Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0617

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ungerija

    COM/2024/617 final

    Brussell, 19.6.2024

    COM(2024) 617 final

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ungerija


    {SWD(2024) 600 final} - {SWD(2024) 617 final}


    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-politiki ekonomiċi, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarji tal-Ungerija


    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tgħin biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku u soċjali u biex jiġu implimentati riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    (2)Ir-Regolament REPowerEU 4 , adottat fis-27 ta’ Frar 2023, għandu l-għan li jelimina d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi gradwalment. B’hekk tkun tista’ tinkiseb is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. L-Ungerija żiedet kapitolu REPowerEU ġdid mal-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex tiffinanzja riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU.

    (3)Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”’ 5 , sabiex jiġu infurmati d-deċiżjonijiet ta’ politika u jinħolqu l-kundizzjonijiet qafas għaż-żieda fit-tkabbir. Il-Komunikazzjoni tinkwadra l-kompetittività fuq disa’ fatturi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Fost dawn il-fatturi, l-aċċess għall-kapital privat, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u s-suq uniku jirriżultaw bħala prijoritajiet ta’ politika ta’ importanza kbira għar-riforma u l-investiment biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali tal-produttività kif ukoll biex tinbena l-kompetittività fit-tul tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fl-14 ta’' Frar 2024, il-Kummissjoni segwiet din il-Komunikazzjoni bir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività 6 . Ir-rapport jagħti dettalji dwar il-punti b’saħħithom u l-isfidi tal-kompetittività tas-Suq Uniku tal-Ewropa, filwaqt li jsegwi l-iżviluppi annwali skont id-disa’ xprunaturi tal-kompetittività identifikati.

    (4)Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli 2024 7 , li ta bidu għaċ-ċiklu tal-2024 tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-22 ta’ Marzu 2024. Fil-21 ta’ Novembru 2023, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2024, li fih identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat minn żbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li l-Kunsill adotta fit-12 ta’ April 2024, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2024 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fil-11 ta’ Marzu 2024.

    (5)Fit-30 ta’ April 2024, daħal fis-seħħ il-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas jinkludi r-Regolament il-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 2024/1263 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97. Barra minn hekk jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv u d-Direttiva 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 8 . L-objettivi tal-qafas il-ġdid huma s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali kif ukoll ta’ riformi u investimenti. Huwa jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab aktar fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar effettiv u koerenti. Jenħtieġ li kull Stat Membru jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali strutturali nazzjonali ta’ terminu medju. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali ta’ terminu medju fihom l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopru perjodu ta’ ppjanar ta’ 4 jew 5 snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura nazzjonali. Il-perkors tan-nefqa netta 9 fil-pjani fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-Regolament (UE) 2024/1263, inkluż mar-rekwiżiti li d-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ’l isfel sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew li jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u/jew jinżamm taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn 3 snin. Għall-fini tal-appoġġ għat-tħejjija ta’ dawk il-pjanijiet, fil-[21 ta’ Ġunju] 2024, il-Kummissjoni hija mistennija tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida dwar il-kontenut tal-pjanijiet u r-rapporti ta’ progress annwali sussegwenti li se jkollhom jissottomettu u, f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2024/1263, se tibgħatilhom gwida teknika dwar l-aġġustamenti fiskali (trajettorji ta’ referenza u informazzjoni teknika, fejn applikabbli). Jenħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu l-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom ta’ terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu l-iskadenza b’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-involviment tal-parlamenti nazzjonali tagħhom, u l-konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet fiskali indipendenti, tas-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati nazzjonali oħra, kif xieraq.

    (6)Fl-2024, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jgħinu biex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020, l-2022 u l-2023 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

    (7)Fil-11 ta’ Mejju 2021, l-Ungerija ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fil-15 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija 10 , li ġiet emendata fit-8 ta’ Diċembru 2023 biex tinkludi l-kapitolu REPowerEU 11 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li l-Ungerija tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

    (8)Fit-30 ta’ April 2024, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 tagħha u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 tagħha, f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. F'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2024 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Ungerija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

    (9)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2024 għall-Ungerija 12 fid-19 ta’ Ġunju 2024. Hija vvalutat il-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2023 u ħadet kont tal-implimentazzjoni tal-Ungerija tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tal-Ungerija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

