Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0327

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

    COM/2024/327 final

    Brussell, 30.7.2024

    COM(2024) 327 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali






    1.Introduzzjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 ( 1 ) (“ir-Regolament”) jistabbilixxi regoli komuni għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali fl-UE. Din tkopri, skont l-Artikolu 3, l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali, inklużi l-flussi migratorji, l-istokkijiet tal-migranti kif ukoll l-akkwist taċ-ċittadinanza. Tkopri wkoll, skont l-Artikoli 4 sa 7, l-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita li tinvolvi:

    ·applikazzjonijiet għall-ażil, inkluż minn minorenni mhux akkumpanjati, deċiżjonijiet tal-ewwel istanza u deċiżjonijiet ta’ appell li jagħtu jew jirtiraw diversi forom ta’ protezzjoni internazzjonali, u persuni risistemati fl-UE;

    ·statistika dwar l-Istati Membri li japplikaw ir-Regolament ta’ Dublin III ( 2 );

    ·ċittadini mhux tal-UE li jkunu ġew miċħuda d-dħul fl-Istat Membru fil-fruntiera esterna jew li nstabu preżenti b’mod illegali skont il-liġi nazzjonali;

    ·permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini mhux tal-UE, it-tul tal-validità tal-permess u r-raġuni għall-ħruġ tal-permess; u

    ·ċittadini mhux tal-UE ordnati jitilqu mit-territorju ta’ Stat Membru jew irreġistrati li se jitilqu wara li tkun inħarġitilhom ordni.

    Dan huwa l-ħames rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, kif meħtieġ mill-Artikolu 12 u r-rapporti sussegwenti fl-2012 ( 3 ), l-2015 ( 4 ), l-2018 ( 5 ) u l-2021 ( 6 ). Jipprovdi informazzjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-Regolament mill-2021 u jippreżenta l-passi li jmiss biex tittejjeb aktar il-kwalità ta’ din l-istatistika.

    2.Żviluppi ewlenin mill-2021

    Wara titjib kontinwu li wassal għar-rapport tal-2018, id-disponibbiltà u l-kwalità ġenerali tad-data stabbilizzaw f’livell għoli, kif iddokumentat fir-rapport tal-2021. Sar bosta titjib tekniku ulterjuri mill-2021 ’l hawn li għen biex tinżamm ir-rilevanza għolja tal-outputs statistiċi, kif ukoll biex il-validazzjoni u l-ipproċessar tad-data jsiru aktar effiċjenti. Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri u l-Eurostat żguraw li t-trażmissjonijiet u l-pubblikazzjonijiet tad-data jirrispettaw il-kalendarju ta’ meta jinħarġu.

    Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill introduċa protezzjoni temporanja għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna bħala konsegwenza tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ( 7 ). Filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali skont ir-Regolament ipprevedew il-ġbir trimestrali ta’ data dwar l-għoti ta’ protezzjoni temporanja, il-ħtieġa ta’ statistika addizzjonali u aktar frekwenti u fil-ħin f’dan il-qasam saret prijorità. Dan irriżulta fil-ġbir volontarju ta’ kull xahar ta’ statistika dwar l-għoti ta’ protezzjoni temporanja kif ukoll dwar l-istokk ta’ benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni temporanja mill-pajjiżi kollha tal-UE u tal-EFTA.

    Madankollu, minħabba n-natura li qed tinbidel malajr tal-fenomeni soċjali u demografiċi inkluża l-migrazzjoni, inħolqu ħtiġijiet ġodda ta’ statistika Ewropea regolari aktar fil-ħin u aktar dettaljata.

