This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024IE3043
Opinion of the European Economic and Social Committee – How to support social economy entities in line with State aid rules: thoughts following the suggestions in Enrico Letta’s report (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Kif għandhom jiġu appoġġjati l-entitajiet tal-ekonomija soċjali f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat: xi riflessjonijiet wara s-suġġerimenti li saru fir-rapport ta’ Enrico Letta (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Kif għandhom jiġu appoġġjati l-entitajiet tal-ekonomija soċjali f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat: xi riflessjonijiet wara s-suġġerimenti li saru fir-rapport ta’ Enrico Letta (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
EESC 2024/03043
ĠU C, C/2025/1183, 21.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1183/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/1183 |
21.3.2025 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Kif għandhom jiġu appoġġjati l-entitajiet tal-ekonomija soċjali f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat: xi riflessjonijiet wara s-suġġerimenti li saru fir-rapport ta’ Enrico Letta
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2025/1183)
Relatur:
Giuseppe GUERINI|
Konsulent |
Samuel CORNELLA |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
11.7.2024 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
12.12.2024 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
22.1.2025 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
593 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
216/4/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-importanza li l-ħtieġa għal appoġġ pubbliku qawwi għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, li spiss iwettqu funzjonijiet u rwoli li qabel kienu jitwettqu mill-istati nazzjonali, tiġi rrikonċiljata mar-regolamentazzjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
1.2. |
Waqt li jinnota li r-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea jfakkar ukoll fir-rabta bejn il-kompetittività u l-mudell soċjali Ewropew, u jfakkar fl-importanza li jiġu ssalvagwardjati s-sistemi Ewropej ta’ protezzjoni soċjali, il-KESE jfakkar ukoll fl-importanza tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali fl-iżgurar ta’ reazzjonijiet konkreti għall-ħtiġijiet soċjali taċ-ċittadini Ewropej. Dawn il-funzjonijiet, li huma maħsuba għall-ġid komuni, għandhom għalhekk jiġu rikonoxxuti mir-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
1.3. |
Il-KESE jinnota li, f’għadd ta’ każijiet u ipoteżijiet, l-attivitajiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali jaqdu funzjoni ta’ matriċi solidali li ma taqax taħt il-kunċett ta’ attività ekonomika. Fl-istess ħin, hemm ħafna każijiet fejn in-natura transfruntiera tal-attivitajiet ta’ dawn l-entitajiet fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali għandha titqies bħala residwa u ta’ tali skala li ma taffettwax il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri b’mod sostanzjali. Għalhekk, huma meħtieġa u urġenti aktar kjarifiki mill-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ attività ekonomika u r-rilevanza transfruntiera f’dawn l-oqsma. |
|
1.4. |
Il-KESE jemmen li r-regoli għall-għoti tal-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità stabbiliti fit-Taqsima 6 tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Nru 651/2014 għandhom jissaħħu u jiġu ssemplifikati. Kif issuġġerit fir-Rapport ta’ Letta dwar is-suq uniku, u fil-komunikazzjoni dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat għall-impjieg ta’ ħaddiema żvantaġġati u b’diżabilità soġġetta għal notifika individwali (komunikazzjoni dwar l-għajnuna għall-impjiegi, ĠU C 188, 11.8.2009), dawn ir-regoli għandhom jiġu aġġornati biex jirriflettu s-sitwazzjoni ekonomika attwali. |
|
1.5. |
Il-KESE jappoġġja l-ħtieġa li fir-reviżjoni ppjanata tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija jinżammu dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għajnuna bħala speċifiċi u distinti u jenfasizza l-importanza li jiġu rispettati l-iskadenzi stabbiliti għall-aġġornar tal-qafas regolatorju. |
|
1.6. |
Il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta ulterjuri fir-rapport ta’ Letta dwar il-ħtieġa li jiġi adattat il-qafas legali attwali dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-kreditu u l-finanzjament għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
