Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024DC0133

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ

    COM/2024/133 final

    Brussell, 20.3.2024

    COM(2024) 133 final

    2024/0069(NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ

    {SEC(2024) 97 final} - {SWD(2024) 66 final} - {SWD(2024) 67 final} - {SWD(2024) 68 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha ( 1 ), il-President von der Leyen saħqet fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa u li jitrawwem “tkabbir li joħloq impjiegi ta’ kwalità, speċjalment għaż-żgħażagħ”.

    Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu sfida persistenti fl-UE, għax ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija aktar mid-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad ( 2 ). Sfida partikolari tinsab fl-attivazzjoni ta’ aktar żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) u li jiffaċċjaw ostakli speċifiċi li jxekklu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ( 3 ) jistabbilixxi l-mira li titnaqqas ir-rata ta’ żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u d-29 sena li huma NEETs minn 12,6 % (2019) għal 9 % sal-2030 billi jittejbu l-prospetti ta’ impjieg tagħhom.

    It-traineeships jistgħu jipprovdu opportunità għaż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza prattika u professjonali, itejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol. Dawn joffru opportunità għall-impjegaturi biex jattiraw, iħarrġu u jżommu l-persunal tagħhom. Madankollu, il-valur ta’ traineeship jiddependi mill-kwalità tiegħu. Traineeship ta’ kwalità jirrikjedi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u trasparenti u kontenut ta’ tagħlim adegwat. Barra minn hekk, traineeships inklużivi jistgħu jgħinu biex jipprovdu opportunitajiet għal kulħadd biex jaċċessa s-suq tax-xogħol, inkluż żgħażagħ f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

    Skont stimi bbażati fuq id-data tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol (EU-LFS, EU Labour Force Survey), hemm 3.1 miljun trainee fl-UE (data tal-2019) li minnhom 1.6 miljun huma trainees imħallsa u 1.5 miljun mhumiex imħallsa. Għadd dejjem jikber ta’ trainees fl-UE jipparteċipaw fi traineeships transfruntiera (21 % tat-trainees fl-2023 meta mqabbla ma’ 9 % fl-2013) ( 4 ), li juri l-potenzjal tat-traineeships li jikkontribwixxu għal mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol fl-UE. L-istimi jindikaw ukoll li fl-2019 madwar 370 000 trainee mħallsa ( 5 ) għamlu traineeship ta’ durata twila (aktar minn 6 xhur), inkluż dawk konsekuttivi/ripetuti mal-istess impjegatur. Minn dawn, madwar 100 000 trainee għamlu traineeship ta’ durata twila b’kontenut baxx ta’ tagħlim ( 6 ).

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (QFT, Quality Framework for Traineeships) hija punt ta’ referenza importanti biex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi traineeship ta’ kwalità. Din tistabbilixxi linji gwida għal traineeships barra mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u taħriġ professjonali obbligatorju.

    Fl-evalwazzjoni tagħha tal-2023 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ( 7 ), il-Kummissjoni sabet indikazzjonijiet li l-QFT kellu impatt pożittiv fuq il-kwalità tat-traineeships fl-UE. Hija kkonfermat ukoll li t-traineeships għadhom perkors importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, traineeships ta’ kwalità jistgħu jkunu opportunitajiet utli ta’ titjib tal-ħiliet u/jew taħriġ mill-ġdid għal persuni ta’ kwalunkwe età biex jiksbu ħiliet prattiċi fl-impjieg biex imexxu l-karriera tagħhom f’direzzjoni ġdida.

    Madankollu, l-evalwazzjoni enfasizzat ukoll oqsma li jistgħu jissaħħu u jittejbu aktar. Pereżempju, irrakkomandat li l-prinċipji tal-kwalità jiġu integrati aħjar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari għal traineeships tas-suq miftuħ (OMTs, open-market traineeships), li jkun hemm monitoraġġ u infurzar aktar b’saħħithom biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kwalità fuq il-post u tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost diversi partijiet ikkonċernati ewlenin. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa għal appoġġ aktar b’saħħtu għall-impjegaturi, pereżempju, permezz ta’ appoġġ finanzjarju u gwida prattika. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni saħqet li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex tingħata informazzjoni aktar konkreta u prattika liż-żgħażagħ dwar traineeships transfruntiera. Identifikat ukoll aktar kriterji ta’ kwalità, bħal paga ġusta u protezzjoni soċjali, regoli dwar traineeships mill-bogħod/ibridi, indirizzar aħjar tal-ħtiġijiet ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u appoġġ imsaħħaħ għat-trainees matul u wara t-traineeship. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni nnotat il-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-QFT jiġi estiż mill-OMTs u mit-traineeships li huma parti mill-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) biex ikopri wkoll traineeships oħra, bħal dawk li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

    Diversi partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tat-traineeships:

    ·Ir-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ( 8 ) jinkludi l-appell biex jiġi żgurat li t-traineeships u l-impjiegi taż-żgħażagħ jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità, inkluż dwar il-pagi, u li l-internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol u barra mill-edukazzjoni formali jiġu pprojbiti permezz ta’ strument legali.

    ·Fl-opinjoni tiegħu “It-Trattament Ugwali taż-Żgħażagħ fis-Suq tax-Xogħol” tal-15 ta’ Ġunju 2023 ( 9 ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) innota li t-traineeships għandhom joffru kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità tajba u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u mhux ikunu sostitut għal impjiegi regolari jew prekundizzjoni għal kollokament f’impjieg.

    ·Fl-Opinjoni tiegħu “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” tal-5 ta’ Frar 2021 ( 10 ), il-Kumitat tar-Reġjuni kkunsidra li t-traineeships u l-apprendistati għandhom primarjament jipprovdu esperjenza ta’ tagħlim għaż-żgħażagħ, li jistgħu jgħinuhom jiddeċiedu dwar il-karriera futura tagħhom u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom sabiex jaċċessaw impjieg permanenti.

    B’mod partikolari, fl-14 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni bbażata fuq l-Artikolu 225 tat-TFUE ( 11 ) fejn stieden lill-Kummissjoni taġġorna u ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 u tittrasformaha fi strument leġiżlattiv aktar b’saħħtu. Huwa appella wkoll lill-Kummissjoni biex tiżgura standards minimi tal-kwalità għat-traineeships, inkluż il-paga.

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħabbret aġġornament tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2023 ( 12 ) tagħha, biex tindirizza kwistjonijiet li jinkludu paga ġusta u aċċess għall-protezzjoni soċjali, bħala parti mill-impenn tagħha biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex tilħaq il-miri tal-UE għall-2030 fl-oqsma tal-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar.

    Ir-Rakkomandazzjoni proposta għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bil-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni, il-qgħad jew l-inattività għax-xogħol. Dan japplika għat-trainees kollha, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom. Dan japplika għal trainees li huma ħaddiema minħabba li fil-liġi tal-UE ma jkunx hemm stabbiliti dispożizzjonijiet ekwivalenti jew aktar favorevoli, u sakemm l-affarijiet jibqgħu hekk.

    Fir-rigward tat-tipi ta’ traineeships, ir-rakkomandazzjoni proposta testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 (li tkopri traineeships tas-suq miftuħ u traineeships li huma parti minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol) biex ikopri wkoll traineeships li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u dawk li t-tlestija tagħhom hija obbligatorja għall-aċċess għal professjoni speċifika (eż. mediċina, arkitettura, eċċ.).

    Din il-proposta hija bbażata fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, il-fehmiet miġbura permezz tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali fil-livell tal-UE f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-fehmiet imqajma minn partijiet ikkonċernati oħra, l-evidenza miġbura permezz tal-istudju li jappoġġa l-inizjattiva dwar traineeships ta’ kwalità ( 13 ) u l-istħarriġ tal-Ewrobarometru msemmi hawn fuq.

    Flimkien mar-rakkomandazzjoni aġġornata proposta, il-Kummissjoni tipproponi wkoll direttiva (COM(2024) 132) iffukata fuq l-appoġġ lill-Istati Membri fit-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees li huma ħaddiema u fil-ġlieda kontra relazzjonijiet regolari ta’ impjieg moħbija bħala traineeships. Id-Direttiva proposta tapplika għal trainees fl-UE li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif stabbilit fil-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattiki fis-seħħ fl-Istati Membri, u li huma konformi mal-kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

    Bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Ħiliet, l-UE bdiet tipprova tippromwovi mentalità fejn it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ikunu n-norma. L-għeluq tad-diskrepanzi fil-ħiliet u l-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet madwar l-UE se jagħtu spinta lill-kompetittività, b’mod partikolari tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju billi l-ħtiġijiet tal-impjegaturi jitqabblu aħjar mal-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tan-nies. L-aċċess ugwali għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol se jgħin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, b’mod partikolari billi n-nies jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ekonomija u fis-soċjetà. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet issegwi s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li enfasizzat il-ħtieġa li jingħata impetu ulterjuri għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ f’konformità mal-11-il għan dwar iż-żgħażagħ tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 ( 14 ). Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, il-Kummissjoni impenjat ruħha li taġġorna l-qafas ta’ kwalità tagħha għat-traineeships fl-2024 biex tindirizza kwistjonijiet li jinkludu paga ġusta u aċċess għall-protezzjoni soċjali ( 15 ).

    Il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ ( 16 ) tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2020 ippropona Rakkomandazzjonijiet dwar Pont għall-impjiegi — it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ( 17 ) u qafas Ewropew modernizzat għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li t-tnejn li huma adottati mill-Kunsill ( 18 ). L-ewwel wieħed jirrakkomanda speċifikament li l-offerti ta’ traineeships jikkonformaw mal-istandards minimi stabbiliti fil-QFT. Dan tal-aħħar jistabbilixxi prinċipji ewlenin biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jadattaw malajr għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità għaż-żgħażagħ u l-adulti. Dan jitfa’ enfasi qawwija fuq opportunitajiet aħjar għal tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u assigurazzjoni tal-kwalità mtejba.

    B’mod simili għat-traineeships, l-apprendistati huma perkors importanti biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet għas-suq tax-xogħol. Il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ ta impetu mġedded lill-apprendistati, inkluż permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati ( 19 ).