    Fl-2020, ir-Regolament ġie emendat ( 8 ) biex tiġi aġġornata l-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita skont l-Artikoli 4 sa 7 f’termini ta’ varjabbli ġodda, diżaggregazzjonijiet aktar dettaljati u ġabriet ta’ data aktar frekwenti għall-perjodi ta’ referenza mill-2021 ’il quddiem. Il-Eurostat jimmonitorja regolarment il-progress fl-adattamenti meħtieġa fis-sistemi ta’ produzzjoni nazzjonali fl-Istati Membri affettwati. F’konformità mal-Artikolu 11a tar-Regolament, il-Kummissjoni tat derogi temporanji ( 9 ) lil 16-il Stat Membru, b’data ta’ skadenza massima stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2023. Sa tmiem l-2023, 11-il pajjiż bdew jissottomettu d-data f’konformità mat-talbiet qabel ma skadew id-derogi tagħhom. Ġew identifikati kwistjonijiet puntwali ta’ nuqqas ta’ konformità wara t-tmiem tal-perjodu ta’ deroga u dawn jiġu segwiti b’mod bilaterali. Kif meħtieġ mill-Artikolu 9b tar-Regolament, il-Kummissjoni tipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biex tappoġġja l-azzjonijiet ta’ żvilupp jew ta’ implimentazzjoni meħtieġa fl-Istati Membri. L-istrumenti rilevanti huma għotjiet ipprovduti mill-Eurostat u appoġġ skont il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ( 10 ).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni (il-Eurostat) wettqet studji pilota, kif meħtieġ mill-Artikolu 9a tar-Regolament, biex tittestja l-fattibbiltà ta’ ġabriet ta’ data jew data diżaggregata ġdida. Qed tevalwa r-riżultati f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ task force dedikat dwar l-istudji pilota għal Statistika ġdida dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni Ġestita. Skont dawn ir-riżultati, il-Kummissjoni tista’ tqis li tħejji atti ta’ implimentazzjoni li jintroduċu obbligu legali li tali statistika tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (il-Eurostat). L-ewwel rapport dwar il-progress fl-istudji pilota ġie ppubblikat fl-2022 ( 11 ).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet inizjattiva fl-2021 biex tirrevedi l-qafas legali għall-istatistika dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni. F’dan il-kuntest, evalwazzjoni tal-qafas legali attwali — inkluża l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 3 tar-Regolament — indikat diversi lakuni sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet qafas legali integrat ġdid, li għalih il-proċedura leġiżlattiva għadha għaddejja (ara t-Taqsima 4 ).

    3.Kwalità tal-istatistika prodotta 

    Sabiex jimplimenta r-Regolament, il-Eurostat qed ikompli jaħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha. L-istituti nazzjonali tal-istatistika huma l-fornituri ewlenin tal-istatistika dwar il-flussi migratorji, l-akkwisti taċ-ċittadinanza u l-istokkijiet tal-popolazzjoni. L-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita normalment tiġi direttament mill-ministeri tal-intern, mis-servizzi tal-immigrazzjoni jew mill-awtoritajiet tal-pulizija.

    Sabiex jevalwa l-kwalità tad-data li tidħol, il-Eurostat jiġbor metadata estensiva u informazzjoni ta’ kwalità mill-Istati Membri. Ir-rapporti nazzjonali dwar il-metadata li jirriżultaw iservu għal kontrolli tal-kwalità, evalwazzjoni u aktar titjib ( 12 ). Dawn jgħinu lill-utenti jinterpretaw u jużaw l-istatistika b’mod korrett. Fit-taqsimiet li ġejjin, jiġu indirizzati diversi dimensjonijiet tal-kwalità.

    3.1.Rilevanza

    L-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali tintuża għall-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-affarijiet interni, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, il-ġustizzja, ir-relazzjonijiet esterni u d-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni tiddependi fuq id-data biex tħejji rapporti regolari, proposti ta’ politika u rapporti ta’ implimentazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u twettaq analiżi tal-politika.

    F’Settembru 2020, il-Kummissjoni pproponiet il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ( 13 ). Il-pakkett adottat fl-2024 jinkludi r-Regolament (UE) 2024/1351 dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni ( 14 ), li jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika Rapport Annwali Ewropew dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni li jivvaluta s-sitwazzjoni tal-ażil, tal-akkoljenza u tal-migrazzjoni matul il-perjodu tat-12-il xahar preċedenti. Dan ir-rapport irid ikun ibbażat fuq data u informazzjoni rilevanti pprovduti mill-Istati Membri u minn diversi korpi u aġenziji Ewropej, inkluża statistika skont ir-Regolament.

    L-istatistika skont ir-Regolament tintuża wkoll biex jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet tal-baġit lill-Istati Membri għal xi fondi tal-UE skont il-qafas finanzjarju pluriennali 2021–2027. L-allokazzjonijiet ta’ finanzjament nazzjonali taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi ( 15 ) jiddependu fuq l-aħħar statistika annwali skont ir-Regolament. Din l-istatistika tikkontribwixxi wkoll għall-evidenza meħtieġa biex tiffoka fuq prijoritajiet strateġiċi fid-dimensjoni esterna tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, inkluż meta tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament ( 16 ).

