IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.10.2024
COM(2024) 436 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni Finali tal-Eurostars-2
{SWD(2024) 470 final}
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52024DC0436
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Final Evaluation of Eurostars-2
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni Finali tal-Eurostars-2
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni Finali tal-Eurostars-2
COM/2024/436 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.10.2024
COM(2024) 436 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni Finali tal-Eurostars-2
{SWD(2024) 470 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evalwazzjoni Finali tal-Eurostars-2
1.INTRODUZZJONI
Il-programm Eurostars-2 kien sħubija pubblik-pubblika ffinanzjata taħt il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) Orizzont 2020 li kopra l-perjodu 2014-2020. Eurostars-2 kellu l-għan li jappoġġa lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (R&D) permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Kienet it-tieni iterazzjoni ta’ programm li beda fl-2008.
Ir-raġunament wara dan il-programm huwa li l-SMEs jeħtieġu aċċess għas-suq, għall-finanzi, għall-ħiliet u għall-għarfien sabiex jirnexxu u jikkompetu globalment. Ħafna drabi ma jkollhomx kapaċitajiet interni u kapaċità biex jiksbu l-iskoperti innovattivi li huma meħtieġa għat-tkabbir u l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur globali. Il-kollaborazzjoni bejn l-intrapriżi u mal-organizzazzjonijiet pubbliċi li jwettqu r-riċerka hija kruċjali għal diffużjoni u sfruttament aktar rapidi tal-għarfien. Filwaqt li jeżistu ħafna programmi u strumenti nazzjonali biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs fi proġetti tar-R&I, il-biċċa l-kbira ma jappoġġawx b’mod espliċitu jew ma jiffokawx fuq kollaborazzjoni internazzjonali fir-R&I.
Taħt il-programm Eurostars-2, 33 pajjiż parteċipant, erba’ pajjiżi sħab addizzjonali mhux tal-UE u l-UE nfisha, iffukaw fuq l-iżvilupp ta’ sinerġiji tal-programmi tagħhom tar-R&I u fuq kooperazzjoni mtejba bejn il-programmi nazzjonali u reġjonali tar-R&I għall-benefiċċju tal-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D.
Eurostars-2 segwa tliet objettivi:
·Il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
ol-attivitajiet jitwettqu bil-kollaborazzjoni tranżnazzjonali tal-SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp bejniethom jew li jinkludu atturi oħrajn tal-katina tal-innovazzjoni (eż. universitajiet, organizzazzjonijiet ta’ riċerka);
oir-riżultati tal-attivitajiet huma mistennija li jiġu introdotti fis-suq fi żmien sentejn minn meta titlesta attività.
·Iż-żieda tal-aċċessibbiltà, tal-effiċjenza u tal-effikaċja tal-finanzjament pubbliku għall-SMEs fl-Ewropa, billi jiġu allinjati, armonizzati u sinkronizzati l-mekkaniżmi ta’ finanzjament nazzjonali tal-Istati parteċipanti.
·Il-promozzjoni u ż-żieda tal-parteċipazzjoni ta’ SMEs mingħajr esperjenza preċedenti ta’ riċerka tranżnazzjonali.
L-Unjoni Ewropea (“UE”) ipparteċipat f’Eurostars-2 abbażi tad-Deċiżjoni 553/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm ta’ Riċerka u Żvilupp li diversi Stati Membri jwettqu b’mod konġunt bl-għan li jappoġġaw lill-SMEs 1 li jwettqu attivitajiet ta’ R&D (id-“Deċiżjoni”). Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea kellha twettaq evalwazzjoni finali ta’ Eurostars-2 sal-31 ta’ Diċembru 2022.
Dan ir-rapport jipprovdi l-evalwazzjoni finali tal-programm Eurostars-2, li tkopri l-perjodu bejn il-bidu ta’ Eurostars-2 fl-2014 sa Marzu 2022. 2 Ir-rapport jibni fuq l-evalwazzjoni interim ta’ Eurostars-2 li saret fl-2017 3 , sejħa għal evidenza mnedija f’Settembru 2022, u d-data ta’ monitoraġġ disponibbli. Il-prestazzjoni ta’ Eurostars-2 kienet koperta wkoll bħala parti mill-evalwazzjoni ex-post esterna ta’ Orizzont 2020 4 .