|
1.7. |
Il-KESE jinnota li l-qafas legali għall-għajnuna għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mhuwiex sfruttat sew mill-awtoritajiet pubbliċi, li spiss ma jiffokawx fuq id-diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lilhom mit-Trattati fir-rigward tas-setgħa li ċerti attivitajiet jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-KESE jemmen li din id-diskrezzjoni hija partikolarment evidenti għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, kemm għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà vertikali u koeżjoni soċjali kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet regolatorji speċifiċi, pereżempju f’servizzi oħra ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ sinifikat ekonomiku akbar bħall-industriji li jużaw network. Peress li n-nuqqas ta’ finanzjament għas-servizzi soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa komuni fost l-Istati Membri tal-UE, għandhom jiġu promossi l-importanza u r-rilevanza tal-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Minflok l-użu predominanti tar-Regolament de minimis ġenerali fil-qasam tas-servizzi soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali, l-Istati Membri tal-UE għandhom bħala kwistjoni ta’ prijorità japplikaw l-Artikolu 2(1)(c) tad-Deċiżjoni dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kull meta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni jippermettilhom jagħmlu dan. |
|
1.8. |
Il-KESE jilqa’ t-tħabbira fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029, ippubblikata fit-18 ta’ Lulju 2024, li tiddikjara li “se nirrivedu wkoll ir-regoli tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat biex nippermettu miżuri ta’ appoġġ għall-akkomodazzjoni, speċjalment għal akkomodazzjoni soċjali u effiċjenti fl-użu tal-enerġija affordabbli”. Il-KESE jirrimarka li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għall-kumpens għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jistgħu jkunu sinifikanti hawnhekk, parzjalment minħabba dak li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jwettqu biex jindirizzaw il-kriżi tal-akkomodazzjoni, li l-kooperattivi tad-djar, il-fondazzjonijiet tad-djar, is-soċjetajiet mutwi u ħafna organizzazzjonijiet filantropiċi wrew li jistgħu jagħmlu. |
|
1.9. |
Il-KESE jinnota li jistgħu jiġu introdotti klawżoli ta’ flessibbiltà billi tiġi llaxkata l-applikazzjoni tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ finanzjament parzjalment Ewropew u parzjalment nazzjonali, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), mogħtija fil-livell statali. Bħalissa, għalkemm dawn il-fondi huma fil-biċċa l-kbira rregolati mid-dritt tal-UE, huma soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat minħabba d-distakk diskrezzjonali li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom fl-allokazzjoni, waqt li dawn ir-regoli ma jiġux applikati għal fondi ta’ oriġini purament Ewropea, bħal Orizzont Ewropa, ġestiti fil-livell tal-UE mingħajr intervent mill-Istat. |
|
1.10. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli bl-isforzi tagħha biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali, li jsegwi wara l-Pjan Direzzjonali ta’ Liège għall-Ekonomija Soċjali fl-Unjoni Ewropea, iffirmat fit-12 ta’ Frar 2024 minn rappreżentanti ta’ 19-il gvern, u li jassenja delega speċifika ta’ responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni lil wieħed mill-Kummissarji tal-Kulleġġ il-ġdid. |
2. Kuntest
|
2.1. |
Skont ir-rapport reċenti Study on benchmarking the socio-economic performance of the EU social economy (Studju dwar il-valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni soċjoekonomika tal-ekonomija soċjali tal-UE) ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, aktar minn 11-il miljun persuna – 6,3 % tal-popolazzjoni impjegata – huma impjegati minn entitajiet tal-ekonomija soċjali fis-27 Stat Membru tal-UE. Mill-4 miljun entità tal-ekonomija soċjali, 246 000 għandhom il-forma ta’ negozju u jipprovdu soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin f’termini ta’ għajnuna liċ-ċittadini Ewropej. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ setturi bħas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, l-ekonomija ċirkolari, il-ġlieda kontra l-faqar, l-akkomodazzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u l-produzzjoni parteċipattiva tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. |