    Dawn l-inizjattivi kellhom l-għan li jtejbu l-kwalità u l-effettività tal-miżuri tal-UE għall-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ u huma appoġġati mill-finanzjament tal-UE. Dawn jimplimentaw fost l-oħrajn l-ewwel u r-raba’ prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dawn il-prinċipji jistabbilixxu d-dritt għal “edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi” u d-dritt taż-żgħażagħ għal “edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeship jew offerta ta’ xogħol ta’ reputazzjoni tajba sa erba’ xhur minn meta jiġu qiegħda jew jitilqu mill-iskola”.

    Ir-Rakkomandazzjoni proposta hija konsistenti mal-istrumenti eżistenti rilevanti, b’mod partikolari:

    ·Id-Direttiva (UE) 2019/1152 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli billi timmira li ttejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni pprovduta (bil-miktub) lit-trainees.

    ·Id-Direttiva Qafas dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (OSH, Occupational Health and Safety) ( 20 ) li tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin biex jitħeġġeġ it-titjib fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Din tiggarantixxi r-rekwiżiti minimi ta’ saħħa u sikurezza fl-Ewropa kollha. Id-Direttiva Qafas tikkonferma li, fir-rigward ta’ post tax-xogħol sikur, l-istess regoli japplikaw għall-ħaddiema u t-trainees u hija akkumpanjata minn aktar direttivi li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

    ·Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom ( 21 ) tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li kemm il-ħaddiema (inkluż it-trainees li huma ħaddiema) kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali effettiva u adegwata. Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-benefiċċji tal-qgħad, tal-mard u tal-kura tas-saħħa, tal-maternità u tal-paternità, tal-invalidità, tax-xjuħija u tas-superstiti u l-benefiċċji marbutin ma’ aċċidenti fuq ix-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali. Filwaqt li tagħmel referenza għal din ir-Rakkomandazzjoni, ir-rakkomandazzjoni proposta se tħeġġeġ l-iżgurar tal-aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata għat-trainees kollha, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    ·Id-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 22 ) tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    L-objettivi tar-rakkomandazzjoni proposta dwar l-opportunitajiet ugwali u l-inklużjoni ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż il-persuni b’diżabilità, huma konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, mal-prinċipji 3 u 17 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030.

    Ir-rakkomandazzjoni proposta tista’ tgħin ukoll biex tikkontribwixxi biex jiġi indirizzat l-objettiv tal-impjiegi tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom 2020–2030 ( 23 ) biex jiġi żgurat li sal-2030, id-diskrepanza fir-rata tan-NEET tar-Rom jitnaqqas b’mill-inqas nofs. Hija konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom ( 24 ), b’mod partikolari skont il-kapitolu 8 tagħha dwar l-aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli għar-Rom.

    Il-miżuri proposti li jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera huma konformi mal-objettivi tal-programm Erasmus+, li joffri opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment tranżnazzjonali u internazzjonali, inkluż għat-trainees.

    Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni proposta hija konsistenti mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi ( 25 ), li tistabbilixxi 14-il kriterju ewlieni għad-definizzjoni ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi, li jiżguraw kemm l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati max-xogħol kif ukoll l-iżvilupp personali tal-apprendisti. Skont din ir-Rakkomandazzjoni, l-apprendistati huma skemi formali tal-VET li jgħaqqdu t-tagħlim fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ ma’ apprendiment sostanzjali bbażat fuq ix-xogħol fil-kumpaniji u f’postijiet tax-xogħol oħra. Dawn iwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, huma bbażati fuq ftehim li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist, l-impjegatur u, fejn xieraq, l-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u bl-apprendist jitħallas jew jiġi kkumpensat b’xi mod ieħor għall-komponent ibbażat fuq ix-xogħol. L-apprendistati jirreferu għal programmi sħaħ li jwasslu għal kwalifika, fejn idealment l-apprendisti jqattgħu mill-inqas nofs l-apprendistat fuq il-post tax-xogħol. B’kuntrast ma’ dan, it-traineeships li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali jirreferu għal esperjenza limitata ta’ tagħlim fuq ix-xogħol inkorporata f’imsejsa programm ta’ edukazzjoni u taħriġ. Għalhekk, l-apprendistati għandhom it-tendenza li jkunu itwal mit-traineeships. Peress li t-traineeships u l-apprendistati jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw liema miż-żewġ oqfsa ta’ kwalità japplikaw għall-esperjenzi ta’ tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol tal-VET, skont il-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li l-istudenti kollha fit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol jirċievu l-ogħla livell ta’ protezzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw il-kundizzjonijiet ta’ qafas li huma aktar protettivi fost iż-żewġ oqfsa, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali.

    Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni proposta tindirizza l-fehmiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-Qorti nnutat fir-rieżami tagħha, “Azzjonijiet tal-UE li jindirizzaw it-traineeships għaż-żgħażagħ” ( 26 ), li l-gwida tal-UE dwar traineeships ta’ kwalità mhijiex applikata b’mod konsistenti mill-Istati Membri u li jista’ jkun hemm opportunitajiet inugwali għat-traineeships u l-aċċess għalihom.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija konsistenti mal-politiki reċenti tal-UE li għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lin-nies permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet. L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa ( 27 ) tfittex li ssaħħaħ il-kompetittività sostenibbli tal-UE, tiżgura l-ġustizzja soċjali u tappoġġa r-reżiljenza taż-żgħażagħ.

    Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd tal-15 ta’ Novembru 2023 ( 28 ). Din għandha l-għan li tagħmel l-opportunitajiet ta’ tagħlim madwar l-UE aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, inkluż iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, bħall-persuni b’diżabbiltà. Tippromwovi wkoll l-attraenza tal-UE bħala destinazzjoni ta’ tagħlim għal talenti minn barra l-UE.

    L-investimenti finanzjarji fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid huma fil-qalba tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Erasmus+ u l-Programm Ewropa Diġitali. L-iżvilupp tal-ħiliet huwa appoġġat ukoll mill-investimenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-infrastruttura u t-tagħmir tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-Rakkomandazzjoni proposta tirrifletti l-objettivi tal-FSE+ li jappoġġaw lill-Istati Membri u lir-reġjuni fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw aċċess ugwali għal opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp tal-ħiliet u jżidu l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol Ewropea, b’mod partikolari ż-żgħażagħ. Tappoġġa l-objettivi tal-RRF, b’mod partikolari l-pilastri tagħha dwar il-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss. Ir-Rakkomandazzjoni proposta hija wkoll konformi mal-għan tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta li jappoġġa tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’enfasi fuq ir-reġjuni l-aktar milquta.

    Barra minn hekk, l-objettivi tagħha huma konsistenti ma’ dawk tal-inizjattiva ALMA (Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb), li hija ffinanzjata mill-FSE+ u li għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) jintegraw fis-soċjetà billi jħaffu t-triq tagħhom lura fl-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-impjieg. L-istrument ta’ Appoġġ Tekniku joffri lill-Istati Membri, fuq talba, għarfien espert imfassal apposta biex jirriformaw u jtejbu l-mobbiltà tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattivi ewlenin li jiffukaw fuq l-attrazzjoni tat-talent, l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-ħiliet. Is-sejba ta’ persunal b’ħiliet hija sfida għal għadd dejjem akbar ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li hija enfasizzata wkoll fl-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali ( 29 ). L-Istrateġija tisħaq li l-UE tista’ tkompli tgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi billi tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ u tgħin biex id-domanda tal-SMEs għat-talenti titqabbel mal-provvista tas-suq tax-xogħol. Il-proposta se tikkomplementa dan l-approċċ. Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, b’mod partikolari l-istabbiliment propost ta’ akkademji Ewropej tal-ħiliet, billi tikkontribwixxi għal forza tax-xogħol b’ħiliet permezz ta’ traineeships ta’ kwalità li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-ispariġġi fil-ħiliet. Dan għandu jtaffi l-ħtieġa ta’ ħiliet tal-industriji tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti.

    Din l-inizjattiva hija wkoll waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema fl-UE ( 30 ).

    2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi legali

    Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikoli 153(1)(b), 165(4), 166(4) u 292 tat-TFUE.

    Skont l-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE, l-UE trid issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    Skont l-Artikolu 165 tat-TFUE, l-UE għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom. Skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 165 tat-TFUE, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri hija eskluża, filwaqt li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta r-rakkomandazzjonijiet.

    Skont l-Artikolu 166 tat-TFUE, l-UE għandha timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-formazzjoni vokazzjonali. Skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 166 tat-TFUE, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti tal-Istati Membri hija eskluża, filwaqt li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta r-rakkomandazzjonijiet.

    Skont l-Artikolu 292 tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jadotta r-rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)

    Fil-ħidma tagħha lejn l-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ taħriġ vokazzjonali, l-UE hija responsabbli biex tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fejn meħtieġ. F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ fehim komuni ta’ x’jikkostitwixxi traineeships ta’ kwalità madwar l-UE huwa kompitu li jista’ jiġi indirizzat biss fil-livell tal-UE.

    Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ se jappoġġa u jissupplimenta l-azzjoni nazzjonali f’dan il-qasam f’konformità mal-Artikoli 165, 166 u 153 tat-TFUE. Din l-inizjattiva tapplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà billi tqis bis-sħiħ li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma kompetenza nazzjonali, filwaqt li l-UE tista’ tappoġġa u tikkomplementa l-politiki nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-inizjattiva tirrispetta bis-sħiħ id-diversità tas-sistemi nazzjonali ta’ traineeships u tipproponi sett ta’ kriterji komuni biex jintrifdu dawk l-iskemi differenti, filwaqt li tiżgura benefiċċji kemm għat-trainee (irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom) kif ukoll għall-fornituri tat-traineeships.

    L-inizjattiva se ttejjeb it-trasparenza u l-fehim reċiproku tas-sistemi ta’ traineeships, b’mod partikolari, il-kwalità tat-traineeships, madwar l-UE. Dan jista’ jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-mobbiltà transfruntiera tat-trainees peress li approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE jiżgura sinerġiji u kooperazzjoni, filwaqt li jimmassimizza l-effetti pożittivi.

