IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.12.2023
COM(2023) 784 final
2023/0457(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tal-Unjoni ta’ Comoros mad-WTO
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (World Trade Organization, “WTO”) b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-adeżjoni tal-Unjoni ta’ Comoros mad-WTO.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“Ftehim tad-WTO”)
Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) għandu l-għan li jilħaq l-objettivi msemmija fil-preambolu tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.
L-Unjoni Ewropea (“UE”) hija parti għall-Ftehim. Is-27 Stat Membru huma wkoll kollha partijiet għall-Ftehim. Id-WTO tista’ tieħu deċiżjonijiet f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO.
2.2.Il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ
Il-Konferenza Ministerjali hija l-ogħla korp deċiżjonali tad-WTO u tiltaqa’ mill-inqas darba kull sentejn. Bħala punt tal-liġi u fil-prattika, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’konsensus.
Il-laqgħa li jmiss tal-Konferenza Ministerjali se ssir f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda mis-26 sad-29 ta’ Frar 2024.
2.3.L-att previst matul il-Konferenza Ministerjali tad-WTO u r-raġuni għall-proposta u l-objettiv tagħha
Matul it-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO (“MC13”) tista’ tiġi adottata deċiżjoni dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni ta’ Comoros (Comoros).
Il-membri tad-WTO u ta’ Comoros laħqu l-istadju ta’ konklużjoni ta’ ftehim dwar it-termini għall-adeżjoni ta’ Comoros fl-organizzazzjoni. Dan qiegħed isir wara diversi snin ta’ negozjati, li bdew meta Comoros ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu biex jissieħeb fid-WTO fl-2007.
Bil-preżentazzjoni tat-termini tal-Adeżjoni ta’ Comoros lid-WTO għall-approvazzjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni tqis li dawn it-termini jirrappreżentaw pakkett ibbilanċjat u ambizzjuż ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq, li se jġib benefiċċji sostanzjali kemm għal Comoros kif ukoll għall-imsieħba kummerċjali tad-WTO tiegħu. It-talba ta’ Comoros għall-adeżjoni ġiet eżaminata skont il-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (least-developed countries, LDCs).
2.4.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-multilateraliżmu huwa fil-qalba tal-politika kummerċjali tal-UE u l-UE tappoġġa l-adeżjoni ta’ pajjiżi terzi mad-WTO fuq termini xierqa.
2.5.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
B’mod konsistenti mal-politika tal-UE dwar l-azzjoni esterna u l-iżvilupp, il-proposta se tankra lil Comoros fis-sistema kummerċjali multilaterali f’konformità mal-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO dwar l-adeżjoni tal-LDCs u tikkunsidra r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali ġenerali ma’ Comoros fil-kuntest tas-sħubija UE-AKP.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Noti ġenerali
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-UE tkun abilitata tingħaqad ma’ konsensus possibbli fid-WTO dwar l-adozzjoni mill-Konferenza Ministerjali tal-att previst, magħmul minn deċiżjoni dwar l-adeżjoni ta’ Comoros mad-WTO.
Filwaqt li għadu mhuwiex ċar jekk il-Membri tad-WTO humiex se jkunu jistgħu jilħqu konsensus dwar l-att previst, u sa liema punt sa jagħmlu dan, il-pożizzjoni tal-UE fl-MC13 għandha tiġi stabbilita minn qabel mill-Kunsill skont l-Artikolu 218(9) TFUE.
Il-proposta kurrenti tikkonċerna deċiżjoni possibbli fl-MC13 dwar l-adeżjoni ta’ Comoros mad-WTO.
Fit-12 ta’ Marzu tal-2007, il-Gvern tal-Unjoni ta’ Comoros applika għall-adeżjoni mad-WTO. Fid-9 ta’ Ottubru 2007 ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tal-Unjoni ta’ Comoros. Id-disa’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma saret fil-5 ta’ Ottubru 2023. In-negozjati multilaterali dwar oqsma addizzjonali relatati mal-kummerċ għadhom għaddejjin. Fl-2022, il-Kummissjoni, f’isem l-UE, iffinalizzat negozjati bilaterali dwar serje komprensiva ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tal-Unjoni ta’ Comoros. L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess tar-riforma ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni ta’ Comoros. L-UE jenħtieġ li tappoġġa l-adeżjoni ta’ Comoros.
Billi bħalissa għaddejjin negozjati, il-Kummissjoni tistenna li l-Kunsill jieħu d-deċiżjoni tiegħu rigward il-pożizzjoni tal-UE dwar l-eżitu tan-negozjati ladarba s-sitwazzjoni rigward it-testi rilevanti tkun ċara, jew fil-bidu tal-Konferenza Ministerjali stess jew matulha.