    L-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali tintuża wkoll minn aġenziji tal-UE relatati mal-migrazzjoni bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil, li l-Eurostat jaħdem mill-qrib magħhom għall-ġbir ta’ data u l-metodoloġija statistika.

    Eżempji ta’ pubblikazzjonijiet rilevanti huma r-Rapport dwar l-impatt tat-tibdil demografiku tal-2023 ( 17 ), l-Ageing Report tal-2024 ( 18 ), kif ukoll pubblikazzjonijiet miċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija tal-Kummissjoni ( 19 ) bħall-Atlas of Demography ( 20 ) u l-Atlas of Migration ( 21 ), u min-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni ( 22 ) bħall-Annual Report on Migration and Asylum 2022 ( 23 ). Il-Eurostat huwa kontributur ewlieni tal-istatistika għal pubblikazzjonijiet bħal dawn.

    Barra minn hekk, l-utenti regolari tal-istatistika jinkludu amministrazzjonijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali, riċerkaturi akkademiċi u gruppi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Dawn is-suġġetti jinkludu l-integrazzjoni tal-immigranti, l-iżvilupp u l-monitoraġġ ta’ proċeduri nazzjonali tal-ażil u tal-immigrazzjoni, u l-projezzjonijiet tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol.

    3.2.Akkuratezza

    L-Istati Membri qed iżommu jew itejbu b’mod kostanti l-akkuratezza statistika f’livell għoli. Għad hemm kwistjonijiet speċifiċi dwar l-akkuratezza tad-data dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Dawn huma relatati kemm ma’ kopertura nieqsa (meta n-nies ma jirreġistrawx il-post ta’ residenza tagħhom) kif ukoll ma’ kopertura żejda (meta n-nies ma jneħħux ir-reġistrazzjoni, peress li spiss ma jkun hemm l-ebda obbligu jew inċentiv biex jagħmlu dan). Biex ikomplu jtejbu l-akkuratezza f’dan il-qasam, xi Stati Membri jiskambjaw id-data, u jużaw tekniki ta’ stima u sorsi addizzjonali tad-data amministrattiva. Il-libertà ta’ moviment fl-UE u kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali jillimitaw aktar titjib fil-kwalità tal-istatistika, speċjalment tal-movimenti fl-UE.

    3.3.Tempestività u puntwalità

    Skont it-tip ta’ data, l-iskadenza għall-forniment tad-data lill-Eurostat hija bejn 2 u 12-il xahar wara d-data ta’ referenza jew it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Il-proċeduri ta’ estrazzjoni awtomatizzata fil-livell nazzjonali u l-monitoraġġ regolari mill-Eurostat għandhom l-għan li jiżguraw il-forniment puntwali tad-data. L-iskadenzi għat-trażmissjoni ġew osservati b’mod ġenerali, b’xejriet kostanti fil-biċċa l-kbira jew li qed jitjiebu ftit mill-2021. Kwistjonijiet oħra mhux rikorrenti jibqgħu rari, pereżempju interruzzjonijiet iżolati minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-persunal jew in-nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi tal-kompjuter. Il-pandemija tal-COVID-19 ma affettwatx l-implimentazzjoni tal-kalendarju tar-rilaxx.

    3.4.Aċċessibbiltà

    Id-data statistika u l-metadata huma disponibbli liberament fuq is-sit web tal-Eurostat taħt it-tema Migrazzjoni u ażil ( 24 ). Barra minn hekk, din l-istatistika tidher f’artikli ta’ Statistics Explained ( 25 ) aġġornati regolarment u f’pubblikazzjonijiet tal-kompendju bħal Ċifri ewlenin dwar l-Ewropa (Key figures on Europe) ( 26 ).

    L-istatistika prodotta skont ir-Regolament tibqa’ fost l-istatistika Ewropea l-aktar ikkonsultata. Mill-2021 ’l hawn, it-taqsimiet tematiċi dwar l-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-ażil ( 27 ) kienu l-aktar popolari fuq is-sit web tal-Eurostat, u juru li huma ta’ interess kbir għall-utenti. L-artiklu ta’ Statistics Explained dwar il-migrazzjoni u l-istatistika dwar il-popolazzjoni tal-migranti ( 28 ) huwa wieħed mill-aktar artikli miżjura. Il-Eurostat ipproduċa regolarment pubblikazzjonijiet dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita, inkluż artiklu popolari dwar l-istatistika annwali dwar l-ażil, li rċieva attenzjoni sinifikanti ( 29 ). Din l-istatistika hija wkoll viżibbli ħafna fil-mezzi tal-media soċjali tal-Eurostat. Sett ta’ indikaturi ġodda għall-migrazzjoni internazzjonali kif ukoll għall-ażil u l-migrazzjoni ġestita nħareġ fl-2023. Pubblikazzjoni interattiva ġdida Migration and asylum in Europe ( 30 ) u Migrant integration and inclusion dashboard ( 31 ) ġdid ġew ippubblikati fl-2024.

