EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0161

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

COM/2024/161 final

Brussell, 18.3.2024

COM(2024) 161 final

2024/0074(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Wieħed mill-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) huwa li tikkoopera ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-oqsma koperti mir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-Regolament (UE) 2019/1896) (“ir-Regolament”) “inkluż permezz tal-iskjerament operazzjonali possibbli ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri f’pajjiżi terzi.” 1 B’mod speċifiku, l-Aġenzija, bħala parti mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, għandha tiżgura l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 2 , li komponent minnhom huwa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma koperti mir-Regolament, b’enfasi partikolari fuq pajjiżi terzi ġirien u fuq pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni irregolari 3 . L-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti mir-Regolament sa fejn ikun meħtieġ għall-issodisfar tal-kompiti tagħha 4 u tista’ twettaq azzjonijiet relatati mal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fit-territorju ta’ pajjiż terz soġġetti għall-qbil ma’ dan il-pajjiż terz.

Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament, f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament f’pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li fih il-membri tat-timijiet jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Jenħtieġ li tali ftehim dwar l-istatus ikun ibbażat fuq il-mudell li l-Kummissjoni fasslet kif previst fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament. Il-Kummissjoni adottat dan il-mudell fil-21 ta’ Diċembru 2021 5 .

Ir-Repubblika tas-Serbja (“is-Serbja”) tinsab ġeografikament f’waħda mir-rotot primarji għall-moviment migratorju mħallat irregolari lejn l-Unjoni Ewropea. Fl-2023, il-Frontex irreġistrat madwar 99 000 qsim irregolari fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent kif ukoll aktar minn 25 000 qsim irregolari fil-fruntieri mhux tal-UE tas-Serbja. Il-migranti irregolari huma fil-mira ta’ gruppi kriminali organizzati involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-persuni u huma f’riskju kbir li jisfaw vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-livell għoli ta’ wasliet irregolari u applikazzjonijiet għall-ażil qiegħed ipoġġi wkoll pressjoni sinifikanti fuq xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jwassal għall-ħtieġa ta’ azzjoni komuni u kkoordinata fil-livell tal-Unjoni.

Fl-2020, l-Unjoni u s-Serbja kkonkludew ftehim dwar l-istatus 6 ibbażat fuq ir-Regolament (UE) 2016/1624 7 , li tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament. Minħabba l-ambitu limitat tar-Regolament (UE) 2016/1624, l-operazzjonijiet konġunti mwettqa abbażi ta’ dan il-Ftehim dwar l-Istatus huma limitati għall-fruntieri tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li taġixxi fi ħdan dan il-qafas limitat, il-Frontex qed twettaq l-Operazzjoni Konġunta Serbia (preċedentement l-Operazzjoni Konġunta Serbia Land) fil-fruntieri tal-art tas-Serbja mal-Ungerija u l-Bulgarija. Fit-12 ta’ Frar 2024, ġew skjerati 99 uffiċjal tal-korp permanenti f’din l-operazzjoni, li wassal għal titjib tal-kontroll tal-fruntieri permezz tat-trażżin tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera.

Fit-18 ta’ Novembru 2022, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896, li bih ġie estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet dwar l-istatus, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjonijiet tal-Kunsill biex tiftaħ negozjati mas-Serbja 8 kif ukoll mal-Montenegro, mal-Albanija u mal-Bożnija-Ħerzegovina, fir-rigward ta’ ftehimiet dwar attivitajiet operazzjonali li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f’dawk il-pajjiżi abbażi ta’ dan ir-Regolament il-ġdid. Fit-30 ta’ Novembru 2022, ġiet organizzata laqgħa mill-Kummissjoni mal-erba’ pajjiżi msemmija hawn fuq, li fiha ġew enfasizzati l-punti ġodda prinċipali tal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus. Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, u s-Serbja kellhom negozjati formali bil-ħsieb ta’ ftehim fl-14 ta’ Settembru u fis-7 ta’ Novembru 2023. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li l-ftehim huwa aċċettabbli għall-Unjoni.

L-abbozz ta’ ftehim jitbiegħed mill-mudell tal-ftehim dwar l-istatus 9 billi jipprovdi immunità limitata tal-membri tat-tim mill-ġuriżdizzjoni kriminali 10 u billi jipprovdi eċċezzjoni limitata għall-invjolabbiltà tal-bini u tal-assi tal-Aġenzija 11 . Dawn id-derogi mill-mudell huma aċċettabbli minħabba l-istatus tas-Serbja bħala kandidat rikonoxxut għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, il-fatt li l-ftehim dwar l-istatus attwali mas-Serbja jipprovdi dispożizzjonijiet u operazzjonijiet komparabbli skont dak il-ftehim qed jipproċedu b’mod eżemplari u li derogi simili jew identiċi ġew aċċettati għall-ġirien kollha tas-Serbja li reċentement innegozjaw ftehimiet simili mal-Unjoni.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja.

Is-sitwazzjoni tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen

Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Madankollu, l-Unjoni ma għandha l-ebda setgħa li tikkonkludi ftehim dwar l-istatus mas-Serbja b’mod li jorbot lin-Norveġja, lill-Iżlanda, lill-Iżvizzera u lil-Liechtenstein. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jintbagħtu minn dawk il-pajjiżi lejn is-Serbja jibbenefikaw mill-istess status kif previst fil-ftehim dwar l-istatus, ġiet mehmuża dikjarazzjoni konġunta mal-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-ftehim dwar l-istatus li jiddikjara x-xewqa li jiġu konklużi ftehimiet simili bejn is-Serbja u kull wieħed minn dawk il-pajjiżi assoċjati.

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 12 ; għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

It-tisħiħ tal-kontrolli fit-territorju tas-Serbja se jkollu impatt pożittiv fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni kif ukoll fuq il-fruntieri tas-Serbja nnifisha. Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tkun marbuta mal-objettivi u l-prijoritajiet usa’ għall-kooperazzjoni kif stabbiliti fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea mas-Serbja 13 .

Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tista’ wkoll tappoġġa l-isforzi u l-impenji usa’ tal-Unjoni Ewropea biex tkompli tiżviluppa l-kooperazzjoni u l-kapaċitajiet 14 sabiex tikkontribwixxi għall-maniġġar ta’ rispons għall-kriżijiet u tippromwovi l-konverġenza dwar kwistjonijiet barranin u ta’ sigurtà bejn l-Unjoni u s-Serbja.

2.BAŻI LEGALI U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE.

Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, li jiddikjara “[f]’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament f’pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti meta l-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Unjoni għandha […] tikkonkludi mal-pajjiż terz ikkonċernat ftehim dwar l-istatus”.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandha, fost l-oħrajn, ikollha kompetenza esklużiva li tikkonkludi ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 jipprevedi ftehim dwar l-istatus li “l-Unjoni għandha […] tikkonkludi mal-pajjiż terz ikkonċernat”. Konsegwentement, il-ftehim li għandu jiġi ffirmat u konkluż mar-Repubblika tas-Serbja jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-ftehim dwar l-istatus propost huwa bbażat fuq il-mudell ta’ ftehim adottat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2021 15 , filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet miftiehma qabel tal-ftehim eżistenti dwar l-istatus mar-Repubblika tas-Serbja 16 .

Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim propost ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, jiġifieri, abbażi tal-mudell tal-ftehim dwar l-istatus, li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet tat-timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri magħmulin mill-korp permanenti stazzjonat f’pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-operazzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ċivili u kriminali, il-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet, il-miżuri relatati mal-istabbiliment ta’ uffiċċju antenna u l-miżuri prattiċi relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti. L-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa għan-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus.

Drittijiet fundamentali

F’konformità mal-premessa 88 tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali rilevanti għall-oqsma koperti mill-ftehim dwar l-istatus fis-Serbja u se tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.

Il-ftehim previst fih miżuri prattiċi relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati bis-sħiħ matul l-attivitajiet organizzati abbażi tal-Ftehim. Il-Ftehim jipprevedi mekkaniżmu tal-ilmenti indipendenti u effettiv f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2019/1896 biex jimmonitorja u jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha organizzati fuq il-bażi tal-Ftehim.

Protezzjoni tad-data

Peress li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-istatus relatati mat-trasferiment ta’ data personali ma jvarjawx sostanzjalment mill-mudell tal-ftehim dwar l-istatus, u f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ma ġiex ikkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim dwar l-istatus.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandu l-ebda implikazzjoni finanzjarja. L-istazzjonament effettiv tat-timijiet ta’ gwardji tal-fruntiera abbażi ta’ pjan operazzjonali jkun jinvolvi kostijiet imġarrba mill-baġit tal-Aġenzija. Operazzjonijiet fil-futur taħt ftehim dwar l-istatus se jiġu ffinanzjati permezz tar-riżorsi proprji tal-Aġenzija kif previst fiċ-ċiklu tal-baġit annwali tal-Unjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta diġà tifforma parti mill-baġit tal-Unjoni kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.



2024/0074 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew 17 ,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/XXX 18 , il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”) kien iffirmat [...], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 , f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. 

(3)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 20 ; għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(5)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni, 

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni 21 .

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha 22 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Artikolu 10(1)(u) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(2)    L-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(3)    L-Artikolu 3(g) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(4)    L-Artikolu 73(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(5)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829 - Mudell ta’ ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/865 tas-26 ta’ Mejju 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (ĠU L 202, 25.6.2020, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).
(8)    ĠU L 300, 21.11.2022, p. 29.
(9)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829 - Mudell ta’ ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.
(10)    Ara l-Artikolu 12(3) tal-abbozz ta’ ftehim.
(11)    Ara l-Artikolu 11(5) tal-abbozz ta’ ftehim.
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(13)    ĠU L 278, 18.10.2013, p. 16.
(14)    Bħal taħriġ, għarfien tas-sitwazzjoni, tagħmir, kapaċità ta’ reazzjoni, skjerament tal-persunal eċċ.
(15)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829.
(16)    ĠU L 202, 25.6.2020, p. 3.
(17)    ĠU C, , p. .
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/XXXX ta’ XXX.
(19)    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(20)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(21)    It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L ... , p. .
(22)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Top

Brussell, 18.3.2024

COM(2024) 161 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja





















Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja

L-Unjoni Ewropea,

u r-Repubblika tas-Serbja, 

minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament bħala l-“Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) tikkoordina kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja, inkluż fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim skjerati mill-Aġenzija jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja,

BILLI l-ftehim dwar l-istatus jista’ jipprevedi li l-Aġenzija toħloq uffiċċji antenna fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fir-Repubblika tas-Serbja u fl-Unjoni Ewropea; u

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tas-Serbja rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huma prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tas-Serbja rratifikat il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, u li d-drittijiet li jinsabu fiha jikkorrispondu ma’ dawk fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-attivitajiet operazzjonali kollha tal-Aġenzija fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u/jew ir-Repubblika tas-Serbja huma parti,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni kollha li jipparteċipaw f’attività operazzjonali huma obbligati jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja, kif ukoll mad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni rilevanti,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni kollha li jipparteċipaw f’attività operazzjonali jkunu obbligati jżommu l-ogħla standards ta’ integrità, kondotta etika, professjonaliżmu kif ukoll rispett għad-drittijiet fundamentali u li jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-dispożizzjonijiet tal-pjan operazzjonali u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija,

iddeċidew li jikkonkludu DAN il-Ftehim:

Artikolu 1
Kamp ta’ Applikazzjoni 

1.Dan il-Ftehim jirregola l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja, fejn il-membri tat-tim jistgħu jeżerċitaw setgħat eżekuttivi.

2.L-iskjerament imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jsir fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja.

