IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.7.2024
COM(2024) 329 final
2024/0190(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku skont l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 3 ta’ dak il-Ftehim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (“il-Ftehim”) għandu l-għan li permezz tal-espansjoni tal-kummerċ reċiproku, jippromwovi l-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1973.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Ftehim, jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet. Il-Kumitat Konġunt ifassal id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
Fil-laqgħa li jmiss tiegħu jew permezz ta’ skambju tal-ittri, il-Kumitat Konġunt irid jadotta Deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku (“l-att previst”).
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini”) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
Mill-1 ta’ Settembru 2021 daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jagħmel ir-Regoli tranżitorji applikabbli, inkluż bejn l-UE u n-Norveġja.
L-objettiv tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huwa li jiġu introdotti regoli aktar laxki sabiex tiġi faċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti u tinħoloq il-possibbiltà li jintużaw provi tal-oriġini maħruġa u/jew imressqa b’mod elettroniku.
L-UE u n-Norveġja qablu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 3 tal-Ftehim fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku, u għalhekk irid jiġi determinat qafas ta’ rekwiżiti ġenerali.
Matul il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni nhar is-7 ta’ Diċembru 2023, il-Partijiet Kontraenti adottaw b’unanimità r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt dwar l-użu taċ-ċertifikati elettroniċi skont il-qafas tal-Konvenzjoni attwali. Ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi lista ta’ kundizzjonijiet li ladarba jiġu ssodisfati, il-parti importatriċi tista’ taċċetta prova tal-oriġini fl-għamla ta’ ċertifikat tal-moviment EUR.1.
Dawn il-kundizzjonijiet huma identiċi għal dawk f’din il-proposta li jistabbilixxu r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku.
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar il-provi tal-oriġini fl-għamla taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa elettronikament fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni qed tipprevedi li tistabbilixxi sistema elettronika għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku, il-ħruġ ta’ dawk iċ-ċertifikati kif ukoll il-ħżin u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni. Is-sistema elettronika taċ-Ċertifikati tal-Prova tal-oriġini (is-sistema e-PoC tal-UE) jenħtieġ li tiġi stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjonijiet tiegħu. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fil-Kumitat Konġunt jenħtieġ li tiġi stabbilita mill-Kunsill.
Il-qafas propost huwa ta’ natura teknika u huwa relatat mar-Regoli tranżitorji tal-oriġini attwalment applikabbli bejn il-Partijiet u ma jaffettwax is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli tal-oriġini. Għalhekk, ma jeħtieġx valutazzjoni tal-impatt.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja.
L-att li l-Kumitat Konġunt mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Implikazzjoni baġitarja
Ir-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku ma għandhomx impatt li jista’ jitkejjel fuq il-baġit tal-UE peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jikkonċerna prinċipalment il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-konsolidazzjoni ta’ prattiki moderni tal-awtoritajiet doganali. Jipprevedu simplifikazzjoni fl-oqsma li jibqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet mingħajr ma jkollhom impatt fuq is-sustanza tar-regoli li minnhom l-oġġetti jiksbu status oriġinarju preferenzjali. L-użu tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku itejjeb l-effettività tal-kontrolli doganali u jnaqqas ir-riskju ta’ frodi billi jintroduċi ambjent sigur ta’ ħruġ u verifika.
6.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt se jissupplimenta l-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2024/0190 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku skont l-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 3 ta’ dak il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1691/73 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1973.
(2)Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Ftehim, jista’ jadotta d-deċiżjonijiet.
(3)Fil-laqgħa li jmiss tiegħu, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali dwar il-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se tkun vinkolanti għall-Unjoni.
(5)Matul l-ewwel laqgħa teknika dwar ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini li saret fi Brussell fil-5 ta’ Frar 2020, il-maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni”) qablu li jimplimentaw ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni (“ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini”) b’mod parallel mar-regoli tal-Konvenzjoni, fuq bażi bilaterali tranżizzjonali, sakemm jiġu adottati r-regoli riveduti tal-Konvenzjoni.
(6)L-applikazzjoni tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini tiżgura l-adattament tal-flussi kummerċjali u l-prattiki doganali sakemm jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025 ir-regoli riveduti tal-Konvenzjoni li huma bbażati fuqhom ir-Regoli tranżitorji tal-oriġini.
(7)Mill-1 ta’ Settembru 2021, daħal fis-seħħ network ta’ protokolli bilaterali dwar ir-regoli tal-oriġini fost diversi Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni li jagħmlu applikabbli r-Regoli tranżitorji tal-oriġini sakemm tidħol fis-seħħ l-emenda tal-Konvenzjoni.
(8)Iż-żewġ objettivi ewlenin tar-Regoli tranżitorji tal-oriġini huma: li jiġu introdotti regoli aktar laxki biex tiġi ffaċilitata l-kwalifika tal-istatus oriġinarju preferenzjali għall-oġġetti; u li tinħoloq il-possibbiltà li jintużaw provi tal-oriġini maħruġa jew imressqa b’mod elettroniku.
(9)L-Unjoni u n-Norveġja qablu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(4) tal-Appendiċi A tal-Protokoll 3 tal-Ftehim fir-rigward tal-provi tal-oriġini maħruġa b’mod elettroniku. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi determinat qafas tar-rekwiżiti ġenerali.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President