    (10)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għall-Ungerija. Is-sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni tal-vulnerabbiltajiet makroekonomiċi għall-Ungerija għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament ġew ippubblikati f’April 2024 13 . Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, l-Ungerija qed tiffaċċja vulnerabbiltajiet relatati mal-pressjonijiet fuq il-prezzijiet u l-ħtiġijiet esterni u ta’ finanzjament tal-gvern, li għadhom rilevanti, għalkemm ambjent estern li qed jitjieb taffa xi riskji fuq terminu qasir. Id-defiċit kbir fil-kont kurrenti għalaq fl-2023 hekk kif id-domanda domestika naqset fost reċessjoni fl-Ungerija, u minħabba prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi. Flimkien ma’ politika monetarja aktar stretta, dawn il-fatturi għenu biex titnaqqas ir-rata għolja ħafna ta’ inflazzjoni. Madankollu, l-inflazzjoni sottostanti baqgħet fost l-ogħla fl-UE, u l-kostijiet ta’ unità lavorattiva komplew jikbru b’mod qawwi, u eżerċitaw pressjoni fuq il-kompetittività. Il-kont kurrenti huwa mistenni li jerġa’ lura għal defiċit żgħir is-sena d-dieħla hekk kif id-domanda domestika tirkupra, filwaqt li l-ekonomija, u l-finanzjament estern tagħha, jibqgħu esposti għal żviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija u l-primjums tar-riskju. Iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar battiet u l-valutazzjoni żejda naqset fl-2023 fl-isfond ta’ rati tal-imgħax ogħla. Id-defiċit baġitarju kbir jippersisti minħabba politiki espansjonarji u tkabbir li qed jiddgħajjef mir-reċessjoni fl-2023 ’l hawn. Id-defiċit huwa mbassar li jonqos xi ftit, iżda li jibqa’ sinifikanti u jikkontribwixxi għall-inflazzjoni u jżid mal-ħtiġijiet ta’ self estern. Id-dejn tal-gvern għall-PDG u l-piż tal-imgħax huma mistennija li jibqgħu għoljin. Il-progress tal-politika kien limitat fl-oqsma kollha, b’mod partikolari dawk fiskali u strutturali, u kkontribwixxa għall-persistenza tal-vulnerabbiltajiet identifikati. L-aġġustament fiskali jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażika u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna kif ukoll għat-trażżin taż-żidiet fid-dejn tal-gvern; it-tnedija ta’ Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv jenħtieġ li tirfed aġġustament bħal dan. L-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva tal-RRP hija mistennija li tgħin biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet, li jissaħħu bit-tneħħija gradwali ta’ interventi distorsivi fis-swieq u b’riformi li jappoġġaw il-konsolidazzjoni fiskali.

    (11)Fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat 14 , id-defiċit tal-gvern estiż tal-Ungerija żdied minn 6,2 % tal-PDG fl-2022 għal 6,7 % fl-2023, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 74,1 % tal-PDG fi tmiem l-2022 għal 73,5 % fi tmiem l-2023. Kif imħabbar fil-gwida tal-politika fiskali għall-2024 15 , il-Kummissjoni qed tieħu l-ewwel pass għall-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Fid-19 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni adottat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 16 . Dak ir-rapport evalwa l-qagħda baġitarja tal-Ungerija, billi fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Ir-rapport ikkonkluda li fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, u wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju kif stabbilit skont l-Artikolu 126(4) tat-TFUE, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi f’Lulju li tiftaħ proċedura ta’ defiċit eċċessiv kontra l-Ungerija, billi tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta Deċiżjoni skont l-Artikolu 126(6) li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.

    (12)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 17 li l-Ungerija tieħu azzjoni biex tara li fl-2023 it-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali jkun konformi ma’ pożizzjoni politika newtrali b’mod kumplessiv 18 , filwaqt li jitqies l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna. L-Ungerija ngħatat rakkomandazzjoni li għandha tkun lesta li taġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-Ungerija ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Fl-2023, skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 19 kienet restrittiva, b’4,7 % tal-PDG, f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri tad-dħul diskrezzjonali) fl-2023 ipprovda kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,7 % tal-PDG. Iż-żieda tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 kienet konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li dan kien fil-biċċa l-kbira xprunat mil-livell għoli ħafna ta’ nefqa netta fl-2022 meta mqabbel mal-2023, inkluża nefqa mhux immirata f’diversi oqsma, li kkontribwiet għal żbilanċi makroekonomiċi, iffinanzjati minn profitti mhux mistennija u taxxi settorjali imposti fuq kumpaniji prinċipalment fis-setturi tal-enerġija, tal-finanzi u tal-bejgħ bl-imnut.] L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali kien jammonta għal 4,6 % tal-PDG fl-2023, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,2 punti perċentwali meta mqabbel mal-2022. L-Ungerija ffinanzjat l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħat-titjib fl-effiċjenza enerġetika u d-diġitalizzazzjoni fil-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni. L-Ungerija għadha ma ppreżentatx talba għall-pagament taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    (13)Il-proġezzjonijiet ewlenin fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2024 jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 2,5 % fl-2024 u 4,1 % fl-2025, filwaqt li jipproġetta inflazzjoni tal-HICP ta’ 4,2 % fl-2024 u 3,6 % fl-2025. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 4,5 % tal-PDG fl-2024 u li jibqa’ fil-livell ta’ 3,7 % tal-PDG fl-2025, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos għal 73,2 % sa tmiem l-2024 u 72,1 % sa tmiem l-2025. Wara l-2025, id-defiċit tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos b’mod gradwali għal 2,9 % tal-PDG fl-2026, 2,4 % fl-2027 u 1,9 % fl-2028. Għaldaqstant, il-bilanċ tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos taħt il-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % fl-2026. Min-naħa tiegħu, wara l-2025, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż huwa pprojettat li jonqos gradwalment għal 68,8 % fl-2026, 66,0 % fl-2027 u 62,8 % fl-2028.