|
2.2. |
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Soċjali promoss mill-Kummissjoni Ewropea – COM(2021) 778 final – jinnota li l-“kapital ta’ investiment fit-tul u paċenzjuż, mhux dejjem ikun disponibbli faċilment għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali. L-awtoritajiet pubbliċi ma jużawx bis-sħiħ il-possibbiltajiet eżistenti biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-intrapriżi soċjali għall-akkwist pubbliku, jew għall-finanzjament, u lanqas il-flessibbiltà offruta mir-regoli attwali tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.” |
|
2.3. |
L-istess dokument jindika li l-Istati Membri ma jisfruttawx bis-sħiħ il-potenzjal tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat għas-setturi ta’ interess ekonomiku ġenerali, minn naħa waħda, u r-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni, min-naħa l-oħra, li jistgħu jwasslu għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. |
|
2.4. |
Min-naħa tagħha, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ kundizzjonijiet qafas tal-ekonomija soċjali (2023/0179 (NLE)) tinnota li l-“awtoritajiet pubbliċi spiss ma jagħmlux l-aħjar użu mill-ambitu kurrenti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġjaw l-ekonomija soċjali, fejn is-suq waħdu ma jkunx jista’ jikseb aċċess sodisfaċenti għas-suq tax-xogħol u għall-inklużjoni soċjali, u jillimitaw lilhom infushom għal miżuri taħt il-limitu de minimis ġenerali u ma jużawx l-għażla li jistabbilixxu miżuri skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (ir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija) bħall-għajnuna reġjonali, l-għajnuna għall-finanzjament tar-riskju, u l-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati”. |
|
2.5. |
Studju reċenti dwar Study on State aid for access to finance for social enterprises and for the recruitment of disadvantaged workers in the form of wage subsidies (1) eżamina l-applikazzjoni u l-impatt tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija fuq l-intrapriżi soċjali li jimpjegaw ħaddiema żvantaġġati fl-Istati Membri. Ir-riżultati juru li l-awtoritajiet nazzjonali spiss japplikaw regoli alternattivi għar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, u jikkwotaw raġunijiet bħan-nuqqas ta’ għarfien tal-qafas Ewropew tal-għajnuna mill-Istat, il-kumplessità tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija u diffikultajiet amministrattivi oħra. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Ir-rapport ta’ Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea jenfasizza r-rabta bejn il-kompetittività u l-mudell soċjali Ewropew u jfakkar fl-importanza li jiġu salvagwardjati s-sistemi Ewropej ta’ protezzjoni soċjali. Fir-rigward ta’ dan, din l-Opinjoni tenfasizza l-importanza li l-ħtieġa għal appoġġ pubbliku qawwi għall-entitajiet tal-ekonomija soċjali, li spiss iwettqu funzjonijiet u rwoli li qabel kienu jitwettqu mill-istati nazzjonali, tiġi rrikonċiljata mar-regolamentazzjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, in-natura speċifika tas-suq għas-servizzi tas-saħħa u soċjali li fiha joperaw l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jenħtieġ li tiġi kkunsidrata b’mod adegwat. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrimarka li l-għan tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali mhuwiex li jimmassimizzaw il-profitti li għandhom jitqassmu fost l-investituri, iżda li jinvestu mill-ġdid dawk il-profitti fl-attivitajiet tal-entità jew sabiex jintlaħqu l-objettivi soċjali jew fl-interess ġenerali. |
|
3.2. |
F’dan ir-rigward, huwa utli li hawnhekk issir referenza għas-sentenza storika “Paint Graphos” tat-8 ta’ Settembru 2011, fil-Kawżi Magħquda C-78/08 u C-80/08, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet dwar is-sistema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu riżervata għas-soċjetajiet kooperattivi, bl-argument li, preċiżament minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-kooperattivi mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħall-kumpaniji kummerċjali. Ir-rikonoxximent tal-leġittimità ta’ sistema tat-taxxa speċifika minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-entità għandu jispira lill-koleġiżlaturi biex jieħdu l-istess direzzjoni politika għall-entitajiet differenti fl-ekonomija soċjali. |
