet oħra tal-bniedem;
(15)“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha regolata bil-liġi internazzjonali pubblika jew kwalunkwe korp ieħor li huwa stabbilit minn, jew abbażi ta’ ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar.
KAPITOLU II
SKAMBJU TA’ DATA PERSONALI U PROTEZZJONI TAD-DATA
ARTIKOLU 3
Il-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali
(1)Id-data personali mitluba u riċevuta skont dan il-Ftehim għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali fil-limiti tal-Artikolu 4(5) u l-mandati rispettivi tal-awtoritajiet kompetenti.
(2)L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tindika b’mod ċar, mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment ta’ data personali, l-iskop jew l-iskopijiet speċifiċi li għalihom tkun qed tiġi ttrasferita d-data. Għal trasferimenti lill-Europol, l-iskop jew l-iskopijiet ta’ tali trasferiment għandu/għandhom ikun(u) speċifikat(i) f’konformità mal-iskopijiet speċifiċi tal-proċessar stabbiliti fir-Regolament tal-Europol. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jiddeċiedu bi qbil komuni li d-data personali trasferita tista’ tiġi pproċessata għal skop supplimentari, kompatibbli u speċifiku, li għandu jiġi speċifikat fil-mument ta’ tali qbil komuni u għandu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
ARTIKOLU 4
Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data
(1) Kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi li d-data personali skambjata skont dan il-Ftehim tkun:
(a)ipproċessata b’mod ġust, legali, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza fl-Artikolu 29(1), u biss għall-fini jew il-finijiet li għalihom tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 3;
(b)tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li huwa meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata;
(c)preċiża u tinżamm aġġornata; kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw li d-data personali li ma tkunx preċiża, b’kont meħud tal-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, tiġi rettifikata jew titħassar mingħajr dewmien żejjed;
(d)tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun neċessarju għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qiegħda tiġi pproċessata;
(e)tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà adatta tad-data personali.
(2)L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi, fil-mument tat-trasferiment ta’ data personali, tista’ tindika kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew fuq l-użu li għandu jsir minnha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri, tat-tħassir jew tal-qerda tagħha wara ċertu perjodu ta’ żmien, jew il-proċessar ulterjuri tagħha. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir evidenti wara li tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tinforma lill-awtorità riċeventi b’dan.
(3)Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti riċeventi tikkonforma ma’ kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess jew l-użu ulterjuri tad-data personali indikata mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi kif deskritt fil-paragrafu 2.
(4)Kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b’tali mod li jkunu jistgħu juru li l-ipproċessar se jikkonforma ma’ dan il-Ftehim u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati huma protetti.
(5)Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha ma jittrasferixxux data personali li tkun inkisbet bi ksur manifest tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti min-normi tal-liġi internazzjonali li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li d-data personali riċevuta ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita l-piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.
(6)Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li jinżamm rekord tat-trasferimenti kollha ta’ data personali skont dan il-Ftehim u tal-għan jew l-iskopijiet għal dawk it-trasferimenti.
ARTIKOLU 5
Kategoriji speċjali ta’ data personali u kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data
(1)It-trasferiment u l-ipproċessar ulterjuri ta’ data personali fir-rigward ta’ vittmi ta’ reat kriminali, ta’ xhieda jew ta’ persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew fir-rigward ta’ persuni taħt it-18-il sena, għandu jkun ipprojbit sakemm tali trasferiment ma jkunx strettament meħtieġ u proporzjonat f’każijiet individwali għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra reat kriminali.
(2)It-trasferiment u l-ipproċessar ulterjuri ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, data ġenetika, data bijometrika għall-fini ta’ identifikazzjoni unika ta’ persuna fiżika, jew data dwar is-saħħa, jew data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jkun permess biss fejn strettament meħtieġ u proporzjonat f’każijiet individwali għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra reat kriminali, u jekk dik id-data, ħlief data bijometrika, tissupplimenta data personali oħra.
(3)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa li jħarsu kontra r-riskji speċifiċi involuti, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċess, miżuri għas-sigurtà tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 19 limitazzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri skont l-Artikolu 7.