3.Dan il-Ftehim għandu jkopri r-Repubblika tas-Serbja. Dan il-Ftehim ma għandux ikopri l-Kosovo*.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“attività operazzjonali” tfisser operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera;

(2)“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  1 jew kwalunkwe emenda għalih;

(3)“kontroll fil-fruntiera” tfisser l-attività mwettqa fi fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, bħala risposta esklużivament għal intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fil-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

(4)“timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri” tfisser timijiet iffurmati mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li għandhom jiġu skjerati tul operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni u interventi rapidi fil-fruntieri fil-fruntieri esterni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi;

(5)“forum konsultattiv” tfisser il-korp konsultattiv stabbilit mill-Aġenzija skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(6)“korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta” tfisser il-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(7)“EUROSUR” tfisser il-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(8)“monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali” tfisser monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(9)“Stat Membru domiċiljari” tfisser l-Istat Membru li minnu l-membru tal-persunal jiġi stazzjonat jew issekondat fil-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(10)“inċident” tfisser sitwazzjoni marbuta ma’ immigrazzjoni illegali, kriminalità transfruntiera, jew riskju għall-ħajjiet ta’ migranti fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tas-Serbja, matulhom jew qribhom;

(11)“operazzjoni konġunta” tfisser azzjoni kkoordinata jew organizzata mill-Aġenzija biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati sfidi bħall-immigrazzjoni illegali, theddid preżenti jew futur fil-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja jew kriminalità transfruntiera, jew li jkollha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali għall-kontroll ta’ dawn il-fruntieri;

(12)“membru tat-tim” tfisser membru tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat permezz ta’ tim tal-ġestjoni tal-fruntieri biex jipparteċipa f’attività operazzjonali;

(13)“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(14)“żona operazzjonali” tfisser iż-żona ġeografika fejn għandha ssir attività operazzjonali;

(15)“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’attività operazzjonali, billi jipprovdi tagħmir tekniku jew persunal tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(16)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(17)“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex twieġeb għal sitwazzjoni ta’ sfida speċifika u sproporzjonata fil-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja billi jiġu skjerati timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja għal perjodu limitat ta’ żmien biex jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja responsabbli mill-kontroll tal-fruntieri;

(18)“Persunal statutorju” tfisser persunal impjegat mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 2 .

Artikolu 3
It-Tnedija ta’ Attivitajiet Operazzjonali

1.Attività operazzjonali skont dan il-Ftehim għandha titnieda permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija (“id-direttur eżekuttiv”) fuq talba bil-miktub tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja. Tali talba għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, l-għanijiet possibbli u l-ħtiġijiet previsti, u l-profili tal-persunal meħtieġa, inkluż dak il-persunal li jkollu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli.

2.Jekk id-direttur eżekuttiv iqis li l-attività operazzjonali mitluba x’aktarx tinvolvi jew twassal għal ksur serju u/jew persistenti tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali, id-direttur eżekuttiv ma għandux iniedi l-attività operazzjonali.

3.Jekk, wara li jirċievi talba skont il-paragrafu 1, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li tkun meħtieġa aktar informazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk inedix attività operazzjonali, huwa jista’ jitlob aktar informazzjoni, jew jawtorizza lill-esperti tal-Aġenzija jivvjaġġaw lejn ir-Repubblika tas-Serbja biex jivvalutaw is-sitwazzjoni hemmhekk. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tiffaċilita tali vjaġġar.

4.Id-direttur eżekuttiv għandu jiddeċiedi li ma jnedix attività operazzjonali jekk huwa jqis li jkun hemm kawża ġustifikata li tissospendiha jew titterminaha skont l-Artikolu 18.

Artikolu 4
Pjan Operazzjonali

1.Għandu jintlaħaq qbil dwar pjan operazzjonali għal kull attività operazzjonali bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-Artikoli 38 u 74 tar-Regolament (UE) 2019/1896. Il-pjan operazzjonali għandu jorbot lill-Aġenzija, lir-Repubblika tas-Serbja u lill-Istati Membri parteċipanti.

2. Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-attività operazzjonali, inkluż:

(a)deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, bil-modus operandi u l-għanijiet tal-użu, inkluż l-għan operazzjonali;

(b)iż-żmien previst li l-attività operazzjonali mistennija tieħu sabiex tilħaq l-objettivi tagħha;

(c)iż-żona ta’ operazzjoni;

(d)deskrizzjoni tal-kompiti, inkluż dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi, tar-responsabbiltajiet, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u rekwiżit tal-protezzjoni tad-data, u tal-istruzzjonijiet speċjali għat-timijiet, inkluż dwar il-konsultazzjoni permessa ta’ bażijiet tad-data u l-armi tas-servizz, il-munizzjon u t-tagħmir permessi fir-Repubblika tas-Serbja;

(e)il-kompożizzjoni tat-tim tal-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll l-iskjerament ta’ persunal rilevanti ieħor/il-preżenza ta’ membri oħra tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, inklużi osservaturi tad-drittijiet fundamentali;

(f)dispożizzjonijiet ta’ kmand u kontroll, inkluż l-ismijiet u l-gradi tal-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tas-Serbja responsabbli għall-kooperazzjoni mal-membri tat-tim u l-Aġenzija, b’mod partikolari l-ismijiet u l-gradi ta’ dawk il-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor li jkollhom il-kmand waqt il-perjodu tal-iskjerament, u post il-membri tat-tim fil-katina tal-kmand;

(g)it-tagħmir tekniku li se jintuża matul l-attività operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għall-użu, l-ekwipaġġ meħtieġ, it-trasport u loġistika oħra, u dispożizzjonijiet finanzjarji;

(h)dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar immedjat ta’ inċidenti mill-Aġenzija lill-bord maniġerjali u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri parteċipanti u tar-Repubblika tas-Serbja ta’ kwalunkwe inċident li jseħħ matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim;

(i)skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u d-data finali għall-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;

(j)it-termini ta’ kooperazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għajr l-Aġenzija, pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(k)struzzjonijiet ġenerali dwar kif tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali matul l-attività operazzjonali inkluż il-protezzjoni tad-data personali u l-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;

(l)proċeduri li bihom persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, minorenni mhux akkumpanjati u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jiġu ggwidati lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal assistenza xierqa;

(m)proċeduri li jistabbilixxu mekkaniżmu għar-riċeviment u għat-trażmissjoni ta’ lmenti lill-Aġenzija u lir-Repubblika tas-Serbja (inkluż dawk ippreżentati skont l-Artikolu 8(5) hawn taħt) kontra kwalunkwe persuna li tipparteċipa f’attività operazzjonali, inkluż gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tas-Serbja u membri tat-tim, li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attività operazzjonali tal-Aġenzija;

(n)arranġamenti loġistiċi inkluż l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent taż-żoni li fiha għandha sseħħ l-attività operazzjonali; u

(o)dispożizzjonijiet li jikkonċernaw uffiċċju antenna, kif stabbilit skont l-Artikolu 6.