    3.5.Koerenza u komparabbiltà

    Il-linji gwida metodoloġiċi u ta’ kompilazzjoni ilhom fis-seħħ u jiġu mtejba b’mod regolari għall-istatistika kollha skont ir-Regolament. Dawn jgħinu lill-Istati Membri jiżguraw il-komparabbiltà, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali.

    L-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali għadha konsistenti ħafna mal-istatistika koperta mir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 ( 32 ). Biex tiġi żgurata l-komparabbiltà, il-Eurostat jivverifika jekk id-data riċevuta hijiex konsistenti internament u maż-żmien, u jekk hijiex komparabbli bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi. Dwar il-komparabbiltà bejn il-pajjiżi, ir-Regolament jistabbilixxi definizzjonijiet armonizzati għad-data dwar il-fluss migratorju. Il-problemi fl-applikazzjoni ta’ definizzjonijiet speċifiċi għall-istatistika dwar il-flussi migratorji u l-akkwist taċ-ċittadinanza kienu fost l-aktar diffiċli biex jiġu indirizzati. Mir-rapport tal-2021 ’l hawn, id-data trażmessa għall-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali u l-akkwist taċ-ċittadinanza ġeneralment baqgħet konformi ħafna mar-Regolament.

    L-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita ġeneralment għandha livell tajjeb ta’ konformità mad-definizzjonijiet fir-Regolament. Xi kwistjonijiet speċifiċi jippersistu fi ftit Stati Membri, iżda l-aktar fil-livell tat-tqassim tas-subkategoriji.

    Dwar id-definizzjoni tal-bażi tal-popolazzjoni ġenerali, ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jiddefinixxu l-istokk tal-migranti solitament residenti jew, b’mod awtomatiku, residenti legalment jew reġistrati. Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-data dwar l-istokk tal-popolazzjoni skont l-Artikolu 3 tkun konsistenti mad-data dwar l-istokk meħtieġa skont l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament, peress li l-istatistiċi u d-demografi b’mod sistematiku jużaw din id-data dwar l-istokk flimkien. Dan jiżgura sett konsistenti bis-sħiħ ta’ data dwar l-istokk fil-livell nazzjonali għad-detriment ta’ komparabbiltà mnaqqsa bejn il-pajjiżi. Barra minn hekk, il-flussi migratorji internazzjonali huma bbażati fuq kunċett armonizzat ta’ residenza ta’ mill-inqas 12-il xahar. Għaldaqstant, dawn il-flussi mhux dejjem ikunu koerenti mal-bidliet fl-istokkijiet imsemmija hawn fuq. Dawn il-kwistjonijiet huma kruċjali meta l-armonizzazzjoni usa’ fl-istatistika dwar il-popolazzjoni kollha kemm hi — li tkopri ċ-ċensiment, id-demografija u l-migrazzjoni internazzjonali — tiġi indirizzata b’mod aktar komprensiv fil-livell tal-UE (ara t-Taqsima 4 ).

    Fejn it-tqabbil ikun possibbli fil-livell internazzjonali, ġeneralment ikun hemm grad għoli ta’ konsistenza mad-data miġbura u ppubblikata xi mkien ieħor minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Il-Eurostat jikkoopera mill-qrib mal-Aġenzija tal-UE għall-Ażil u mal-Frontex biex jiżgura l-koerenza tal-metodoloġija u l-istatistika mal-metodoloġiji applikati u d-data miġbura minn dawn l-aġenziji.