ARTIKOLU 6
Ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali
Deċiżjonijiet ibbażati unikament fuq ipproċessar awtomatizzat tad-data personali skambjata, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jistgħu jipproduċu effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti, għandhom ikunu pprojbiti, sakemm ma jkunux awtorizzati fil-liġi għall-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra reat kriminali u b’salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, inkluż mill-inqas id-dritt li jinkiseb intervent uman.
ARTIKOLU 7
Trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi riċevuta
(1)Il-Brażil għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jittrasferixxu biss data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra fil-Brażil jekk:
(a)L-Europol ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(b)il-fini jew il-finijiet tat-trasferiment ulterjuri jkunu l-istess bħall-fini jew il-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Europol; kif ukoll
(c)it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma għandux għalfejn jiġi ssodisfat meta l-awtorità riċeventi tkun hija stess awtorità kompetenti tal-Brażil.
(2)L-Unjoni għandha tiżgura li l-Europol tittrasferixxi biss data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet fl-Unjoni għajr dawk elenkati fl-Anness III jekk:
(a)il-Brażil ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(b)l-għan tat-trasferiment ulterjuri jkun l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-Brażil; kif ukoll
(c)it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma għandux għalfejn jiġi ssodisfat meta l-awtorità riċeventi tkun waħda mill-korpi jew mill-awtoritajiet elenkati fl-Anness III.
(3)Il-Brażil għandu jiżgura li t-trasferimenti ulterjuri ta’ data personali riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti tagħha skont dan il-Ftehim lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jkunu pprojbiti, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)L-Europol ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(b)il-fini jew il-finijiet tat-trasferiment ulterjuri jkunu l-istess bħall-fini jew il-finijiet oriġinali tat-trasferiment mill-Europol; kif ukoll
(c)it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
(4)Il-Europol tista’ tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha skont il-paragrafu 3, punt a, ta’ dan l-Artikolu għal trasferiment ulterjuri lill-awtorità ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali biss jekk u sa fejn ikun hemm fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim internazzjonali li jipprovdi salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, ftehim ta’ kooperazzjoni jew kwalunkwe raġuni legali oħra għat-trasferimenti ta’ data personali fis-sens tar-Regolament tal-Europol li jkopri t-trasferiment ulterjuri.
(5)L-Unjoni għandha tiżgura li t-trasferimenti ulterjuri ta’ data personali riċevuta mill-Europol skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjoni internazzjonali jkunu pprojbiti, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-Brażil ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(b)l-iskop jew l-iskopijiet tat-trasferiment ’il quddiem huwa l-istess bħall-iskop oriġinali tat-trasferiment mill-Brażil; kif ukoll
(c)it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
(6)Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, trasferimenti ulterjuri ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 5 għandhom ikunu permessi biss jekk tali trasferimenti ulterjuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati f’każijiet individwali li jikkonċernaw reati kriminali.
DRITTIJIET TAS-SUĠĠETTI TAD-DATA
ARTIKOLU 8
Dritt ta’ aċċess
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt, f’intervalli raġonevoli, li jikseb informazzjoni dwar jekk id-data personali relatata miegħu hijiex ipproċessata skont dan il-Ftehim, u meta dan ikun il-każ, l-aċċess għal mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)konferma dwar jekk id-data li tirrelata miegħu jew magħha tkunx qed tiġi pproċessata jew le;
(b)informazzjoni dwar mill-inqas l-għan jew l-iskopijiet tal-ipproċessar, il-kategoriji ta’ data kkonċernati, u fejn applikabbli r-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tiġi żvelata d-data;
(c)l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand l-awtorità kompetenti r-rettifika, it-tħassir ta’ data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data;
(d)indikazzjoni tal-bażi legali għall-ipproċessar;
(e)il-perjodu previst li matulu d-data personali tkun se tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perjodu;
(f)komunikazzjoni f’forma intelliġibbli tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi tagħha.
(2)F’każijiet fejn jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess skont il-paragrafu 1, il-Parti Kontraenti li tittrasferixxi tiġi kkonsultata bil-miktub, fuq bażi mhux vinkolanti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar it-talba għal aċċess.
(3)Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprevedu li l-għoti ta’ informazzjoni bi tweġiba għal kwalunkwe talba skont il-paragrafu 1 jiġi ttardjat, irrifjutat jew ristrett jekk u sakemm tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni jikkostitwixxu miżura li hija meħtieġa u proporzjonata b’kont meħud tad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data, sabiex:
(a)jiżguraw li kwalunkwe investigazzjoni u prosekuzzjoni kriminali ma jiġux ipperikolati;
(b)jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi; jew
(c)jipproteġu s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku jew il-prevenzjoni tal-kriminalità.