|
3.3. |
Waqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-aġġustament reċenti tal-limitu massimu de minimis għal EUR 300 000 u EUR 750 000 fuq bażi ta’ tliet snin għas-settur ordinarju u għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali rispettivament, il-KESE jinnota li l-għajnuna de minimis ma tistax titqies bħala bażi legali suffiċjenti fir-rigward tal-istandards Ewropej dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata appoġġ pubbliku lill-entitajiet tal-ekonomija soċjali fil-qasam tas-saħħa u dak soċjali (2). Madankollu, ħafna amministrazzjonijiet nazzjonali jużaw prinċipalment il-qafas de minimis aktar milli r-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, il-Komunikazzjoni dwar l-Għajnuna għall-Impjieg jew il-qafas dwar l-għajnuna mill-Istat għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, minħabba l-istruttura semplifikata u l-faċilità tal-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll in-nuqqas ta’ familjarità tagħhom mar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija, minkejja li ilu fis-seħħ mill-2014. |
|
3.4. |
Waqt li huwa konxju li huwa impossibbli li jiġi identifikat ex ante katalgu definit minn qabel ta’ attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi u kif dan il-kunċett fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi vvalutat f’kull każ speċifiku, il-KESE jenfasizza li l-attivitajiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali – kemm meta jitwettqu minn strutturi bbażati fuq l-assoċjazzjoni bil-kontribut ta’ voluntiera f’kuntest mingħajr skop ta’ qligħ kif ukoll, f’xi każijiet, meta jitwettqu minn entitajiet tal-ekonomija soċjali bħal kooperattivi, soċjetajiet mutwi u fondazzjonijiet – jistgħu jassumu matriċi solidali li mhijiex ta’ natura kummerċjali. Għalhekk, dawn għandhom jitqiesu li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE. |
|
3.5. |
Il-KESE jinnota li fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, il-mobbiltà transfruntiera u r-rilevanza tagħha spiss ikunu assenti jew irrilevanti min-naħa tad-domanda, peress li dawn is-servizzi huma ta’ natura lokali u lokali biss. F’xi każijiet hemm nuqqas ta’ mobbiltà interna bejn id-diversi reġjuni tal-istess Stat, li jkompli jenfasizza l-matriċi lokali b’saħħitha tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. |
|
3.6. |
Waqt li l-mobbiltà transfruntiera fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali tista’ potenzjalment tinstab f’termini ta’ provvista, il-KESE jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw aċċess nondiskriminatorju għal sistema robusta ta’ appoġġ finanzjarju għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali kompatibbli mal-Artikolu 107 tat-TFUE, mingħajr ma l-qafas tal-għajnuna mill-Istat isir il-ġustifikazzjoni għat-tnaqqis tal-finanzjament pubbliku f’qasam ewlieni għall-koeżjoni soċjali fil-livell lokali. |
|
3.7. |
F’konformità mar-rieda politika fit-testi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali u fir-Rakkomandazzjoni, li fihom l-istituzzjonijiet huma mħeġġa jaġixxu biex jisfruttaw il-potenzjal tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali, il-KESE jemmen li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jirrikonoxxu n-natura u l-missjoni speċifiċi ta’ dawn l-entitajiet, waqt li jirrikonoxxu l-kundizzjonijiet regolatorji tagħhom li jqisu l-karatteristiċi tal-ekonomija soċjali, l-ewwel u qabel kollox l-obbligu statutorju li jerġgħu jinvestu l-profitti u l-eċċessi kollha jew il-biċċa l-kbira minnhom biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali, kif iddikjarat fl-oqfsa legali nazzjonali u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. |
4. Lejn qafas ta’ għajnuna mill-Istat konsistenti mal-għanijiet tal-ekonomija soċjali
|
4.1. |
B’referenza għall-għoti possibbli ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern, il-KESE jemmen li r-regoli għall-għoti tal-għajnuna għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati jew b’diżabilità stabbiliti fit-Taqsima 6 tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni Nru 651/2014 għandhom jissaħħu u jiġu ssemplifikati u li l-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna għall-impjieg għandha tiġi aġġornata biex tirrifletti r-realtà ekonomika. F’dan ir-rigward, azzjoni konkreta u rapida li l-Kummissjoni tista’ tadotta tkun li taġġusta l-limiti massimi għall-għajnuna li tista’ tingħata fir-rigward tar-reintegrazzjoni fl-attivitajiet tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għajnuna jinżammu speċifiċi u distinti u l-importanza li jiġu rispettati l-iskedi ta’ żmien stabbiliti għall-aġġornament tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija. |
