Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0722

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk

COM/2023/722 final

Brussell, 22.11.2023

COM(2023) 722 final

2023/0408(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk, li se ssir fil-Belt tal-Panama mis-27 ta’ Novembru sat-30 ta’ Novembru 2023.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu fi Prodotti tat-Tabakk

Il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (“il-Protokoll”) huwa Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (“il-Konvenzjoni”). Il-Protokoll għandu l-għan li jelimina l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ pakkett ta’ miżuri li għandhom jittieħdu minn pajjiżi li jaġixxu f’kooperazzjoni ma’ xulxin: huwa soluzzjoni globali għal problema globali. Il-Protokoll ġie żviluppat b’reazzjoni għall-kummerċ illeċitu dejjem jikber tal-prodotti tat-tabakk, spiss bejn il-fruntieri, li jikkawża telf sostanzjali fid-dħul tal-gvern, u fl-istess ħin jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet kriminali internazzjonali. Daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2018.

L-Unjoni kif ukoll 18-il Stat Membru huma Partijiet għall-Konvenzjoni. 1

2.2.Laqgħa tal-Partijiet

Il-Laqgħa tal-Partijiet (“MOP”) hija korp stabbilit mill-Protokoll li l-kompitu tiegħu huwa li jżomm l-implimentazzjoni tal-Protokoll taħt rieżami regolari u li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Il-MOP tista’ tadotta emendi għall-Protokoll. Għal dan l-għan, il-MOP, fost l-oħrajn, tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi indirizzat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk. Il-MOP tadotta wkoll rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll.

Is-sessjonijiet regolari tal-MOP isiru kull sentejn. Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni (is- “Segretarjat”) jappoġġja l-ħidma kemm tal-Konvenzjoni kif ukoll tal-Protokoll. Huwa għandu jippreżenta lill-Partijiet l-aġenda proviżorja flimkien ma’ dokumenti oħra ta’ sostenn (li spiss ikun fihom abbozzi ta’ deċiżjonijiet) għal kull punt tal-aġenda mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-MOP. 2 Fil-MOP, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji u finanzjarji jittieħdu b’kunsens. Għad-deċiżjonijiet l-oħra kollha għandu jsir kull sforz biex jintlaħaq ftehim b’kunsens. Bħala l-aħħar alternattiva, id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet sostantivi jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw, u d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet proċedurali għandhom jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw. 3

2.3.    Atti previsti fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet

F’Novembru 2023, fit-tielet sessjoni tiegħu (“MOP3”), il-MOP huwa mistenni jiddiskuti u jadotta deċiżjonijiet fir-rigward tal-emendi possibbli għar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP u għall-proċess għall-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat.

3.POŻIZZJONIJIET LI GĦANDHOM JITTIEĦDU F’ISEM L-UNJONI

Il-MOP hija mistennija tieħu ċerti deċiżjonijiet li jikkwalifikaw bħala “deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali” skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Fir-rigward tad-diskussjoni mistennija dwar emendi possibbli tar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġja emendi biex tiġi ssimplifikata l-ħidma fil-MOP, biex jiġu organizzati sessjonijiet virtwali tal-MOP, u biex tiġi definita b’mod aktar ċar il-parteċipazzjoni tal-Bureau tal-MOP fil-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni, kif ukoll l-emenda li tipprevedi l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat, meta jkun meħtieġ. Barra minn hekk, l-Unjoni għandha tipproponi li jiżdied il-perjodu ta’ żmien għas-Segretarjat biex iqassam id-dokumenti uffiċjali tal-konferenza sa 120 jum, jew mill-inqas 90 jum għal dokumenti kritiċi, qabel il-bidu tal-MOP, minflok is-60 jum attwali. Dan se jappoġġja t-tħejjija xierqa tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni fil-futur.

Rigward il-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, l-Unjoni għandha tappoġġja t-titjib tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, 4 b’mod partikolari biex tissimplifika l-proċess għal tiġdid wieħed tal-mandat, filwaqt li tirrispetta l-kriterji oġġettivi tal-prestazzjoni. F’dan il-kuntest, l-Unjoni għandha tappoġġja wkoll it-titjib tal-kriterji għall-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni ta’ Kap tas-Segretarjat, li għandhom jinkludu wkoll l-aspetti relatati mal-Protokoll.

Jista’ jkun meħtieġ li dawn il-pożizzjonijiet jiġu aġġustati aktar matul il-koordinazzjoni fuq il-post fit-tielet sessjoni tal-MOP fid-dawl tal-pożizzjonijiet tal-Partijiet l-oħra u l-iżviluppi relatati f’dik il-MOP, kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda mill-Konferenza tal-Partijiet (“COP”) għall-Konvenzjoni li jsiru mill-20 sal-25 ta’ Novembru 2023.

4.BAŻI LEGALI

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprovdi għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett tal-“atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 5 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-MOP hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk.