    Barra minn hekk, l-għoti ta’ linji gwida fil-livell tal-UE jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ fehim kondiviż ta’ kif tista’ tittejjeb il-kwalità tat-traineeships. Dan jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri fl-użu tagħhom tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew+ u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jindirizzaw il-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ.

    Proporzjonalità

    L-azzjonijiet proposti fir-rakkomandazzjoni proposta huma proporzjonati mal-objettivi li qed jiġu segwiti. Il-proposta se tappoġġa l-proċessi ta’ riforma mnedija minn pajjiżi individwali dwar it-traineeships u se tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri f’dan il-qasam bħala parti mill-qafas ta’ Governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew. Il-proposta tirrispetta l-prattiki tal-Istati Membri u d-diversità tas-sistemi tagħhom. Din tippermetti approċċ differenzjat li jirrifletti s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti tal-Istati Membri u d-diversi kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. L-użu tal-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eżistenti taħt is-Semestru Ewropew se jiżgura li ma jinħoloq l-ebda piż amministrattiv addizzjonali.

    Għażla tal-istrument

    L-istrument propost huwa Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan jirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Dan jibni fuq il-korp eżistenti tal-liġi tal-UE u huwa konformi mat-tip ta’ strumenti disponibbli għall-azzjoni tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-impjiegi. Bħala strument legali, dan jindika l-impenn tal-Istati Membri lejn il-miżuri stabbiliti f’din ir-rakkomandazzjoni u jipprovdi bażi politika b’saħħitha għall-koperazzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam. Jirrispetta wkoll għal kollox il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-politiki soċjali.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Fl-2022–2023 twettqet evalwazzjoni ( 31 ) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships. Din sabet li t-traineeships għadhom perkors importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Traineeships ta’ kwalità, li huma dawk li jirriflettu l-prinċipji tal-QFT, jikkontribwixxu biex tiżdied l-impjegabbiltà u jgħinu lill-impjegaturi jattiraw, iħarrġu u jżommu l-persunal.

    F’termini ta’ effettività, il-prinċipji tal-QFT li kienu l-aktar probabbli li jkollhom impatt pożittiv fuq l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol kienu l-istabbiliment tal-objettivi tat-tagħlim u tal-edukazzjoni u l-ftehim bil-miktub. Madankollu, il-progress attwali fl-adozzjoni tal-prinċipji tal-kwalità tiegħu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali kien moderat. Mill-2014, 14-il Stat Membru introduċew bidliet (fl-OMTs jew fit-traineeships tal-ALMP jew it-tnejn li huma), li jintegraw il-prinċipji tal-kwalità tal-QFT fl-oqfsa leġiżlattivi jew ta’ politika tagħhom. Bidliet bħal dawn kienu aktar prevalenti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola t-traineeships tal-ALMP (identifikati fi 12-il Stat Membru) milli fl-OMTs (identifikati f’ħames Stati Membri). Barra minn hekk, filwaqt li l-prevalenza ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi kif ukoll il-konformità tagħhom mal-prinċipji tal-QFT instabu li kienu għoljin għat-traineeships tal-ALMP, dawn kienu aktar limitati għall-OMTs. B’mod ġenerali, ġie osservat titjib żgħir f’termini ta’ konformità għall-OMTs b’erba’ Stati Membri kompletament/fil-biċċa l-kbira allinjati fl-2016 meta mqabbla ma’ seba’ Stati Membri fl-2021. Ġie osservat titjib akbar għat-traineeships tal-ALMP, bi 18-il Stat Membru kompletament/fil-biċċa l-kbira konformi fl-2021 meta mqabbla ma’ 15 fl-2016. Ġie identifikat lok għal titjib fl-applikazzjoni attwali tal-QFT fuq il-post u l-monitoraġġ u l-infurzar tiegħu. Fir-rigward tal-QFT li jiffaċilita l-mobbiltà transfruntiera tat-trainees fl-UE, kien hemm indikazzjonijiet li l-għadd ta’ traineeships transfruntiera kien żdied, iżda ż-żgħażagħ kienu għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet biex jipparteċipaw fihom minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ informazzjoni prattika. Instab li l-użu tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) bħala sors ta’ informazzjoni kien limitat.

    Il-QFT ipprovda valur miżjud bħala punt ta’ referenza fil-livell tal-UE għall-azzjoni regolatorja tal-Istati Membri dwar il-kwalità tat-traineeships. Dan kien partikolarment il-każ għall-Istati Membri b’sistemi ta’ traineeships inqas żviluppati, fejn il-QFT għen biex jitrawmu bidliet politiċi u leġiżlattivi fil-livell nazzjonali.

    Fir-rigward tal-effiċjenza, għalkemm l-evalwazzjoni ma kellhiex evidenza kwantitattiva dwar il-kostijiet u l-benefiċċji, il-partijiet ikkonċernati ġeneralment qiesu l-kost relatat mal-implimentazzjoni tal-QFT bħala proporzjonat għall-benefiċċji. Il-benefiċċji għall-impjegaturi kienu jinkludu fehim aħjar tal-kwalità tat-traineeships, vantaġġi reputazzjonali, aktar attraenza għat-talent żagħżugħ, u mod aktar sostenibbli kif jinvestu f’ħaddiema futuri potenzjali. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-QFT setgħet kienet inqas kosteffettiva għall-intrapriżi żgħar u mikro milli għal ditti akbar peress li l-kostijiet għal dawk in-negozji (minħabba riżorsi umani u finanzjarji limitati) setgħu kienu ogħla meta mqabbla mal-benefiċċji. Il-benefiċċji tal-QFT għat-trainees kienu jinkludu kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u kontenut aħjar ta’ taħriġ u tagħlim, li żiedu l-possibbiltajiet tagħhom li jiksbu impjiegi regolari.

    Il-QFT instab li kien koerenti ma’ inizjattivi, strateġiji, programmi u strumenti ta’ finanzjament oħra fil-livell tal-UE. Fil-livell nazzjonali u reġjonali, instab livell ogħla ta’ koerenza mal-miżuri dwar it-traineeships tal-ALMP milli ma’ dawk dwar l-OMTs. Minkejja l-ħafna similaritajiet fil-prinċipji tal-kwalità, il-qafas Ewropew għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi (EFQEA, European framework for quality and effective apprenticeships)( 32 ) tqies li wassal għal involviment akbar tal-partijiet ikkonċernati (eż. permezz ta’ networks iddedikati). L-EFQEA tqies ukoll li għandu objettivi ta’ kwalità ogħla u aktar speċifiċi u aktar benefiċċji minħabba li ntuża lingwaġġ aktar b’saħħtu fir-rakkomandazzjoni tal-EFQEA u l-apprendistati spiss ikunu aktar regolati fuq bażi tripartitika fl-Istati Membri.

    Uħud minn dawk li wieħbu (b’mod partikolari l-impjegaturi) qiesu li l-QFT għandu jibqa’ “kif inhu” peress li jqisu li huwa rilevanti biżżejjed biex jindirizza l-ħtiġijiet tat-trainees. Madankollu, diversi partijiet ikkonċernati qiesu li r-rilevanza tal-QFT tista’ tissaħħaħ aktar, b’mod partikolari, fir-rigward tal-pagi u l-protezzjoni soċjali għat-trainees u s-sensibilizzazzjoni kif ukoll l-aċċess għal gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Barra minn hekk, xi partijiet ikkonċernati qiesu li kien hemm bżonn li l-QFT jindirizza l-isfidi tax-xogħol mill-bogħod u l-gwida u l-mentoraġġ f’dak il-kuntest. Barra minn hekk, xi partijiet ikkonċernati ssuġġerew li jiżdiedu t-traineeships li huma parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-QFT. Xi partijiet ikkonċernati qiesu wkoll li biex titħaffef it-tranżizzjoni ta’ trainee żagħżugħ lejn impjieg stabbli, il-QFT jista’ jagħmel aktar enfasi fuq l-appoġġ ta’ wara l-kollokament. Fir-rigward tan-natura mhux vinkolanti tal-QFT, kien hemm fehmiet diverġenti dwar jekk dan huwiex xieraq biex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi tal-QFT. Minn naħa waħda, xi wħud (b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u t-trade unions) argumentaw favur strument vinkolanti biex tiżdied l-effettività tal-QFT. Min-naħa l-oħra, oħrajn (speċjalment l-impjegaturi u l-awtoritajiet nazzjonali) argumentaw li, minħabba d-differenzi fiċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-limitazzjonijiet legali fil-livell tal-UE, in-natura mhux vinkolanti tal-QFT tat qafas ta’ referenza adegwat u flessibbli għar-regolamenti nazzjonali.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Attivitajiet speċifiċi ta’ konsultazzjoni saru fl-2022 bħala parti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2023 tal-QFT ( 33 ), b’mod partikolari permezz ta’ stħarriġ ta’ konsultazzjoni pubblika. L-evalwazzjoni inkludiet ukoll konsultazzjonijiet immirati tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-politiki tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-esperti akkademiċi li jaħdmu fuq kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ, it-trainees żgħażagħ (preċedenti, attwali u potenzjali futuri) u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Sabiex jintlaħqu dawn il-partijiet ikkonċernati kollha, intużaw attivitajiet u metodi ta’ konsultazzjoni differenti, bħal intervisti, laqgħat ta’ konsultazzjoni mmirati, stħarriġ immirat għat-trainees u studji tal-każijiet.

