Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0343

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini ta’ dak il-Ftehim, rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini

COM/2024/343 final

Brussell, 30.7.2024

COM(2024) 343 final

2024/0202(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini ta’ dak il-Ftehim, rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-Ftehim ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li temenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”)

Il-Ftehim ŻEE 1 għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kundizzjonijiet ugwali għall-kompetizzjoni, u r-rispett tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq Żona Ekonomika Ewropea omoġena, minn issa ’l quddiem imsejħa ż-ŻEE. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 92 tal-Ftehim ŻEE, jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini. Il-Kumitat Konġunt hu magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għaż-ŻEE. Il-Kumitat Konġunt ifassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, min naħa waħda, u l-Istati tal-EFTA li jitkellmu b’vuċi waħda, min-naħa l-oħra.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju ta’ ittri, il-Kumitat Konġunt irid jadotta Deċiżjoni rigward l-emenda tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini (“l-att previst”).

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) 2 qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini” 3 ) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.

Mill-1 ta’ Settembru 2021 daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jagħmel ir-Regoli tranżitorji applikabbli, inkluż skont il-qafas tal-Ftehim ŻEE.

L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti. Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma b’mod ġenerali aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw dawn tal-aħħar jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ xi prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata, għaliex ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini għal dawn il-prodotti huma differenti jew aktar riġidi minn dawk tal-Konvenzjoni.

Ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni.

Ir-Regoli tranżitorji jipprevedu l-permeabbiltà bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini, billi jagħmluha possibbli li tinħareġ prova retrospettiva tal-oriġini abbażi ta’ prova maħruġa skont ir-regoli tal-Konvenzjoni, bl-issodisfar tal-kundizzjoni li l-prodotti inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti taż-żewġ settijiet ta’ regoli.

Id-dispożizzjoni attwali fir-Regoli tranżitorji dwar il-permeabbiltà bejn iż-żewġ settijiet ta’ regoli tal-oriġini (l-Artikolu 21(1), il-punt (d) tal-Appendiċi A tal-Protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini) iġġenerat proċedura doganali kkumplikata li xxekkel lill-operaturi ekonomiċi milli jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi li japplikaw ir-Regoli tranżitorji b’mod parallel mal-Konvenzjoni.

Il-Partijiet qablu li japplikaw ir-Regoli tranżitorji minn qabel sabiex jadattaw il-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali għad-dħul fis-seħħ li jmiss tal-emenda tal-Konvenzjoni (li fuqha huma bbażati r-Regoli tranżitorji). Għalhekk jixraq li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà għall-bqija taż-żmien tal-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 jenħtieġ li jiġi emendat biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà eżistenti bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini.

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fi ħdan il-Kumitat Konġunt jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Kunsill.

L-emenda proposta hija ta’ natura teknika u hija relatata mar-Regoli tranżitorji tal-oriġini attwalment applikabbli bejn il-Partijiet u ma taffettwax is-sustanza tal-Protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini. Għalhekk, ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali.

L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103, il-paragrafu 1 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim ŻEE.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew minn dawn il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Implikazzjoni Baġitarja

Is-simplifikazzjoni dwar il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini ma għandhiex impatt li jista’ jitkejjel fuq il-baġit tal-UE peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jikkonċerna prinċipalment il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-konsolidazzjoni ta’ prattiki moderni tal-awtoritajiet doganali. Is-simplifikazzjoni għandha fil-mira l-oqsma li jibqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet mingħajr ma jkollha impatt fuq is-sustanza tar-regoli li permezz tagħhom l-oġġetti jiksbu status oriġinarju preferenzjali u tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju eżistenti tal-permeabbiltà.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2024/0202 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini ta’ dak il-Ftehim, rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ŻEE (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/1/ECSC, EC 5 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini. Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 92 ta’ dak il-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(3)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjoni li temenda l-Protokoll 4 tal-Ftehim.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(5)Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell nhar il-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji 6 (“il-Konvenzjoni”) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni 7 (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini” 8 ) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.

(6)L-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini tiżgura l-adattament tal-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali sakemm jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni li huma bbażati fuqhom ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini.

(7)Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tranżitorji tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni 9 , li jagħmel applikabbli r-Regoli tranżitorji 10 .

(8)L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki biex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti. Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma b’mod ġenerali aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw ir-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata. Ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini kif previst fl-Artikolu 21(1), il-punt (d) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 ta’ dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(2)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(3)    ĠU L 246, 22.9.2022, p. 133–221.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti minn 61 sa 64.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 1, 3.1.1994, p. 1).
(6)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2198 tal-25 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali pan-Ewro-Mediterranji fir-rigward tal-emendar tal-Konvenzjoni (OJ L 339, 30.12.2019, p. 1.)
(8)    ĠU L 246, 22.9.2022, p. 133.
(9)    L-UE, l-Iżlanda, l-Iżvizzera (inkluż il-Liechtenstein), in-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, Iżrael, il-Ġordan, il-Palestina (din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni), l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, il-Montenegro, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna
(10)    ĠU C, C/2024/1637, 20.2.2024.    
Top

Brussell, 30.7.2024

COM(2024) 343 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-rigward tal-emenda tal-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini ta’ dak il-Ftehim, rigward il-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini


ANNESS

[Abbozz] DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

ta’ XX XX 2024

li temenda l-Protokoll 4 dwar ir-regoli tal-oriġini tal-Ftehim dwar

iż-Żona Ekonomika Ewropea

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 1 (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi,

(1)Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell nhar il-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) 2 qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini” 3 ) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm tiġi adottata l-Konvenzjoni riveduta.

(2)Mill-1 ta’ Settembru 2021 daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tranżitorji tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni, li għamel applikabbli r-Regoli tranżitorji 4 .

(3)L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti. Peress li r-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma b’mod ġenerali aktar laxki minn dawk tal-Konvenzjoni, l-oġġetti li jissodisfaw dawn tal-aħħar jistgħu jikkwalifikaw ukoll bħala li joriġinaw skont ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti prodotti agrikoli kklassifikati fil-Kapitoli 2, 4 sa 15 u 16 (ħlief għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 17 sa 24 tas-Sistema Armonizzata.

(4)Ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma applikabbli b’mod parallel mar-regoli tal-oriġini tal-Konvenzjoni u b’hekk joħolqu żewġ żoni distintivi ta’ akkumulazzjoni. Għalhekk, biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-permeabbiltà bejn il-Konvenzjoni u r-Regoli tranżitorji tal-oriġini kif previst fl-Artikolu 21(1), il-punt (d) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4, jenħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

FL-Artikolu 8 tal-Appendiċi A tal-Protokoll 4 tal-Ftehim, jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

“1a.    Minkejja l-paragrafu 1, il-punt (b), l-akkumulazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tista’ tiġi applikata għall-oġġetti kklassifikati fil-Kapitoli 1, 3 u16 (għall-prodotti tas-sajd ipproċessati) u l-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata li jkunu kisbu status oriġinarju bl-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini f’konformità mal-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, diment li l-materjali u l-prodotti joriġinaw fil-Partijiet Kontraenti applikanti li għalihom l-akkumulazzjoni hija possibbli.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [ ], diment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 5 .

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi…

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Is-Segretarji

Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

(1)    ĠU KE L 1, 03.01.1994, p. 3.
(2)    ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.
(3)    ĠU L 246, 22.9.2022, p. 133–221 
(4)    ĠU C, C/2024/1637, 20.2.2024.    
(5)    Mhi indikata l-ebda ħtieġa kostituzzjonali.
Top