3.Il-pjan operazzjonali u kwalunkwe emenda għalih jew adattamenti tiegħu għandhom ikunu soġġetti għall-ftehim tal-Aġenzija, ir-Repubblika tas-Serbja u kwalunkwe Stat Membru ġar tar-Repubblika tas-Serbja, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti.

4.L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali għall-finijiet tal-EUROSUR għandhom isiru f’konformità mar-regoli għall-istabbiliment u l-kondiviżjoni tal-istampi tas-sitwazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali għall-attività operazzjonali kkonċernata.

5.L-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali f’konformità mal-paragrafu (2), punt (i), għandha titwettaq bi sħab mir-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija.

6.It-termini tal-kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-paragrafu 2 il-punt (k) ta’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u skont ir-riżorsi disponibbli.

Artikolu 5
Rappurtar ta’ Inċidenti

L-Aġenzija u l-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tas-Serbja kull wieħed għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ rapportar li jippermetti r-rapportar f’waqtu ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqgħu miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim.

L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe inċident irrapportat permezz ta’ tali mekkaniżmu, bħall-identifikazzjoni ta’ xhieda u l-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż talbiet biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, jingħataw oġġetti konnessi ma’ inċident irrapportat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom. L-assistenza pprovduta fil-qafas ta’ dan l-Artikolu għandha ssir f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali rilevanti.

Artikolu 6
Uffiċċji Antenna

1.L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi uffiċċji antenna fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija. Il-post tal-uffiċċju antenna għandu jiġi stabbilit mill-Aġenzija wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja.

2.L-uffiċċji antenna għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-ħtiġijiet operazzjonali u jibqgħu operazzjonali għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex l-Aġenzija twettaq attivitajiet operazzjonali fir-Repubblika tas-Serbja u fir-reġjun ġar. Soġġett għall-qbil tar-Repubblika tas-Serbja, dak il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Aġenzija.

3.Kull uffiċċju antenna għandu jkun ġestit minn rappreżentant tal-Aġenzija maħtur mid-direttur eżekuttiv bħala kap tal-uffiċċju antenna li għandu jissorvelja l-ħidma ġenerali tal-uffiċċju.

4.L-uffiċċji antenna għandhom, fejn applikabbli:

(a)jipprovdu appoġġ operazzjonali u loġistiku u jiżguraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;

(b)jipprovdu appoġġ operazzjonali lir-Repubblika tas-Serbja fiż-żoni operazzjonali kkonċernati;

(c)jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-timijiet u jirrapportaw regolarment lill-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(d)jikkooperaw mar-Repubblika tas-Serbja dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni prattika tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija fir-Repubblika tas-Serbja, inkluża kwalunkwe kwistjoni addizzjonali li tinqala’ matul dawn l-attivitajiet;

(e)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni fil-kooperazzjoni tiegħu mar-Repubblika tas-Serbja dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kontribuzzjoni tagħhom għal attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija u, fejn meħtieġ, jikkoordinaw mal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(f)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u lill-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali inkarigat(i) mill-monitoraġġ ta’ attività operazzjonali, biex, fejn meħtieġ, jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn it-timijiet tal-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja kif ukoll kwalunkwe kompitu rilevanti;

(g)jorganizzaw appoġġ loġistiku relatat mal-iskjerament tal-membri tat-tim u mal-iskjerament u l-użu tat-tagħmir tekniku;

(h)jipprovdu kwalunkwe appoġġ loġistiku ieħor rigward iż-żona ta’ operazzjonijiet li għaliha jkun responsabbli uffiċċju antenna partikolari, bil-ħsieb li jiffaċilitaw it-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija;

(i)jiżguraw il-ġestjoni effettiva tat-tagħmir tal-Aġenzija stess fl-oqsma koperti mill-attivitajiet tagħha, inklużi r-reġistrazzjoni possibbli u l-manutenzjoni fit-tul ta’ dak it-tagħmir u kwalunkwe appoġġ loġistiku meħtieġ; u

(j)jappoġġaw persunal u/jew attivitajiet oħrajn tal-Aġenzija fir-Repubblika tas-Serbja kif miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja.

5.L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandhom jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-uffiċċju/i antenna.

6.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tipprovdi assistenza lill-Aġenzija biex tiżgura l-kapaċità operazzjonali tal-uffiċċju/i antenna.

7.Aktar dettalji dwar l-operazzjonijiet tal-uffiċċji antenna se jiġu miftiehma separatament bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja.

Artikolu 7
Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni

1.Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċċji antenna kif deskritt fl-Artikolu 6, id-direttur eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal statutorju biex jiġi skjerat bħala uffiċjal(i) ta’ koordinazzjoni għal kull attività operazzjonali. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lir-Repubblika tas-Serbja b’tali ħatra.

2.Ir-rwol tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jkun li:

(a)jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija, ir-Repubblika tas-Serbja u l-membri tat-tim, billi jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, fuq il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-kundizzjonijiet tal-iskjerament tagħhom lit-timijiet;

(b)jissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali, inkluż, f’kooperazzjoni mal-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jirrapporta lid-direttur eżekuttiv dwar dan;

(c)jaġixxi f’isem l-Aġenzija fl-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet u jirrapporta lill-Aġenzija dwar dawk l-aspetti kollha; u

(d)irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost ir-Repubblika tas-Serbja u l-Istati Membri parteċipanti.

