Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0205

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (Eurofound)

    COM/2024/205 final

    Brussell, 17.5.2024

    COM(2024) 205 final

    2024/0113(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    (Eurofound)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    2.Kuntest tal-proposta

    1.1.Il-Ftehim ŻEE

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Huwa jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet madwar it-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni flimkien mal-Istati Membri tagħha hija parti għall-Ftehim ŻEE.

    1.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. 

    1.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

    L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi r-Regolament (UE) 2019/127 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 1 .

    Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ŻEE fl-1994, il-Partijiet Kontraenti ffirmaw Ftehim Qafas bid-data tat-12 ta’ Settembru 1994 li ddeskriva l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-Eurofound. Il-Ftehim Qafas ma jirreferix għal att speċifiku, iżda pjuttost għandu referenza ġenerali għall-Protokoll 31.

    Il-Ftehim Qafas jipprevedi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-proġetti magħżula li jipparteċipaw fihom u għall-parteċipazzjoni tal-Esperti taż-ŻEE-EFTA fil-laqgħat ta’ tliet gruppi ta’ membri tal-Eurofound, kif ukoll fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv u l-Kumitat ta’ Esperti tal-Eurofound, bi spejjeż tagħhom.

    L-att previst isir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

    3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, jenħtieġ li l-pożizzjoni tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

    L-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fl-attivitajiet tal-Eurofound, li jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 2 . Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

    4.Bażi legali

    1.4.Bażi legali proċedurali

    1.4.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

    1.4.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

    L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

    1.5.Bażi legali sostantiva

    1.5.1.Prinċipji

    Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    1.5.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora fil-Ftehim ŻEE ir-Regolament (UE) 2019/127, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva bħall-att inkorporat. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 153(2) TFUE.

    1.6.Konklużjoni

    Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li jkun l-Artikolu 153(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

    2024/0113 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    (Eurofound)


    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), flimkien mal-Artikolu 218(9),

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 (il-Ftehim ŻEE) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    (2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

    (3)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

    (4)Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

    (5)Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75, ĠU L 30, 31.1.2019, p. 74.
    (2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (3)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
    (4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
    (5)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
    (6)    Ir-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75, ĠU L 30, 31.1.2019, p. 74.
    Top

    Brussell, 17.5.2024

    COM(2024) 205 final

    ANNESS

    ta’

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet



    (Eurofound)


    ANNESS

    ABBOZZ TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru […]

    ta’ […]

    li jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 1 .

    (2)Il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-Eurofound huma stabbiliti fil-“Ftehim Qafas dwar il-modalitajiet għall-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol/kooperazzjoni tal-EFTA”, bid-data tat-12 ta’ Settembru 1994.

    (3)Ir-Regolament (UE) Nru 2019/127 iħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75, li huwa inkluż fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    (4)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex tkun tista’ ssir din il-kooperazzjoni estiża,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-test tal-punt 10 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-Istati Kontraenti għandhom ifittxu li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qafas tal-att li ġej:

    -32019 R 0127: Ir-Regolament (UE) 2019/127 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi l-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 74).”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE 2*.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar [sena].

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, […].

       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       Il-President

       […]

       Is-Segretarji

       Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

       […]

    (1)    ĠU L 30, 31.1.2019, p. 74.
    (2) *    [Ma huma indikati ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]
    Top