Ċerti atti li t-tielet sessjoni ta’ MOP hija mistennija li tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali peress li huma vinkolanti jew kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Id-deċiżjoni prevista relatata ma’ emendi possibbli għar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP tikkostitwixxi att b’effett legali minħabba n-natura vinkolanti tar-Regoli ta’ Proċedura u l-fatt li l-MOP hija korp b’setgħat deċiżjonali skont il-Protokoll 6 . Il-modifiki tar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP jorbtu lill-Partijiet tal-Protokoll (u għalhekk ukoll l-Unjoni) b’mod ekwivalenti għall-Ftehim ewlieni.

Id-deċiżjoni prevista relatata mal-emenda tal-proċedura għall-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tikkostitwixxi wkoll deċiżjoni li għandha effetti legali. L-ewwel nett, il-funzjonijiet tal-Kap tas-Segretarjat imorru lil hinn minn sempliċi funzjonijiet amministrattivi u jinkludu influwenza fuq il-politika u l-ħidma sostantiva tal-Protokoll. B’riżultat ta’ dan, il-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tikkostitwixxi deċiżjoni li jkollha effetti legali fis-sens tal-Artikolu 218(9) TFUE. Din il-konklużjoni mbagħad testendi wkoll għad-deċiżjonijiet tal-MOP li jemendaw il-proċedura tal-ħatra għall-Kap tas-Segretarjat, li jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ natura organizzattiva li jkollhom impatt fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali (jiġifieri relatati mal-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat).

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Peress li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet li mistennija jiġu adottati fit-tielet sessjoni tal-MOP jitqiesu li għandhom effetti legali, il-bażi legali proċedurali xierqa għad-deċiżjoni proposta tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet tal-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-MOP għal dawn iż-żewġ punti tal-aġenda hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li f'termini tiegħu il-pożizzjoni għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. Jekk l-att previst ikun ta’ natura organizzattiva, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li fil-prinċipju tkun l-istess bħall-bażi legali tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-ftehim li permezz tiegħu ġie stabbilit il-korp.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettivi ewlenin u l-kontenut tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk huma relatati ma’ diversi oqsma komplementari, jiġifieri s-suq intern, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-oġġetti soġġetti għas-sisa, il-kummerċ estern u l-politika kummerċjali komuni, kif ukoll il-kooperazzjoni doganali. Minħabba li l-att previst huwa ta’ natura organizzattiva, il-bażijiet legali sostantivi tad-deċiżjoni proposta huma l-Artikoli 33, 113, 114 u 207 tat-TFUE, li huma l-istess bażijiet legali sostantivi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 tas-17 ta’ Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 33, 113, 114 u 207 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0408 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari

L-Artikoli 33, 113, 114 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (“il-Protokoll”) ġie konkluż mill-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/1749 7 u daħal fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2018.

(2)Skont l-Artikolu 33(5) tal-Protokoll, il-Laqgħa tal-Partijiet (“MOP”) tista’ tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-Protokoll.

(3)Fit-tielet sessjoni tagħha mis-27 sat-30 ta’ Novembru 2023, il-MOP hija mistennija tadotta ċerti atti li jkollhom effetti legali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fl-għaxar sessjoni tal-MOP skont l-Artikolu 218(9) TFUE.

(4)Sabiex tippermetti t-tħejjija u r-rappreżentanza xierqa tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Unjoni tipproponi emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP biex titlob lis-Segretarjat iqassam id-dokumenti uffiċjali tal-laqgħat sa 120 jum qabel kull MOP.

(5)Għall-fini tas-simplifikazzjoni tal-ħidma f’MOP u biex isiru arranġamenti għal sessjonijiet virtwali tal-MOP, kif ukoll biex tiġi prevista l-possibbiltà li jinħatar Aġent Kap tas-Segretarjat, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġja wkoll l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP proposti b’dawn l-għanijiet.

(6)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġja t-titjib tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni, b’mod partikolari biex tissimplifika tiġdid wieħed tal-mandat, filwaqt li tirrispetta l-kriterji oġġettivi tal-prestazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għandhom ikunu f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, fid-dawl tal-iżviluppi fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk u fl-għaxar sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Kontroll tat-Tabakk, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri matul il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 268, 1.10.2016, p. 1.
(2)    L-Artikolu 8 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Laqgħa tal-Partijiet (Protokoll).
(3)    L-Artikolu 50 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Laqgħa tal-Partijiet (Protokoll).
(4)    Il-proċedura ġiet stabbilita bid-deċiżjonijiet FCTC/COP8 (8) u FCTC/MOP1 (12).
(5)    Is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Każ C-399/12, il-Ġermanja vs il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(6)    Ara t-Taqsima 2.2 hawn fuq.
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1749 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 268, 1.10.2016, p. 1.
Top

Brussell, 22.11.2023

COM(2023) 722 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni Ewropea fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll biex jiġi Eliminat ial-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk


ANNESS

Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-punti 7.6 tal-aġenda “emendi possibbli għar-regoli ta’ proċedura” u 7.7 “ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni”, li għandhom jiġu diskussi fit-tielet sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet (“MOP”) għall-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk (“il-Protokoll”), fil-Panama mis-27 sat-30 ta’ Novembru 2023.