2.Kuntest u Ħarsa Ġenerali lejn l-Eurostars-2
Il-programm Eurostars-2 bena fuq l-esperjenza tal-predeċessur tiegħu, il-programm Eurostars-1 implimentat bejn l-2008 u l-2013. Dak iż-żmien il-programm ġie ffinanzjat skont l-Artikolu 169 tat-Trattat tal-KE permezz ta’ kontribuzzjoni miftiehma tal-UE għal programm konġunt bejn l-Istati Membri u l-UE.
L-objettiv ta’ Eurostars-1 kien li jappoġġa proġetti transnazzjonali ta’ riċerka u innovazzjoni orjentati lejn is-suq mibdija u mmexxija minn SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp sabiex itejbu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. L-SMEs li jwettqu r-riċerka u l-iżvilupp kienu u huma rikonoxxuti bħala partijiet ikkonċernati importanti għall-ekonomija Ewropea bbażata fuq l-għarfien li qiegħda tiffaċċja l-kompetizzjoni globali. Is-sejbiet mill-evalwazzjoni finali tal-programm Eurostars-1 5 urew li l-appoġġ finanzjarju għen b’suċċess lill-benefiċjarji tal-Eurostars-1 biex jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda jew imtejba li bihom jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom u li 88 % tal-proġetti analizzati tal-Eurostars-1 żviluppaw l-innovazzjonijiet ippjanati tagħhom.
B’mod simili għal Eurostars-1, Eurostars-2 ma kellu l-ebda fokus xjentifiku jew teknoloġiku speċifiku iżda appoġġa kollaborazzjoni transfruntiera fir-R&I fost l-SMEs, ditti kbar, organizzazzjonijiet tar-riċerka u universitajiet b’enfasi qawwija fuq l-internazzjonalizzazzjoni.
Wara l-prattika preċedenti taħt Eurostars-1, is-Segretarjat ta’ Eureka nħatar bħala l-istruttura ta’ implimentazzjoni għal Eurostars-2. Is-Segretarjat tal-Eureka nħoloq bħala l-uffiċċju operattiv ta’ Eureka, inizjattiva intergovernattiva stabbilita fl-1985 bl-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni fir-riċerka industrijali. 6
Il-kontribuzzjoni ta’ finanzjament tal-UE lil Eurostars-2 mill-baġit ta’ Orizzont 2020 ġiet stabbilita għal EUR 287 miljun. Għal kull proġett tal-Eurostars-2 il-bażi tal-finanzjament kienet taħlita fissa bejn il-kontribuzzjoni nazzjonali u l-kontribuzzjoni tal-UE; b’mod konformi mad-Deċiżjoni.
Skont id-Deċiżjoni, il-kompiti tas-Segretarjat tal-Eureka fl-implimentazzjoni ta’ Eurostars-2 kienu jinkludu:
·it-tħejjija tal-baġit annwali tas-sejħiet u tal-organizzazzjoni ċentrali tagħhom (eż. kontroll tal-eliġibbiltà, evalwazzjoni u klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet),
·il-ġbir ta’ informazzjoni minn Korpi ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFBs) għat-trasferiment tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni,
·attivitajiet ta’ promozzjoni,
·ir-rapportar lill-Grupp ta’ Livell Għoli 7 tal-Eurostars-2 u lill-Kummissjoni dwar il-programm Eurostars-2.
L-evalwazzjoni interim ta’ Eurostars-2 imwettqa fl-2017 infurmat il-valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattiva suċċessur tagħha “Sħubija Ewropea dwar SMEs Innovattivi” appoġġata taħt Orizzont Ewropa. Hija enfasizzat li l-benefiċċji ewlenin tal-Eurostars jinsabu fil-karatteristiċi niċċa tal-programm, bħall-approċċ tiegħu minn isfel għal fuq, il-fokus transnazzjonali qawwi tiegħu, id-diviżjoni tax-xogħol bejn l-istruttura ċentrali u l-istrutturi deċentralizzati tal-korpi ta’ finanzjament nazzjonali. Dan jippermetti wkoll lill-benefiċjarji jintroduċu prodotti ġodda fi żmien sentejn mit-tlestija tal-proġetti u jippermetti lill-SMEs jiksbu fondi mingħajr ebda esperjenza preċedenti f’kollaborazzjoni transnazzjonali fir-R&I.
Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni interim indikat li, minħabba l-istruttura deċentralizzata, iż-żminijiet għall-għotja wrew livell għoli ta’ eteroġeneità u n-nuqqas ta’ sinkronizzazzjoni tal-proċeduri spiss fixkel l-implimentazzjoni bla xkiel tal-programm. L-għadd baxx ta’ Stati parteċipanti attivi u l-konċentrazzjoni mhux uniformi 8 fihom min-naħa tal-benefiċjarji llimitaw l-impatt tal-programm. Intwera ċertu livell ta’ inċertezza f’termini ta’ kisba ta’ finanzjament għal proġetti magħżula meta l-kontribuzzjoni tal-Istati parteċipanti kienet ġiet eżawrita minn proġetti oħra.
3.Sejbiet tal-evalwazzjoni finali u osservazzjonijiet
3.1Metodoloġija tal-evalwazzjoni u limitazzjonijiet
L-evalwazzjoni finali tal-Eurostars-2 tibni fuq is-sejbiet tal-istudju estern li jinkorpora żewġ studji tal-każijiet, bl-użu ta’ data miġbura permezz ta’ stħarriġ u madwar 30 intervista mal-parteċipanti tal-programm u varjetà usa’ ta’ partijiet ikkonċernati (inklużi benefiċjarji, korpi ta’ finanzjament nazzjonali, is-Segretarjat tal-Eureka u s-servizzi tal-Kummissjoni), ikkomplementati b’informazzjoni statistika dwar il-Programm Eurostars-2 ipprovduta mis-Segretarjat tal-Eureka. Is-sejħa għal evidenza ppubblikata f’Settembru 2022 ġabret twieġbet minn 62 entità minn disa’ pajjiżi differenti u fil-biċċa l-kbira kkonfermat il-konklużjonijiet li nsiltu mill-intervisti mwettqa mal-partijiet ikkonċernati.
Id-data ta’ monitoraġġ miġbura tinkludi data, fost l-oħrajn, dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal kull limitu, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti, l-għadd ta’ proġetti ffinanzjati għal kull limitu, il-baġit totali tal-proġetti għal kull limitu, il-kompożizzjoni tal-konsorzju għall-perjodu ta’ finanzjament 2014–2020, il-proġetti Eurostars-2 approvati kollha, il-baġit impenjat għal kull stat parteċipanti u pajjiż sieħeb għal kull limitu u l-kontribuzzjoni impenjata tal-UE, iż-żmien għall-kuntratt għal kull pajjiż għall-qtugħ 1–15, kif ukoll ir-Rapporti Annwali tal-programm Eurostars-2 mill-2014 sal-2021.
Peress li madwar nofs il-proġetti Eurostars-2 kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien tal-evalwazzjoni, l-għarfien mir-rapporti finali huwa prinċipalment ipproġettat mill-qtugħ 1–5, li huwa kkompletat.
Minħabba nuqqas ta’ informazzjoni aktar dettaljata u ta’ data dwar ir-riżultati u l-impatti tal-proġetti finali tal-Eurostars-2, għarfien minn intervisti u riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni huwa prinċipalment integrat f’din l-evalwazzjoni finali li tagħti biss għarfien limitat dwar ir-riżultati u l-impatti reali. Għalkemm is-Segretarjat tal-Eureka biddel is-sistema ta’ monitoraġġ tiegħu b’reazzjoni għall-Evalwazzjoni Interim (2017), li nnotat l-eżattezza insuffiċjenti u n-nuqqas ta’ informazzjoni aġġornata fil-bażi tad-data tas-Segretarjat tal-Eureka, ma kienx għadu possibbli li jiġi vvalutat fiż-żmien tal-evalwazzjoni finali (2022) jekk il-monitoraġġ il-ġdid tejjibx il-puntwalità u d-disponibbiltà tad-data, b’mod partikolari minħabba l-bidliet li għaddejjin fis-sistema tal-IT tas-Segretarjat tal-Eureka.