3.Fil-kuntest ta’ attivitajiet operazzjonali, id-direttur eżekuttiv jista’ jawtorizza lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni li jassisti ħalli jsolvi kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar it-twettiq tal-pjan operazzjonali u l-iskjerament tat-timijiet.

4.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha toħroġ biss struzzjonijiet li jkunu konformi mal-pjan operazzjonali lill-membri tat-tim. Jekk l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni jqis li l-istruzzjonijiet maħruġa lill-membri tat-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali jew mal-obbligi legali applikabbli, huwa għandu jikkomunika dan minnufih lill-uffiċjali tar-Repubblika tas-Serbja li jwettqu rwol ta’ koordinazzjoni u lid-direttur eżekuttiv. Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluż is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-attività operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 18.

Artikolu 8
Drittijiet Fundamentali

1.Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaġixxu f’konformità mal-istrumenti kollha applikabbli tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Konvenzjoni tal-1950 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1965 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1966 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tal-1979 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, il-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-2006 għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat.

2.Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, iħarsu b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fosthom l-aċċess għall-proċeduri tal-ażil, u d-dinjità umana u għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli. Kull miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi li dawn il-miżuri jippruvaw jiksbu. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq il-bażi ta’ raġunijiet bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Miżuri li jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jittieħdu minn membri tat-tim fit-twettiq tal-kompiti tagħhom jew fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom meta jkun meħtieġ biss u proporzjonat għall-objettivi segwiti minn tali miżuri u jridu jirrispettaw l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni Ewropea u nazzjonali applikabbli.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja li jipparteċipa f’attività operazzjonali.

3.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jimmonitorja l-konformità ta’ kull attività operazzjonali mal-istandards applikabbli tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, jew id-deputat tiegħu jew tagħha, jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fil-pajjiż terz; huwa għandu jipprovdi wkoll opinjonijiet dwar il-pjanijiet operazzjonali u jinforma lid-direttur eżekuttiv dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatati ma’ attività operazzjonali. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tappoġġa l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif mitlub.

4.L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja jaqblu li jipprovdu lill-forum konsultattiv b’aċċess f’waqtu u effettiv għall-informazzjoni kollha li tikkonċerna r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ kwalunkwe attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, inkluż permezz ta’ żjarat fil-post fiż-żona operazzjonali.

5.L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ lmenti kull wieħed biex jipproċessaw allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa mill-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom waqt attività operazzjonali mwettqa taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 9
Osservaturi tad-Drittijiet Fundamentali

1.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jassenja mill-inqas monitoraġġ wieħed tad-drittijiet fundamentali għal kull attività operazzjonali biex, fost l-oħrajn, jassisti u jagħti pariri lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni.

2.L-osservatur tad-drittijiet fundamentali għandu jimmonitorja l-konformità mad-drittijiet fundamentali u jipprovdi pariri u assistenza dwar id-drittijiet fundamentali fit-tħejjija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali rilevanti. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a)is-segwitu tat-tħejjija tal-pjanijiet operazzjonali u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1896;

(b)it-twettiq ta’ żjarat, inklużi żjarat fit-tul, fejn ikunu qed isiru l-attivitajiet operazzjonali;

(c)il-kooperazzjoni u l-kollegament mal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u l-provvista ta’ pariri u assistenza lilu;

(d)l-infurmar tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar kull tħassib rigward ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatat mal-attività operazzjonali; u

(e)il-kontribut għall-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(i).

3.L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandu jkollhom aċċess għaż-żoni kollha li fihom isseħħ l-attività operazzjonali u għad-dokumenti kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dik l-attività.

4.Meta jkunu preżenti f’żona operazzjonali, l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandhom jilbsu insinji li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar bħala osservaturi tad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 10
Membri tat-Tim

1.Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti deskritti fil-pjan operazzjonali.

2.Il-membri tat-tim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti tar-Repubblika tas-Serbja kif ukoll mad-dritt tal-Unjoni u internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

3.Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja biss fuq struzzjonijiet minn u fil-preżenza ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex iwettqu kompiti speċifiċi u jeżerċitaw setgħat speċifiċi fit-territorju tagħha fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tagħha soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari, kif xieraq.

4.Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju għandhom jilbsu l-uniformi tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju għandhom jilbsu l-uniformi nazzjonali tagħhom filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Waqt li jkunu fuq xogħol, il-membri kollha tat-tim għandhom ukoll jilbsu b’mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom.

5.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tawtorizza lill-membri tat-tim rilevanti biex iwettqu kompiti matul attività operazzjonali li teħtieġ l-użu tal-forza, inkluż il-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pjan operazzjonali.

-Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija.

-Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u mezzi koerċittivi oħra soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru ta’ oriġini rilevanti.

6.L-użu tal-forza, inklużi l-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, għandu jiġi eżerċitat f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja u fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja. 

-Għall-membri tat-tim li huma persunal statutorju, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Aġenzija.

-Għall-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti.

Kull użu tal-forza mill-membri tat-tim irid ikun meħtieġ u proporzjonat u jikkonforma bis-sħiħ mal-liġi tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali applikabbli, inklużi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1896.

7.L-Aġenzija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lir-Repubblika tas-Serbja dwar l-armi tas-servizz, il-munizzjon u tagħmir ieħor li l-membri tat-tim jistgħu jġorru skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, sakemm il-liġi tagħha stess tapplika l-istess projbizzjoni għall-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tagħha stess. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri.

Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-ħruġ ta’ kwalunkwe permess ta’ armi meħtieġ u tiffaċilita l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport u l-ħażna ta’ armi, munizzjon u tagħmir ieħor għad-dispożizzjoni tal-membri tat-tim kif jintalab mill-Aġenzija.

8.Armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir jistgħu jintużaw fl-awtodifiża leġittima u fid-difiża leġittima tal-membri tat-tim jew ta’ persuni oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja, bi qbil mal-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali u dik tal-Unjoni.