    (14)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta li l-PDG reali jikber b’2,4 % fl-2024 u 3,5 % fl-2025, u l-inflazzjoni tal-HICP se tkun ta’ 4,1 % fl-2024 u 3,7 % fl-2025.

    (15)It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 5,4 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG mistenni jiżdied għal 74,3 % fi tmiem l-2024. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2024 jirrifletti prinċipalment irkupru gradwali tad-dħul mit-taxxa, infiq aktar baxx fuq sussidji lil kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali, u tnaqqis fl-investimenti pubbliċi. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn għall-PDG hija xprunata minn defiċit nominali għoli, tkabbir nominali tal-PDG aktar baxx, u tranżazzjonijiet addizzjonali li jżidu d-dejn, bħall-akkwiżizzjoni mistennija tal-ajruport ta’ Budapest minn entitajiet ikklassifikati fis-settur tal-gvern estiż u l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji appoġġati mis-self tar-REPowerEU. Abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali hija pprojettata li tkun espansjonarja fil-livell ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2024.

    (16)In-nefqa li tammonta għal 0,8 % tal-PDG hija mistennija li tiġi ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (“għotjiet”) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024, meta mqabbla ma’ 0,3 % tal-PDG fl-2023, skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni. In-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tippermetti investiment ta’ kwalità għolja u riformi li jtejbu l-produttività mingħajr impatt dirett fuq il-bilanċ u d-dejn tal-gvern estiż tal-Ungerija. Nefqa li tammonta għal 0,4 % tal-PDG hija mistennija li tkun appoġġata minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-2024 (ebda nefqa ffinanzjata minn self fl-2023).

    (17)Fl-14 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill irrakkomanda 20 li l-Ungerija tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 21 fl-2024 għal mhux aktar minn 4,4 %. Meta jeżegwixxu l-baġits tagħhom għall-2023 u jħejju l-baġits tagħhom għall-2024, l-Istati Membri ġew mistiedna jqisu li l-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tal-Ungerija hija pprojettata li tiżdied b’3,6 % fl-2024, li hija inqas mir-rata massima ta’ tkabbir rakkomandata. Madankollu, in-nefqa netta fl-2023 kienet ogħla milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni (b’ 1,8 % tal-PDG). Għalhekk, peress li r-rakkomandazzjoni għall-2024 ġiet ifformulata bħala rata ta’ tkabbir, il-valutazzjoni tal-konformità trid tqis ukoll l-effett bażi mill-2023. Kieku n-nefqa netta fl-2023 kienet l-istess bħal dik mistennija fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni, ir-rata ta’ tkabbir tan-nefqa netta li tirriżulta fl-2024 kienet tkun ogħla mir-rata ta’ tkabbir rakkomandata b 1,5 % tal-PDG. Għalhekk, in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija vvalutata bħala f’riskju li ma tkunx kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni.

