Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024IR0028

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

COR 2024/00028

ĠU C, C/2024/5369, 17.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5369/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5369/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/5369

17.9.2024

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct)

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(C/2024/5369)

Relatur

:

Tom JUNGEN (LU/PSE), Sindku tal-Komun ta’ Roeser

Dokument ta’ referenza

:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct)

COM(2023) 667 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

1.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar It-tisħiħ tal-Ispazju Amministrattiv Ewropew (ComPAct) li trawwem il-kooperazzjoni u d-djalogu dwar il-politika u li tgħin biex jiġu mtejba l-kapaċità u l-kwalità tal-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali fl-Ewropa;

2.

jenfasizza li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jaqdu rwol ċentrali fit-tisħiħ tas-suq uniku, u li s-settur pubbliku, li jimpjega madwar 21 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, jimmaniġġja suq għax-xogħlijiet u l-provvisti pubbliċi li jammontaw għal madwar EUR 670 biljun;

3.

jenfasizza li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jimplimentaw direttament madwar terz tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u li l-livell lokali u reġjonali huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ 34 % tan-nefqa pubblika totali u 56 % tal-investiment pubbliku totali;

4.

jilqa’ l-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-Opinjoni preċedenti tal-KtR (1) f’dan il-qasam, u l-fatt li ċerti ideat mill-Opinjoni tiegħu jinsabu f’din il-Komunikazzjoni;

5.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lill-awtoritajiet pubbliċi jżidu l-isforzi biex jivvalutaw mill-ġdid u jnaqqsu l-piż amministrattiv maħluq, speċjalment għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza li r-regolamentazzjoni żejda għandha tiġi evitata f’dan ir-rigward kemm jista’ jkun b’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar;

6.

jinnota li sabiex jinkiseb spazju amministrattiv Ewropew reali, huma meħtieġa aktar sforzi. Jisħaq li wara 30 sena, għad baqa’ ostakli għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, u approċċi nazzjonalistiċi qed jimpedixxu li dawn jingħelbu;

7.

jissuġġerixxi li, waqt li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha dwar spazju amministrattiv Ewropew, għadu ma jeżisti ebda spazju amministrattiv Ewropew reali, u ma jistax jiġi maħluq (bħala parti mis-suq uniku) mingħajr viżjoni Ewropea mifruxa fuq id-diversi interessi nazzjonali u mingħajr regoli u strutturi koerenti u effiċjenti bbażati fuq kunsens komuni b’valur miżjud Ewropew ċar. Jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, ir-rwol li jistgħu jaqdu r-reġjuni u l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, peress li ħafna drabi dawn imorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali;

8.

jilqa’ l-appoġġ qawwi għal kapaċità amministrattiva msaħħa għal impatt akbar fir-rapport ta’ Enrico Letta “Much more than a Market”. Jenfasizza b’mod partikolari l-analiżi li r-restrizzjonijiet baġitarji xekklu b’mod sinifikanti l-isforzi ta’ modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-kapaċità tagħhom li jirreklutaw u jżommu persunal imħarreġ mill-kriżi finanzjarja fl-2007-2008 ’l hawn, li wassal għal implimentazzjoni mhux uniformi u, f’ċerti każijiet, mhux kompluta, ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE fl-UE kollha. Jilqa’ f’dan ir-rigward il-proposta li tiġi stabbilita faċilità ġdida għal Patt li jsaħħaħ il-Kooperazzjoni u l-Għarfien Espert tal-Amministrazzjonijiet Ewropej (PEACE – Pact enhancing European Administrations Cooperation and Expertise), li tista’ tagħti spinta lill-investimenti u r-riformi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tipprovdi appoġġ lil individwi jew lil grupp ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi bi kwistjonijiet simili jew ambizzjonijiet simili. Itenni t-talba ta’ Enrico Letta li l-faċilità għandu jkollha baġit suffiċjenti li jippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi għarfien espert speċifikament biex jittejjeb il-funzjonament tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

9.

jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea tiddeskrivi l-ideat ġenerali tagħha għal spazju amministrattiv Ewropew, iżda l-Komunikazzjoni ma tispjegax il-viżjoni ċara tagħha dwar fiex ikun jikkonsisti spazju amministrattiv transfruntier u Ewropew;