9.L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja tista’, fuq talba, tawtorizza data mill-bażijiet tad-data nazzjonali tagħha biex tiġi kondiviża mal-membri tat-tim jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali f’konformità mal-pjan operazzjonali. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

10.Għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tiskjera uffiċjali tad-Direttorat tal-Pulizija tar-Repubblika tas-Serbja li jkunu kapaċi u lesti jikkomunikaw bl-Ingliż biex iwettqu rwol ta’ koordinazzjoni f’isem ir-Repubblika tas-Serbja.

Artikolu 11
Privileġġi u Immunitajiet fir-Rigward ta’ Proprjetà, Fondi,
Assi u Operazzjonijiet tal-Aġenzija

1.Kwalunkwe bini tal-Aġenzija fir-Repubblika tas-Serbja għandu jkun invjolabbli. Għandhom ikunu eżentati minn tiftix, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni.

2.Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija, inklużi l-mezzi tat-trasport, il-komunikazzjonijiet, l-arkivji, kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, karti tal-identità u assi finanzjarji għandhom ikunu invjolabbli.

3.L-assi tal-Aġenzija jinkludu assi mikrija minn Stat Membru jew ikunu proprjetà jew koproprjetà tiegħu u offruti lill-Aġenzija. Mal-imbarkazzjoni tar-rappreżentant(i) tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dawk għandhom jiġu ttrattati bħala assi fis-servizz tal-gvern u awtorizzati għal dan il-għan.

4.Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-Aġenzija. Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda miżura amministrattiva jew legali ta’ restrizzjoni. Il-proprjetà tal-Aġenzija għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għas-sodisfazzjon ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni.

5.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tippermetti d-dħul u t-tneħħija ta’ oġġetti u tagħmir skjerati mill-Aġenzija fir-Repubblika tas-Serbja għal finijiet operazzjonali.

6.Fuq talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja, id-direttur eżekuttiv jista’ jagħti l-kunsens biex l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja jidħlu fis-siti u fil-bini u/jew jaċċessaw il-proprjetà tal-Aġenzija f’każijiet ta’ suspett serju ta’ reati kriminali. Il-kunsens tad-direttur eżekuttiv jista’ jiġi preżunt f’każ ta’ nar jew diżastru ieħor li jkun jeħtieġ azzjoni protettiva fil-pront.

7.L-Aġenzija għandha tkun eżentata mid-dazji kollha (inklużi d-dazji doganali) u mit-taxxi kif ukoll minn kwalunkwe projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward ta’ oġġetti maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha.

Artikolu 12
Privileġġi u Immunitajiet tal-Membri tat-Tim

1.Il-privileġġi u l-immunitajiet sussegwenti mogħtija lill-membri tat-tim għandhom l-għan li jiżguraw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet imwettqa mit-tim, f’konformità mal-pjan operazzjonali fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja.

2.Il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ inkjesta jew proċedimenti legali fir-Repubblika tas-Serbja jew mill-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja, ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3.

3.Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

Meta l-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja jkollhom l-intenzjoni li jibdew proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi kontra membru tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tas-Serbja, l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandhom jinnotifikaw minnufih lid-direttur eżekuttiv b’dan. Il-proċedura ta’ notifika għandha tkun konformi mad-deċiżjoni applikabbli tal-Aġenzija dwarha, li għandha tiġi stabbilita fil-pjan operazzjonali.

Wara li jirċievi tali notifika, id-direttur eżekuttiv għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja jekk l-att inkwistjoni jkunx twettaq mill-membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu jew tagħha. Jekk l-att kien twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti ma għandhomx jinbdew. Jekk l-att ġie ddikjarat li ma kienx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċedimenti jistgħu jiġu inizjati. Il-kwalifika tad-direttur eżekuttiv għandha tkun vinkolanti fuq ir-Repubblika tas-Serbja, li ma għandhiex tikkontestaha.

4.Sakemm issir din il-kwalifika, l-Aġenzija għandha żżomm lura milli tieħu kwalunkwe miżura maħsuba biex tipperikola l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja, inkluż l-iffaċilitar tar-ritorn tal-membru tat-tim ikkonċernat mir-Repubblika tas-Serbja lejn l-Istat Membru domiċiljari tiegħu/tagħha.

5.Il-bini, l-abitazzjonijiet, il-mezzi ta’ trasport u l-komunikazzjonijiet, u l-proprjetà, inklużi kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, dokumenti ta’ identità u assi tal-membri tat-tim għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni kif permess skont il-paragrafu 8.

6.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat minn membri tat-tim lil terzi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal statutorju, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li mhuwiex membru tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

La Parti, la Stat Membru parteċipanti u lanqas l-Aġenzija ma għandhom ikunu responsabbli għall-ħsara kkawżata fir-Repubblika tas-Serbja minħabba avveniment ta’ force majeure li ma jkollhiex kontroll fuqu.

7.Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jixhdu bħala xhieda fi proċedimenti legali fir-Repubblika tas-Serbja.

8.L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każijiet fejn jiġu istitwiti kontrihom proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi mhux relatati mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi, il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.

9.Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tas-Serbja.

10.Is-salarju u l-emolumenti mħallsa lill-membri tat-tim mill-Aġenzija u/jew mill-Istati Membri domiċiljari, kif ukoll kwalunkwe introjtu li membri tat-tim jirċievu minn barra r-Repubblika tas-Serbja, ma għandhom jiġu ntaxxati fl-ebda forma fir-Repubblika tas-Serbja.

11.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim u għandha tagħti eżenzjoni mid-dazji (inklużi dazji doganali), taxxi u ħlasijiet relatati kollha minbarra ħlasijiet għal ħażna, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ tali oġġetti. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha wkoll tippermetti l-esportazzjoni ta’ tali oġġetti.