|
4.2. |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ is-suġġeriment fir-Rapport dwar is-Suq Intern ta’ Enrico Letta li dawn ir-regoli għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid u mtejba (p. 106). |
|
4.3. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta li wkoll tinsab fir-rapport ta’ Letta li jiġi adattat il-qafas legali attwali dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-kreditu u l-finanzjament għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
|
4.4. |
Il-KESE jemmen li kwalunkwe reviżjoni tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (UE) Nru 651/2014 – fejn dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi għal “għajnuna kompatibbli” li tista’ tingħata mingħajr approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni – għandha tirrikonoxxi b’mod espliċitu l-entitajiet tal-ekonomija soċjali. Għalhekk, kif issuġġerit ukoll fir-rapport ta’ Letta, dan ikun jeħtieġ definizzjoni normattiva ta’ “entitajiet tal-ekonomija soċjali” fir-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija. Dan huwa preċiżament ir-raġuni għaliex f’għadd ta’ każijiet u ipoteżijiet, l-attivitajiet tal-entitajiet tal-ekonomija soċjali ma jiksrux ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE li jirregolaw is-swieq, peress li jitwettqu skont mudell ta’ intrapriża li ma tfittixx li timmassimizza l-profitti, iżda li tinvestihom mill-ġdid biex jintlaħqu objettivi soċjali jew ambjentali bbażati fuq is-solidarjetà. |
|
4.5. |
Il-KESE jinnota wkoll li l-Artikolu 56 tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni Nru 651/2014 dwar l-għajnuna għall-investimenti fl-infrastruttura lokali mhuwiex sfruttat biżżejjed mill-awtoritajiet nazzjonali b’referenza speċifika għall-investimenti meħtieġa fis-servizzi tas-saħħa u soċjali, minkejja li dan l-artikolu jista’ f’ħafna każijiet jipprovdi bażi legali adegwata għall-kompatibbiltà b’potenzjal ogħla mir-regola de minimis. |
|
4.6. |
Il-KESE jinnota wkoll li l-qafas legali għall-għajnuna għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mhuwiex sfruttat sew mill-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Fil-fatt, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat spiss ma jiffokawx fuq id-diskrezzjoni qawwija li t-Trattati jagħtuhom fir-rigward tas-setgħa li jikklassifikaw ċerti attivitajiet bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Il-KESE jemmen li din id-diskrezzjoni hija partikolarment evidenti għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, kemm għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà vertikali u koeżjoni soċjali kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet regolatorji speċifiċi, pereżempju f’servizzi oħra ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ sinifikat ekonomiku akbar bħall-industriji li jużaw network. |
|
4.7. |
Il-KESE jinnota li l-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni Nru 21/2012, li jagħmel ċerti kumpensi tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kompatibbli mas-suq intern, ma jipprevedi l-ebda limitu massimu fuq “kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jissodisfaw ħtiġijiet soċjali essenzjali fir-rigward tal-kura tas-saħħa u fit-tul, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u r-reintegrazzjoni fih, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli”. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmlu użu akbar minn dawn id-dispożizzjonijiet regolatorji. |
|
4.8. |
Il-KESE josserva li l-ambitu tas-servizzi tas-saħħa u soċjali ilu għal xi żmien jikkostitwixxi paradigma tal-linja li tiddistingwi l-interpretazzjoni negattiva tad-dispożizzjonijiet tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħala deroga għall-kompetizzjoni fl-UE u l-interpretazzjoni pożittiva ġdida ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet bħala espressjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini (Fiedziuk, N.A., Services of general economic interest and the Treaty of Lisbon: Opening doors to a whole new approach or maintaining the “status quo” , European Law Review, 2011, p. 229). |