    Saret konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali tal-UE skont l-Artikolu 154 tat-TFUE għal din il-proposta. Waqt l-ewwel stadju, li sar bejn il-11 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru 2023, is-sħab soċjali ġew ikkonsultati dwar il-ħtieġa u d-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-UE ( 34 ). Matul it-tieni stadju, bejn it-28 ta’ Settembru u d-9 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni kkonsultat lis-sħab soċjali dwar l-objettivi u l-perkorsi legali potenzjali għall-azzjoni tal-UE ( 35 ). It-trade unions laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-QFT. Huma qiesu li, għalkemm il-prinċipji tal-QFT baqgħu rilevanti, it-trainees kienu jeħtieġu protezzjoni vinkolanti (fil-forma ta’ direttiva) biex jiżguraw kumpens, kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali ġusti. Din id-direttiva għandha tiżgura aċċess għad-drittijiet kollha li jgawdu l-ħaddiema regolari skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. It-trade unions saħqu li l-objettiv ewlieni tal-azzjoni tal-UE jrid ikun li jiġu stabbiliti standards minimi vinkolanti għat-traineeships fl-UE u li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi li jiskoraġġixxu l-abbuż. L-impjegaturi qiesu li l-prinċipji tal-QFT tal-2014 għadhom rilevanti. Fl-opinjoni tagħhom, għandha ssir enfasi aktar qawwija fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu, iżda fil-fehma tagħhom Rakkomandazzjoni riveduta tal-Kunsill issib il-bilanċ it-tajjeb bejn il-promozzjoni ta’ standards minimi u l-preservazzjoni tal-flessibbiltà. L-objettivi li jiġi indirizzat l-użu problematiku tat-traineeships, li titjieb il-kwalità tagħhom u li jitrawwem l-aċċess għalihom ġew appoġġati mill-impjegaturi. L-impjegaturi enfasizzaw ukoll in-nuqqas ta’ data, b’mod partikolari dwar it-traineeships tas-suq miftuħ, u r-rabta bejn il-pagi u l-kwalità tat-traineeships. Ma kien hemm l-ebda ftehim fost is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 155 tat-TFUE.

    Barra minn hekk, bħala parti mill-istudju li jesplora l-kuntest, l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli fir-rigward tal-kwalità tat-traineeships fl-UE, sar stħarriġ online mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. Dan kellu l-għan li jiġbor informazzjoni dwar il-prattiki attwali tan-negozji fir-rigward tat-traineeships u li jidentifika prattiki tajbin implimentati fl-Istati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tat-traineeships. L-istħarriġ dam għaddej mill-15 ta’ Ġunju sat-8 ta’ Settembru 2023 u kien immirat lejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tan-negozju/tal-impjegaturi, in-negozji individwali, it-trade unions nazzjonali, l-organizzazzjonijiet nazzjonali taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet edukattivi. Saru wkoll intervisti mmirati mal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE.

    Sar stħarriġ iddedikat ma’ “Panel tal-SMEs” mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW), il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (EISMEA) u bl-appoġġ tan-Network Enterprise Europe bejn it-12 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Novembru 2023.

    L-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash (523) ( 36 ) eżamina l-perċezzjonijiet taż-żgħażagħ dwar l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq it-traineeships. Bejn il-15 u l-24 ta’ Marzu 2023, 26 334 persuna li għandhom bejn it-18 u l-35 sena mill-Istati Membri kollha għamlu l-istħarriġ online.

    Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

    Ir-rakkomandazzjoni proposta hija bbażata fuq diversi studji mwettqa biex isostnu l-analiżi tal-inizjattiva:    

    ·studju kkummissjonat minn esperti esterni, li minnu ntużaw ir-riżultati preliminari: “Study exploring the context, challenges and possible solution in relation to the quality of traineeships in the EU” minn konsorzju ta’ Ernst &Young (EY), iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) u Open Evidence (li jmiss)

    ·studju estern li jappoġġa l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships, Rapport Finali, Jannar 2023 ( 37 )

    ·l-istħarriġ Flash tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni taż-żgħażagħ ta’ kif integraw fis-suq tax-xogħol, b’fokus partikolari fuq it-traineeships ( 38 )

    Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew tal-2023 dwar traineeships ta’ kwalità fl-UE tqieset ukoll, flimkien mal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew rilevanti tas-servizz ta’ riċerka tal-Parlament ( 39 ).

    Valutazzjoni tal-impatt

    F’konformità mal-politika tagħha ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt ( 40 ). Din tat analiżi strutturata tal-problemi tal-politika, l-objettivi tal-politika u l-għażliet ta’ politika korrispondenti u vvalutat l-impatt tagħhom. Hija qieset is-sussidjarjetà, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tal-għażliet identifikati u kif għandha tiġi mmonitorjata u evalwata l-inizjattiva fil-futur. Din il-ħidma kienet appoġġata minn konsultazzjoni strutturata fil-Kummissjoni permezz ta’ grupp ta’ tmexxija bejn is-servizzi ( 41 ) u l-istudju li jmiss “Study exploring the context, challenges and possible solution in relation to the quality of traineeships in the EU” imsemmi hawn fuq.

    Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat tliet problemi: (1) l-użu problematiku tat-traineeships mill-fornituri tat-traineeships, (2) il-kwalità baxxa tat-traineeships u (3) l-aċċess inugwali għat-traineeships. Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat tliet għażliet ta’ politika, li għaqdu kemm miżuri leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi li jindirizzaw l-objettivi tal-inizjattiva f’termini tal-infurzar tad-drittijiet tat-trainees applikabbli, il-prevenzjoni tal-użu problematiku tat-traineeships, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, it-titjib tal-kontenut tat-tagħlim, u t-titjib tal-aċċess għat-traineeships u l-inklużività tagħhom. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet qieset ukoll il-konsegwenzi potenzjali mhux intenzjonati tal-għażliet ta’ politika differenti, inkluż fuq l-offerta ta’ traineeships.

    L-għażla ta’ politika ppreferuta identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt hija pakkett magħmul minn direttiva li tapplika għat-trainees li huma ħaddiema skont il-liġi tal-UE u rakkomandazzjoni tal-Kunsill aġġornata li tkopri t-trainees kollha. Dan il-pakkett huwa mistenni jġib benefiċċji soċjali lit-trainees billi jnaqqas it-traineeships problematiċi u ta’ kwalità baxxa permezz ta’ trattament ugwali, paga aktar ġusta u protezzjoni soċjali adegwata, u billi jtejjeb l-aċċess għat-traineeships, b’mod partikolari għall-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż il-persuni b’diżabbiltà, dawk li jgħixu f’reġjuni rurali, remoti u ultraperiferiċi, dawk bi sfond soċjoekonomiku u/jew ta’ migrazzjoni żvantaġġat, dawk mill-komunità tar-Rom, u dawk b’livell edukattiv aktar baxx. L-għażla ppreferuta hija mistennija tirriżulta f’benefiċċji ekonomiċi għall-fornituri tat-traineeships, bħal kompetizzjoni tas-suq aktar ġusta, produttività u gwadanji fil-kompetittività minħabba forza tax-xogħol b’aktar ħiliet u aktar diversa u kostijiet aktar baxxi ta’ tiftix, tqabbil u reklutaġġ. Fir-rigward tal-kostijiet assoċjati mal-għażla ppreferuta, dawn huma relatati ma’ żieda possibbli fil-kostijiet lavorattivi, fil-kostijiet ta’ aġġustament u fil-kostijiet potenzjali li jirriżultaw minn proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. Il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma mistennija jibbenefikaw minn żieda fid-dħul mit-taxxa u s-sigurtà soċjali u tnaqqis fl-infiq fuq il-protezzjoni u l-attivazzjoni soċjali.

    Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet diskussa għall-ewwel darba mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2023. Fl-1 ta’ Frar 2024, ġie ppreżentat Rapport rivedut tal-valutazzjoni tal-impatt lill-Bord. Fit-22 ta’ Frar 2024, il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi ( 42 ). Il-kummenti li kien fadal ġew indirizzati sussegwentement, billi ġew speċifikati aktar il-limitazzjonijiet tad-data użata, filwaqt li ssaħħu d-diskussjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwi u kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u ngħataw aktar kjarifiki mmirati dwar id-deskrizzjoni u l-valutazzjoni tal-għażliet ta’ politika.

    Drittijiet fundamentali

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipproteġi firxa wiesgħa ta’ drittijiet tax-xogħol. L-objettivi ta’ din il-proposta huma konformi mal-Karta. Ir-Rakkomandazzjoni proposta hija mistennija tikkontribwixxi biex jiġi żgurat id-dritt għall-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi (l-Artikolu 20 tal-Karta), id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti (l-Artikolu 31), il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol (l-Artikolu 32), l-aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata (l-Artikolu 34) u l-protezzjoni tas-saħħa (l-Artikolu 35).

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ir-Rakkomandazzjoni proposta ma teħtieġx baġit jew riżorsi tal-persunal addizzjonali tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa biex japplikaw il-QFT imsaħħaħ malajr kemm jista’ jkun u jippreżentaw pjan ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-miżuri korrispondenti li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali sa [data tal-adozzjoni + [18-il xahar].

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Ir-Rakkomandazzjoni proposta toffri sett ta’ kriterji għal traineeships ta’ kwalità, filwaqt li tippermetti l-flessibbiltà fl-implimentazzjoni mill-Istati Membri. Dan jagħtihom l-opportunità jqisu n-natura speċifika u l-ħtiġijiet differenti tal-iskemi ta’ traineeships nazzjonali tagħhom.

    Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

    Il-Punt 1 jistabbilixxi l-objettiv tal-qafas imsaħħaħ biex tittejjeb il-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari l-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    Il-Punt 2 jispjega l-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas imsaħħaħ, li japplika għat-trainees kollha, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom. Dan jiċċara li, għal dawk it-trainees li huma ħaddiema, il-qafas japplika biss jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet ekwivalenti jew aktar favorevoli stabbiliti fil-liġi tal-UE.

    Ftehim bil-miktub

    Il-Punti 3 u 4 jirrakkomandaw li t-traineeships ikunu bbażati fuq ftehim bil-miktub u jaġġornaw il-kontenut tal-ftehim bil-miktub billi jirrakkomandaw informazzjoni addizzjonali dwar il-komponent tat-tagħlim, il-kompiti, l-arranġamenti ta’ mentoraġġ u l-protezzjoni soċjali.

    Kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

    Il-Punti 5 sa 15 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol, inkluż l-objettivi tat-tagħlim u t-taħriġ, il-paga ġusta, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli skont il-liġi tal-UE u nazzjonali applikabbli, l-assenjazzjoni ta’ superviżur u mentor, il-kundizzjonijiet għal traineeships mill-bogħod/ibridi, durata raġonevoli (inkluż għal traineeships ripetuti/konsekuttivi), it-tiġdid u t-terminazzjoni tat-traineeships u l-mezzi għat-trainees biex jirrapportaw prattika ħażina u kundizzjonijiet ħżiena. Jistabbilixxu wkoll li l-fornituri tat-traineeships ma jistgħux jirrikjedu li l-kandidati jkollhom esperjenza ta’ xogħol preċedenti.