    Il-Eurostat jikkoopera wkoll fil-livell internazzjonali biex jippromwovi l-koerenza statistika. Jipparteċipa fil-Grupp ta’ Esperti tan-NU dwar l-Istatistika dwar ir-Refuġjati u l-Persuni Spostati Internament ( 33 ) u huwa membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu. Il-Eurostat jikkontribwixxi għall-ħidma tal-grupp b’kontribuzzjonijiet metodoloġiċi u kontribuzzjonijiet bil-miktub għad-diversi outputs, iżda wkoll b’mod amministrattiv u finanzjarju. Il-ħidma tal-grupp wasslet għall-approvazzjoni tan-NU tar-Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali dwar l-Istatistiċi tal-Apolidija (International Recommendations on Statelessness Statistics) ( 34 ) fl-2023. Din ir-rakkomandazzjoni, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet preċedenti dwar l-istatistika dwar ir-refuġjati u l-persuni spostati internament, tistabbilixxi l-istandard globali għall-produzzjoni ta’ statistika dwar l-ispostament furzat. Pereżempju, huma jappellaw biex jitnaqqsu d-distakki u jiġu żgurati standards xierqa fl-istatistika dwar tfal spostati b’mod furzat, minorenni mhux akkumpanjati u persuni b’diżabbiltà.

    Il-Eurostat ilu membru tal-Bord Konsultattiv tal-Alleanza Internazzjonali tad-Data għat-Tfal fi Spostament ( 35 ) mill-2020, inizjattiva globali transsettorjali kofinanzjata mill-UE li għandha l-għan li ttejjeb id-data u l-istatistika u tappoġġja t-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza għat-tfal migranti u spostati. Il-Eurostat jikkontribwixxi għall-ħidma tal-grupp f’oqsma bħat-tisħiħ tas-sistemi tad-data nazzjonali u l-kapaċitajiet għall-protezzjoni tat-tfal migranti u spostati b’mod sfurzat, il-promozzjoni u l-istabbiliment ta’ metodi għal data speċifika għat-tfal, u t-titjib tal-viżibbiltà, id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-użu tad-data. Il-Eurostat ilu wkoll membru ta’ Task Force ġdid tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU dwar il-Kejl tal-Emigrazzjoni ( 36 ) mill-2023.

    4.Xogħol li għaddej biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-politika kurrenti u li qed jevolvu

    4.1.Pilotaġġ ta’ statistika ġdida dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita

    L-Artikolu 9a tar-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni (il-Eurostat) tistabbilixxi studji pilota. Dawn għandhom jitwettqu fuq bażi volontarja mill-Istati Membri biex jittestjaw il-fattibbiltà ta’ ġabriet ta’ data jew data diżaggregata ġdida speċifika, inklużi d-disponibbiltà ta’ sorsi tad-data u tekniki ta’ produzzjoni xierqa, il-kwalità u l-komparabbiltà tal-istatistika, u l-kostijiet u l-piż involuti.

    Fl-2021, il-Eurostat waqqaf task force dwar l-istudji pilota. Sal-2023, dan it-task force kien iddiskuta u approva linji gwida u mudelli proposti mill-Eurostat għall-ġbir ta’ data pilota rilevanti.

    Wara żewġ mewġiet ta’ ġbir ta’ data sa Ottubru 2023, minn 31 pajjiż (27 Stat Membru u erba’ pajjiżi tal-EFTA) mistiedna, bejn tnejn u disa’ pajjiżi biss ippreżentaw data, skont id-dominju u s-sett ta’ data. Għalhekk, il-parteċipazzjoni s’issa kienet estremament baxxa u ma tiggarantixxix ir-rappreżentattività fil-livell tal-UE, kif meħtieġ mill-Artikolu 9a għal kwalunkwe azzjoni regolatorja.

    Għaldaqstant, il-Eurostat ippropona forma ta’ prijoritizzazzjoni li għandha l-għan li żżid il-parteċipazzjoni billi tiffoka fuq l-aktar settijiet ta’ data promettenti f’termini ta’ fattibbiltà u rilevanza tal-politika. Wara dan l-approċċ aġġustat, il-Eurostat nieda ċiklu ġdid ta’ ġabriet ta’ data pilota f’April 2024, bi skadenza għat-trażmissjoni tal-31 ta’ Awwissu 2024. Jekk tinkiseb ir-rappreżentattività ta’ studju pilota, se tiġi vvalutata l-fattibbiltà ta’ ġabriet ta’ data regolari potenzjali.

