Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0459

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-laqgħat tal-Parteċipanti fl-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati b’rabta ma’ linji komuni dwar ir-rekwiżit tal-kapparra minima

COM/2024/459 final

Brussell, 15.10.2024

COM(2024) 459 final

2024/0251(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-laqgħat tal-Parteċipanti fl-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati b’rabta ma’ linji komuni dwar ir-rekwiżit tal-kapparra minima


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni mill-Parteċipanti fl-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) b’rabta ma’ linji komuni futuri ppreżentati mill-Parteċipanti dwar ir-rekwiżit tal-ħlas parzjali minimu.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati

L-Arranġament huwa ftehim bejn ġentlomi li għandu l-għan li jipprovdi qafas għall-użu ordnat ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika, dan ifisser li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi (li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi esportati u mhux fuq it-termini finanzjarji pprovduti), filwaqt li ssir ħidma biex jiġu eliminati s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati ma’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati (‘appoġġ uffiċjali’). L-Arranġament daħal fis-seħħ f’April 1978 u huwa għal żmien indeterminat.

L-Arranġament huwa amministrattivament inkorporat fl-OECD u jirċievi appoġġ mis-Segretarjat tal-Kreditu tal-OECD. Madankollu, mhuwiex Att tal-OECD 1 .

L-Unjoni Ewropea – u mhux l-Istati Membri – hija Parteċipant fl-Arranġament u t-test tiegħu ġie traspost fl-acquis communautaire bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 2 . Għalhekk, l-Arranġament huwa legalment vinkolanti bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni.

2.2.Il-Parteċipanti fl-Arranġament huma

Bħalissa hemm ħdax-il Parteċipant fl-Arranġament (“il-Parteċipanti fl-Arranġament”): l-Awstralja, il-Kanada, l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun, il-Korea, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Il-Parteċipanti tal-Arranġament jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar modifiki tal-Arranġament, inklużi ‘linji komuni’ f’konformità mal-Kapitolu IV, it-Taqsima 5 tal-Arranġament. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, sabiex, jekk ikun hemm xi Parteċipant li joġġezzjona, il-modifiki tal-Arranġament jew il-linja komuni ma tkunux tista’ tiġi adottata.

Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fil-laqgħat tal-Parteċipanti fl-Arranġament kif ukoll fi proċeduri bil-miktub.

Linja komuni hija strument taħt l-Arranġament, li jippermetti lill-Parteċipanti, fuq bażi eċċezzjonali, li jiddevjaw mid-dispożizzjonijiet tal-Arranġament fir-rigward ta’ tranżazzjoni speċifika jew temporanjament għal għadd mhux speċifiku ta’ tranżazzjonijiet. Il-proċeduri biex jintlaħaq ftehim dwar linji komuni huma stabbiliti fl-Artikoli 54 sa 59 tal-Arranġament. Linji komuni jistgħu jiġu aċċettati permezz ta’ proċedura bil-miktub billi wieħed jibqa’ sieket, peress li Parteċipant li jibqa’ sieket għandu jitqies li jkun aċċetta l-proposta tal-linja komuni. L-istess japplika għal Parteċipant li javża li ma għandu l-ebda pożizzjoni. Reazzjonijiet għal proposta għal linja komuni jridu jsiru fil-prinċipju fi żmien 20 jum kalendarju, b’estensjoni possibbli ta’ tmint ijiem kalendarji. Is-Segretarjat tal-Krediti ta’ Esportazzjoni tal-OECD huwa meħtieġ jinforma lill-Parteċipanti jekk il-linja komuni tkunx ġiet aċċettata, bil-linja komuni maqbula ssir effettiva tlett ijiem kalendarji wara dan l-avviż.

2.3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Diversi linji komuni fir-rigward tal-ħlas parzjali meħtieġ mix-xerrejja fi tranżazzjonijiet skont ir-regoli tal-Arranġament ġew adottati f’dawn l-aħħar snin. Fil-5 ta’ Novembru 2021, il-Parteċipanti adottaw linja komuni, proposta mill-UE, li tnaqqas ir-rekwiżit ta’ ħlas parzjali għal 5 % (għall-kuntrarju tar-rekwiżit ta’ 15 % kif stabbilit fl-Artikolu 11 a) tal-Arranġament) u li żżid il-limitu massimu ta’ appoġġ uffiċjali għal 95 % tal-valur tal-kuntratt ta’ esportazzjoni (għall-kuntrarju tal-85 % kif stabbilit fl-Artikolu 11 c) tal-Arranġament). Il-miżura ġiet ivvalidata mill-Parteċipanti bħala pass urġenti u eċċezzjonali meħtieġ biex ikun hemm reazzjoni għat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li rriżulta mill-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19. Il-linja komuni tal-2021, oriġinarjament effettiva sal-4 ta’ Novembru 2022, ġiet estiża għal sena addizzjonali, u b’hekk skadiet fl-4 ta’ Novembru 2023.