(4)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe dewmien, rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess u dwar ir-raġunijiet għal tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni ta’ aċċess. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jitħallew barra jekk u sakemm dan idgħajjef l-iskop tad-dewmien, ir-rifjut jew ir-restrizzjoni skont il-paragrafu 3. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment mal-awtoritajiet superviżorji rispettivi u dwar mezzi disponibbli oħra ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju previsti fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom.
ARTIKOLU 9
Dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jkollu data personali mhux preċiża trasferita skont dan il-Ftehim rettifikata mill-awtoritajiet kompetenti. Filwaqt li jitqiesu l-għan jew l-għanijiet tal-ipproċessar, dan jinkludi d-dritt li d-data personali mhux kompluta tiġi ttrasferita skont dan il-Ftehim.
(1)Rettifika għandha tinkludi t-tħassir ta’ data personali li ma tkunx għadha meħtieġa għall-għan jew għall-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata.
(2)Il-Partijiet Kontraenti jistgħu jipprovdu għar-restrizzjoni tal-ipproċessar aktar milli t-tħassir ta’ data personali jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali tħassir jista’ jaffettwa l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.
(3)L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont il-paragrafi 1, 2 u 3. L-awtorità kompetenti li tirċievi għandha tirrettifika, tħassar jew tirrestrinġi l-ipproċessar f’konformità mal-azzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi.
(4)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba biex tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi talba skont il-paragrafu 1 jew 2, li d-data li tikkonċerna s-suġġett tad-data tkun ġiet rettifikata, imħassra jew l-ipproċessar ikun ġie ristrett.
(5)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet it-talba tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi talba ta’ kwalunkwe rifjut ta’ rettifika, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-raġunijiet għal tali rifjut u bil-possibbiltà li jitressaq ilment mal-awtoritajiet superviżorji rispettivi u mezzi oħra disponibbli ta’ rimedju amministrattiv u ġudizzjarju previsti fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom.
ARTIKOLU 10
Notifika ta’ ksur tad-data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw, fil-każ ta’ ksur ta’ data personali li jaffettwa data personali trasferita skont dan il-Ftehim, li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar dak il-ksur ta’ data personali mingħajr dewmien, u jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.
(2)In-notifika għandha mill-inqas:
(a)tiddeskrivi n-natura tal-ksur ta’ data personali inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u n-numru approssimattiv tas-suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u n-numru approssimattiv ta’ reġistrazzjonijiet ikkonċernati ta’ data personali;
(b)tiddeskrivi l-konsegwenzi mistennija tal-ksur ta’ data personali;
(c)tiddeskrivi l-miżuri meħuda jew proposti li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti biex tindirizza l-ksur tad-data personali, inklużi l-miżuri meħuda biex jittaffew l-effetti negattivi possibbli tiegħu.
(3)Sa fejn ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa fl-istess ħin, din tista’ tiġi pprovduta f’fażijiet. L-informazzjoni pendenti għandha tiġi pprovduta mingħajr aktar dewmien żejjed.
(4)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jiddokumentaw kwalunkwe ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont dan il-Ftehim, inklużi l-fatti relatati mal-ksur tad-data personali, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju meħuda, biex b’hekk l-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom tkun tista’ tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli.
ARTIKOLU 11
Komunikazzjoni lis-suġġett tad-data dwar il-ksur tad-data personali
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom, fejn ksur ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 10 x’aktarx jaffettwa serjament u b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom jikkomunikaw il-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed.
(2)Il-Komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi, fejn possibbli, in-natura tal-ksur ta’ data personali, tirrakkomanda miżuri biex jittaffew l-effetti negattivi possibbli tal-ksur ta’ data personali, u tipprovdi l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni.
(3)Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk:
(a)id-data personali kkonċernata mill-ksur kienet soġġetta għal miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika xierqa li jagħmlu d-data ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata li jkollha aċċess għal dik id-data;
(b)ittieħdu miżuri sussegwenti li jiżguraw li d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data x’aktarx li ma jibqgħux jiġu affettwati b’mod sever; jew
(c)il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 tkun tinvolvi sforz sproporzjonat, b’mod partikolari minħabba l-għadd ta’ każijiet involuti; f’każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili li fiha s-suġġett tad-data jiġi informati b’mod ugwalment effettiv.