    4.2.Evalwazzjoni tal-qafas statistiku attwali li tinkludi l-migrazzjoni internazzjonali

    Fl-2021, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni komprensiva tal-qafas attwali għall-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni ( 37 ). Din kienet tinkludi statistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 3 tar-Regolament u l-istatistika kollha skont ir-Regolamenti (KE) Nru 763/2008 ( 38 ) u (UE) Nru 1260/2013. L-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni kien ħafna usa’ mill-monitoraġġ regolari deskritt fit-Taqsima 3 peress li nġabru fehmiet mill-gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f’konsultazzjoni sistematika mal-partijiet ikkonċernati ( 39 ). L-għan kien li jiġi vvalutat jekk intlaħqux l-objettivi oriġinali tal-qafas attwali u li jiġu identifikati lakuni sinifikanti.

    L-evalwazzjoni sabet li kien sar titjib ġenerali sinifikanti bis-saħħa tal-qafas attwali, meta mqabbel mal-problemi u l-ħtiġijiet inizjali ffaċċjati mill-komunità tal-istatistika qabel ma daħal fis-seħħ. B’mod partikolari, il-qafas attwali żied b’mod sinifikanti l-valur miżjud tal-UE billi tejjeb — għas-settijiet ta’ data li saru obbligatorji — diversi dimensjonijiet tal-kwalità tal-istatistika fil-livell tal-UE, inklużi l-kompletezza, il-konsistenza u t-tempestività. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni attwali wettqet il-ħtiġijiet rilevanti kollha għat-tfassil ta’ politika u għall-istituzzjonijiet fil-livell tal-UE li kienu magħrufa meta ġiet żviluppata (2005–2013). Dan tejjeb l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-produzzjoni statistika meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti, li kienet tiddependi biss fuq il-ġbir volontarju ta’ data. Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kkonfermat dan it-titjib. Madankollu, l-evalwazzjoni identifikat ukoll erba’ lakuni sinifikanti fil-qafas attwali.

    Lakuna 1: Koerenza, komparabbiltà, kompletezza

    Għalkemm ir-Regolament jistabbilixxi definizzjonijiet komuni għal kunċetti statistiċi ewlenin, għad hemm ċerta flessibbiltà fid-definizzjoni tal-popolazzjoni. L-Istati Membri bħalissa japplikaw tliet kunċetti differenti (ir-residenza abitwali, ir-residenza reġistrata, ir-residenza legali) permessi mir-Regolament, xi drabi bl-użu ta’ kunċetti differenti għal settijiet ta’ data differenti (ara t-Taqsima 3.5 ). Din il-kwistjoni ċentrali kkawżat nuqqas ta’ komparabbiltà u koerenza fid-data minn Stati Membri differenti, u dan naqqas il-valur miżjud tal-UE. Barra minn hekk, l-istatistika li tibqa’ volontarja spiss ma tkunx kompluta fil-livell tal-UE minħabba data nieqsa minn ftit Stati Membri. Dan inaqqas il-kosteffettività ġenerali b’mod sinifikanti, peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri jonfqu riżorsi biex jipproduċuhom, iżda ma tinkisibx stampa sħiħa tal-UE.

    Lakuna 2: Tempestività u frekwenza

    L-Artikolu 3 tar-Regolament ikopri biss l-istatistika annwali dwar il-migrazzjoni internazzjonali, b’settijiet ta’ data li għandhom jiġu pprovduti 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Għalkemm it-tempestività ġenerali tjiebet skont ir-Regolament meta mqabbla mal-ġabriet ta’ data preċedenti kompletament volontarji, prinċipalment minħabba li d-dewmien eċċessiv minn ftit Stati Membri ġie solvut, dan għadu ’l bogħod mill-aspettattivi tal-utenti. Id-data pprovduta skont ir-Regolament hija inqas fil-ħin minn pubblikazzjonijiet nazzjonali simili fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Skont ir-Regolament, l-iskadenzi legali u l-perjodiċitajiet tal-istatistika ma jistgħux jittejbu, eż. biex ikopru l-istatistika infraannwali dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Għalhekk ikun hemm bżonn proċedura leġiżlattiva ordinarja oħra biex jittejbu l-iskadenzi jew il-perjodiċitajiet, simili għall-emenda tal-2020 li introduċiet statistika trimestrali dwar ir-ritorni fl-Artikolu 7.

    Lakuna 3: Dettalji ta’ suġġetti u gruppi rilevanti għas-soċjetà

    Ir-Regolament jiffoka fuq il-ħtiġijiet tad-data għall-prijoritajiet ta’ politika fiż-żmien li ġie żviluppat. Maż-żmien, il-prijoritajiet inbidlu u l-istatistika disponibbli dwar il-migrazzjoni internazzjonali ma għadhiex tkopri b’mod adegwat il-karatteristiċi u s-suġġetti rilevanti għall-politika. Il-lakuni kkonfermati fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huma relatati mal-karatteristiċi tal-immigranti. Hemm ukoll nuqqas ta’ granularità ġeografika, inklużi l-flussi migratorji fil-livell reġjonali.