12.Il-bagalji personali tal-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun ikkunsidrat li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tas-Serbja. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

13.L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li jkunu disponibbli f’kull ħin u li għandhom ikunu responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet immedjati li għandhom jittieħdu f’każ li att imwettaq minn membru tat-tim jista’ jkun bi ksur tal-liġi kriminali kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe proċediment ċivili u amministrattiv kontra membru tat-tim.

Sakemm tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, l-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fi kwalunkwe reat kriminali allegat li fir-rigward tiegħu l-Aġenzija jew ir-Repubblika tas-Serbja jew it-tnejn li huma għandhom interess, fl-identifikazzjoni ta’ xhieda u fil-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż it-talba biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, it-trasferiment ta’ oġġetti konnessi ma’ reat kriminali allegat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

Artikolu 13
Membri tat-Tim Midruba jew Deċeduti

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, id-direttur eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh, u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru tat-tim midrub jew mejjet, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

2.L-awtopsja għandha titwettaq fuq membru ta’ tim mejjet biss bil-kunsens espliċitu tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat u fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

3.Ir-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun biex jippermettu r-ripatrijazzjoni malajr ta’ membri tat-tim midruba jew mejtin.

Artikolu 14
Dokument ta’ Akkreditazzjoni

1.L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mar-Repubblika tas-Serbja, toħroġ dokument bis-Serb u bl-Ingliż lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmijin fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali (id-“dokument ta’ akkreditazzjoni”).

2.Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tal-persunal: l-isem u ċ-ċittadinanza; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

3.Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja, il-membri tat-tim għandhom ikunu obbligati jġorru d-dokument ta’ akkreditazzjoni fuq il-persuna tagħhom f’kull ħin.

4. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tirrikonoxxi d-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, bħala li jagħti lill-membru tat-tim rilevanti dħul u soġġorn fir-Repubblika tas-Serbja mingħajr il-ħtieġa ta’ viża, awtorizzazzjoni minn qabel jew kwalunkwe dokument ieħor, sal-jum tal-iskadenza tiegħu.

5.Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-iskjerament. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandhom jiġu infurmati b’dan.

Artikolu 15
Applikazzjoni għal Persunal tal-Aġenzija Mhux Skjerat bħala Membru tat-Tim

L-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-Aġenzija skjerat fir-Repubblika tas-Serbja li mhuwiex membru tat-tim, inkluż osservaturi tad-drittijiet fundamentali u l-persunal statutorju skjerat f’uffiċċji antenna.

Artikolu 16
Protezzjoni tad-Data Personali

1.Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk tali komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja jew l-Aġenzija. L-ipproċessar ta’ data personali minn awtorità f’każ partikolari, inkluż it-trasferiment ta’ tali data personali lill-Parti l-oħra, għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal dik l-awtorità. Il-Partijiet għandhom jiżguraw is-salvagwardji minimi li ġejjin bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe trasferiment ta’ data:

(a)id-data personali trid tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data;

(b)id-data personali jeħtieġ li tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata aktar mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod mhux kompatibbli ma’ dak l-iskop;

(c)id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u/jew tiġi pproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata f’konformità mal-liġi applikabbli għall-awtorità komunikanti tista’ tikkonċerna biss waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

L-ewwel isem;

Il-kunjom;

Id-data tat-twelid;

In-nazzjonalità;

Il-grad;

Il-paġna bid-data personali tad-dokument tal-ivvjaġġar;

Id-dokument ta’ akkreditazzjoni;

Ir-ritratt tal-karta tal-identità/tal-passaport/tad-dokument ta’ akkreditazzjoni;

L-indirizz tal-posta elettronika;

In-numru tal-mowbajl;

Id-dettalji tal-armi;

Id-durata tal-iskjerament;

Il-post tal-iskjerament;

In-numri ta’ identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-bastiment;

Id-data tal-wasla;

L-ajruport tal-wasla/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mal-wasla;

In-numru tat-titjira tal-wasla;

Id-data tat-tluq;

L-ajruport tat-tluq/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mat-tluq;

In-numru tat-titjira tat-tluq;

L-Istat Membru/il-pajjiż terz domiċiljari;

L-awtorità li tiskjera;

Il-kompiti/il-profil operazzjonali;

Mezzi ta’ trasport;

Ir-rotta

tal-membri tat-tim, il-persunal tal-Aġenzija, l-osservaturi rilevanti, jew il-membri tal-programmi ta’ skambju tal-persunal;

(d)id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;

(e)id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-fini li għalih tkun inġabret id-data jew li kompliet tiġi pproċessata;

(f)id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“ksur tad-data”); l-awtorità riċeventi għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe ksur tad-data, u għandha tinnotifika lill-awtorità li tikkomunika dwar tali ksur mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 72 siegħa;

(g)kemm l-awtorità li tikkomunika d-data kif ukoll l-awtorità li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw mingħajr dewmien ir-rettifika jew it-tħassir, kif xieraq, tad-data personali jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi ma’ dan l-Artikolu, b’mod partikulari għaliex dik id-data ma tkunx xierqa, relevanti, preċiża jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar; dan jinkludi n-notifika ta’ kull rettifika jew tħassir lill-Parti l-oħra;

(h)b’talba, l-awtorità riċeventi għandha tinforma lill-awtorità komunikanti dwar l-użu tad-data kkomunikata;

(i)id-data personali tista’ tiġi kkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti:

l-Aġenzija; u

il-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tas-Serbja.

Komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità komunikanti kompetenti;

(j)l-awtorità komunikanti u l-awtorità riċeventi huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla ta’ data personali;

(k)għandu jkun hemm sorveljanza indipendenti biex tissorvelja l-konformità mal-protezzjoni tad-data, inkluż biex jiġu spezzjonati tali rekords; is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jressqu lmenti lill-korp ta’ sorveljanza, u li jirċievu tweġiba mingħajr dewmien żejjed;

(l)is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jaċċessaw tali data u jirrettifikaw jew iħassru data mhux preċiża jew ipproċessata illegalment, soġġett għal limitazzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku; u

(m)is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.