    Protezzjoni soċjali

    Il-Punt 16 jirrakkomanda aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata f’konformità mal-prattiki nazzjonali filwaqt li titqies ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom.

    Rikonoxximent ta’ traineeships

    Il-Punt 17 jaġġorna r-rikonoxximent xieraq tat-traineeships billi jżid li dan ir-rikonoxximent, fejn xieraq u jekk possibbli, jenħtieġ li jiġi prodott f’format diġitali.

    Rekwiżiti ta’ trasparenza

    Il-Punti 18 sa 20 jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ trasparenza u jżidu li l-avviżi r-reklami ta’ postijiet battala għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni dwar il-livell tal-paga, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kopertura tal-protezzjoni soċjali u l-kompiti mistennija.

    Traineeships inklużivi

    Il-Punti 21 sa 24 jirrakkomandaw miżuri dwar traineeships inklużivi (inkluż billi jiġu żgurati t-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni u billi jittejbu l-aċċess u s-sensibilizzazzjoni għal dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli), lingwaġġ newtrali f’avviżi/reklami ta’ postijiet battala, sensibilizzazzjoni u bidliet, fejn rilevanti, biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà, inkluż għal dawk f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, b’mod partikolari trainees (kandidati) b’diżabbiltà.

    Traineeships transfruntiera

    Il-punti 25 sa 29 jaġġornaw il-miżuri mmirati biex jiffaċilitaw it-traineeships transfruntiera, filwaqt li jappellaw għal gwida prattika u informazzjoni dwar traineeships transfruntiera permezz tal-EURES u billi jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-qafas imsaħħaħ, fejn applikabbli, fi ftehimiet ta’ mobbiltà tat-traineeships ma’ organizzazzjonijiet ospitanti barra mill-UE.

    Appoġġ addizzjonali għat-traineeships

    Il-Punt 30 jirrakkomanda appoġġ addizzjonali għat-traineeships, b’mod partikolari billi jipprovdi gwida għall-karriera u opportunitajiet ta’ network.

    Kundizzjonijiet qafas

    Il-Punti 31 sa 33 jistabbilixxu l-elementi rigward il-kundizzjonijiet qafas, inkluż dwar l-involviment tas-sħab soċjali, is-servizzi għall-impjiegi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet ikkonċernati oħra. Huwa rrakkomandat ukoll li jiġi żgurat li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tat-trainees.

    L-applikazzjoni tal-qafas tal-kwalità msaħħaħ

    Il-Punti 34 sa 35 jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-QFT imsaħħaħ, inkluż għall-Istati Membri biex jippreżentaw pjan ta’ implimentazzjoni, u billi jipprevedu appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-fornituri tat-traineeships, b’mod partikolari l-SMEs.

    Appoġġ biex tiżdied l-impjegabbiltà tat-trainees

    Il-Punti 36 sa 37 jistabbilixxu miżuri ta’ appoġġ biex tiżdied l-impjegabbiltà tat-trainees u jirrakkomandaw li l-fornituri tat-traineeships jingħataw inċentivi biex jipproponu impjieg wara traineeship u jużaw il-fondi tal-UE għal traineeships li jkunu konformi mal-prinċipji tal-Qafas imsaħħaħ.

    Segwitu

    Il-Punt 38 jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu b’mod konġunt fuq il-ġbir tad-data.

    2024/0069 (NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikoli 153(1)(b), 165(4) u 166(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)F’Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships ( 43 ) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-2014”) biex jipprovdi standards ta’ kwalità fl-Unjoni kollha għat-traineeships. Din irrakkomandat 21 prinċipju għat-traineeships biex tittejjeb il-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari biex jiġi żgurat kontenut ta’ tagħlim u taħriġ ta’ kwalità għolja u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol u tiżdied l-impjegabbiltà tat-trainees. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 tkopri t-traineeships kollha ħlief dawk li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u dawk regolati skont il-liġi nazzjonali u li t-tlestija tagħhom hija rekwiżit obbligatorju għall-aċċess għal professjoni speċifika.

    (2)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi ( 44 ) fiha 14-il kriterju għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi bl-għan li jiġi żgurat li l-iskemi ta’ apprendistat ikunu responsivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għall-impjegaturi. Dawn jinkludu kriterji għall-kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol u kriterji għall-kundizzjonijiet qafas.

    (3)Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa ( 45 ) għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ taħt l-età ta’ 30 sena jirċievu offerta ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 serviet bħala punt ta’ referenza importanti biex tkejjel il-kwalità tal-offerti ta’ traineeships taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa.

    (4)L-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn impjiegi ta’ kwalità huwa meħtieġ biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Unjoni ta’ rata ta’ impjieg ta’ 78 % tal-popolazzjoni li għandhom bejn l-20 u l-64 sena sal-2030 ( 46 ).

    (5)It-traineeships jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza prattika u professjonali, itejbu l-impjegabbiltà tagħhom, u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn impjieg stabbli. Minnhom infushom, it-traineeships huma perkors importanti għas-suq tax-xogħol. Għall-impjegaturi, it-traineeships jipprovdu opportunitajiet biex jattiraw, iħarrġu, u jżommu ż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jnaqqsu l-kost tat-tiftix u r-reklutaġġ ta’ persunal b’ħiliet, meta t-trainees jiġu offruti pożizzjoni regolari wara t-traineeship tagħhom.

    (6)In-nuqqas ta’ ħaddiema jeżisti f’ħafna xogħlijiet u fil-livelli kollha tal-ħiliet. Dan hu mistenni jiżdied bit-tnaqqis ipproġettat fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u bid-domanda li qed tiżdied għal diversi xogħlijiet rilevanti għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet u/jew it-taħriġ mill-ġdid taż-żgħażagħ jistgħu jikkontribwixxu biex jittaffew dawn in-nuqqasijiet. Traineeships ta’ kwalità jistgħu jkunu perkors utli ta’ titjib tal-ħiliet u/jew taħriġ mill-ġdid għal persuni ta’ kwalunkwe età biex jiksbu ħiliet prattiċi fl-impjieg biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew biex jieħdu l-karriera tagħhom f’direzzjoni ġdida.

    (7)Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ressqet proposta biex jiġi żgurat li l-internships u l-impjiegi taż-żgħażagħ jaderixxu ma’ standards tal-kwalità, inkluż dwar il-pagi u l-projbizzjoni ta’ internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol u barra mill-edukazzjoni formali ( 47 ).

    (8)Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni skont l-Artikolu 225 tat-TFUE b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar traineeships ta’ kwalità f’Ġunju 2023 ( 48 ). Fir-riżoluzzjoni tiegħu, jistieden lill-Kummissjoni “taġġorna u ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 u tittrasformaha fi strument leġiżlattiv aktar b’saħħtu”. Huwa stieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi prinċipji addizzjonali f’qafas tal-kwalità għat-traineeships aġġornat. B’mod speċifiku, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex “tipproponi direttiva dwar traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ, traineeships fil-kuntest ta’ ALMPs u traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali, sabiex jiġu żgurati standards minimi tal-kwalità, inklużi regoli dwar it-tul tat-traineeships, l-aċċess għall-ħarsien soċjali f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali kif ukoll remunerazzjoni li tiżgura standard ta’ għajxien deċenti sabiex jiġu evitati l-prattiki ta’ sfruttament”.

    (9)Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar il-ħtieġa, l-objettivi u l-mezzi legali għal azzjoni potenzjali li tkompli ttejjeb il-kwalità tat-traineeships. Ma kien hemm ebda ftehim bejn is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam billi jiġi adattat il-qafas attwali dwar it-traineeships filwaqt li jitqiesu l-eżiti tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali.

    (10)Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv mal-partijiet ikkonċernati, inkluż it-trainees u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-fornituri tat-traineeships, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, l-istituzzjonijiet edukattivi, u l-esperti mill-akkademja.

    (11)Barra minn hekk, fl-2023, il-Kummissjoni evalwat ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 ( 49 ) u sabet li traineeships ta’ kwalità, li jirriflettu l-prinċipji ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni, jikkontribwixxu biex tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Filwaqt li l-prinċipji tal-kwalità tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 tqiesu li għadhom rilevanti u ta’ valur miżjud, l-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li l-applikazzjoni ta’ dawk il-prinċipji u l-monitoraġġ u l-infurzar tagħhom kellhom jittejbu. Hija sabet ukoll lok għat-tisħiħ tal-qafas, inkluż dwar aspetti relatati mal-paga u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal relazzjoni ta’ impjieg regolari, il-fornituri tat-traineeships jistgħu jipprovdu aktar enfasi fuq l-appoġġ ta’ wara l-kollokament. Sabet ukoll li l-impjegaturi jistgħu jiġu assistiti aħjar permezz ta’ gwida prattika u appoġġ finanzjarju kif ukoll billi dan l-appoġġ jintrabat mal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kwalità.

    (12)L-evalwazzjoni identifikat ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-inklużività u li jittejjeb l-aċċess għat-traineeships għal persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. B’mod partikolari, il-minoranzi, il-persuni b’diżabbiltà, dawk li jgħixu f’reġjuni rurali, remoti u ultraperiferiċi, dawk bi sfond soċjoekonomiku u/jew ta’ migrazzjoni żvantaġġat, il-komunità tar-Rom, u dawk b’livell edukattiv aktar baxx, jiffaċċjaw ostakli fl-aċċess għall-opportunitajiet ta’ traineeship. Fost ostakli oħra, il-persuni b’diżabbiltà jsibu ostaklu biex jaċċessaw it-traineeships minħabba n-nuqqas ta’ programmi ta’ traineeships adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, pereżempju dawk li jaqdu rekwiżiti speċifiċi ta’ aċċessibbiltà.

    (13)L-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2023 (FL523) ( 50 ) sab li 55 % ta’ dawk li wieġbu li għamlu traineeship tħallsu jew ġew ikkumpensati finanzjarjament, li hija żieda minn 40 % fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2013 (FL378) ( 51 ). Barra minn hekk, fl-2023 33 % ta’ dawk li wieġbu, wieġbu li kellhom aċċess sħiħ (u 28 % ta’ dawk li wieġbu parzjali) għall-protezzjoni soċjali ( 52 ).