10.

jilqa’ l-istrument ta’ appoġġ tekniku bħala l-programm ewlieni tal-UE biex joffri appoġġ lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, inkluż fil-livelli reġjonali jew lokali. Iwissi, madankollu, li ħafna amministrazzjonijiet pubbliċi, b’mod partikolari fil-livelli reġjonali u lokali, mhumiex konxji tal-possibilitajiet kollha offruti mill-istrument ta’ appoġġ tekniku. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżid l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħha u l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni;

11.

jirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom livelli differenti ta’ strutturi ta’ gvern u li l-leġiżlazzjonijiet jeħtieġ li jiġu adattati għall-istrutturi kollha. Jappoġġja l-isforzi ta’ deċentralizzazzjoni u l-isforzi tal-Istati Membri li jinvolvu l-livelli aktar baxxi tal-gvern fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-politika. Jenfasizza, madankollu, li implimentazzjoni ta’ suċċess ma tirrikjedix biss li jiġu delegati l-azzjonijiet għal-livell rispettiv, iżda anke l-finanzjament;

12.

jenfasizza li l-ComPAct għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni amministrattiva abbażi tal-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol permezz ta’ aġenda tal-ħiliet, isaħħaħ it-trasformazzjoni diġitali u jmexxi t-tranżizzjoni ekoloġika. Madankollu, ħafna amministrazzjonijiet pubbliċi jiffaċċjaw sfida addizzjonali urġenti – it-tnaqqis demografiku, l-eżodu ta’ mħuħ, it-tixjiħ u l-kapaċità li jattiraw żgħażagħ lejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll nuqqas ta’ ħiliet fil-futur fis-suq tax-xogħol kollu u kompetizzjoni akbar għall-forza tax-xogħol disponibbli;

13.

jenfasizza l-ħtieġa għal divrenzjar territorjali fl-identifikazzjoni tal-isfidi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali u reġjonali tal-Istati Membri, minħabba d-diversità tal-istrutturi, it-tradizzjonijiet, ir-riżorsi u l-kapaċitajiet. Iqis, għalhekk, li l-ispazju amministrattiv Ewropew joffri opportunitajiet, iżda d-differenzi reġjonali u lokali fl-applikazzjoni jaf jibqgħu hemm;

14.

jenfasizza li ħafna żoni rurali, reġjuni u persuni żvantaġġjati (li għal diversi raġunijiet m’għandhomx aċċess għal għodod diġitali), jiffaċċjaw problemi ta’ aċċessibbiltà, minħabba defiċits fl-infrastruttura, nuqqas ta’ internet ta’ veloċità għolja jew nuqqas ta’ kompetenzi. Jenfasizza li anke f’servizz pubbliku 100 % diġitalizzat, iċ-ċittadini jeħtieġ li jkunu jistgħu jserrħu fuq appoġġ pubbliku fl-awtorità lokali tagħhom bħala servizz ta’ interess pubbliku;

15.

jappella għal strateġija aktar ambizzjuża, li tibni fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu dwar valuri u sfidi komuni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, li fiha l-Istati Membri ddikjaraw b’mod ċar ir-rieda tagħhom li jittrasformaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, jippromovu l-iskambju ta’ prattiki tajba u japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom;

16.

jirrakkomanda li l-ħolqien ta’ spazju amministrattiv Ewropew imur lil hinn mill-kooperazzjoni bejn amministrazzjonijiet nazzjonali fil-livell nazzjonali, u li Dikjarazzjoni ta’ Strasburgu mġedda tiffoka b’mod partikolari fuq amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell sottonazzjonali;

17.

jilqa’ l-involviment kostanti tal-Kummissjoni Ewropea ma’ amministrazzjonijiet pari permezz ta’ networks komplementari, bħall-Grupp ta’ Esperti dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u n-Network Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika. Jappella għall-involviment attiv imsaħħaħ tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha, abbażi tal-ħtiġijiet;

18.