Madankollu, il-bidliet fis-sistemi tal-IT, fis-sostituzzjoni tal-persunal u fi gwida aktar ċara fil-ftehim tal-proġett huma mistennija li jwasslu għal sitwazzjoni mtejba fil-programm suċċessur ta’ Eurostars-2, li huwa soġġett għal obbligi ta’ rapportar relatati ma’ sħubijiet kofinanzjati taħt Orizzont Ewropa, b’enfasi akbar fuq l-impatt.
Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport 9 jipprovdi aktar dettalji dwar l-evalwazzjoni.
3.2Sejbiet tal-evalwazzjoni finali
Abbażi tad-data limitata disponibbli, is-sejbiet ewlenin mill-evalwazzjoni finali ta’ Eurostars-2 skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 10 huma dawn li ġejjin:
Effiċjenza tal-implimentazzjoni
Bejn l-2014 u tmiem l-2021, saru 15-il sejħa konġunta (mill-inqas darbtejn fis-sena), li attiraw 5891 proposta ta’ proġetti. L-għadd ta’ proġetti ffinanzjati ammonta għal 1546. TIl-benefiċjarji ewlenin tal-programm Eurostars-2 kienu SMEs li jwettqu attivitajiet ta’ R&D (66 %) 11 , li 30 % minnhom ma kellhom l-ebda esperjenza preċedenti f’kollaborazzjoni internazzjonali qabel ma pparteċipaw fil-programm Eurostars-2. Kien programm ta’ finanzjament attraenti b’rata għolja ta’ suċċess (27 %) għall-SMEs, li ħafna minnhom applikaw għall-ewwel darba għal finanzjament mill-UE aktar minn programmi ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali.
L-Eurostars-2 kien qiegħed jaħdem b’mod effiċjenti u ma kien hemm l-ebda dewmien fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ħidma Annwali u s-sejħiet. L-uniċità tal-programm tiddependi mill-finanzjament ta’ proġetti kollaborattivi tranżnazzjonali mmexxija minn SMEs li jwettqu r-riċerka u l-iżvilupp. Meta mqabbla mal-programm Eurostars-1, ir-regoli nazzjonali dwar il-finanzjament ġew armonizzati ulterjorment u l-proċessi amministrattivi tħaffew. Pereżempju, iż-żmien għall-kuntratt naqas b’mod sinifikanti matul il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-programm Eurostars-2 u laħaq durata medja ta’ 6,6 xhur. Madankollu, għadhom jeżistu differenzi sinifikanti bejn il-pajjiżi parteċipanti. Il-membri tal-konsorzju għal proġett partikolari ffaċċjaw regoli differenti għall-applikazzjoni skont il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u l-provvediment tal-għotjiet kien soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament nazzjonali. Barra minn hekk, anki jekk il-proċess ta’ evalwazzjoni ċentralizzat tal-applikazzjonijiet jitqies bħala strutturat tajjeb, xi drabi jiġi kkritikat ukoll talli mhuwiex trasparenti mill-applikanti. Proċessi ta’ applikazzjoni kkumplikati li jafu jirrikjedu s-servizzi ta’ ditti esterni li jgħinu fil-proċess tal-applikazzjoni u jiktbu l-applikazzjoni attwali tal-proġett skont dawk intervistati.
Fir-rigward tal-baġit impenjat fil-perjodu 2014-2020, il-programm Eurostars-2 kellu baġit pubbliku totali impenjat ta’ EUR 1,14 biljun li ġej mill-Pjanijiet ta’ Ħidma Annwali. Filwaqt li l-UE impenjat EUR 287 miljun (33,3 %) għall-finanzjament tal-proġetti, iċ-ċifra ta’EUR 856 miljun li jifdal (66,6 %) ġiet impenjata mill-pajjiżi parteċipanti fil-Eurostars-2 permezz ta’ riżorsi ta’ finanzjament nazzjonali. Madankollu, il-fondi ma ntużawx bis-sħiħ peress li r-riżultati tal-evalwazzjoni ma setgħux jaqblu mal-finanzjament nazzjonali disponibbli għal kull sejħa. Abbażi tad-data limitata disponibbli, hemm diskrepanza konsiderevoli bejn il-baġit impenjat minn qabel u l-finanzjament attwali pprovdut. Dan kien kemxejn mitigat bl-introduzzjoni ta’ sejħa addizzjonali “Covid” bl-użu ta’ fondi mhux użati. Wara din is-sejħa addizzjonali, l-infiq insuffiċjenti tal-Unjoni waħdu kien ta’ EUR 31.4 miljun matul il-ħajja tal-programm, li jirrappreżenta 10.9 % tal-impenn tal-UE.