Fl-14 ta’ Diċembru 2023, ġiet adottata linja komuni oħra dwar ir-rekwiżit ta’ ħlas parzjali minimu mill-Parteċipanti wara proposta mir-Renju Unit. Filwaqt li r-raġunament għall-flessibbiltà dak iż-żmien tal-linja komuni tal-2021 ma baqax japplika, ir-Renju Unit argumenta li xorta kien hemm, fiż-żmien tal-proposta tal-linja komuni, diffikultajiet speċifiċi rigward l-aċċess għall-finanzi għal xerrejja pubbliċi/sovrani f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju li qed joperaw, bħalma huma żieda fir-rati tal-imgħax u pressjonijiet inflazzjonarji li jkomplu għaddejjin. Il-linja komuni, li tapplika sat-13 ta’ Diċembru 2024, tkopri appoġġ uffiċjali ta’ kreditu għall-esportazzjoni għal tranżazzjonijiet ma’ xerrejja sovrani/pubbliċi f’pajjiżi tal-Kategorija II bi klassifikazzjoni tar-riskju tal-pajjiż bejn 5 u 7, inklużi, kif stabbilit skont l-Artikolu 22 tal-Arranġament. Għal tranżazzjonijiet bħal dawn, il-ħlasijiet parzjali minimi meħtieġa jitnaqqsu għal 5 % tal-kuntratt tal-esportazzjoni, u l-limitu għall-appoġġ uffiċjali massimu li l-Parteċipanti jistgħu jipprovdu jiżdied għal 95 %.

Meta titqies il-ħtieġa oġġettiva li l-Unjoni tkun tista’ taġixxi malajr u b’mod flessibbli fil-livell internazzjonali wara proposti ta’ linji komuni, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jippermetti lill-Kummissjoni tfassal pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti fl-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward ta’ linji komuni futuri proposti mill-Parteċipanti dwar ir-rekwiżit ta’ ħlas parzjali minimu. B’mod aktar partikolari, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni għandha tkun li tirrifjuta kwalunkwe linja komuni futura dwar il-ħlas parzjali minimu propost minn Parteċipant fl-Arranġament, kemm-il darba l-linja komuni tkun ta’ natura orizzontali u tapplika għal aktar minn tranżazzjoni speċifika waħda.

L-UE ma temminx li bidla kważi permanenti fit-termini tar-regoli ta’ ħlas parzjali tal-Arranġament għandha tinkiseb permezz tat-tiġdid kostanti ta’ linji komuni. Minflok, kwalunkwe aġġustament bħal dan għandu jiġi indirizzat permezz ta’ diskussjonijiet deliberattivi fost il-Parteċipanti. (Diskussjonijiet bħal dawn tnedew f’Marzu 2023 u se jeżaminaw il-parametri kollha ta’ kwalunkwe bidla possibbli fir-regoli tal-Arranġament dwar il-ħlas parzjali. Qed titħejja proposta separata tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex takkomoda bidla permanenti bħal din.)

Abbażi ta’ dan l-UE trid tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta proposti futuri biex tintuża l-proċedura tal-linja komuni biex tkompli testendi l-flessibbiltajiet. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntest ta’ politika kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE x’aktarx li jevolvi maż-żmien, id-Deċiżjoni proposta għandha tkun applikabbli sa tliet snin wara l-adozzjoni tagħha, u wara dan il-Kunsill se jkun jista’ jirrevedi l-politika kif stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

3.Bażi legali

3.1.Bażi legali proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.’’

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE 3 .

3.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Ir-regoli ta’ linja komuni miftiehma jissostitwixxu r-regoli tal-Arranġament għat-tranżazzjoni biss jew fiċ-ċirkostanzi speċifikati fil-linja komuni. Filwaqt li linji komuni huma liġi mhux vinkolanti għall-Parteċipanti l-oħra fl-Arranġament, il-linji komuni jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE, li jistipula li “Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġjati (“l-Arranġament”) għandhom japplikaw fl-Unjoni. It-test tal-Arranġament huwa anness ma’ dan ir-Regolament.” Minħabba li linji komuni jiġu mifthiema mill-Parteċipanti wara l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 54 sa 59 tal-Arranġament li jinvolvi s-Segretarjat tal-Kreditu ta’ Esportazzjoni tal-OECD, huma jikkostitwixxu wkoll atti adottati minn korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) TFUE.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

3.2.Bażi legali sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni fir-rigward tiegħu f’isem l-Unjoni.

3.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.

3.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9).

4.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Parteċipanti fl-Arranġament se jemenda l-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati li jifforma l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, huwa xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-aċċettazzjoni tiegħu.