L-inizjattiva hija kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti. Tħejjew deċiżjonijiet simili għal Konferenzi Ministerjali tad-WTO preċedenti, inkluż l-aktar waħda riċenti għall-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-2015.
Sommarju tat-termini tal-adeżjoni mad-WTO
Skeda ta’ impenji: Oġġetti u servizzi
Tariffi għall-Prodotti
L-iskeda tariffarja ta’ Comoros tikkonsisti f’6694 linja tariffarja. Comoros qiegħed jorbot 100 % tal-iskeda tiegħu. Id-dazji kollha huma ad valorem bl-eċċezzjoni ta’ erba’ linji tariffarji għar-ross. Comoros se jimplimenta r-rati konsolidati finali mid-data tal-adeżjoni.
·Oġġetti industrijali: Ir-rata kkonsolidata finali medja għall-prodotti mhux agrikoli hija ta’ 19,3 %.
·Prodotti agrikoli: Ir-rata kkonsolidata finali medja għall-prodotti agrikoli hija ta’ 23,6 % (l-ogħla livelli tariffarji huma ta’ 32 % għall-birra, l-inbid u x-xorb alkoħoliku).
Dawn il-livelli medji tat-tariffi huma ambizzjużi ħafna għal LDC, speċjalment meta wieħed iqis id-daqs żgħir u l-vulnerabbiltà tal-ekonomija ta’ Comoros.
Servizzi
L-iskeda tas-servizzi ta’ Comoros ta’ impenji speċifiċi fis-servizzi hija komprensiva u ambizzjuża ħafna meta jitqies l-istatus tiegħu ta’ LDC. Comoros se jidħol għal impenji ta’ aċċess għas-suq u trattament nazzjonali f’firxa wiesgħa ta’ setturi ta’ servizzi, inklużi servizzi professjonali, tal-kompjuter u oħrajn, servizzi ta’ komunikazzjoni, servizzi ta’ kostruzzjoni, servizzi ta’ distribuzzjoni, servizzi edukattivi, servizzi ambjentali, servizzi finanzjarji (tal-assigurazzjoni u bankarji), servizzi relatati mas-saħħa u soċjali, servizzi relatati mat-turiżmu u mal-ivvjaġġar, servizzi ta’ trasport (marittimi, servizzi tat-trasport bl-ajru u servizzi awżiljari), u servizzi tal-enerġija.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim tad-WTO, li skont l-Artikolu IV:1 tal-Ftehim tad-WTO għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti taħt kwalunkwe wieħed mill-ftehimiet kummerċjali multilaterali, inkluż id-deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali.
L-atti previsti msemmija hawn fuq jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali, peress li dawn jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni bis-saħħa tad-dritt internazzjonali.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi legali sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2023/0457 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-13-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adeżjoni tal-Unjoni ta’ Comoros mad-WTO
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) kien konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.
(2)Skont l-Artikoli IV:1 u IX:1 tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) tista’ tadotta deċiżjonijiet b’konsensus.
(3)Il-Konferenza Ministerjali tad-WTO, matul it-13-il laqgħa tagħha bejn is-26 u d-29 ta’ Frar 2024, tista’ tadotta deċiżjoni dwar l-adeżjoni ta’ Comoros mad-WTO.
(4)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO, billi d-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq l-Unjoni.
(5)In-negozjati għall-adeżjoni ta’ Comoros mad-WTO bdew fl-2007. Il-grupp ta’ Ħidma dwar l-adeżjoni tal-Unjoni ta’ Comoros ġie stabbilit fid-9 ta’ Ottubru 2007. Id-disa’ laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma saret fil-5 ta’ Ottubru 2023. In-negozjati multilaterali dwar oqsma addizzjonali relatati mal-kummerċ għadhom għaddejjin. Fl-2022, il-Kummissjoni, f’isem l-UE, iffinalizzat negozjati bilaterali dwar serje komprensiva ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq min-naħa tal-Unjoni ta’ Comoros. L-adeżjoni mad-WTO hija mistennija li tagħti kontribut pożittiv u dejjiemi għall-proċess tar-riforma ekonomika u l-iżvilupp sostenibbli fl-Unjoni ta’ Comoros. L-UE jenħtieġ li tappoġġa l-adeżjoni ta’ Comoros,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO għandha tkun:
Li tingħaqad mal-kunsens milħuq fost il-Membri tad-WTO bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni rigward l-adeżjoni ta’ Comoros mad-WTO.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President