    Lakuna 4: Nuqqas ta’ flessibbiltà tal-qafas legali

    Minbarra d-dgħufijiet imsemmija hawn fuq, il-leġiżlazzjoni eżistenti ma għandhiex il-flessibbiltà biex tadatta għall-ħtiġijiet ġodda u emerġenti għall-istatistika. Sorsi ġodda tad-data fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE (b’mod partikolari data amministrattiva, inklużi sistemi ta’ interoperabbiltà u data miżmuma minn persuni privati) joffru wkoll titjib potenzjali f’termini ta’ kostijiet u tempestività, iżda l-leġiżlazzjoni attwali ma tippermettix li dawn l-iżviluppi jiġu mħaddna. Il-qafas legali għalhekk ma setax jadatta għall-ebda bidla rilevanti għall-politika minn meta ġie adottat, u għalhekk kien qed jitlef ir-rilevanza malajr.

    4.3.Modernizzazzjoni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali bħala parti mill-iżvilupp mill-ġdid tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni

    L-evalwazzjoni identifikat diversi fatturi leġiżlattivi responsabbli għal-lakuni sinifikanti deskritti fit-Taqsima 4.2 u indikat elementi amministrattivi żejda fil-konformità, fl-infurzar u fil-monitoraġġ peress li l-leġiżlazzjoni attwali hija mifruxa fi tliet atti legali. Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt sussegwenti ( 40 ), il-Kummissjoni pproponiet regolament qafas ġdid dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni li jindirizza l-fatturi leġiżlattivi responsabbli għad-diskrepanzi ta’ hawn fuq, filwaqt li għandha l-għan li tikkonsolida l-atti separati f’regolament uniku ( 41 ).

    Il-proposta fiha elementi ambizzjużi biex jissaħħu l-konsistenza ġenerali u r-rabtiet bejn l-istatistika soċjali kollha tal-UE bbażata fuq persuni u unitajiet domestiċi, inkluż skont ir-Regolament (UE) 2019/1700 ( 42 ). Tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ definizzjoni armonizzata tal-popolazzjoni bbażata fuq kunċetti sodi ta’ stima statistika, u tippermetti aċċess għal sorsi tad-data disponibbli li jtejbu l-proċessi tal-produzzjoni u l-kwalità ġenerali tal-istatistika soċjali. Il-proposta tallinja wkoll l-istatistika dwar il-popolazzjoni u l-migrazzjoni internazzjonali aktar mal-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita skont l-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament ( 43 ). Fiż-żmien ta’ dan ir-rapport, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar il-proposta kienet għadha għaddejja ( 44 ).

    5.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

    Bis-saħħa tal-isforzi konġunti kontinwi tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ( 45 ), ir-Regolament huwa implimentat sew. Dan iwassal għall-pubblikazzjoni regolari ta’ statistika Ewropea ta’ kwalità ġenerali għolja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, meħtieġa mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha. Il-konformità legali u l-kwalità tal-istatistika huma mmonitorjati regolarment u, bħal fir-rapport preċedenti tal-2021, ma hemm l-ebda kwistjoni kbira ta’ konformità.

    Madankollu, evalwazzjoni tal-qafas attwali għall-istatistika dwar il-popolazzjoni identifikat erba’ lakuni sinifikanti: in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tad-definizzjoni tal-popolazzjoni; in-nuqqas ta’ tempestività u frekwenza tal-istatistika; in-nuqqas ta’ dettalji dwar il-gruppi u s-suġġetti rilevanti; u n-nuqqas ta’ flessibbiltà għall-adattament għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu jew sorsi ġodda tad-data. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet regolament qafas uniku ġdid dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni li jikkonsolida l-qafas legali u jindirizza dawn il-lakuni.

    Qed jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

    1.Titlesta l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-2020 billi jiġi konkluż l-perjodu ta’ derogi, jiġu konklużi l-istudji pilota meħtieġa mill-Artikolu 9a tar-Regolament, u jiġu evalwati r-riżultati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri fid-dawl ta’ statistika obbligatorja ġdida potenzjali skont l-Artikoli 4 sa 7.