jipproponi li impjegati taċ-ċivil, bħala parti mit-taħriġ tagħhom, jieħdu sehem fi traineeships jew f’esperjenzi ta’ xogħol temporanju f’post differenti minn dak fejn huma impjegati, kemm jekk f’entità pubblika oħra fl-istess Stat Membru, jew saħansitra f’pajjiż ieħor. Jirrikonoxxi l-ostakli lingwistiċi li jisgħu jxekklu dan kollu, u jirrakkomanda li tintuża l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji tat-traduzzjoni biex, kemm jista’ jkun, dawn l-ostakli jiġu evitati. Jissuġġerixxi li jiġu enfasizzati, b’mod partikolari, dawk l-iskambji li jservu bħala l-ewwel pass lejn bliet ġemellati, u jenfasizza l-isfidi li dawn jistgħu jġibu magħhom f’reġjuni żvantaġġati jew remoti;

19.

jenfasizza l-eżitu pożittiv tal-Att dwar Ewropa Interoperabbli li ser jagħmel l-amministrazzjoni pubblika aktar kosteffiċjenti, peress li ser jippermetti li jiġu kkollegati livelli differenti anke bejn pajjiżi differenti, u ser jippermetti li jiġu żviluppati spazji ta’ tagħlim reali b’teknoloġiji diġitali. Jixtieq kjarifika kif il-ComPAct huwa relatat mar-Regolament dwar l-Interoperabbiltà kif ukoll ma’ regolamenti u spazji tad-data rilevanti oħra, peress li ċerti għodod, bħall-ħolqien ta’ Ċentri ta’ Appoġġ għal Ewropa Interoperabbli, jistgħu jintużaw ukoll għal dan l-ispazju tad-data;

20.

jiddispjaċih li l-gvernijiet lokali u reġjonali u l-imsieħba soċjali tal-UE ma ġewx ikkonsultati formalment matul l-abbozzar tal-ComPAct. jenfasizza l-importanza, bħala parti mill-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar, li jiġu inklużi kummenti mil-livell sottonazzjonali permezz tan-network tal-KtR ta’ ċentri reġjonali, għodod ta’ verifika rurali jew il-valutazzjoni tal-impatt territorjali;

21.

jenfasizza l-importanza li jintlaħaq l-objettiv tad-deċennju diġitali li 100 % tas-servizzi pubbliċi ewlenin isiru disponibbli online sal-2030, li jwassal għal titjib fl-effiċjenza u aċċessibbiltà mtejba għal dawn is-servizzi, u jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex dan isir l-għan ewlieni tal-ispazju amministrattiv Ewropew. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li kull ċittadin ikollu aċċess għal ħiliet diġitali u infrastrutturi aġġornati, u li jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ immirati għal nies b’kapaċitajiet diġitali limitati, iżda jenfasizza l-isfidi fl-implimentazzjoni tal-ComPAct, minħabba l-iskeda ta’ żmien għall-istadji tad-deċiżjonijiet u l-aġġustamenti li jeħtieġ li jsiru biex jiġu ssodisfati d-domandi futuri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

22.

jisħaq li hekk kif l-Unjoni qed tiffaċċja l-espansjoni l-aktar sinifikanti tagħha peress li qed ikollha għadd dejjem akbar ta’ pajjiżi kandidati, il-KtR jilqa’ l-għan tal-ComPAct li jinvolvi aħjar u aktar ta’ spiss lill-pajjiżi kandidati fi skambji ta’ prattiki mal-Istati Membri tal-UE. Jenfasizza li dan ikun konformi mat-trawwim ta’ amministrazzjoni imparzjali professjonali tajba, li hija parti mill-kriterji ta’ tkabbir tal-UE;

23.

jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi tal-kapaċità amministrattiva fil-livelli kollha tal-gvern fil-kuntest tal-pjani strutturali fiskali tagħhom fuq terminu medju u li għandhom jiġu ppreżentati sa Settembru 2024 taħt il-qafas ta’ governanza ekonomika riformata.

Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2024

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Vasco ALVES CORDEIRO


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Intejbu l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għat-tisħiħ tal-investimenti u r-riformi strutturali fl-2021-2027 (ĠU C 79, 10.3.2020, p. 25).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/5369/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top