2024/0251 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-laqgħat tal-Parteċipanti fl-Arranġament tal-OECD dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati b’rabta ma’ linji komuni dwar ir-rekwiżit tal-kapparra minima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-‘‘Arranġament’’) huma trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni Ewropea permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 4  

(2)Linja komuni hija strument taħt l-Arranġament li jippermetti lill-Parteċipanti, fuq bażi eċċezzjonali, li jiddevjaw mid-dispożizzjonijiet tal-Arranġament fir-rigward ta’ tranżazzjoni speċifika jew temporanjament għal għadd mhux speċifiku ta’ tranżazzjonijiet, pereżempju fir-rigward tal-ħlas parzjali minimu skont l-Artikolu 11 a) tal-Arranġament.

(3)Il-Parteċipanti fl-Arranġament (il-‘‘Parteċipanti’’) jiddeċiedu, fi proċedura bil-miktub, dwar linji komuni f’konformità mal-Kapitolu IV, it-Taqsima 5 tal-Arranġament. Linji komuni jistgħu jiġu aċċettati permezz ta’ proċedura bil-miktub billi wieħed jibqa’ sieket, peress li Parteċipant li jibqa’ sieket għandu jitqies li jkun aċċetta l-proposta tal-linja komuni. L-istess japplika għal Parteċipant li javża li ma għandu l-ebda pożizzjoni. Reazzjonijiet għal proposta għal linja komuni jridu jsiru fil-prinċipju fi żmien 20 jum kalendarju, b’estensjoni possibbli ta’ tmint ijiem kalendarji. Il-perjodu qasir ta’ żmien mogħti biex issir reazzjoni għal proposta għal linja komuni, flimkien mal-fatt li s-silenzju jimplika approvazzjoni, jiġġustifika l-ħtieġa għal Deċiżjoni qafas skont l-Artikolu 218(9) TFUE.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni rigward il-linji komuni proposta fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti, peress li l-linja komuni proposti, ladarba jintlaħaq qbil dwarhom, se jkunu kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE.

(5)Fid-dawl tal-proċedura mħaffa stabbilita skont l-Arranġament biex tiġi adottata din il-linja komuni, huwa fl-interess tal-Unjoni li tali pożizzjonijiet jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE b’mod rapidu biex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tagħha skont l-Arranġament. Għalhekk, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi proċedura effiċjenti u mħaffa biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe linja komuni futura dwar il-ħlas parzjali minimu propost minn Parteċipant fl-Arranġament, kemm-il darba l-linja komuni tkun ta’ natura orizzontali u tapplika għal aktar minn tranżazzjoni speċifika waħda.

(6)L-UE ma temminx li bidla kważi permanenti fit-termini tar-regoli ta’ ħlas parzjali tal-Arranġament jenħtieġ li tinkiseb permezz tat-tiġdid kostanti ta’ linji komuni. Minflok, kwalunkwe aġġustament bħal dan jenħtieġ li jiġi indirizzat permezz ta’ diskussjonijiet deliberattivi fost il-Parteċipanti. Abbażi ta’ dan, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi li bħala regola ġenerali l-UE jenħtieġ li tkun f’pożizzjoni li tirrifjuta proposti futuri biex tintuża l-proċedura ta’ linja komuni biex jiġu estiżi aktar il-flessibbiltajiet relatati mar-regoli ta’ ħlas parzjali fl-Artikolu 11(a) tal-Arranġament.

(7)Jekk matul id-diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni, jiġi konkluż li tkun xierqa devjazzjoni mill-pożizzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni dejjem ikollha l-possibbiltà li tippreżenta proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni li tiddevja mill-pożizzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni. Fil-fatt, din id-Deċiżjoni tibqa’ mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tippreżenta, anke fuq inizjattiva tagħha stess, proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni li tiddevja mill-pożizzjoni ġenerali stabbilita f’din id-Deċiżjoni.

(8)Biex jiġi żgurat li l-Kunsill ikun jista’ jivvaluta u, fejn xieraq, jirrevedi l-politika f’din id-Deċiżjoni fuq bażi regolari, u fl-ispirtu tal-kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 13(2) TUE, din id-Deċiżjoni tista’ tiġi riveduta perjodikament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward ta’ proposti futuri minn Parteċipanti oħra għal linji komuni dwar ir-rekwiżit ta’ ħlas parzjali minimu għandha tkun li tiġi rrifjutata kwalunkwe linja komuni futura ppreżentata minn Parteċipant fir-rigward tar-rekwiżit ta’ ħlas parzjali minimu skont l-Artikolu 11a) tal-Arranġament jekk il-linja komuni tkun ta’ natura orizzontali u tapplika għal aktar minn tranżazzjoni speċifika waħda.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-Parteċipanti dokument li jkun fih il-linji komuni proposti msemmija fl-Artikolu 1 li għandu jiġi diskuss f’dik il-laqgħa lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għad-diskussjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika sa tliet snin wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Kif definit fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-OECD.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(3)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
Top