    (14)Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas tal-kwalità għat-traineeships kif identifikat mill-evalwazzjoni u minn diversi partijiet ikkonċernati msemmija hawn fuq. Għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni, il-qgħad jew l-inattività għax-xogħol.

    (15)Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, it-traineeships għandhom jinftiehmu bħala perjodu limitat ta’ prattika tax-xogħol, li jinkludi komponent sinifikanti ta’ tagħlim u taħriġ, imwettqa sabiex tinkiseb esperjenza prattika u professjonali bil-ħsieb li tittejjeb l-impjegabbiltà u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal relazzjoni ta’ impjieg regolari jew l-aċċess għal professjoni. Mingħajr preġudizzju għal tipi oħra ta’ traineeships li jistgħu jeżistu, ġew identifikati l-erba’ tipi ta’ traineeships li ġejjin: traineeships tas-suq miftuħ, traineeships li huma parti minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol, traineeships li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali, u traineeships li huma rekwiżit obbligatorju għall-aċċess ta’ ċerta professjoni.

    (16)It-traineeships tas-suq miftuħ huma bbażati fuq ftehimiet bilaterali mhux obbligatorji bejn trainee u fornitur ta’ traineeship (pubbliku/privat/mingħajr skop ta’ qligħ) mingħajr l-involviment ta’ parti terza u mingħajr konnessjoni formali mal-edukazzjoni jew it-taħriġ.

    (17)It-traineeships bħala parti mill-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) jiġu offruti lil dawk inattivi jew qiegħda jew lil dawk f’riskju li jispiċċaw qiegħda, normalment b’istituzzjoni pubblika (spiss servizz għall-impjiegi) li taġixxi bħala intermedjarju bejn il-fornitur tat-traineeship u t-trainee.

    (18)It-traineeships jistgħu jkunu wkoll kollokamenti ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali (skola, edukazzjoni vokazzjonali jew edukazzjoni għolja u taħriġ).

    (19)Il-liġi nazzjonali tista’ tirregola wkoll ċerti traineeships u tagħmel it-tlestija tagħhom obbligatorja għall-aċċess għal professjoni speċifika (eż. mediċina, arkitettura, eċċ.).

    (20)Din ir-Rakkomandazzjoni tapplika għat-traineeships kollha msemmija fil-premessi (16) sa (19).

    (21)Peress li t-traineeships u l-programmi ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi ( 53 ) jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw liema miż-żewġ oqfsa ta’ kwalità japplikaw għall-esperjenzi ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), skont il-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali tagħhom. Meta jagħmlu dan, biex jiżguraw li l-istudenti kollha fit-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol jirċievu l-ogħla livell ta’ protezzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw il-kundizzjonijiet qafas li huma aktar protettivi fost iż-żewġ oqfsa, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali.

    (22)In-nuqqas ta’ paga ġusta u aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata jippreżentaw ostakli għall-aċċess ugwali għall-opportunitajiet ta’ traineeship. Fin-nuqqas ta’ sors alternattiv ta’ introjtu, il-gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli għandhom it-tendenza li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom fi traineeships, b’mod partikolari meta l-paga tkun assenti jew baxxa, jew meta jiġġarrbu kostijiet addizzjonali, pereżempju billi jagħmlu traineeship f’reġjun jew pajjiż differenti.

    (23)Il-lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali jistgħu jpoġġu l-benesseri u s-saħħa (mentali) tat-trainees f’riskju, jikkontribwixxu għall-inċertezza ekonomika, il-prekarjetà u r-riskju ta’ faqar tagħhom. Dan ir-riskju huwa partikolarment għoli għal trainees minn gruppi soċjoekonomikament żvantaġġati u/jew f’sitwazzjonijiet vulnerabbli oħra. It-trainees jistgħu jiffaċċjaw l-ostakli fl-aċċess għad-drittijiet u l-benefiċċji soċjali b’mod partikolari minħabba l-istorja kontributorja qasira tagħhom. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali (bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji tal-kura tas-saħħa) jeħtieġu status ta’ impjieg, li jeskludi t-trainees li mhumiex meqjusa bħala ħaddiema.

    (24)Durata mtawla jew akkumulazzjoni ta’ traineeships multipli tista’ ddewwem l-aċċess għal relazzjonijiet ta’ impjieg regolari għat-trainees individwali kkonċernati. Dawn jistgħu jkunu wkoll indikattivi ta’ traineeships li qed jintużaw biex jieħdu post relazzjonijiet ta’ impjieg regolari.

    (25)Durata mtawla ta’ traineeship tista’ tkun ġustifikata jekk tkun ġustifikata min-natura u l-iskop tat-tip speċifiku ta’ traineeship. Eżempji ta’ eċċezzjonijiet jistgħu jkunu traineeships li t-tlestija tagħhom hija rekwiżit obbligatorju għall-aċċess għal professjoni speċifika, fejn it-trajettorja biex jinkisbu l-għarfien, il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa tiġġustifika esperjenza ta’ traineeship itwal. Ċerti traineeships li huma parti minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn l-integrazzjoni tal-persuni f’sitwazzjoni vulnerabbli jistgħu jibbenefikaw ukoll minn durata itwal. Xi traineeships li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali jista’ jkollhom durata itwal għal raġunijiet marbuta mal-kurrikuli.

    (26)Traineeships ripetuti, u prattiki mmirati lejn is-sostituzzjoni ta’ impjiegi b’relazzjonijiet ta’ impjieg moħbija bħala traineeships, jistgħu jiġu indotti minn fornituri ta’ traineeships li jitolbu esperjenza preċedenti fl-istess qasam ta’ attività jew f’wieħed simili f’avviżi ta’ postijiet battala. Id-durata ġenerali tat-traineeships xi drabi tittawwal ukoll permezz ta’ traineeships ripetuti, inkluż dawk konsekuttivi, mal-istess impjegatur. Dawn il-prattiki jistgħu jkunu indikazzjoni oħra ta’ relazzjoni ta’ impjieg moħbija bħala traineeship. Madankollu, jista’ jkun hemm raġunijiet oġġettivi li abbażi tagħhom il-fornituri tat-traineeships jistgħu jirrikjedu esperjenza ta’ xogħol preċedenti minn trainees (kandidati). Każijiet bħal dawn jistgħu jinvolvu perijodu ekwivalenti ta’ esperjenzi ta’ xogħol preċedenti bħala alternattiva għal lawrja f’ċertu qasam ta’ attività jew kompetenza. Trajettorja għall-aċċess għal professjoni speċifika tista’ tiġġustifika wkoll esperjenza ta’ xogħol preċedenti qabel ma jinbeda traineeship aktar speċjalizzat.

    (27)L-evalwazzjoni enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għat-trainees matul it-traineeship permezz ta’ mentoraġġ xieraq. Għalhekk, ir-rwol tas-superviżur jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’mentor, li r-rwol tiegħu jkun jinkludi konsulenza, ikkowċjar u appoġġ lit-trainee bil-ħsieb tal-iżvilupp personali kif ukoll l-integrazzjoni fl-ambjent tax-xogħol, kull fejn ikun possibbli filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet organizzattivi u d-daqs tal-fornitur tat-traineeship.

    (28)Mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn, żdiedet il-prevalenza ta’ arranġamenti ta’ xogħol mill-bogħod u ibridi. Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u l-aċċessibbiltà ta’ traineeships mill-bogħod u ibridi, huma meħtieġa adattamenti għall-prattika miżjuda tat-telexogħol f’termini ta’ ambjent tax-xogħol xieraq (inkluż tagħmir) u organizzazzjoni tax-xogħol. Dan tal-aħħar jinkludi gwida, mentoraġġ, u kompiti adatti għal mod ta’ ħidma mill-bogħod u ibridu.

    (29)Sabiex tiżdied it-trasparenza tal-informazzjoni dwar opportunità ta’ traineeship, il-fornituri tat-traineeships għandhom jiġu mħeġġa jinkludu informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-traineeship, b’mod partikolari dwar il-livell ta’ paga, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kopertura tal-protezzjoni soċjali, inkluż l-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti, il-kompiti mistennija u l-komponent tat-tagħlim u t-taħriġ fl-avviżi ta’ postijiet battala u r-reklami għat-traineeships possibbilment billi tiġi inkluża ħolqa għal sit web li fih din l-informazzjoni.

    (30)Il-fornituri tat-traineeships għandhom jiġu mħeġġa jipprovdu informazzjoni dwar il-politiki ta’ reklutaġġ, b’mod partikolari dwar is-sehem ta’ trainees reklutati. Dan jiġi kkalkulat billi jiġi diviż l-għadd ta’ trainees li ġew impjegati (wara t-tlestija tat-traineeship) biex jimlew pożizzjoni ta’ impjieg regolari bin-numru totali ta’ trainees fl-istess stabbiliment fl-istess sena.

    (31)Is-servizzi għall-impjiegi u fornituri oħra ta’ gwida għall-karriera jenħtieġ li jiġu mħeġġa japplikaw l-istess rekwiżiti ta’ trasparenza bħall-fornituri tat-traineeships meta jipprovdu l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ traineeship. Madankollu huwa rikonoxxut li s-servizzi għall-impjiegi u fornituri oħra ta’ gwida għall-karriera jistgħu ma jkunux konxji tal-elementi kollha ta’ informazzjoni elenkati taħt ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u jistgħu jkunu dipendenti fuq ir-rieda tal-fornituri tat-traineeships li jikkondividu din l-informazzjoni.

    (32)Sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għal gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, hija meħtieġa sensibilizzazzjoni msaħħa għal dawn il-gruppi, bħal permezz ta’ komunikazzjoni mmirata u strateġiji ta’ sensibilizzazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn l-istrateġiji ta’ sensibilizzazzjoni, huwa essenzjali li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti bħas-servizzi għall-impjiegi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u li jitfasslu l-għodod ta’ komunikazzjoni u informazzjoni użati biex tintlaħaq l-aktar firxa wiesgħa ta’ persuni possibbli, inkluż dawk b’ċerti diżabbiltajiet (eż. siti web adattati u faċli biex jinqraw).