L-ammonti ta’ għotjiet impenjati mit-33 pajjiż parteċipanti u mill-erba’ pajjiżi sħab mhux tal-UE addizzjonali varjaw b’mod sinifikanti għal kull pajjiż. Filwaqt li l-akbar ammonti ta’ għotjiet ġew impenjati mill-Ġermanja (EUR 112-il miljun), min-Netherlands (EUR 102 miljuni) u minn Franza (EUR 74 miljun), l-ebda għotja ma ġiet impenjata mill-Greċja. Ħames pajjiżi (il-Ġermanja, in-Netherlands, Franza, l-Iżvezja u n-Norveġja) u erba’ pajjiżi sħab mhux tal-UE 12 impenjaw kważi nofs it-total tal-baġits nazzjonali impenjati (madwar 49 %). Kif deskritt fl-istudju tal-każ dwar parteċipazzjoni varjata, minħabba t-tfassil tal-programm hemm korrelazzjoni qawwija bejn l-allokazzjoni tal-baġit u l-parteċipazzjoni fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, filwaqt li xi pajjiżi parteċipanti offrew servizzi ta’ appoġġ u attivitajiet promozzjonali li żiedu l-viżibbiltà tal-programm Eurostars-2 fil-livell nazzjonali, korpi ta’ finanzjament nazzjonali oħra ma kellhomx ir-riżorsi finanzjarji u umani biex jippromwovu l-programm fil-livell nazzjonali, li rriżulta f’livell inugwali ta’ viżibbiltà tal-programm Eurostars-2 fl-istati parteċipanti kollha. Barra minn hekk, l-inċertezza sabiex jinkiseb finanzjament għal proġetti magħżula meta l-kontribuzzjoni tal-pajjiżi parteċipanti tkun ġiet eżawrita minn proġetti rrankjati ogħla kienet nuqqas ewlieni identifikat fl-Evalwazzjoni Interim. Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni u data pprovduti għall-evalwazzjoni finali, dan l-aspett ma setax jiġi eżaminat bis-sħiħ. Madankollu, peress li l-proċess tal-għażla għas-sħubija ma nbidilx mindu saret l-evalwazzjoni interim, ma jistax jiġi eskluż li dik il-kwistjoni ppersistiet matul l-Eurostars-2.
L-evalwazzjoni esterna tindika r-rwol tas-Segretarjat tal-Eureka għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-programm minħabba n-network wiesa’, internazzjonali u l-bażi tad-data esperta tiegħu b’għarfien wiesa’ f’oqsma teknoloġiċi differenti. Is-Segretarjat tal-Eureka, madankollu, saż-żmien tal-evalwazzjoni, ma pprovdiex monitoraġġ aktar dettaljat u informazzjoni ta’ rappurtar dwar ir-riżultati tal-proġetti li jippermettu l-valutazzjoni sħiħa tal-effetti tal-programm u lanqas l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tiegħu.
Effettività u impatt
Il-programm segwa approċċ minn isfel għal fuq mingħajr fokus tematiku jew teknoloġiku predeterminat. Dan irriżulta f’oqsma teknoloġiċi differenti li ġew koperti mill-proġetti appoġġati. Kien hemm enfasi qawwija fuq ix-xjenzi u t-teknoloġiji bijoloġiċi (35 % tal-proġetti), segwiti mill-elettronika, l-IT u t-teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni (22 % tal-proġetti).
Skont l-informazzjoni disponibbli, il-programm Eurostars-2 jidher li kellu impatt pożittiv. Peress li madwar nofs il-proġetti kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien tal-evalwazzjoni, u s-sistema ta’ monitoraġġ u rapportar ma ppermettietx traċċar xieraq tar-riżultati, mhuwiex possibbli li jinsiltu konklużjonijiet dettaljati dwar ir-riżultati finali tal-proġetti u l-impatt tagħhom. B’mod ġenerali, l-SMEs benefiċjarji rrapportaw li kellhom suċċess fl-iżvilupp ta’ privattivi ġodda, u ta’ prototipi u rċevew investimenti privati wara t-tlestija tal-proġett. L-aktar riżultati kkummerċjalizzati kienu l-prodotti (53 %) segwiti mis-servizzi (28 %) u l-proċessi (19 %). Ir-riżultati tal-proġetti kienu prinċipalment ikkummerċjalizzati fl-Ewropa segwita mill-Amerka ta’ Fuq u mill-Asja.