|
4.9. |
Ir-regoli dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali spiss ikunu diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali biex japplikawhom minn perspettiva teknika u burokratika, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ atti speċifiċi ta’ inkarigu jew il-kapaċità li jevitaw kunċetti legali kumplessi bħal “profitt raġonevoli”. Dan huwa dovut għall-fatt li l-piż burokratiku u ta’ konformità impost fuq l-industriji li jużaw network bi struttura kummerċjali b’saħħitha huwa estiż ukoll għas-setturi differenti tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, li jistgħu jsiru problematiċi fir-rigward ta’ servizzi li huma purament soċjali fin-natura tagħhom, li huma pprovduti fuq skala primarjament lokali (Merola, M., 2012, European State Aid Law Quarterly, 2/2012, p. 29). |
|
4.10. |
Għalhekk, il-KESE jappella għal investimenti speċifiċi fil-livell nazzjonali u Ewropew biex jiġi promoss it-taħriġ għall-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar il-potenzjal tar-regolamentazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, b’referenza partikolari għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali, u jitlob li l-ġbir ta’ prattiki u esperjenzi nazzjonali tajbin ikun disponibbli u aċċessibbli bħala eżempji ta’ referenza. |
|
4.11. |
Dwar dan il-punt, nixtiequ nenfasizzaw l-utilità prattika kbira li wera fil-passat id-dokument “Gwida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u b’mod partikolari għas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali” – SWD(2013) 53 final/2, ippubblikat fl-2013 (mhux disponibbli bil-Malti) –, u nitolbu li jiġi aġġornat issa li għaddew aktar minn għaxar snin wara l-pubblikazzjoni inizjali tiegħu. |
|
4.12. |
Il-KESE jilqa’ t-tħabbira fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2024-2029 li tiddikjara li “se nirrivedu wkoll ir-regoli tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat biex nippermettu miżuri ta’ appoġġ għall-akkomodazzjoni, speċjalment għal akkomodazzjoni soċjali u effiċjenti fl-użu tal-enerġija affordabbli”. Il-KESE jirrimarka li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għall-kumpens għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jistgħu jkunu sinifikanti hawnhekk, parzjalment minħabba dak li l-entitajiet tal-ekonomija soċjali jistgħu jwettqu biex jindirizzaw il-kriżi tal-akkomodazzjoni, li l-kooperattivi tad-djar, il-fondazzjonijiet tad-djar, is-soċjetajiet mutwi u ħafna organizzazzjonijiet filantropiċi wrew li jistgħu jagħmlu. |
|
4.13. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jinnota li jistgħu jiġu introdotti klawżoli ta’ flessibbiltà billi tiġi llaxkata l-applikazzjoni tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ finanzjament bħall-FSE u l-FEŻR, li, fil-preżent, għalkemm fil-biċċa l-kbira rregolat mil-liġi tal-UE, huwa soġġett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat minħabba d-differenza diskrezzjonali residwa li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, waqt li dawn ir-regoli mhumiex applikati għal fondi ta’ oriġini purament Ewropea u ġestiti fil-livell tal-UE mingħajr intervent mill-Istat. |
|
4.14. |
Fit-12 ta’ Frar 2024, rappreżentanti ta’ 19-il gvern, taħt l-awspiċi tal-Presidenza Belġjana, iffirmaw il-Pjan Direzzjonali ta’ Liège għall-Ekonomija Soċjali fl-Unjoni Ewropea, fejn ipproponew 25 impenn speċifiku għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali. Il-KESE jittama li l-Kummissjoni l-ġdida taċċetta dawn il-proposti meta timplimenta l-mandat tagħha. |
Brussell, it-22 ta’ Jannar 2025
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Oliver RÖPKE
(1) Study on State aid for access to finance for social enterprises and for the recruitment of disadvantaged workers in the form of wage subsidies [Studju dwar L-għajnuna mill-Istat għall-aċċess għall-finanzjament għall-intrapriżi soċjali u għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema żvantaġġati fil-forma ta’ sussidji tal-pagi (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Għad-definizzjoni tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, tista’ ssir referenza għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jew b’mod aktar speċifiku għall-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Kura (COM(2022) 440 final).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1183/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)