    (18)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tieħu azzjoni biex trażżan il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza fis-seħħ, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, malajr kemm jista’ jkun fl-2023 u fl-2024. Il-Kunsill speċifika wkoll li, jekk iż-żidiet imġedda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu jeħtieġu miżuri ġodda jew kontinwi ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Ungerija tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, bi prezz fiskalment affordabbli, u tippreserva l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni, il-kost baġitarju nett 22 tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija huwa pprojettat li jkun 1,6 % tal-PDG fl-2023, 0,9 % fl-2024 u 0,4 % fl-2025. B’mod partikolari, is-sussidji lill-kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali huma preżunti li jibqgħu fis-seħħ fl-2024 u fl-2025 23 . Jekk l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern, kif irrakkomandat mill-Kunsill, dawn il-projezzjonijiet jimplikaw aġġustament fiskali ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2024, filwaqt li n-nefqa primarja netta ffinanzjata nazzjonalment 24 tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva għall-pożizzjoni fiskali ta’ 1,9 % tal-PDG f’dik is-sena. Il-miżuri ta’ appoġġ ta’ emerġenza għall-enerġija mhumiex ipprojettati li jiġu eliminati b’mod gradwali kemm jista’ jkun malajr fl-2023 u fl-2024. Hemm ir-riskju li dan ma jkunx konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Madankollu, l-iffrankar relatat huwa pprojettat li jintuża bi sħiħ biex inaqqas id-defiċit tal-gvern. Dan huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-kost baġitarju tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli huwa stmat għal 0,0 % tal-PDG fl-2024 (0,1 % fl-2023), li minnhom 0,0 % tal-PDG jippreservaw is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika (0,1 % fl-2023).

    (19)Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda wkoll li l-Ungerija tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni, l-investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jonqos għal 4,0 % tal-PDG fl-2024 (minn 4,6 % tal-PDG fl-2023). Dan huwa dovut l-aktar għat-tnaqqis u l-posponimenti fi proġetti ta’ investiment iffinanzjati fil-livell nazzjonali mħabbra mill-awtoritajiet fid-dawl tad-defiċits għoljin ipprojettati. Hemm ir-riskju li dan ma jkunx konformi ma’ dak li kien irrakkomandat mill-Kunsill. Min-naħa tagħha, in-nefqa pubblika ffinanzjata mid-dħul mill-fondi tal-UE, inklużi l-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, mistennija tiżdied għal 1,7 % tal-PDG fl-2024 minn 0,8 % tal-PDG fl-2023. Din iż-żieda hija dovuta għal żieda pprojettata fl-assorbiment tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2020-2027 u nefqa ogħla fuq l-investimenti appoġġati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    (20)Abbażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir u fuq suppożizzjoni ta’ ebda bidla fil-politika, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit tal-gvern ta’ 4,5 % tal-PDG fl-2025. It-tnaqqis tad-defiċit fl-2025 jirrifletti prinċipalment dħul ogħla mill-VAT u mill-PIT bis-saħħa ta’ tkabbir aktar b’saħħtu, tnaqqis ulterjuri fis-sussidji lill-kumpaniji tal-utilitajiet għat-telf imġarrab minħabba limiti massimi fuq il-prezzijiet tal-enerġija residenzjali, u nefqa tal-imgħax aktar baxxa minħabba tnaqqis fil-pagamenti tal-kupuni fuq il-bonds bl-imnut marbuta mal-inflazzjoni. Fl-istess ħin, it-tneħħija gradwali ppjanata tat-taxxi temporanji fuq il-profitti mhux mistennija u t-taxxi settorjali f’konformità mal-klawżoli ta’ estinzjoni tagħhom imposti mill-2022 hija mistennija li jkollha impatt li jżid id-dejn. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG mistenni jonqos leġġerment għal 73,8 % fi tmiem l-2025. Politika fiskali prudenti jeħtieġ li tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-inflazzjoni bażika li hija ferm ogħla mill-medja tal-UE u tista’ twassal għal telf fil-kompetittività jekk ikun persistenti u għat-tisħiħ tal-pożizzjoni esterna wkoll.

    (21)Dgħufijiet fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-baġit żiedu l-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali u komplew iżidu l-isfidi makroekonomiċi attwali. L-adozzjoni bikrija ħafna tal-baġits annwali bejn l-2016 u l-2023 naqqset l-affidabbiltà tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju. Diversi regoli ta’ flessibbiltà baġitarja u riżervi baġitarji kbar ippermettew infiq diskrezzjonali ogħla. Deċiżjonijiet ad hoc dwar in-nefqa ttieħdu ħafna drabi fi tmiem is-sena tal-baġit jew ġew promulgati b’digrieti tal-gvern matul is-sena mingħajr sorveljanza parlamentari u konsultazzjoni pubblika adegwati, li min-naħa tagħhom naqqsu t-trasparenza baġitarja. Il-qafas fiskali nazzjonali ma wassalx għal pożizzjoni fiskali aktar prudenti minħabba nuqqasijiet fit-tfassil tar-regoli fiskali domestiċi, b’mod partikolari minħabba regola tad-dejn b’karatteristiċi proċikliċi u l-infurzar dgħajjef tal-ippjanar baġitarju fuq terminu medju, li kompla jitnaqqar mid-dispożizzjonijiet speċjali tar-reġim tal-“istat ta’ periklu”. Reviżjonijiet frekwenti u sinifikanti tal-miri fiskali dgħajfu r-rwol tal-baġit bħala ankra għall-parteċipanti fis-suq u xeħtu dubju fuq il-kredibbiltà tal-pjanijiet fiskali fuq terminu medju. Il-bażi tal-ippjanar fiskali fuq terminu medju fuq limiti massimi ta’ nfiq pluriennali, kif stabbilit fir-regoli fiskali riveduti tal-UE, tista’ tgħin biex jiġi indirizzat il-preġudizzju espansjonarju tal-politika fiskali. L-effettività tal-kunsill fiskali nazzjonali fit-tmexxija tad-diskussjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet fiskali għadha limitata minn mandat u riżorsi limitati.