(4)Il-Komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 tista’ tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra fejn tali komunikazzjoni x’aktarx li:
(a)tostakola l-inkjesti, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali;
(b)tippreġudika l-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, l-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali;
(c)taffettwa d-drittijiet u l-libertajiet ta’ partijiet terzi;
fejn dan jikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata b’kunsiderazzjoni xierqa għall-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data kkonċernat.
ARTIKOLU 12
Ħżin, rieżami, korrezzjoni u tneħħija tad-data personali
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu għal limiti ta’ żmien xierqa li għandhom jiġu stabbiliti għall-ħażna ta’ data personali riċevuta taħt dan il-Ftehim jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa għall-ħażna ta’ data personali, sabiex id-data personali tinħażen biss sakemm ikun meħtieġ għall-iskop jew l-iskopijiet li għalihom tiġi trasferita.
(2)Fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa għal ħażna kontinwa ta’ data personali għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn tliet snin wara li d-data personali tkun ġiet trasferita, u jekk ma tittieħed l-ebda deċiżjoni ġustifikata u dokumentata dwar it-tkomplija tal-ħażna ta’ data personali, id-data personali għandha titħassar awtomatikament wara tliet snin.
(3)Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun ġiet ittrasferita preċedentement minnha ma tkunx korretta, preċiża, ma għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti riċeventi, li għandha tikkoreġi jew tħassar dik id-data, u tipprovdi notifika dwar dan lill-awtorità kompetenti trasferenti.
(4)Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li d-data personali li tkun irċeviet preċedentement ma tkunx korretta, preċiża, ma għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi, li għandha tipprovdi l-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni. Meta l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tikkonkludi li d-data personali mhijiex korretta, mhijiex preċiża, ma għadhiex aġġornata jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti riċeventi, li għandha tikkoreġi jew tħassar dik id-data, u tipprovdi notifika dwar dan lill-awtorità kompetenti trasferenti.
ARTIKOLU 13
Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu għaż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni tal-ġbir, alterazzjoni, aċċess, żvelar inklużi trasferimenti ulterjuri, kombinazzjoni u tħassir ta’ data personali.
(2)Ir-reġistri jew id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità superviżorja rispettiva fuq talba għall-fini ta’ verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data.
ARTIKOLU 14
Awtorità superviżorja
(1)Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li jkun hemm awtorità pubblika responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) biex tissorvelja indipendentament kwistjonijiet li jaffettwaw id-dritt għall-privatezza tal-individwi, inklużi r-regoli domestiċi rilevanti skont dan il-Ftehim, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bl-awtorità li kull waħda minnhom tinnomina bħala l-awtorità superviżorja.
(2)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja:
(a)taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħha; għandha taġixxi ħielsa minn influwenza esterna u la tfittex u lanqas taċċetta struzzjonijiet; il-membri tagħha għandu jkollhom mandat sigur, inklużi salvagwardji kontra t-tneħħija arbitrarja;
(b)ikollha r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u għall-eżerċitar tas-setgħat tagħha;
(c)ikollha setgħat effettivi ta’ investigazzjoni u ta’ intervent biex teżerċita sorveljanza fuq il-korpi li tissorvelja, u biex tinvolvi ruħha fi proċedimenti legali;
(d)għandha s-setgħa li tisma’ lmenti minn individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti taħt is-superviżjoni tagħha.
ARTIKOLU 15
Rimedju amministrattiv u ġudizzjarju
(1)Is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti f’dan il-Ftehim li jirriżultaw mill-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-leġislazzjoni domestika li kull wieħed minnhom jikkunsidra bħala li tipprovdi għad-drittijiet iggarantiti taħt dan l-Artikolu.
(2)Dan għandu jinkludi d-dritt għal kumpens għal kwalunkwe dannu kkawżat lis-suġġett tad-data.
KAPITOLU III
SKAMBJU TA’ DATA MHUX PERSONALI
ARTIKOLU 16
Prinċipji tal-protezzjoni tad-data għal data mhux personali
(1)Kull Parti Kontraenti għandha tipprevedi li d-data mhux personali skambjata skont dan il-Ftehim tiġi pproċessata b’mod ġust u legali, u b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data mhux personali.