    2.Tkompli l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (in-nota f’qiegħ il-paġna 44) dwar qafas legali integrat ġdid għall-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni li jinkorpora u jestendi l-istatistika dwar il-flussi migratorji, l-istokkijiet tal-migranti u l-akkwist taċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 3.

    (1) ()    Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ( ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23 ).
    (2) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31 ).
    (3) ()     COM(2012) 528
    (4) ()     COM(2015) 374
    (5) ()     COM(2018) 594
    (6) ()     COM(2021) 489
    (7) ()    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja ( ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1 ).
    (8) ()    Ir-Regolament (UE) 2020/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 ( ĠU L 198, 22.6.2020, p. 1 ).
    (9) ()    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/431 li tagħti derogi lil ċerti Stati Membri mir-Regolament (KE) Nru 862/2007 ( ĠU L 86, 12.3.2021, p. 5 ).
    (10)

    ()    Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ( ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1 ).

    (11) ()     SWD(2022) 198
    (12) () https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en : demo_pop_esms.htm ; migr_immi_esms.htm ; migr_acqn_esms.htm ; migr_asytp_esms.htm ; migr_asyapp_esms.htm ; migr_asydec_esms.htm ; migr_dub_esms.htm ; migr_eil_esms.htm ; migr_res_esms.htm (bl-Ingliż biss).
    (13) ()     Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil — Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
    (14) ()    Ir-Regolament (UE) 2024/1351 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni ( ĠU L, 2024/1351, 22.5.2024 ).
    (15)

    ()    Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi ( ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48 ) .

    (16) ()    Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali ( ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1 )
    (17) ()     https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/impact-demographic-change-europe_mt
    (18) ()     https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-underlying-assumptions-and-projection-methodologies_en
    (19) ()     https://knowledge4policy.ec.europa.eu/organisation/kcmd-knowledge-centre-migration-demography_en
    (20) ()     https://knowledge4policy.ec.europa.eu/atlas-demography_en
    (21) ()     https://migration-demography-tools.jrc.ec.europa.eu/atlas-migration
    (22)

    ()     https://home-affairs.ec.europa.eu/networks/european-migration-network-emn_en

    (23) ()     https://home-affairs.ec.europa.eu/networks/european-migration-network-emn/emn-publications/emn-annual-reports_en  
    (24) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/migration-asylum   ( bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).
    (25) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Migration_and_asylum (bl-Ingliż biss).
    (26) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-key-figures/w/ks-ei-23-001   ( bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).
    (27) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/migration-asylum
    (28) ()     http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Migration_and_migrant_population_statistics
    (29) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?oldid=599145
    (30) ()     Migrazzjoni u ażil fl-Ewropa — Edizzjoni 2023 — Eurostat (europa.eu)
    (31) ()     Dashboard għall-integrazzjoni u l-inklużjoni tal-migranti (europa.eu)
    (32) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika demografika Ewropea ( ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39 ).
    (33) ()     https://egrisstats.org/ (bl-Ingliż biss).
    (34) ()     International Recommendations on Statelessness Statistics IROSS (egrisstats.org) (bl-Ingliż biss).
    (35) ()     Alleanza Internazzjonali tad-Data għat-Tfal fi Spostament (IDAC, International Data Alliance for Children on the Move) — UNICEF DATA
    (36) ()     https://unece.org/sites/default/files/2023-11/08_TF%20on%20measuring%20emigration_ToR_approved.pdf  
    (37) ()     SWD(2023) 13
    (38) ()    Ir-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ( ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14 ).
    (39) ()     SWD(2023) 15
    (40) ()     SWD(2023) 11
    (41) ()     COM(2023) 31
    (42) ()    Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta’ data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni ( ĠU L 261, I, 14.10.2019, p. 1 ).
    (43) ()    Biex tiġi żgurata l-konsistenza, il-proposta għandha l-għan li tqiegħed is-suġġetti statistiċi kollha relatati mal-popolazzjoni solitament residenti (inklużi l-istokkijiet tal-migranti, il-flussi migratorji internazzjonali u l-akkwist taċ-ċittadinanza li bħalissa huma koperti mill-Artikolu 3 tar-Regolament) fil-qafas il-ġdid. Min-naħa l-oħra, l-istatistika dwar il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-ażil u l-migrazzjoni ġestita tibqa’ fir-Regolament.
    (44) ()     Proċedura 2023/0008/COD
    (45) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/european-statistical-system  
    Top