    (22)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-Anness V, il-kriterju 2.2, tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn mistennijin jgħinu biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti. F’dan il-perjodu ta’ żmien strett, it-tkomplija rapida tal-implimentazzjoni effettiva tal-pjan, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija essenzjali biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Ungerija permezz tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, filwaqt li tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Biex twettaq l-impenji tal-pjan sa Awwissu 2026, huwa essenzjali li l-Ungerija taċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, l-ewwel nett billi ttejjeb malajr il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. L-involviment sistematiku tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ essenzjali biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza.

    (23)Bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-Ungerija hija meħtieġa tirrieżamina kull programm sa Marzu 2025, filwaqt li tqis, fost affarijiet oħrajn, l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2024, kif ukoll il-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima. Dan ir-rieżami jifforma l-bażi għall-allokazzjoni definittiva tal-finanzjament tal-UE inkluż f’kull programm. Filwaqt li l-Ungerija għamlet progress fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, għad hemm sfidi u għad hemm disparitajiet soċjali u reġjonali sinifikanti bejn id-distretti l-anqas żviluppati u dawk l-aktar żviluppati tal-pajjiż, kif ukoll bejn iż-żoni urbani u dawk mhux urbani. L-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva fil-livell subnazzjonali hija kruċjali. Il-prijoritajiet miftiehma fi programmi għadhom rilevanti. Huwa ta’ importanza partikolari li wieħed jara implimentazzjoni rapida tal-investimenti fit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika, inkluż l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali bażiċi, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ bliet intelliġenti, teknoloġiji bbażati fuq in-natura u żero netti u l-ġestjoni tal-ilma, kif ukoll tal-pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta. Jenħtieġ li l-Ungerija tkompli taħdem ukoll fuq l-iżvilupp territorjali integrat f’żoni funzjonali u fid-distretti l-inqas żviluppati. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni ta’ investimenti fl-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, b’enfażi fuq it-tfal u d-distretti l-aktar fil-bżonn, kif ukoll it-tisħiħ komprensiv tal-ħiliet bażiċi u t-titjib tal-aċċess għal edukazzjoni ġenerali ta’ kwalità u tagħlim tul il-ħajja, jibqgħu prijorità. F’dan ir-rigward, ir-riformi strutturali tas-sistema edukattiva, inkluż billi jittejjeb l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità, kif ukoll azzjonijiet immirati biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-suq tax-xogħol għal gruppi vulnerabbli u tinbena l-kapaċità tas-sħab soċjali jibqgħu kruċjali. Ir-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet pendenti dwar il-kundizzjonijiet abilitanti u r-reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità hija meħtieġa biex l-Ungerija tagħmel użu sħiħ mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

    (24)Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku u l-faqar interġenerazzjonali permezz ta’ interventi integrati, b’enfażi fuq id-distretti u l-muniċipalitajiet l-inqas żviluppati, kif ukoll il-ħtieġa għal governanza u differenzjazzjoni msaħħa tal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti huma oqsma li jistħoqqilhom aktar attenzjoni. L-Ungerija tista’ tingrana l-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (Strategic Technologies for Europe Platform, STEP) biex tagħti spinta lill-investimenti f’teknoloġiji profondi u diġitali (eż. l-Internet tal-Oġġetti, il-big data, l-intelliġenza artifiċjali), it-teknoloġiji nodfa (eż. l-enerġija rinnovabbli, l-enerġija ġeotermali) u l-bijoteknoloġiji (farmaċewtiċi, prodotti mediċi), filwaqt li tinvesti wkoll fil-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-ħaddiema f’dawn is-setturi.

    (25)Lil hinn mill-isfidi ekonomiċi u soċjali indirizzati mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, l-Ungerija qed tiffaċċja diversi sfidi addizzjonali relatati mal-ambjent tan-negozju, il-livelli tal-ħiliet u l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, l-assistenza soċjali u d-djalogu soċjali, u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi.