Ir-rilevanza u l-koerenza
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli u l-kontribuzzjonijiet ta’ xi ftit benefiċjarji u partijiet ikkonċernati lejn l-evalwazzjoni esterna, il-Eurostars-2 huwa rikonoxxut bħala programm ta’ appoġġ rilevanti għall-SMEs fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka li jippermetti lil tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet jikkollaboraw ma’ sħab internazzjonali abbażi ta’ fondi nazzjonali mingħand il-Korpi Nazzjonali tal-Finanzjament, bħala istituzzjonijiet nazzjonali ta’ kuntatt. Għall-SMEs, il-programm Eurostars-2 kien possibbiltà importanti li tintroduċihom għall-ewwel kooperazzjoni internazzjonali. Għalhekk, il-programm Eurostars-2 offra l-opportunità li tissaħħaħ ir-relazzjoni mas-sħab tal-konsorzju u anke li wieħed jiskopri u jilħaq swieq u kuntatti internazzjonali ġodda. L-SMEs li għandhom riżorsi tar-R&I limitati biss kellhom il-possibbiltà permezz tal-programm li jikkollaboraw ma’ kumpaniji oħrajn u jiżviluppaw proprjetà intellettwali ġdida u jiksbu ħiliet li ma għandhomx fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.
Il-programm Eurostars-2 kien perċepit mill-partijiet ikkonċernati intervistati bħala programm ta’ appoġġ rilevanti biex jiġu indirizzati l-fallimenti eżistenti tas-suq billi l-SMEs ma jkollhomx kapaċitajiet ta’ innovazzjoni minħabba l-grad ta’ teħid tar-riskju u r-riżorsi meħtieġa. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tal-Eurostars-2 kien rilevanti għall-SMEs biex ikomplu jiżviluppaw il-prodotti, il-proċessi u/jew is-servizzi innovattivi tagħhom permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien tranżnazzjonali. Il-programm offra l-possibbiltà li jinbeda proċess ta’ tagħlim kooperattiv ma’ sħab internazzjonali ta’ suċċess li ma kienx ikun disponibbli fil-livell reġjonali jew nazzjonali. Il-benefiċjarji intervistati enfasizzaw li l-ammont tal-għotjiet kien ukoll ġeneralment ogħla milli fil-livell nazzjonali jew reġjonali għal attivitajiet simili.
4.Konklużjonijiet
Grupp fil-mira u ambitu tal-programm
Abbażi tad-data disponibbli, il-programm Eurostars-2 huwa meqjus bħala programm ta’ appoġġ rilevanti għall-SMEs biex jiżviluppaw prodotti, proċessi u servizzi ġodda u innovattivi li jagħtu lill-SMEs mhux familjari mal-qasam tal-finanzjament internazzjonali l-ewwel esperjenza f’kollaborazzjoni ma’ sħab barra minn pajjiżhom. Il-ftuħ teknoloġiku u l-approċċ minn isfel għal fuq huma perċepiti bħala wieħed mill-benefiċċji ewlenin tal-programm. Il-ftuħ ġeografiku u l-possibbiltà li ssir kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet sħab minn firxa wiesgħa ta’ 33 pajjiżi parteċipanti u erba’ pajjiżi sħab addizzjonali mhux tal-UE huma waħda mill-valuri miżjuda tal-programm Eurostars-2 meta mqabbel ma’ programmi ta’ finanzjament reġjonali jew nazzjonali li spiss ikollhom ukoll rati ta’ finanzjament aktar baxxi. L-għadd dejjem akbar ta’ applikazzjonijiet matul il-15-il cut-off jindika r-rilevanza eżistenti tal-programm għall-gruppi fil-mira.