(2)L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tista’ tindika, fil-mument tat-trasferiment ta’ data personali, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew fuq l-użu li għandu jsir minnha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri, tat-tħassir jew tal-qerda tagħha wara ċertu perjodu ta’ żmien, jew il-proċessar ulterjuri tagħha. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir evidenti wara li tkun ġiet ipprovduta d-data, l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tinforma lill-awtorità riċeventi b’dan.
(3)Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtorità kompetenti riċeventi tikkonforma ma’ kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess jew l-użu ulterjuri tad-data mhux personali indikata mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi kif deskritt fil-paragrafu 2.
(4)Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha ma jittrasferixxux data mhux personali li tkun inkisbet bi ksur manifest tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti min-normi tal-liġi internazzjonali li jorbtu lill-Partijiet Kontraenti. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li d-data mhux personali riċevuta ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ trattament krudili jew inuman.
ARTIKOLU 17
Trasferiment ulterjuri tad-data mhux personali li tiġi riċevuta
(1)Il-Brażil għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jittrasferixxu biss data mhux personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra tal-Brażil jew lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, jekk:
(a)L-Europol ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(b)it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2), ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma għandux għalfejn jiġi ssodisfat meta l-awtorità riċeventi tkun hija stess awtorità kompetenti tal-Brażil.
(2)L-Unjoni għandha tiżgura li l-Europol tittrasferixxi biss data mhux personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil korpi jew awtoritajiet oħra tal-Unjoni ta’ pajjiżi terzi jew organizzazzjoni internazzjonali, jekk:
(a)il-Brażil ikun ta l-awtorizzazzjoni espliċita tiegħu minn qabel;
(b)it-trasferiment ulterjuri huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2), ir-rekwiżit stabbilit fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma għandux għalfejn jiġi ssodisfat meta l-awtorità riċeventi tkun waħda mill-korpi jew mill-awtoritajiet elenkati fl-Anness III.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦALL-ISKAMBJU TA’ DATA PERSONALI U MHUX PERSONALI
ARTIKOLU 18
Valutazzjoni tal-affidabbiltà tas-sors u l-preċiżjoni tad-data
(1)L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw sa fejn ikun possibbli, mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment tad-data, l-affidabbiltà tas-sors tad-data skambjata skont dan il-Ftehim abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:
(a)“(A)” fejn ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-awtentiċità, l-affidabbiltà u l-kompetenza tas-sors, jew jekk id-data tiġi pprovduta minn sors li, fil-passat, ikun wera li huwa affidabbli fil-każijiet kollha;
(b)“(B)” fejn id-data tiġi pprovduta minn sors li minnu l-informazzjoni riċevuta fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tkun uriet li hija affidabbli;
(c)“(C)” fejn id-data tiġi pprovduta minn sors li minnu l-informazzjoni riċevuta fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tkun uriet li mhijiex affidabbli;
(d)“(X)” fejn l-affidabbiltà tas-sors ma tistax tiġi vvalutata.
(2)L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw kemm jista’ jkun, sa mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment tad-data, il-preċiżjoni tad-data abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin:
(a)“(1)” għal data li l-preċiżjoni tagħha ma tkunx f’dubju fil-ħin tat-trasferiment;
(b)“(2)” għal data magħrufa personalment mis-sors iżda mhux magħrufa personalment mill-uffiċjal li jgħaddiha;
(c)“(3)” għal data mhux magħrufa personalment mis-sors iżda kkorroborata minn informazzjoni oħra diġà rreġistrata;
(d)“(4)” għal data li mhijiex magħrufa personalment mis-sors u li ma tistax tiġi kkorroborata.
(3)Meta l-awtorità kompetenti li tirċievi, abbażi tal-informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, tasal għall-konklużjoni li l-valutazzjoni tad-data pprovduta mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi jew tas-sors tagħha mwettqa f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 teħtieġ korrezzjoni, hija għandha tinforma lil dik l-awtorità kompetenti u għandha tipprova taqbel dwar emenda għall-valutazzjoni. L-awtorità kompetenti li tirċievi ma għandhiex tbiddel il-valutazzjoni tad-data riċevuta jew tas-sors tagħha mingħajr tali ftehim.