    (33)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, jeħtieġ li jissaħħaħ l-appoġġ lill-impjegaturi permezz ta’ gwida prattika u appoġġ finanzjarju, filwaqt li dan tal-aħħar jista’ jkun jiddependi fuq il-kundizzjoni li t-traineeships offruti jaderixxu mal-prinċipji tal-kwalità ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    (34)It-traineeships transfruntiera jistgħu jkunu partikolarment siewja peress li t-trainees jistgħu jitgħallmu lingwa oħra, ikunu esposti għal ambjent jew kultura ġdida u għalhekk jistgħu jiksbu ħiliet trasversali rilevanti. Hemm indikazzjonijiet li l-mobbiltà transfruntiera tat-trainees żdiedet ( 54 ), iżda ż-żgħażagħ għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw traineeships transfruntiera minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ informazzjoni rilevanti (u suffiċjenti). Hija meħtieġa informazzjoni aktar konkreta u prattika dwar it-traineeships transfruntiera, bħal pereżempju dwar l-EURES, biex tittejjeb l-aċċessibbiltà.

    (35)Il-mezzi biex jirrapportaw prattika ħażina u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena jistgħu jappoġġaw lit-trainees fl-infurzar tad-drittijiet tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, jekk it-trainees jitħallew ikollhom id-drittijiet tagħhom difiżi mir-rappreżentanzi tal-ħaddiema, dan isaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom.

    (36)Il-programmi tal-Istati Membri li jippromwovu u joffru traineeships ta’ kwalità jistgħu jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi Ewropej. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1057 ( 55 ), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility) stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/241 ( 56 ) għal riformi u investimenti eliġibbli previsti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri għat-twettiq matul il-ħajja tal-Faċilità sa tmiem l-2026, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1056 ( 57 ) u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI, Strument ta’ Appoġġ Tekniku) stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/240 ( 58 ), jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri.

    (37)Sabiex tiżgura approċċi konsistenti fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni pproponiet direttiva (COM(2024) 132) li tistabbilixxi qafas komuni ta’ prinċipji u miżuri biex jittejbu u jiġu infurzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u biex jiġu miġġielda r-relazzjonijiet regolari ta’ impjieg moħbija bħala traineeships.

    (38)F’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lit-trainees fil-ftehim tat-traineeship bil-miktub, it-trainees li huma ħaddiema huma intitolati għar-rekwiżiti minimi relatati mal-informazzjoni kif stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 59 ). Sa fejn mhumiex koperti minn din id-Direttiva, l-elementi f’din ir-rakkomandazzjoni jenħtieġ li jitqiesu flimkien ma’ dawk ir-rekwiżiti minimi għat-trainees li huma ħaddiema.

    (39)L-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li ma tikkostitwixxix raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lit-trainees koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.

    (40)Din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tevita li timponi restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji jew legali b’mod li jxekklu l-ħolqien jew l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jivvalutaw l-impatt tal-politiki jew ir-riformi tagħhom fuq l-SMEs sabiex jiżguraw li l-SMEs ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, b’attenzjoni speċifika għall-mikrointrapriżi u l-piż amministrattiv, u jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet.

    (41)Din ir-Rakkomandazzjoni tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships li għalhekk jenħtieġ li ma tibqax tiġi applikata aktar mill-Istati Membri.

    JIRRIKONOXXI L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI

    (42)trawwem kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra bil-ħsieb li din ir-Rakkomandazzjoni tiġi applikata malajr.

    (43)taħdem mal-Istati Membri, is-sħab soċjali, is-servizzi għall-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tat-trainees, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u partijiet ikkonċernati oħra biex tippromwovi din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż permezz ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipji tal-kwalità u l-benefiċċji tat-traineeships għaż-żgħażagħ u l-fornituri tat-traineeships.

    (44)tħeġġeġ u tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż permezz tal-iffaċilitar tal-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u fost il-partijiet ikkonċernati permezz ta’ networks eżistenti, inkluż sħubijiet tal-ħiliet skont il-Patt għall-Ħiliet.

    (45)tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni, f’konformità mal-oqfsa legali rilevanti, biex jiżdied l-għadd ta’ traineeships ta’ kwalità.

    (46)taħdem b’mod konġunt mal-Istati Membri fuq il-ġbir ta’ sett limitat ta’ data dwar it-traineeships, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi mmonitorjat il-progress fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni filwaqt li jittieħed kont tal-piż ta’ rapportar mhux meħtieġ.

    (47)tkompli l-monitoraġġ f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u bl-appoġġ tal-Kumitat tal-Impjiegi, il-progress fl-applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ, filwaqt li tibni fuq l-istrumenti ta’ monitoraġġ eżistenti użati fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

    (48)tirrapporta lill-Kunsill dwar il-progress fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fi żmien [tliet snin] mid-data tal-adozzjoni tagħha.

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI

    Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni

    1.Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tat-tagħlim u t-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni, il-qgħad jew l-inattività għax-xogħol.

    2.Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tkopri t-trainees kollha, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom, inkluż it-trainees li huma ħaddiema biss sa fejn u sal-punt li dispożizzjonijiet ekwivalenti jew aktar favorevoli ma jkunux stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni.

    Prinċipji ta’ kwalità

    B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    Ftehim bil-miktub

    3.jiżguraw li t-traineeships ikunu bbażati fuq ftehim bil-miktub konkluż fil-bidu tat-traineeship bejn it-trainee u l-fornitur tat-traineeship.

    4.jiżguraw li l-ftehimiet tat-traineeships jistabbilixxu l-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1152, il-komponent tat-tagħlim u t-taħriġ, inkluż l-objettivi tiegħu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kompiti li għandhom jitwettqu, l-arranġamenti għall-mentoraġġ, is-superviżjoni u l-evalwazzjoni, id-dettalji dwar il-kopertura tal-protezzjoni soċjali, inkluż fir-rigward tal-kopertura għall-mard u l-kura tas-saħħa kif ukoll għall-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, il-ftehimiet kollettivi u l-prattika, u, fejn rilevanti, il-politiki tal-fornitur tat-traineeships dwar il-kunfidenzjalità u s-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    Kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol

    5.jiżguraw li t-trainees jiġu kkonsultati meta jiġu stabbiliti l-objettivi speċifiċi ta’ tagħlim u taħriġ tat-traineeship sabiex jgħinu lit-trainees jiksbu esperjenza prattika u ħiliet rilevanti. Il-kompiti assenjati lit-trainee għandhom jippermettu li dawn l-objettivi jintlaħqu.

    6.jiżguraw li t-trainees jitħallsu b’mod ġust , filwaqt li jqisu elementi bħall-kompiti u r-responsabbiltajiet tat-trainee, l-intensità tax-xogħol tat-trainee, u l-piż tal-komponent tat-tagħlim u t-taħriġ.

    7.jiżguraw li d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza, il-limiti għall-ħin massimu tax-xogħol fil-ġimgħa, il-perjodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u, fejn applikabbli, l-intitolamenti minimi għall-vaganzi, jiġu rispettati permezz ta’ monitoraġġ u infurzar effettivi.

    8.jiżguraw li l-fornituri tat-traineeships jaħtru superviżur biex jiggwida lit-trainee fil-kompiti assenjati, jissorvelja l-attivitajiet imwettqa mit-trainee u jimmonitorja u jivvaluta l-progress tagħhom.

    9.jiżguraw li l-fornituri tat-traineeships jaħtru mentor li jaġixxi bħala konsulent għat-trainee, u jipprovdi kkowċjar u appoġġ, kull fejn ikun possibbli filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet organizzattivi u d-daqs tal-fornitur tat-traineeship.

    10.jiżguraw li l-fornituri tat-traineeships jipprovdu ambjent tax-xogħol xieraq, sikur u tajjeb għas-saħħa, inkluż tagħmir u organizzazzjoni tax-xogħol fil-każ ta’ traineeships mill-bogħod u ibridi.

    11.jiżguraw tul ta’ żmien raġonevoli tat-traineeships li ma jaqbiżx is-sitt xhur, ħlief f’każijiet fejn tul ta’ żmien itwal ikun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi u jikkunsidra l-prattiki nazzjonali. Fil-każ ta’ traineeships ripetuti, inklużi dawk konsekuttivi, mal-istess impjegatur, jiżguraw li t-tul totali ta’ dawk it-traineeships ma jaqbiżx is-sitt xhur, ħlief f’każijiet fejn tul ta’ żmien itwal ikun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

    12.jiċċaraw iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom traineeship jista’ jiġi estiż jew imġedded wara t-tmiem tat-traineeship inizjali.

    13.jiżguraw li l-impjegaturi ma jirrikjedux li l-kandidati għal traineeships ikollhom esperjenza ta’ xogħol preċedenti fil-qasam tal-attività, ħlief f’każijiet fejn tali rekwiżit ikun ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

    14.jiżguraw il-prattika li fil-ftehim ta’ traineeship ikun speċifikat li jew it-trainee jew il-fornitur tat-traineeship jistgħu jtemmuh permezz ta’ komunikazzjoni bil-miktub, billi jipprovdu avviż minn qabel ta’ tul xieraq fid-dawl tat-tul tat-traineeship u l-prattika nazzjonali rilevanti.

    15.jiżguraw, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, mezzi għat-trainees biex jirrapportaw prattiki ħżiena u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena u jipprovdu informazzjoni dwar dawk il-mezzi.

    Protezzjoni soċjali

    16.jiżguraw li t-trainees ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata, inkluż il-kopertura meħtieġa f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u filwaqt li jqisu, fejn applikabbli, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 ( 60 ).

    Rikonoxximent xieraq tat-traineeships

    17.jippromwovu r-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul it-traineeships u jħeġġu lill-fornituri tat-traineeships jaffermawhom, abbażi ta’ valutazzjoni, permezz ta’ ċertifikat, fejn xieraq, u jekk possibbli f’format diġitali.

    Rekwiżiti ta’ trasparenza

    18.jiżguraw li l-fornituri tat-traineeships jinkludu fl-avviżi u r-reklami ta’ postijiet battala informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tat-traineeship, b’mod partikolari dwar il-livell tal-paga, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-kopertura tal-protezzjoni soċjali, inkluż l-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti, il-kompiti mistennija u l-komponent tat-tagħlim u t-taħriġ.