    (26)L-ambjent tan-negozju kompla jiddeterjora, primarjament minħabba żieda fl-interventi tal-istat fl-ekonomija u bidliet ad hoc frekwenti fil-qafas regolatorju. L-Ungerija ma għandhiex prestazzjoni tajba f’indikaturi li jkejlu l-kompetittività u l-kwalità regolatorja. L-għadd għoli ta’ taxxi kompla jiżdied fl-2024. F’dawn l-aħħar snin, żdied l-għadd ta’ taxxi speċifiċi għas-settur imposti fuq ċerti setturi u ditti. Dawn għandhom it-tendenza li jkunu f’setturi fejn is-sjieda barranija hija għolja (pereżempju, il-bejgħ bl-imnut, is-siment, il-kostruzzjoni u l-materjali taċ-ċeramika), li joħolqu piż sproporzjonat fuq id-ditti kkonċernati u jaffettwaw is-suq uniku. Id-ditti jilmentaw dwar trattament mhux ugwali u arbitrarjetà meta l-awtoritajiet iwettqu spezzjonijiet amministrattivi jew jiddeċiedu dwar permessi. Diversi interventi mill-Istat jintużaw biex jisfurzaw lis-sidien barranin ibigħu d-ditti tagħhom, u b’hekk jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ promoturi nazzjonali pubbliċi jew konnessi mal-gvern. Il-Gvern dejjem qed jiddikjara li uħud mill-proġetti ta’ investiment huma ta’ “importanza strateġika għall-ekonomija nazzjonali” biex jitħaffef il-proċess amministrattiv. Il-kriterji użati mill-gvern mhumiex trasparenti u ma jistgħux jiġu kkontestati fil-qorti. Il-Gvern ikompli juża s-setgħa tiegħu biex jeżenta uħud mit-tranżazzjonijiet mill-kontroll tal-fużjonijiet. Il-kriterji għal dawn l-eżenzjonijiet mhumiex trasparenti, u ma teżisti l-ebda proċedura formali biex dawn jiġu kkontestati. Il-Gvern ikompli wkoll jagħmel użu estensiv mill-mandat tiegħu biex joħroġ digrieti ta’ emerġenza taħt ir-reġim ta’ “stat ta’ periklu”. Ħafna minn dawn id-digrieti ma jidhrux li huma relatati mas-sitwazzjoni ta’ emerġenza invokata, li ddgħajjef iċ-ċertezza legali u tinterferixxi mal-attività kummerċjali normali.

    (27)Minkejja rata ġenerali għolja ta’ impjieg, xi gruppi żvantaġġati, bħal dawk b’livell baxx ta’ edukazzjoni, ir-Rom u l-persuni b’diżabilità, għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. L-istess gruppi żvantaġġati għandhom it-tendenza wkoll li jiksbu livell baxx ta’ ħiliet bażiċi fl-iskola, jitilqu mill-iskola kmieni, isiru qiegħda jew inattivi u rarament jidħlu fl-edukazzjoni għolja. L-inugwaljanzi għandhom l-għeruq tagħhom fil-mod kif tiġi organizzata s-sistema edukattiva, ikkaratterizzata mill-konċentrazzjoni ta’ studenti soċjoekonomikament żvantaġġati f’ċerti skejjel. Bejn l-2014 u l-2022, ġew allokati ammonti sinifikanti ta’ fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għall-implimentazzjoni ta’ miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Filwaqt li r-rata ta’ impjieg tal-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u tar-Rom żdiedet b’mod sinifikanti matul dak il-perjodu, din għadha ħafna aktar baxxa mir-rata ġenerali tal-impjiegi. Id-differenza fl-impjiegi għall-persuni b’diżabilità għadha ferm ogħla mill-medja tal-UE. Diversi setturi jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħiliet, li jagħmilha diffiċli għall-Ungerija biex tibdel l-ekonomija tagħha għal mudell ta’ tkabbir b’valur miżjud għoli. Is-sehem ta’ gradwati terzjarji huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-UE, li joħloq sfidi biex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber għal forza tax-xogħol b’ħiliet għolja. Id-durata qasira tal-benefiċċji tal-qgħad jagħmilha diffiċli għan-nies biex jipparteċipaw fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet u li jsibu impjiegi adattati aħjar li jistgħu jtejbu l-produttività u l-kompetittività. Filwaqt li kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta’ ħaddiema barranin f’dawn l-aħħar snin, dan jista’ ma jkunx biżżejjed biex ilaħħaq mal-ħtiġijiet tas-setturi li qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ ħiliet u nuqqas ta’ ħaddiema.