Governanza u ġestjoni
Hemm differenzi kbar fir-rati ta’ applikazzjoni u parteċipazzjoni fost l-istati parteċipanti u l-pajjiżi sħab. Ħames pajjiżi u erba’ pajjiżi sħab mhux tal-UE impenjaw ruħhom f’kważi nofs it-total tal-baġits nazzjonali impenjati. Dan huwa spjegat l-aktar mit-tfassil tal-programm, li jfisser li l-baġit allokat fil-livell nazzjonali huwa fattur determinanti qawwi tal-għadd ta’ proġetti ffinanzjati minn benefiċjarji minn pajjiż partikolari. Il-pajjiżi li jipprovdu l-aktar kontribut b’saħħtu għandhom l-aktar ammont ta’ parteċipanti. Minkejja r-rata għolja ta’ suċċess ta’ 27 %, il-fondi ma ntużawx bis-sħiħ peress li r-riżultati tal-evalwazzjoni ma setgħux jaqblu mal-finanzjament nazzjonali disponibbli għal kull sejħa, u tnediet sejħa addizzjonali biex jintużaw dawn il-fondi. B’mod ġenerali, is-sejbiet mill-evalwazzjoni finali jindikaw li l-governanza tal-Eurostars-2 mis-Segretarjat tal-Eureka hija struttura ta’ governanza kumplessa iżda adegwata flimkien mal-Korpi ta’ Finanzjament Nazzjonali, adattata għall-ħtiġijiet tal-programm Eurostars-2.
Outputs u riżultati tal-proġetti tal-Eurostars-2
Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni aktar dettaljata dwar ir-riżultati finali u l-impatti tal-proġetti Eurostars-2 fiż-żmien tal-evalwazzjoni finali, l-għarfien miksub mill-intervisti u r-riċerka bbażata fuq id-dokumentazzjoni u għadd limitat ta’ rapporti dwar l-impatt fuq is-suq biss huma integrati fl-evalwazzjoni finali. Il-bidliet fis-sistemi tal-IT, fis-sostituzzjoni tal-persunal u fi gwida aktar ċara fil-ftehim tal-proġett mistennija li jwasslu għal sitwazzjoni mtejba fil-programm suċċessur ta’ Eurostars-2, li huwa soġġett għal obbligi ta’ rapportar relatati ma’ sħubijiet ta’ kofinanzjament taħt Orizzont Ewropa, b’enfasi akbar fuq l-impatt. Fir-rigward tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-proġett, għadd limitat ta’ intervisti mal-benefiċjarji jindika li l-parteċipanti fil-proġetti Eurostars-2 jidhru li rnexxielhom jiżviluppaw proċessi, prodotti jew servizzi ġodda u li jirċievu investimenti privati wara t-tlestija tal-proġett.
Għalkemm ma hemmx aktar sejħiet taħt il-programm, il-proġetti appoġġati mill-programm u l-pagamenti supplimentari relatati se jkomplu sal-2025.
Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Shaton, M., Pando, E., Vicini, I. et al., Interim evaluation of the Eurostars-2 Joint Programme, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2017, https://data.europa.eu/doi/10.2777/357102
Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Eurostars-2 final evaluation – Evaluation study of the European Framework Programmes for Research and Innovation for an innovative Europe, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2777/333838
COM(2015)479 — Evalwazzjoni finali tal-Programm Konġunt Eurostars (2008–2013)
Il-Grupp ta’ Livell Għoli Eurostars-2 huwa l-korp inkarigat mis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm Konġunt Eurostars-2, u b’mod partikolari għall-approvazzjoni tal-proċeduri operattivi għat-tmexxija tal-Programm Konġunt Eurostars-2, l-approvazzjoni tal-ippjanar tas-sejħiet u l-baġit għas-sejħiet, u l-approvazzjoni tal-lista ta’ klassifikazzjoni tal-proġetti Eurostars-2 li jridu jiġu ffinanzjati.
9 pajjiż parteċipanti jikkonċentraw fi ħdanhom aktar minn nofs l-SMEs kollha li jipparteċipaw fir-R&D: Il-Ġermanja, in-Netherlands, ir-Renju Unit, Franza, Spanja, id-Danimarka, l-Iżvizzera, l-Iżvezja u n-Norveġja.
SWD(2024)470
Bil-bqija tal-finanzjament imur għand partijiet ikkonċernati oħra, bħal organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija.
L-Iżvizzera, il-Korea t’Isfel, il-Kanada u l-Afrika t’Isfel.