    19.iħeġġu lill-fornituri tat-traineeships jagħtu informazzjoni dwar il-politiki ta’ reklutaġġ, inkluż is-sehem ta’ trainees reklutati f’dawn l-aħħar snin.

    20.jinkoraġġixxu lis-servizzi għall-impjiegi u lil fornituri oħra ta’ gwida għall-karriera, biex meta jipprovdu informazzjoni dwar it-traineeships, japplikaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza kif elenkati fil-punt 18.

    Traineeships inklużivi

    21.itejbu s-sensibilizzazzjoni għal trainees potenzjali li jappartjenu għal gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż billi jqajmu kuxjenza dwar il-benefiċċji ta’ traineeships ta’ kwalità f’termini ta’ impjegabbiltà akbar.

    22.jiżguraw it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni fit-traineeships, inkluż fil-kriterji tal-għażla u l-politiki ta’ reklutaġġ, u jtejbu l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ traineeships għall-applikanti potenzjali kollha, b’mod partikolari dawk minn gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

    23.jiżguraw li l-fornituri tat-traineeships jużaw lingwaġġ newtrali għall-ġeneru u inklużiv fl-avviżi u r-reklami ta’ postijiet battala.

    24.jiżguraw li l-programmi ta’ traineeships, inklużi l-postijiet tax-xogħol, it-taħriġ, l-għodod diġitali, it-tagħmir tal-uffiċċju u tax-xogħol, jiġu adattati għall-ħtiġijiet individwali tat-trainees fejn rilevanti, b’mod partikolari għat-trainees b’diżabbiltà, anke permezz tal-għoti ta’ akkomodazzjoni raġonevoli xierqa f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE.

    Traineeships transfruntiera

    25.jiffaċilitaw il-mobbiltà transfruntiera tat-trainees fl-Unjoni inter alia, billi jiċċaraw il-qafas legali nazzjonali applikabbli għat-traineeships u jistabbilixxu regoli ċari dwar l-ospitar ta’ trainees minn u l-bgħit ta’ trainees lejn Stati Membri oħra u billi jnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi.

    26.jagħmlu użu min-network tal-EURES biex jappoġġaw il-mobbiltà transfruntiera tat-trainees u jiskambjaw l-informazzjoni dwar traineeships imħallsa permezz tal-portal tal-EURES, f’konformità mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 61 ).

    27.jiżviluppaw aktar materjal ta’ gwida prattika u informazzjoni għal trainees (potenzjali) dwar traineeships transfruntiera permezz tal-EURES, inkluż f’formati li huma aċċessibbli għal persuni b’tipi differenti ta’ diżabbiltajiet.

    28.jappoġġaw lill-fornituri tat-traineeships u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-iffaċilitar tat-traineeships transfruntiera, filwaqt li jagħmlu l-aħjar użu mill-inizjattivi Ewropej, b’mod partikolari l-programm Erasmus+ stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 62 ).

    29.jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, fejn applikabbli, fil-ftehimiet ta’ mobbiltà tat-traineeships bejn l-organizzazzjonijiet li jibagħtu fl-Unjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet ospitanti barra mill-Unjoni.

    Appoġġ addizzjonali għat-traineeships

    30.iħeġġu lill-fornituri tat-traineeships kif ukoll lill-organizzazzjonijiet intermedjarji, bħas-servizzi għall-impjiegi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jipprovdu appoġġ ta’ gwida għall-karriera matul it-traineeship, bħal konsulenza dwar il-karriera u opportunitajiet ta’ networking, biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn relazzjoni ta’ impjiegregolari wara t-traineeship.

    Kundizzjonijiet qafas

    31.jiżguraw l-involviment attiv tas-sħab soċjali fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    32.jippromwovu l-involviment attiv tas-servizzi għall-impjiegi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-fornituri tat-taħriġ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    33.jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva rilevanti biex jinfurzaw kwalunkwe wieħed mid-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali applikabbli. Huma jistgħu jaġixxu f’isem trainee wieħed jew aktar jew b’appoġġ għalih f’każ ta’ ksur ta’ xi dritt jew obbligu li jirriżulta mil-liġi nazzjonali applikabbli, bl-approvazzjoni ta’ dak it-trainee jew ta’ dawk it-trainees.

    L-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali

    L-applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ

    34.jieħdu miżuri xierqa biex japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni malajr kemm jista’ jkun u jippreżentaw pjan ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-miżuri korrispondenti li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali sa [data tal-adozzjoni + 18-il xahar].

    35.jipprevedu appoġġ finanzjarju u/jew mhux finanzjarju bħal gwida prattika għall-fornituri ta’ traineeships b’mod partikolari biex jilħqu gruppi vulnerabbli u għal kumpaniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju, fl-applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

    Appoġġ biex tiżdied l-impjegabbiltà tat-trainees

    36.joffru inċentivi lill-fornituri tat-traineeships biex joffru lit-trainees relazzjoni ta’ impjieg regolari wara t-tlestija ta’ traineeship b’suċċess.

    37.jagħmlu użu mill-fondi u l-istrumenti rilevanti tal-Unjoni biex jiżdied l-għadd ta’ traineeships ta’ kwalità li jsegwu l-gwida deskritta f’din ir-Rakkomandazzjoni.

    Segwitu

    38.flimkien mal-Kummissjoni, jaħdmu fuq il-ġbir ta’ data dwar it-traineeships, bil-ħsieb partikolari li jinformaw it-tfassil tal-politika dwar traineeships ta’ kwalità.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019–2024. “Unjoni li Tirsisti għal Aktar. L-Aġenda Tiegħi għall-Ewropa.” Disponibbli online .
    (2)    Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (15-25 sena) kien ta’ 14,9 % f’Jannar 2024, meta mqabbel mar-rata ġenerali tal-qgħad (20-64 sena) ta’ 6,0 % (Eurostat).
    (3)     COM(2021) 102 final.
    (4)     Ewrobarometru Flash 523 (2964/FL523).
    (5)    Dan ma jinkludix it-traineeships li huma obbligatorji għall-aċċess għal professjoni.
    (6)    Dawn in-numri jenħtieġ li jiġu interpretati b’kawtela peress li huma bbażati fuq il-kombinazzjoni tar-riżultati tal-Ewrobarometru Flash 523 (is-sehem ta’ trainees li għamlu traineeships b’durata totali ta’ aktar minn 6 xhur li ddikjaraw ukoll li ma tgħallmux affarijiet utli professjonalment) u d-data tal-EU-LFS dwar l-għadd ta’ trainees imħallsa.
    (7)    Disponibbli online .
    (8)     Conference on the Future of Europe. Report on the final outcome. May 2022.
    (9)     Disponibbli online .
    (10)    Disponibbli online .
    (11)    Disponibbli online .
    (12)     COM(2022) 548 final .
    (13)     “Study exploring the context, challenges and possible solution in relation to the quality of traineeships in the EU” minn konsorzju ta’ Ernst &Young (EY), iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) u Open Evidence (li jmiss).
    (14)    ĠU C 456, 18.12.2018, p. 16.
    (15)    COM (2024) 1 final.
    (16)    COM (2020) 276 final.
    (17)    ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1–9.
    (18)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16.
    (19)     https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1147&langId=mt .
    (20)    ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1–8.
    (21)    ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1–8.
    (22)    ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16–22.
    (23)    COM(2020) 620 final. Disponibbli online .
    (24)    ĠU C 93, 19.3.2021, p. 1–14.
    (25)

       ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1-6.

    (26)     Disponibbli online .
    (27)

       COM(2020) 274 final.

    (28)    COM(2023) 719 final. 2023/0405 (NLE).
    (29)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”, COM/2020/103 final.
    (30)    COM(2024)131.
    (31)    Disponibbli online .
    (32)    Disponibbli online .
    (33)    Disponibbli online .
    (34)     Disponibbli online .
    (35)     Disponibbli online .
    (36)     Disponibbli online .
    (37)     Disponibbli online .  
    (38)     Disponibbli online . 
    (39)     Disponibbli online . .
    (40)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt (2024), li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u l-ġlieda kontra r-relazzjonijiet ta’ impjieg moħbija bħala traineeships u l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ, li ġej.
    (41)    Inkluż is-Servizz Legali, is-SĠ, id-DĠ CNECT, id-DĠ EAC, il-JRC, id-DĠ COMM, id-DĠ GROW, id-DĠ JUST, id-DĠ REGIO u d-DĠ AGRI.
    (42)    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, it-Tieni Opinjoni “Pożittiva b’riżervi” dwar il-valutazzjoni tal-impatt Qafas tal-Kwalità għat-traineeships tat-28 ta’ Frar 2024 (li għandha tiġi ppubblikata).
    (43)    ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1. Disponibbli online .
    (44)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16.
    (45)    ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1-9.
    (46)    Waħda mit-tliet miri soċjali fil-livell tal-UE inklużi fil- Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali  Għandha tinkiseb sal-2030.
    (47)    Conference on the Future of Europe, Report on the final outcome – May 2022. Disponibbli online .
    (48)    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2023 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar traineeships ta’ kwalità fl-Unjoni (2020/2005 (INL)). Disponibbli online .
    (49)    Disponibbli online .
    (50)    Disponibbli online .
    (51)    Disponibbli online .
    (52)    L-istħarriġ mill-Ewrobarometru tal-2013 staqsa dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa (73 % tar-rispondenti ddikjaraw li kienu koperti), iżda mhux dwar il-kopertura tal-protezzjoni soċjali.
    (53)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16.
    (54)    Kif turi l-prevalenza tat-traineeships transfruntiera: żieda minn 9 % fl-2014 għal 19 % fl-2022 skont l-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014, appoġġata mir-riżultati tal-istħarriġ mill-Ewrobarometru (FL523) tal-2023 fejn 21 % ta’ dawk li wieġbu għamlu mill-inqas traineeship wieħed f’pajjiż ieħor tal-UE.
    (55)    ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21–59.
    (56)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17–75.
    (57)    ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1–20.
    (58)    ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1–16.
    (59)    ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105–121.
    (60)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
    (61)    Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar network Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobbiltà u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1). Disponibbli online.
    (62)    Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1). Disponibbli online .
    Top