    (28)F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-indikaturi tal-faqar tjiebu b’mod sinifikanti f’konformità maż-żieda fir-rata ta’ impjieg. Madankollu, ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali u soċjali estrema għadha fost l-ogħla fl-UE u marret għall-agħar fost it-tfal, ir-Rom u f’żoni remoti. L-impatt tat-tnaqqis tal-faqar ta’ trasferimenti soċjali, filwaqt li għadu komparabbli ma’ Stati Membri oħra tal-UE, naqas f’dawn l-aħħar snin. Minkejja l-ambjent ekonomiku inflazzjonarju għoli, xi benefiċċji soċjali, bħall-introjtu minimu, il-benefiċċju tal-familja u l-benefiċċji tat-taxxa tal-familja, baqgħu nominalment l-istess. L-adegwatezza tal-introjtu minimu u tal-allokazzjoni għal min ifittex impjieg hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE. Il-piż tat-taxxa totali fuq dawk li jaqilgħu pagi baxxi u d-dipendenza fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud huma għoljin, li b’mod sproporzjonat huma ta’ piż fuq gruppi b’introjtu baxx fil-kuntest ta’ tassazzjoni fuq l-introjtu personali mhux progressiva u b’rata fissa. Is-sehem ta’ persuni li jonfqu aktar minn 40 % tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi tagħhom fuq il-kostijiet tal-akkomodazzjoni żdied ukoll minħabba l-inflazzjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-akkomodazzjoni, u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jikkontribwixxi wkoll għall-appoġġ ta’ titjib fil-konverġenza soċjali, f’konformità mal-analiżi tat-tieni stadju tas-servizzi tal-Kummissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali 25 .

    (29)Minkejja xi titjib, id-djalogu soċjali għadu dgħajjef u frammentat. Il-forum tripartitiku fis-settur privat, li jinkludi l-gvern, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, għandu possibbiltajiet limitati biex jinfluwenza jew ibiddel il-pjanijiet tal-gvern. Djalogu soċjali limitat ipoġġi lill-impjegati f’pożizzjoni żvantaġġata, inkluż fin-negozjar tal-pagi, speċjalment fis-settur pubbliku. L-istabbiliment ta’ status ta’ impjieg separat għal ċerti gruppi ta’ impjegati pubbliċi dgħajjef il-kapaċità tagħhom li jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom. F’xi każijiet, dan wassal biex il-ftehimiet kollettivi jsiru nulli u jkollhom jiġu nnegozjati mill-ġdid. Miżuri bħal-limitazzjoni tad-dritt tal-istrajkjar tal-għalliema jew l-abolizzjoni tan-negozjar kollettiv fis-settur tas-saħħa gradwalment naqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-ġbir tat-tariffi tas-sħubija fit-trade unions fis-settur pubbliku tista’ tkompli tnaqqar ir-rappreżentattività tat-trade unions. Il-fora rilevanti fis-settur pubbliku kellhom laqgħa waħda biss fl-2023.

    (30)L-Ungerija tkompli tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili, u l-isforzi tagħha biex iżżid is-sigurtà tal-enerġija billi titbiegħed mid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet Russi qed isiru bil-mod. Is-sehem tal-Ungerija ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ammonta għal 25,7 % fl-2023, 18 punti perċentwali taħt il-medja tal-UE. Is-sehem tal-importazzjonijiet Russi ta’ żejt grezz u tal-gass ammonta għal 64 % u 75 % fl-2021 u l-2023, rispettivament. Iż-żejt u l-gass jammontaw għal żewġ terzi tal-konsum tal-enerġija tiegħu. L-Ungerija għandha waħda mill-ogħla ċifri fl-UE għas-sussidji għall-fjuwils fossili bħala sehem tal-PDG minħabba prezzijiet tal-enerġija ssussidjati għall-unitajiet domestiċi.

    (31)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ żbilanċi, ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (3) u (4) hawn taħt. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (4) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament esterni u tal-gvern u l-pressjonijiet tal-prezzijiet. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni (3) jgħinu biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-pressjonijiet tal-prezzijiet.

