Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0499

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 6 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

COM/2024/499 final

Brussell, 31.10.2024

COM(2024) 499 final

2024/0277(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 6 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta trid tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija dwar l-emenda tal-Protokoll 6 ta’ dak il-Ftehim.

2.    Kuntest tal-Proposta

2.1.Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija 1 (il-Ftehim) għandu l-għan li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005.

2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 92 tal-Ftehim, jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Protokoll 6 (b’mod partikolari l-Artikolu 39). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jfassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ftehim bejn iż-żewġ Partijiet (jiġifieri l-UE u l-Alġerija).

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jrid jadotta deċiżjoni dwar l-emenda tal-Protokoll 6 (“l-att previst”).

Il-fini tal-att previst huwa li jemenda l-Protokoll 6 billi jissostitwih bi protokoll ġdid li jinkludi referenza dinamika għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, sabiex dejjem jirreferi għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ.

L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 97(2) tal-Ftehim.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-Konvenzjoni) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-partijiet kontraenti. L-UE u l-Alġerija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fil-5 ta’ Ottubru 2012 rispettivament.

L-UE u l-Alġerija ddepożitaw l-istrumenti ta’ aċċettazzjoni tagħhom għand id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fis-27 ta’ Jannar 2017, rispettivament. Bħala konsegwenza, skont l-Artikolu 10, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ għall-UE u l-Alġerija fl-1 ta’ Mejju 2012 u fl-1 ta’ Marzu 2017 rispettivament.

Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull parti kontraenti trid tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni. Għal dak il-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim għandu jadotta Deċiżjoni li tintroduċi r-regoli tal-Konvenzjoni skont il-Protokoll 6. Dan isir bl-introduzzjoni fil-Protokoll emendat ta’ referenza għall-Konvenzjoni li se tagħmlu applikabbli.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-emendi proposti għandhom natura teknika u ma jaffettwawx il-kontenut tal-protokoll b’rabta mar-regoli tal-oriġini fis-seħħ bħalissa. Għalhekk, ma jeħtiġux valutazzjoni tal-impatt.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali minħabba r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta għandu effetti legali. Se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 97(2) tal-Ftehim.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li għalihom tittieħed pożizzjoni f’isem l-UE.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jemenda l-Ftehim, ikun jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2024/0277 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 6 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/690/KE 3 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2005. Il-Protokoll 6 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u jistabbilixxi metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

(2)Skont l-Artikolu 39 ta’ dak il-Protokoll, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 92 tal-Ftehim (il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu.

(3)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni irid jadotta Deċiżjoni dwar emenda tal-Protokoll 6.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(5)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE 4 u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-Ftehimiet.

(6)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli preferenzjali ta’ Oriġini pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 5 .

(7)L-emenda tal-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti kollha. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u immedjata tal-emenda tal-Konvenzjoni bejn il-Partijiet, jenħtieġ li tiġi introdotta referenza għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 6, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ. Fin-nuqqas ta’ tali referenza, l-applikazzjoni effettiva tal-emenda tal-Konvenzjoni ma tkunx żgurata u dan jista’ jkollu impatt fuq is-sistema ta’ akkumulazzjoni djagonali.

(8)L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti trid tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b’mod effettiv. Għal dak l-għan, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ li jadotta deċiżjoni li tintroduċi referenza għall-Konvenzjoni fil-Protokoll 6 tal-Ftehim, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 265, 10.10.2005.
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika Alġerina Demokratika u tal-Poplu, min-naħa l-oħra (OJ L 265, 10.10.2005).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/93/UE tal-14 ta’ April 2011 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013).
(5)    ĠU L, 2024/390, 19.2.2024.
Top

Brussell, 31.10.2024

COM(2024) 499 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 6 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva


Abbozz

ta’ DEĊIŻJONI Nru ...

TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA

ta’...

li temenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, billi tissostitwixxi l-Protokoll 6 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-ALĠERIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tal-Protokoll 6 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)L-Artikolu 28 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jirreferi għall-Protokoll 6 tal-Ftehim li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini.

(2)L-Artikolu 39 tal-Protokoll 6 jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 92 tal-Ftehim jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(3)Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 2 (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tittrasponi s-sistemi bilaterali eżistenti tar-regoli tal-oriġini f’qafas multilaterali, mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti fil-ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

(4)L-Unjoni u l-Alġerija ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u fil-5 ta’ Ottubru 2012, rispettivament.

(5)L-Unjoni u l-Alġerija ddepożitaw l-istrumenti ta’ aċċettazzjoni tagħhom għand id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012 u fis-27 ta’ Jannar 2017, rispettivament. Għaldaqstant, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ f’relazzjoni mal-Unjoni u l-Alġerija fl-1 ta’ Mejju 2012 u fl-1 ta’ Marzu 2017, rispettivament.

(6)Il-Konvenzjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini Pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 3 .

(7)Għaldaqstant, il-Protokoll 6 jenħtieġ li jiġi sostitwit bi protokoll ġdid biex jinkludi referenza dinamika għall-Konvenzjoni, sabiex dejjem issir referenza għall-aħħar verżjoni tal-Konvenzjoni fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 6 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tal-wasla ta’ din in-notifika bil-miktub permezz ta’ mezzi diplomatiċi, li permezz tagħhom il-Partijiet jinfurmaw lil xulxin dwar it-tlestija tar-rekwiżiti interni tagħhom.

Magħmul fi

   Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

   Il-President

Anness

“Protokoll 6

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli ta’ oriġini

1.    Għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 4 (il-Konvenzjoni), kif emendati u ppubblikati l-aħħar fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.    Ir-referenzi kollha għall-“Ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jinftiehmu li qed jirreferu għal dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni ta’ tilwim

1.    Meta b’rabta mal-proċeduri ta’ verifika tal-Artikolu 34 u 35 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala’ tilwim li ma jkunx jista’ jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta’ din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

2.    Fil-każijiet kollha, is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur għandha sseħħ skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi tal-Protokoll

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.    Jekk l-Unjoni jew l-Alġerija javżaw bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni u l-Alġerija għandhom minnufih jidħlu f’negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-fini ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.    Sakemm jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli tal-oriġini nnegozjati mill-ġdid, ir-regoli tal-oriġini li hemm fl-Appendiċi I u, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument tal-irtirar, għandhom jibqgħu japplikaw għall-Ftehim. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, meta xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, għandhom jinftiehmu bħala li jippermettu akkumulazzjoni bilaterali biss bejn l-Unjoni u l-Alġerija.”

(1)    ĠU L 265, 10.10.2005.
(2)    ĠU L 54, 26.02.2013.
(3)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji tas-7 ta’ Diċembru 2023 dwar l-emendar tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L, 2024/390, 19.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/390/oj).
(4)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
Top