(4)Jekk awtorità kompetenti tirċievi data mingħajr valutazzjoni, hija għandha tipprova kemm jista’ jkun u fejn possibbli bi ftehim mal-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tivvaluta l-affidabbiltà tas-sors jew il-preċiżjoni tad-data abbażi tal-informazzjoni li diġà tkun fil-pussess tagħha.
(5)Jekk ma tkun tista’ ssir l-ebda valutazzjoni affidabbli, id-data għandha tiġi evalwata f’konformità mal-paragrafu 1, il-punt d, u l-paragrafu 2, il-punt (d), kif applikabbli.
ARTIKOLU 19
Sigurtà tad-data
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li d-data trasferita skont dan il-Ftehim tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data.
(2)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi biex jipproteġu d-data skambjata skont dan il-Ftehim. Il-modalitajiet għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri għandhom jiġu stabbiliti bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil.
(3)Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla biex:
(a)jiċħdu l-aċċess lil persuni mhux awtorizzati għal tagħmir li jipproċessa użat għall-ipproċessar tad-data (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir);
(b)jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);
(c)jipprevjenu li tiddaħħal data b’mod mhux awtorizzat kif ukoll l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ data maħżuna (kontroll tal-ħżin);
(d)jipprevjenu l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utent);
(e)jiżguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema ta’ proċessar ta’ data awtomatizzata jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll tal-aċċess għad-data);
(f)jiżguraw li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema korpi tista’ tintbagħat jew intbagħtet data bl-użu ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);
(g)jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data ddaħħlet f’sistemi awtomatizzati tal-ipproċessar u meta u minn min iddaħħlet id-data (kontroll tal-input);
(h)jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data ġiet aċċessata, minn liema membru tal-persunal u f’liema ħin (reġistru tal-aċċess);
(i)jipprevjenu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data waqt it-trasferiment tad-data jew waqt it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data (“kontroll tat-trasport”);
(j)jiżġuraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati minnufih (irkupru);
(k)jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr difett, li s-sejbien ta’ difetti fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat minnufih (affidabbiltà) u li d-data konservata ma tistax tiġi korrotta mid-disfunzjoni tas-sistema (integrità).
KAPITOLU V
TILWIM
ARTIKOLU 20
Soluzzjoni ta’ tilwimiet
It-tilwim kollu li jista’ jinqala’ b’konnessjoni mal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe kwistjoni relatata miegħu għandhom jagħtu lok għal konsultazzjonijiet u negozjati bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet Kontraenti bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli.
ARTIKOLU 21
Klawżola ta’ sospensjoni
(1)Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Ftehim, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tissospendi dan il-Ftehim temporanjament parzjalment jew kompletament permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet Kontraenti ikunu ħadu sehem f’perjodu raġonevoli ta’ konsultazzjoni mingħajr ma tkun instabet soluzzjoni, u s-sospensjoni għandha ssir effettiva għoxrin jum mid-data tal-wasla ta’ tali notifika. Sospensjoni bħal din tista’ titneħħa mill-Parti Kontraenti li tkun qed tissospendi b’notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Is-sospensjoni għandha titneħħa immedjatament malli tiġi riċevuta tali notifika.
(2)Minkejja kwalunkwe sospensjoni ta’ dan il-Ftehim, data personali u mhux personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ttrasferita qabel is-sospensjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità ma’ dan il-Ftehim.
ARTIKOLU 22
Terminazzjoni
(1)Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat fi kwalunkwe ħin minn waħda mill-Partijiet Kontraenti permezz ta’ notifika bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data li fiha tiġi riċevuta n-notifika.
(2)Jekk xi waħda mill-Partijiet Kontraenti tagħti avviż ta’ terminazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu liema miżuri huma meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe kooperazzjoni mibdija taħt dan il-Ftehim tiġi konkluża b’mod xieraq. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tad-data personali kollha u tad-data mhux personali kollha miksuba permezz tal-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim qabel ma dan ma jibqax fis-seħħ, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-livell ta’ protezzjoni li taħtu d-data personali u mhux personali tkun ġiet trasferita jinżamm wara li tidħol fis-seħħ it-terminazzjoni.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
ARTIKOLU 23
Rabta ma’ strumenti internazzjonali oħra
Dan il-Ftehim ma għandux jippreġudika jew b’xi mod ieħor jaffettwa jew ikollu impatt fuq id-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni previst minn kwalunkwe trattat ta’ assistenza legali reċiproka, kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor ta’ kooperazzjoni, jew relazzjoni ta’ ħidma ta’ infurzar tal-liġi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Brażil u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni.