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2024 u l-2025 biex:

    1.Tissottometti l-pjan fiskali-strutturali ta’ terminu medju fil-ħin. F’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, tillimita t-tkabbir fin-nefqa netta 26 fl-2025 għal rata konsistenti mat-tqegħid tad-dejn tal-gvern estiż fuq trajettorja ta’ tnaqqis plawżibbli fuq terminu medju u t-tnaqqis tad-defiċit tal-gvern estiż lejn il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Tnaqqas gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ta’ emerġenza qabel l-istaġun tat-tisħin 2024/2025. Issegwi l-koordinazzjoni effettiva u d-demarkazzjoni ċara ta’ politiki makroekonomiċi biex tiżgura is-sostenibbiltà fiskali u esterna. Tneħħi gradwalment il-limiti massimi tal-prezzijiet u tar-rati tal-imgħax sabiex tnaqqas l-effetti distorsivi u tiffaċilita t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja. Timmira l-miżuri ta' appoġġ fis-settur tal-akkomodazzjoni lejn unitajiet domestiċi b'introjtu baxx. Issaħħaħ il-qafas baġitarju ta' terminu medju, tallinja t-tħejjija ta' baġits annwali mas-sena baġitarja, u tillimita d-diskrezzjoni fl-implimentazzjoni ta' baġits annwali.

    2.Fid-dawl ta’ dewmien fit-tul, taċċellera b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, filwaqt li tiżgura t-tlestija tar-riformi u l-investimenti sa Awwissu 2026, billi timplimenta malajr il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u ssolvi kwistjonijiet pendenti dwar il-kundizzjonijiet abilitanti. Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, tkompli tiffoka fuq il-prijoritajiet maqbula, tieħu azzjoni biex tindirizza aħjar il-faqar, tiffoka fuq il-faqar enerġetiku u d-distretti u l-muniċipalitajiet l-anqas żviluppati, u ttejjeb l-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, filwaqt li tqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-inizjattiva tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa biex tittejjeb il-kompetittività.

    3.Ittejjeb il-qafas regolatorju u tkabbar il-kompetizzjoni fi swieq tal-prodotti u tas-servizzi billi tevita interventi amministrattivi selettivi u arbitrarji u l-użu selettiv ta’ leġiżlazzjoni mfassla apposta li tipprovdi vantaġġ jew żvantaġġ mhux dovut lil kumpaniji speċifiċi, billi tapplika l-iskrutinju tal-kompetizzjoni b'mod sistematiku għat-tranżazzjonijiet kummerċjali u billi tnaqqas l-użu ta’ miżuri ta' emerġenza għal dawk li huma strettament meħtieġa, f’konformità mal-prinċipji tas-suq uniku u l-istat tad-dritt. Ittejjeb l-adegwatezza tas-sistema ta’ protezzjoni soċjali, inklużi l-benefiċċji tal-qgħad. Ittejjeb il-livell edukattiv milħuq kif ukoll l-aċċess għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol effettiv, b’mod partikolari opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet għall-gruppi l-aktar żvantaġġati, u tiżgura djalogu soċjali effettiv.

    4.Tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, taċċellera d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass lejn sorsi mhux Russi, u tieħu passi biex telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
    (2)    ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj .
    (3)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj .
    (4)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1) ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/435/oj .
    (5)    COM(2023) 168 final.
    (6)    COM(2024) 77 final.
    (7)    COM(2024) 77 final.
    (8)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj ) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj ).
    (9)    Nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 (ĠU L 2024,/1263, 30.4.2024. ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ). Nefqa netta tfisser nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (iii) nefqa fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u (vi) miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    (10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija (15447/2022).
    (11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għall-Ungerija (15964/1/23).
    (12)    SWD(2024) 617 final.
    (13)    SWD(2024) 103 final.
    (14)    SWD(2024) 103 final.
    (15)    COM(2023) 141 final.
    (16)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni, imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, 19.6.2024, COM(2024)598 final.
    (17)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2022 ĠU C 334, 1.9.2022, p. 136.
    (18)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2022 ĠU C 334, 1.9.2022, p. 136.
    (19)    Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika. Hija għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju ta’ żmien u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul (u esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19) u inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
    (20)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2023 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tal-Bulgarija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2023 tal-Ungerija, ĠU C 312, 1.9.2023, p. 155.
    (21)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa fuq il-qgħad ċikliku, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    (22)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa fuq il-qgħad ċikliku, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    (23)    In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta minn (i) miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji, (ii) nefqa fuq l-imgħax, (iii) nefqa fuq il-qgħad ċikliku, u (iv) u miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    (24)    Din il-kontribuzzjoni titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja tal-gvern estiż, netta minn (i) l-impatt baġitarju inkrementali tal-miżuri diskrezzjonarji tad-dħul, (ii) il-miżuri ta’ darba, (iii) in-nefqa fuq il-qgħad ċikliku u (iv) in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ (għotjiet) mhux ripagabbli mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, meta mqabbla mar-rata ta’ tkabbir tal-PDG nominali potenzjali fuq terminu medju (10 snin), espressa bħala proporzjon mal-PDG nominali.
    (25)    SWD(2024)132.
    (26)    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263,“nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra.
    Top