I. Emendi possibbli għar-regoli ta’ proċedura tal-Laqgħa tal-Partijiet (dokument FCTC/MOP/3/13)

L-Unjoni għandha:

1.Tappoġġja l-emendi proposti biex il-ħidma tal-MOP tiġi ssimplifikata u razzjonalizzata, bħall-aċċettazzjoni tal-approvazzjoni tar-rekords verbatim wara l-għeluq tas-sessjoni (l-Artikolu 60 tar-Regoli ta’ Proċedura) jew l-introduzzjoni tal-possibbiltà ġenerali ta’ webcasting dirett tal-punti tal-aġenda tas-sessjonijiet tal-MOP, soġġett għal approvazzjoni mill-MOP fil-bidu ta’ kull sessjoni (Artikolu 15, ġdid b).

2. Taqbel li tiċċara, mingħajr ma temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-MOP, li r-rekords verbatim tal-laqgħat plenarji huma mifhuma li jinkludu files awdjo (Artikolu 60).

3. Tappoġġja l-emenda relatata mal-arranġament għal sessjonijiet virtwali tal-MOP (Artikolu 15, ġdid c); madankollu, jenħtieġ li s-sessjonijiet virtwali ma jkunux strettament limitati għal ċirkostanzi eċċezzjonali, u b’hekk titqies ukoll il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-kostijiet ambjentali tas-sessjonijiet fil-preżenza kull meta jkun possibbli.

4.Tappoġġja l-emenda biex tiġi definita b’mod aktar ċar il-parteċipazzjoni tal-membri tal-Bureau tal-MOP fil-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, kif ukoll l-emenda li tipprevedi l-possibbiltà li jinħatar aġent Kap tas-Segretarjat, meta jkun meħtieġ (l-Artikolu 24 ter).

5. Tappoġġja l-emenda relatata mal-preżenza ta’ midja akkreditata f’sessjonijiet pubbliċi (Artikolu 2, paragrafu 13), peress li din l-emenda twassal għal konsistenza aħjar bejn l-Artikoli 2 u 32.

6. Tappoġġja l-korrezzjoni tal-inkonsistenzi, inkluż it-tħassir tal-kelma “riżoluzzjoni” (l-Artikolu 60) u l-allinjament tad-dispożizzjonijiet dwar “organizzazzjonijiet ekonomiċi reġjonali” (l-Artikoli 2 u 29).

7. Tipproponi emenda għall-Artikolu 8 li attwalment jobbliga lis-Segretarjat iqassam l-aġenda proviżorja, flimkien ma’ dokumenti oħra tal-konferenzi, lill-Partijiet mill-inqas sittin jum qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż sa 120 jum qabel il-ftuħ tas-sessjoni sabiex l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika u l-pajjiżi federali jkunu jistgħu jħejju u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet tagħhom b’mod xieraq. Mill-inqas għandu jiġi żgurat perjodu ta’ 90 jum għal dokumenti tal-konferenzi għal deċiżjonijiet MOP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.

[pożizzjoni ta’ riżerva: L-Unjoni Ewropea tista’ taqbel ma’ kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ distribuzzjoni lil hinn minn 60 jum attwali qabel il-ftuħ tas-sessjoni, u mill-inqas għal dokumenti tal-konferenza għal deċiżjonijiet MOP li huma legalment vinkolanti fuq il-Partijiet jew li għandhom implikazzjonijiet politiċi jew legali importanti.]

II. Ħatra tal-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni: rapport tal-Bureau (dokument FCTC/MOP/3/14)

L-Unjoni għandha:

(1)Tirringrazzja lill-Bureau għar-rapport, li fih rakkomandazzjonijiet konġunti tal-Bureau tal-COP u tal-Bureau tal-MOP biex jittejjeb il-proċess tal-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat u l-kriterji għall-għażla tal-kandidati għall-kariga ta’ Kap tas-Segretarjat.

(2)Tappoġġja t-titjib propost tal-proċess għall-għażla u l-ħatra tal-Kap tas-Segretarjat, stabbilit bid-deċiżjonijiet FCTC/COP8 (8) u FCTC/MOP1 (12), inklużi modifiki biex jiġi ssimplifikat tiġdid wieħed tal-mandat tal-Kap tas-Segretarjat għal erba’ snin oħra, dment li l-prestazzjoni tiegħu/tagħha tiġi evalwata minn qabel u vvalutata b’mod pożittiv.

(3)Tappoġġja l-kriterji mtejba għall-għażla tal-kandidati għall-pożizzjoni tal-Kap tas-Segretarjat; madankollu, jenħtieġ li l-Unjoni titlob li aspetti relatati mal-Protokoll tal-FCTC jiżdiedu mal-kriterji tal-għażla. B’mod partikolari, il-kriterji dokumentarji 1 għandhom jinkludu sfond b’saħħtu, għarfien u esperjenza sostantiva fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, u l-kriterji dokumentarji 2 għandhom jinkludu esperjenza fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u rabtiet b’saħħithom mal-komunità internazzjonali kontra l-frodi.

* * *

Top