ARTIKOLU 24
Skambju ta’ informazzjoni klassifikata
Fejn meħtieġ taħt dan il-Ftehim, il-modalitajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata għandhom jiġu stabbiliti bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil.
ARTIKOLU 25
Talbiet għal Aċċess Pubbliku
Talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti li fihom data personali jew mhux personali trasferita skont dan il-Ftehim għandhom jiġu sottomessi lill-Parti Kontraenti li tittrasferixxi għall-konsultazzjoni mill-aktar fis possibbli.
ARTIKOLU 26
Punt ta’ kuntatt nazzjonali u uffiċjali ta’ kollegament
(1)Il-Brażil għandu jaħtar punt ta’ kuntatt nazzjonali fi ħdan il-Pulizija Federali Brażiljana biex jaġixxi bħala l-punt ċentrali ta’ kuntatt bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil. Il-Brażil għandu jinnotifika lill-UE bil-punt ta’ kuntatt nazzjonali maħtur tiegħu. Il-Brażil għandu jiżgura d-disponibbiltà kontinwa tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Kwalunkwe skambju dirett bejn l-Europol u awtoritajiet kompetenti oħra tal-Brażil, li għandu jkun limitat għall-kuntest ta’ operazzjonijiet speċifiċi, għandu jirċievi awtorizzazzjoni minn qabel u espressa mill-punt ta’ kuntatt nazzjonali.
(2)Il-Europol u l-Brażil għandhom itejbu l-kooperazzjoni tagħhom kif stabbilit f’dan il-Ftehim permezz tal-iskjerament ta’ uffiċjal(i) ta’ kollegament mill-Brażil. Il-Europol tista’ tiskjera uffiċjal(i) ta’ kollegament fil-Brażil. Il-kompiti tal-uffiċjali ta’ kollegament, in-numru tagħhom, u l-ispejjeż involuti, għandhom jiġu stabbiliti bejn l-Europol u l-Pulizija Federali tal-Brażil.
ARTIKOLU 27
Linja ta’ komunikazzjoni sigura
Għandha tiġi stabbilita linja ta’ komunikazzjoni sigura għall-fini ta’ skambju ta’ data personali u mhux personali bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil. Il-modalitajiet għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni, il-kostijiet u l-operat tal-linja ta’ komunikazzjoni sigura għandhom jiġu stabbiliti bejn l-Europol u l-Pulizija Federali tal-Brażil.
ARTIKOLU 28
Spejjeż
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jerfgħu l-ispejjeż tagħhom stess li jinqalgħu matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor bejn l-Europol u l-Pulizija Federali tal-Brażil.
ARTIKOLU 29
Notifika ta’ implimentazzjoni
(1)Kull Parti Kontraenti għandha tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jagħmlu disponibbli għall-pubbliku dokument li jistabbilixxi f’forma intelliġibbli d-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali trasferita taħt dan il-Ftehim inklużi l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika kopja ta’ dak id-dokument lill-Parti Kontraenti l-oħra.
(2)Fejn mhux diġà fis-seħħ, kull Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw regoli li jispeċifikaw kif il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data personali trasferita skont dan il-Ftehim se tiġi infurzata fil-prattika. Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika kopja ta’ dawk ir-regoli lill-Parti Kontraenti l-oħra u lill-awtoritajiet superviżorji rispettivi.
(3)In-notifiki minn Parti Kontraenti magħmula skont l-Artikoli 14(1), 15, 26(1), 29(1) u 29(2) ta’ dan il-Ftehim għandhom isiru permezz ta’ mezzi diplomatiċi, f’note verbale waħda.
ARTIKOLU 30
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
(1)Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri tagħhom stess.
(2)Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-wasla tal-aħħar notifika bil-miktub li permezz tagħha l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi li l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu tlestew.
(3)Sabiex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ, huwa meħtieġ li n-notifiki minn Parti Kontraenti msemmija fl-Artikolu 29(3) jiġu aċċettati mill-Parti Kontraenti l-oħra permezz ta’ mezzi diplomatiċi. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum wara d-data tal-wasla tal-aħħar aċċettazzjoni tan-notifiki msemmija fl-Artikolu 29(3).