2.Kull Parti għandha twettaq rieżamijiet perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri tagħha stess li jimplimentaw dan l-Artikolu. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Parti li tkun irċeviet it-talba għandha tirrieżamina l-politiki u l-proċeduri tagħha dwar l-ipproċessar tad-data personali sabiex taċċerta u tikkonferma li s-salvagwardji f’dan l-Artikolu jiġu implimentati b’mod effettiv. Ir-riżultati tar-rieżami għandhom jiġu kkomunikati lill-Parti li tkun talbet ir-rieżami fi żmien raġonevoli.

3.Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont dan il-Ftehim għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Kummissarju għall-Informazzjoni ta’ Importanza Pubblika u għall-Protezzjoni tad-Data Personali tar-Repubblika tas-Serbja. 

4.Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja tal-Aġenzija.

5.L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandhom ifasslu rapport komuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu fi tmiem kull attività operazzjonali. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija kif ukoll lill-Kummissjoni għall-Informazzjoni ta’ Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali u l-Ombudsman tar-Repubblika tas-Serbja.

6.L-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-komunikazzjoni u l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-attivitajiet operazzjonali skont dan il-Ftehim f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-pjanijiet operazzjonali rilevanti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi tar-Repubblika tas-Serbja. Huma għandhom jiddeskrivu, fost l-oħrajn, l-għan maħsub tal-komunikazzjoni, il-kontrollur(i) u r-rwoli u r-responsabbiltajiet kollha, il-kategoriji tad-data kkomunikata, il-perjodi speċifiċi taż-żamma tad-data, u s-salvagwardji minimi kollha. Fl-interess tat-trasparenza u l-prevedibbiltà, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-gwida rilevanti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 17
Skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata u Sensittiva Mhux Klassifikata

1.Kull skambju, kondiviżjoni jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti minn arranġament amministrattiv separat konkluż bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tas-Serbja, li għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea. 

2.Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim: 

(a)għandu jiġu ttrattat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443  3 ;

(b)għandu jirċievi livell ta’ protezzjoni mill-Parti riċeventi li jkun ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti komunikanti f’termini ta’ kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà; u

(c)għandu jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, bħan-network ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

3.Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ kwalunkwe data pproċessata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 18
Deċiżjoni ta’ Sospensjoni, Terminazzjoni u/jew
Irtirar tal-Finanzjament għal Attività Operazzjonali

1.Jekk il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ attività operazzjonali ma jibqgħux jiġu ssodisfati, id-direttur eżekuttiv għandu jtemm dik l-attività operazzjonali wara li jinforma lir-Repubblika tas-Serbja bil-miktub.

2.Jekk dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali ma jkunx ġie rispettat mir-Repubblika tas-Serbja, id-direttur eżekuttiv jista’ jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendiha jew itemmha, wara li jinforma lir-Repubblika tas-Serbja bil-miktub.

3.Jekk is-sigurtà ta’ kwalunkwe parteċipant f’attività operazzjonali skjerat fir-Repubblika tas-Serbja ma tkunx tista’ tiġi ggarantita, id-direttur eżekuttiv jista’ jissospendi jew itemm l-attività operazzjonali rilevanti jew aspetti tagħha.

4.Jekk id-direttur eżekuttiv iqis li jkun seħħ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li jkun ta’ natura serja jew li x’aktarx jippersisti jew li x’aktarx iseħħ b’rabta ma’ attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, huwa għandu jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendih jew itemmu, wara li jinforma lir-Repubblika tas-Serbja.

5.Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob lid-direttur eżekuttiv jissospendi jew itemm attività operazzjonali jekk membru tat-tim ma jirrispettax dan il-Ftehim jew pjan operazzjonali. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet għal dan.

6.Is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew l-irtirar tal-finanzjament skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tan-notifika lir-Repubblika tas-Serbja. Ma għandhom jaffettwaw l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali qabel tali sospensjoni, terminazzjoni jew irtirar ta’ finanzjament.

Artikolu 19
Ġlieda kontra l-Frodi

1.Ir-Repubblika tas-Serbja għandha tinnotifika lill-Aġenzija, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u/jew lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi minnufih jekk isir jaf bl-eżistenza ta’ allegazzjonijiet kredibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interessi tal-Unjoni Ewropea.

2.Meta tali allegazzjonijiet ikunu relatati ma’ fondi tal-Unjoni Ewropea żborżati fir-rigward ta’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u/jew lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fir-rigward ta’ attivitajiet investigattivi fit-territorju tiegħu, inkluż l-iffaċilitar ta’ intervisti, kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post (inkluż aċċess għal sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data fir-Repubblika tas-Serbja); u l-iffaċilitar tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-ġestjoni teknika u finanzjarja ta’ kwistjonijiet iffinanzjati parzjalment jew kompletament mill-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20
Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.Għar-Repubblika tas-Serbja, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tas-Serbja.

2.Għall-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Aġenzija.

Artikolu 21
Soluzzjoni tat-Tilwim

1.Kwalunkwe tilwima li tinqala’ b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja.

2.Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklużivament permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 22
Dħul fis-Seħħ, Emenda, Tul ta’ żmien,
Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Ftehim

1.Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri legali interni tagħhom stess. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom f’konformità mal-paragrafu 1.

3.Il-Ftehim dwar l-Istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqin mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja, iffirmat f’Belgrad fit-18 ta’ Novembru 2019 u Skopje fid-19 ta’ Novembru 2019, huwa b’dan imħassar u sostitwit b’dan il-Ftehim.

4.Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru biss bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.

5.Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit. Jista’ jiġi sospiż jew itterminat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn xi waħda mill-Partijiet.

F’każ ta’ terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali, il-Parti li tixtieq ittemm jew tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan bil-miktub. Terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun ingħatat in-notifika.

6.In-notifiki li jsiru f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika tas-Serbja, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Serbja.



Magħmul f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, u bis-Serb, b’kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiku. 

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi XX, data, JJ/XX/SSSS

(1)

     Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1..

*    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)

     ĠU UE L 56, 4.3.1968, p. 1.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

Top