(4)Minn meta jidħol fis-seħħ, il-Partijiet Kontraenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe strument legali ieħor li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Europol u l-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil jitħassar minnufih.
ARTIKOLU 31
Emendi u supplimenti
(1)Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat bil-miktub, fi kwalunkwe ħin b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet Kontraenti permezz ta’ notifika bil-miktub skambjata permezz ta’ mezzi diplomatiċi. L-emendi għal dan il-Ftehim għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-proċedura legali prevista fl-Artikolu 30(1) u (2).
(2)L-Annessi għal dan il-Ftehim jistgħu jiġu aġġornati, kif meħtieġ, permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi. Tali aġġornamenti għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura legali prevista fl-Artikolu 30(1) u (2).
(3)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet fir-rigward tal-emendar ta’ dan il-Ftehim jew l-Annessi tiegħu fuq talba ta’ xi waħda mill-Partijiet Kontraenti.
ARTIKOLU 32
Rieżami u evalwazzjoni
(1)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrieżaminaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem, u addizzjonalment jekk mitluba minn waħda mill-Partijiet Kontraenti u deċiżi b’mod konġunt.
(2)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jevalwaw dan il-Ftehim b’mod konġunt erba’ snin wara d-data tal-applikazzjoni tagħha.
(3)Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar il-modalitajiet tar-reviżjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. It-timijiet għandhom jinkludu esperti rilevanti fl-oqsma tal-protezzjoni tad-data u tal-infurzar tal-liġi. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, il-parteċipanti kollha f’rieżami għandhom ikunu mitluba li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u jkollhom awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà xierqa. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe rieżami, l-Unjoni u l-Brażil għandhom jiżguraw aċċess għad-dokumentazzjoni, għas-sistemi u għall-persunal rilevanti.
ARTIKOLU 33
Dan il-Ftehim għandu jitfassal b’mod duplikat bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bit-Taljan u bl-Ungeriż, u kull test ikun ugwalment awtentiku. Fil-każ ta’ kwalunkwe diverġenza bejn it-testi ta’ dan il-Ftehim, it-test Ingliż għandu jipprevali.
ANNESS I
OQSMA TA’ KRIMINALITÀ
Ir-reati kriminali huma:
–terroriżmu,
–kriminalità organizzata,
–traffikar tad-droga,
–attivitajiet ta’ ħasil tal-flus,
–reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,
–faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti,
–traffikar tal-bnedmin,
–reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur,
–qtil, offiżi fiżiċi gravi fuq il-persuna,
–kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,
–ħtif ta’ persuna, żamma illegali u teħid ta’ ostaġġi,
–razziżmu u ksenofobija,
–serq u serq aggravat,
–traffikar illeċitu ta’ beni kulturali, inklużi oġġetti antiki u opri tal-arti,
–ingann u frodi,
–reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,
–abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju,
–rikattar organizzat u estorsjoni,
–falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,
–falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,
–falsifikazzjoni ta’ flus u ta’ mezzi ta’ ħlas,
–kriminalità permezz tal-kompjuter,
–korruzzjoni,
–traffikar illeċitu fl-armi, munizzjon u splussivi,
–traffikar illeċitu fi speċi ta’ annimali fil-periklu,
–traffikar illeċitu fi speċi u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,
–reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti,
–traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi oħrajn ta’ tkabbir,
–abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali,
–ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.
Il-forom ta’ kriminalità msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil f’konformità mal-liġi tal-Brażil u mill-Europol f’konformità mal-liġijiet applikabbli tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha.
ANNESS II
L-AWTORITAJIET KOMPETENTI TAL-BRAŻIL
L-awtoritajiet kompetenti tal-Brażil huma:
Il-Pulizija Federali tal-Brażil, u
Il-Politiki Ċivili tal-Istati u d-Distrett Federali, u
L-unitajiet tal-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Sigurtà Pubblika responsabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati kriminali f’konformità mal-liġi Brażiljana.
ANNESS III
KORPI TAL-UNJONI U AWTORITAJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UE
(a)Korpi tal-Unjoni:
Missjonijiet/Operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, limitati għall-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi
L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO)
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust)
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
(b)l-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-reati kriminali, f’konformità mal-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Europol.